European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3572

9.7.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/3572)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Cereza del Jerte”

Nru tal-UE: PDO-ES-0233-AM01 — 14.4.2025

1.   Isem il-prodott

“Cereza del Jerte”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☒

Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP)

☐

Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP)

☐

Indikazzjoni ġeografika (IĠ)

3.   Settur

☒

prodotti agrikoli

☐

inbejjed

☐

xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Consejería de Agricultura, Desarrollo Rural, Población y Territorio de la Junta de Extremadura [Il-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali, il-Popolazzjoni u t-Territorju tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura], Dirección General de Agricultura y Ganadería [id-Direttorat Ġenerali għall-Biedja u t-Trobbija tal-Bhejjem]

6.   Kwalifika bħala emenda standard kif definita fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143

L-applikazzjoni għal emenda tista’ tiġi kklassifikata bħala standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

1.   Inklużjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ ċirasa

Żdiedu tliet varjetajiet ġodda ta’ ċirasa mhux indiġena (“Burlat”, “Lapins” u “Van”) fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott minħabba t-tibdil fil-klima fil-Valle del Jerte matul l-aħħar ftit deċennji u minħabba li l-produtturi ta’ din id-DOP jeħtiġilhom itawlu l-istaġun. Din il-bidla taffettwa t-Taqsimiet B, E u F tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-Taqsima 3.2 tad-dokument uniku.

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

2.   Emenda relatata mal-logo tal-Bord Regolatorju

Il-logos użati biex jiddistingwu l-prodott protett ġew sostitwiti. Dan jaffettwa biss it-Taqsima H tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-Taqsima 3.7 tad-dokument uniku.

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

3.   Emenda relatata mal-korp ta’ spezzjoni

Xi dettalji speċifiċi ġew aġġornati fit-Taqsima G (Korp ta’ spezzjoni).

Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

“Cereza del Jerte”

Nru tal-UE: PDO-ES-0233-AM01 — 14.4.2025

DOP IĠP

1.   Isem/Ismijiet

“Cereza del Jerte”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

—

08 — FROTT U ĠEWŻ TAJBIN GĦALL-IKEL; QOXRA TAL-FROTT TAĊ-ĊITRU JEW TAL-BETTIEĦ

0809 — Berquq, ċirasa, ħawħ (inkluż in-nuċiprisk), għanbaqar u pruna selvaġġa, friski

0809 29 — Oħrajn

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt (1)

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Cereza del Jerte” tapplika esklużivament għaċ-ċiras tal-mejda, li għandu jittiekel frisk, tal-varjetajiet lokali tal-ispeċi Prunus avium L. li ġejjin: “Navalinda”, “Ambrunés”, “Pico Limón Negro”, “Pico Negro” u “Pico Colorado”; kif ukoll għall-varjetajiet mhux indiġeni “Van”, “Lapins” u “Burlat”.

Il-varjetajiet ta’ ċiras protetti mid-denominazzjoni ta’ orġini protetta huma tat-tipi li ġejjin:

—

iċ-ċiras Bigarreau (“Picotas”): il-varjetajiet “Ambrunés”, “Pico Negro”, “Pico Colorado” u “Pico Limón Negro”. Porzjon mill-produzzjoni jappartjeni għall-grupp ta’ varjetajiet taċ-ċirasa bigarreau; dawn huma ċiras li d-differenza bażika tagħhom hija li jisseparaw b’mod naturali miz-zokk meta jinqatgħu.

—

Iċ-ċiras biz-zokk: “Navalinda”, “Van”, “Lapins” u “Burlat”.

Dan il-frott huwa kkaratterizzat minn lewn ħamrani, biċ-ċiras li jkun fil-biċċa l-kbira aħmar lewn l-inbid jew vjola. Il-laħam tagħhom, li huwa sod u jqarmeċ, ivarja minn aħmar għal safrani jew lewn il-krema, skont il-varjetà, u l-meraq tiegħu minn aħmar għal ebda kulur. Il-frott jista’ jkollu forma ta’ kilwa, jew ta’ għamla ċatta, tonda jew tawwalija. L-għadma tiegħu tista’ tkun żgħira sa kbira jew kbira ħafna, u tkun ta’ forma tonda jew tawwalija, skont il-varjetà.

It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor ir-rekwiżiti ewlenin fir-rigward tal-kontenut ta’ zokkor (imkejjel fi gradi Brix), l-għamla, id-daqs minimu, u l-pH.

VARJETÀ

Kontenut ta’ zokkor (imkejjel f’Bx)

Għamla

Daqs minimu

pH

Minimu

Massimu

Medju

Minimu

Massimu

Medju

Navalinda

12

21,60

14

Ċatta

21  mm

3,80

4,70

4,25

Ambrunés

14

25,80

20

Ċatta

21  mm

3,65

4,85

4,25

Pico

Colorado

13,90

26,40

21

Tawwalija

21  mm

3,80

4,70

4,25

Pico

Negro

11,80

25,60

19

Tawwalija

21  mm

3,80

4,90

4,35

Pico Limón Negro

15,40

26,80

20

Tawwalija

21  mm

3,80

4,70

4,25

Van

19,33

21,50

20,42

Forma ta’ kilwa

21  mm

3,68

4,05

3,86

Lapins

17,27

18,23

17,75

Ċatta

21  mm

3,67

4,35

4,01

Burlat

13,73

17,20

15,47

Ċatta

21  mm

3,83

4,05

3,94

Iċ-ċiras protett bid-DOP “Cereza del Jerte” se jkun jaqa’ fil-kategorija “Extra” biss, kif definit fl-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni għaċ-ċiras adottat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2004 (2).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-prodott jitkabbar fiż-żona definita.

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

L-istadji kollha tal-produzzjoni jridu jseħħu fiż-żona ġeografika definita: it-tħawwil u l-kultivazzjoni, li fil-biċċa l-kbira jsiru f’azjendi żgħar imtarrġa b’xaqlibiet wieqfa li fuqhom huwa diffiċli li jintużaw il-magni, ix-xogħol tal-għelieqi (il-ħart, l-iffertilizzar u ż-żbir) u l-ħsad bl-idejn.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-imballaġġ u t-tħejjija għall-bejgħ iridu jiżguraw li l-prodott ikun protett għalkollox. Il-materjal tal-imballaġġ irid jintgħażel bir-reqqa sabiex jiġi evitat kwalunkwe deterjorament tal-prodott. Il-kontenut ta’ kull pakkett irid ikun uniformi fir-rigward tal-oriġini, il-varjetà, il-kwalità u d-daqs tiegħu u l-parti viżibbli trid tkun rappreżentattiva tal-kontenut.

Iċ-ċiras protett mid-DOP “Cereza del Jerte” irid jiġi mballat fiż-żona ġeografika definita. Dan huwa meqjus meħtieġ biex titħares il-kwalità u jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-kontroll matul il-proċess kollu taċ-ċertifikazzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jrid jintwera b’mod prominenti fuq l-imballaġġ, kif ukoll il-marki proprjetarji u l-informazzjoni ġeneralment meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Il-Bord Regolatorju għandu żewġ verżjonijiet tal-logo. Dawn jintużaw kif deskritt hawn taħt:

il-logo “Cereza del Jerte”. Dan il-logo, muri hawn taħt, jista’ jintuża kemm għaċ-ċiras biz-zokk kif ukoll għaċ-ċiras bigarreau:

Image 1

il-logo “Picota del Jerte”. Dan il-logo, muri hawn taħt, jista’ jintuża biss għall-varjetajiet taċ-ċiras bigarreau, biex il-konsumaturi ma jitfixklux:

Image 2

L-imballaġġ li jitqiegħed fih iċ-ċiras meta jiġi introdott fis-suq irid ikollu t-tikketta sekondarja nnumerata jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni maħruġ mill-Bord Regolatorju.

4.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tinsab fid-distretti tat-Tramuntana tal-Provinċja ta’ Cáceres. Din iż-żona tikkonsisti fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, miġbura skont id-distrett:

—

ID-DISTRETT TAL-VALLE DEL JERTE: Barrado, Cabezuela del Valle, Cabrero, Casas del Castañar, El Torno, Jerte, Navaconcejo, Piornal, Rebollar, Tornavacas u Valdastillas.

—

ID-DISTRETT TA’ LA VERA: Aldeanueva de la Vera, Arroyomolinos de la Vera, Cuacos de Yuste, Garganta la Olla, Gargüera, Guijo de Santa Bárbara, Jaraíz de la Vera, Pasarón de la Vera u Torremenga.

—

ID-DISTRETT TA’ EL AMBROZ: Cabezabellosa, Casas del Monte, Gargantilla, Hervás, Jarilla u Segura de Toro.

Ir-rabta qawwija bejn il-kwalità, il-fatt li l-azjendi jinsabu fil-muntanji u t-tip ta’ produzzjoni tfisser li l-artijiet u l-azjendi li ġejjin ma jinsabux fiż-żona tal-biedja muntanjuża huma esklużi miż-żona ġeografika definita:

—

azjendi agrikoli fid-distrett ta’ La Vera li huma inqas minn 500 m ’il fuq mil-livell tal-baħar,

—

azjendi agrikoli fid-distrett tal-Valle del Ambroz li huma inqas minn 600 m ’il fuq mil-livell tal-baħar.

Il-prodott huwa ppakkjat u mħejji għas-suq fiż-żona tal-produzzjoni.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Rabta storika

L-isem “Jerte” jew “Valle del Jerte” huwa marbut mill-qrib maċ-ċiras, b’għadd kbir ta’ konsumaturi fi Spanja li kważi awtomatikament jassoċjaw il-post maċ-ċiras bħala prodott, jew viċi versa. Għaldaqstant, din iż-żona hija magħrufa sew għall-eċċellenza taċ-ċiras tagħha u b’mod partikolari tal-“Picotas” (ċiras bigarreau).

Jingħad li s-siġra taċ-ċiras ġiet introdotta fir-reġjun mill-Għarab u li, wara r-Rikonkwista, l-abitanti tal-insedjamenti l-ġodda sabu li kienet adattatata ħafna għall-art. Madankollu, ma hemm l-ebda provi ċerti tal-eżistenza tagħha minn qabel is-seklu 14.

Fit-2 ta’ Ġunju 1352, grupp ta’ emissarji tar-re waqaf għal-lejl f’raħal minnhom f’dan ir-reġjun. Hemmhekk, il-kavallieri kielu t-troti u ċ-ċiras, li juri li dak iż-żmien iċ-ċiras kien diġà jitqies bħala prodott partikolari ta’ kwalità suffiċjenti biex jiġi offrut lil vjaġġaturi daqshekk distinti.

Matul is-sekli ta’ wara, it-tkabbir taċ-ċiras baqa’ għaddej u rnexxa b’suċċess. Fis-seklu 16, it-tabib famuż Spanjol Luis de Toro irrefera għaċ-ċiras tal-Jerte u rrimarka d-daqs, il-lewn u t-togħma tiegħu.

Kien fis-seklu 18, meta s-siġar tal-qastan inqerdu mill-marda tal-linka sewda, li ċ-ċiras beda jsir alternattiva ekonomika reali. Fi tmiem dak is-seklu u tul is-seklu 19, l-imsaġar taċ-ċiras infirxu fil-Valle de Jerte u fiż-żewġ widien ġirien tiegħu.

Fil-bidu tas-seklu 19, il-kittieba diġà kienu qed isostnu li l-aqwa ħaġa li hemm f’dan ir-reġjun “… hija ċ-ċiras tiegħu li, kif xieraq, huwa apprezzat ferm fil-Palazz tar-Re …”. Matul dak is-seklu, is-siġar taċ-ċiras komplew jinfirxu fl-irħula kollha, hekk li, fil-bidu tas-seklu 20, dan ir-reġjun kien magħruf sew għaċ-“ċiras delizzjuż tiegħu”.

Rabta naturali

Għadd kbir ta’ varjetajiet tradizzjonalment jitkabbru fil-Valle del Jerte, xi wħud tradizzjonali u indiġeni u oħrajn mhux indiġeni.

L-erba’ varjetajiet taċ-ċirasa bigarreau u l-varjetà “Navalinda” huma indiġeni, u ġejjin jew mill-Valle del Jerte jew mill-widien ġirien tal-Ambroz u La Vera. Dawn il-varjetajiet jitkabbru kważi esklużivament f’dan ir-reġjun, peress li t-tentattivi biex jiġu introdotti f’postijiet oħra sa issa ftit li xejn irnexxew.

Diversi awturi jiddikjaraw li l-preżenza ta’ varjetajiet taċ-ċiras mingħajr zokk fil-Valle del Jerte hija r-riżultat ta’ proċess twil ta’ akklimatizzazzjoni u ta’ għażla semi-indotta minn stokkijiet differenti tal-ispeċi Prunus avium L., li hija speċi indiġena għall-foresti li ilha tikber f’dawn il-widien muntanjużi minn żmien il-qedem.

Flimkien mat-titjib u l-għażla klonali mwettqa mill-abitanti tal-Jerte, il-fatturi ambjentali bħall-umdità għolja (anke fis-sajf), iż-żiffiet fil-wied, l-orjentazzjoni, il-medja annwali ta’ xemx, l-altitudni, il-mikroklima u l-aċidità tal-ħamrija fih, għamlu l-bqija.

Il-varjetajiet “Burlat” u “Van” ġew introdotti fil-Valle del Jerte fis-snin 60, filwaqt li l-varjetà “Lapins” ġiet introdotta fis-snin 80. Riċerka reċenti wriet li l-frott prodott minn varjetajiet mhux indiġeni mkabbra fil-Valle del Jerte, speċifikament il-varjetà “Lapins”, għandu karatteristiċi kemm organolettiċi kif ukoll bijoattivi li jiddistingwuh minn frott tal-istess varjetà prodott minn siġar taċ-ċiras li jinsabu f’żoni tal-produzzjoni fi bnadi oħra fi Spanja.

L-istruttura tal-proprjetajiet u l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mit-topografija diffiċli jiffurmaw pajsaġġ ta’ għelieqi mtarrġa żgħar, u xi drabi żgħar ħafna, mirfuda b’ħitan tal-ġebel, li jrid jinħadem fil-parti l-kbira tiegħu bl-idejn u mhux bil-magni.

Il-bdiewa fil-Valle del Jerte żviluppaw ħiliet tradizzjonali u għarfien espert tekniku speċifiku sabiex ikabbru ċ-ċiras bl-idejn. L-attenzjoni individwali impenjattiva li jirċievu żżid il-valur taċ-ċiras, li jiġi kkultivat u maħsud b’dedikazzjoni u kura kbira.

Għalhekk, il-karatteristiċi tal-prodott huma ddeterminati mill-użu ta’ pjanti speċifiċi, li huma adattati u akklimatizzati għall-kundizzjonijiet ambjentali tipiċi tal-baċir tal-Jerte u tal-widien ġirien tiegħu, iżda wkoll mill-karatteristiċi speċjali ta’ sistema tal-produzzjoni li torbot it-tkabbir taċ-ċiras ma’ tradizzjonijiet tal-biedja bbażati fuq azjendi agrikoli żgħar u l-organizzazzjoni tax-xogħol fil-familja. L-irziezet, li ġeneralment jinsabu fuq irqajja’ art imtarrġa fuq il-ġnub ta’ għoljiet weqfin fejn l-użu tal-magni huwa diffiċli, jippermettu l-bilanċ bejn ir-rendimenti baxxi miksuba u kwalità għolja.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Id-denominazzjoni ta’ orġini protetta “Cereza del Jerte” tapplika esklużivament għaċ-ċiras tal-mejda, li jittiekel frisk, tal-varjetajiet tal-ispeċi Prunus avium L. li ġejjin: “Navalinda”, “Ambrunés”, “Pico Limón Negro”, “Pico Negro”, “Pico Colorado”, “Burlat”, “Van” u “Lapins”.

Il-frott huwa ta’ lewn ħamrani fuq barra, b’intensità li tvarja skont il-varjetà. Iċ-ċiras huwa fil-biċċa l-kbira aħmar lewn l-inbid jew vjola minħabba l-preponderanza ta’ ċiras “bigarreau” fil-ħsad lokali, u b’mod partikolari tal-varjetà “Ambrunés” (“ir-reġina taċ-ċiras”).

Id-differenza bażika taċ-ċiras “bigarreau” hija li dawn jisseparaw b’mod naturali minn maz-zokk meta jinqatgħu, mingħajr ma tonqos il-kwalità tagħhom, isiru inqas reżistenti għat-trattament jew tonqos il-ħajja tagħhom fuq l-ixkaffa. Il-varjetajiet taċ-ċiras li ġejjin jappartjenu għal dan il-grupp: “Ambrunés”, “Pico Negro”, “Pico Limón Negro” u “Pico Colorado”.

Il-frott jista’ jkollu għamla ta’ kilwa, jew ikun ċatt, tond jew tawwali.

Il-laħam huwa iebes u sod u lewnu jvarja minn aħmar għal safrani jew lewn il-krema, skont il-varjetà, u l-meraq tiegħu jvarja minn aħmar għal mingħajr kulur. Il-kulur tal-laħam u tal-meraq ikun ġeneralment stabbli, b’mod partikolari dak tal-meraq.

L-għadma hija waħda mill-karatteristiċi l-aktar stabbli taċ-ċiras, b’daqs li jvarja minn żgħir (“Van”) għal kbir (“Navalinda” u “Ambrunés”), filwaqt li l-għamla hija tonda (“Ambrunés” u “Van”), intermedja (“Pico Colorado”, “Burlat” u “Lapins”) jew tawwalija (“Pico Limón Negro”).

Il-proporzjon bejn l-għadma u l-frotta jvarja minn medju (“Pico Colorado”, “Burlat”, u “Lapins”) għal kbir u kbir ħafna (“Pico Limón Negro”, “Navalinda”, “Ambrunés” u “Van”).

Iz-zokk ivarja ferm fit-tul u fil-ħxuna tiegħu:

—

tul: qasir (“Van”, “Lapins” u “Burlat”), medju (“Ambrunés” u “Navalinda”) u twil (“Pico Negro” u “Pico Colorado”).

—

ħxuna: fin (“Pico Negro” u “Pico Colorado”), medju (“Ambrunés”, “Navalinda”, “Burlat” u “Lapins”) u oħxon (“Van”).

Fir-rigward tal-karatteristiċi organolettiċi, il-kontenut medju ta’ zokkor huwa ogħla mill-kontenut tas-soltu, b’indiċi rifrattiv li, meta l-frotta tkun saret l-iktar, ivarja minn 12 g sa 24 g għal kull 100 g ta’ piż tal-frott frisk, skont il-varjetà.

Iċ-ċiras protett mid-DOP “Cereza del Jerte” jaqa’ fil-kategorija “Extra” biss, kif definit fl-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni għaċ-ċiras approvat bir-Regolament (KE) Nru 214/2004.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-varjetajiet “Navalinda”, “Ambrunés”, “Pico Limón Negro”, “Pico Negro” u “Pico Colorado” huma virtwalment esklużivi għal dan ir-reġjun, billi t-tentattivi biex jiġu introdotti f’postijiet oħra sa issa ftit li xejn irnexxew, minħabba li dawn ma jiffjorixxux meta ma jkollhomx il-kundizzjonijiet tal-ħamrija, l-altitudni, is-sigħat ta’ xemx, l-umdità u r-reġim tar-riħ xierqa.

Il-preżenza tal-varjetajiet ta’ ċiras mingħajr zokk fil-Jerte hija r-riżultat ta’ proċess twil ta’ akklimatizzazzjoni u ta’ għażla semiindotta mill-Prunus avium L., speċi indiġena għall-foresti li ilha tikber f’dawn il-widien muntanjużi minn żmien il-qedem.

Il-varjetajiet mhux indiġeni ġew introdotti fis-snin 60 permezz ta’ diversi programmi ta’ titjib, li saru adattati bis-sħiħ bħala riżultat tal-kundizzjonijiet pedoklimatiċi uniċi tal-Valle del Jerte u l-għarfien tradizzjonali tal-produtturi taż-żona.

Flimkien mat-titjib u l-għażla klonali mwettqa mill-abitanti tal-Jerte, il-fatturi ambjentali li jippromwovu l-adattament ta’ dawk il-varjetajiet għandhom għalhekk jissemmew ukoll, bħal:

—

l-umdità għolja, anke fix-xhur tas-sajf,

—

iż-żiffiet fil-wied, l-orjentazzjoni tiegħu, il-medja annwali ta’ dawl tax-xemx, l-altitudni, il-mikroklima u l-aċidità b’saħħitha tal-ħamrija, li jikkompletaw l-istampa,

—

l-orografija: l-għalla titkabbar fil-qiegħ tat-tliet widien sa altitudnijiet ta’ aktar minn 1 200 m. L-art li tinsab bejn 600 m u 1 200 m hija l-aktar adattata għat-tkabbir tal-varjetajiet bigarreau, li flimkien mal-varjetajiet l-oħra li jitkabbru, jżommu s-sajran matul perjodu li jibda mill-aħħar ta’ April sal-bidu ta’ Awwissu,

—

il-ħamrija ta’ din iż-żona għandha t-tendenza li jkollha tiswira mhux kompatta u ħarxa, u ġeneralment ta’ trab ġulġlieni ramli. Ġeneralment, l-ilma jiskula tajjeb ’il barra minnha. Il-ħamrija dejjem tkun aċiduża, minħabba l-materjal li toriġina minnu, u normalment ikollha pH ta’ bejn 5 u 5,5. Dawn il-karatteristiċi ġenerali tal-ħamrija huma ideali għat-tkabbir tas-salvaġġ ewlieni (l-ispeċi Prunus avium jew iċ-ċirasa salvaġġa) u għat-tkabbir tal-varjetajiet lokali taċ-ċiras,

—

il-klima: il-karatteristiċi tat-tliet widien inklużi fiż-żona ġeografika definita huma riżultat tal-fatt li huma dojoq u fondi, l-orjentazzjoni tagħhom u l-ftuħ tagħhom lejn in-Nofsinhar. Il-varjazzjonijiet fl-altitudni u t-terren frammentat joħolqu distribuzzjoni irregolari ta’ dawl tax-xemx u differenzi fit-temperatura bejn il-qċaċet u l-qigħan alluvjali tal-widien, u dawn id-differenzi fit-temperatura xi drabi jkunu estremi. Dawn id-differenzi klimatiċi joħolqu differenzi fit-tul tal-istaġun tat-tkabbir u fil-perjodi tal-fjoritura/tas-sajran, li, kif iddikjarat qabel, huma mifruxa maż-żmien, li jwassal għal differenzi sinifikanti ħafna fid-dati tal-ħsad. Ċiras tal-istess varjetà jistgħu jsiru f’intervalli ta’ aktar minn 40 jum.

Fir-rigward tal-umdità, il-valuri ta’ kull xahar u ta’ kull sena u d-distribuzzjoni tax-xita juru li ż-żona għandha klima Mediterranja umda b’perjodu tas-sajf qasir u niexef sinifikanti li jirriżulta mill-iskarsezza tax-xita fix-xhur sħan ta’ Lulju u Awwissu, li fihom prattikament ma tagħmilx xita.

Minkejja li t-temperatura medja annwali turi li l-klima f’din iż-żona hija ġeneralment waħda sħuna, it-temperaturi jvarjaw ħafna minn staġun għall-ieħor. Din il-firxa ta’ temperaturi rreġistrati hija prova ta’ klima ħarxa.

Bħala konklużjoni, il-karatteristiċi orografiċi, pedoklimatiċi u idriċi speċifiċi kollha taż-żona deskritti hawn fuq huma essenzjali għall-produzzjoni ta’ prodott daqstant esklużiv u awtentiku bħalma huwa s-“Cereza del Jerte”. Li kieku wieħed minn dawn il-fatturi kellu jieqaf jeżisti, ikun impossibbli li jinkiseb dan il-prodott.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

https://www.juntaex.es/documents/77055/621148/Pliego+DOP+Cereza+del+Jerte_consolidado+200924.pdf


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).

(2)   ĠU L 36, 7.2.2004, p. 6.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3572/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)