|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1699 |
26.6.2024 |
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru
L-UNJONI EWROPEA,
minn naħa waħda, u
R-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAL-BANGLADESH,
min-naħa l-oħra,
(minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”),
FILWAQT LI JINNUTAW li ġew konklużi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea,
FILWAQT LI JINNUTAW li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ diversi aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi,
FILWAQT LI JINNUTAW li, skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mingħajr diskriminazzjoni għar-rotot tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jagħtu l-possibbiltà liċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi terzi jiksbu d-dritt ta’ sjieda fi trasportaturi tal-ajru mogħtija liċenzja skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea,
FILWAQT LI JAGĦRFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea jridu jinġiebu f’konformità magħha sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh u tiġi ppreżervata l-kontinwità ta’ servizzi tal-ajru bħal dawn,
FILWAQT LI JINNUTAW li, skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, it-trasportaturi tal-ajru fil-prinċipju ma jistgħux jikkonkludu ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jkollhom l-għan jew l-effett li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni,
FILWAQT LI JAGĦRFU li d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh (i) li jirrikjedu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn intrapriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi jew prattiki miftiehma li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru fuq ir-rotot rilevanti; jew (ii) li jsaħħu l-effetti ta’ kwalunkwe tali ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma; jew (iii) li jiddelegaw lit-trasportaturi tal-ajru jew lil operaturi ekonomiċi privati oħrajn ir-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru fuq ir-rotot rilevanti, jistgħu jrendu mhux effettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-intrapriżi,
FILWAQT LI JINNUTAW li mhuwiex għan tal-Unjoni Ewropea, bħala parti minn dan il-Ftehim, li jiżdied il-volum totali ta’ traffiku tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh, li jiġi affettwat il-bilanċ bejn trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u trasportaturi tal-ajru tar-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh jew li jiġu nnegozjati emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tat-traffiku,
FILWAQT LI JINNUTAW li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabet li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn diversi Stati Membri u l-pajjiżi terzi mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni Ewropea,
FILWAQT LI JAGĦRFU li l-konsistenza bejn il-liġi tal-Unjoni Ewropea u d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh se tipprovdi mezz vijabbli biex jiġu żgurati l-kontinwità tas-servizzi bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bangladesh u l-iżvilupp tagħhom,
FILWAQT LI JINNUTAW li d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh li ma jmorrux kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx għalfejn jintlaqtu minn dan il-Ftehim,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-frażi “Stati Membri” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-frażi “Trattati tal-UE” tfisser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
2. Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għaċ-ċittadini tal-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim għandhom jinftehmu bħala referenzi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
3. Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għat-trasportaturi tal-ajru jew għal-linji tal-ajru tal-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim għandhom jinftehmu bħala referenzi għat-trasportaturi tal-ajru jew għal-linji tal-ajru nnominati minn dak l-Istat Membru.
Artikolu 2
Nomina minn Stat Membru
1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għalihom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f’dak li għandu x’jaqsam man-nomina ta’ trasportatur tal-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, mal-awtorizzazzjonijiet u l-permessi tiegħu mogħtija mir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh u mar-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi tat-trasportatur tal-ajru rispettivament.
2. Malli tirċievi nomina mingħand Stat Membru, ir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh għandha tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi x-xierqa bl-inqas dewmien proċedurali, sakemm:
|
i. |
it-trasportatur tal-ajru jkun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jinnominah skont it-Trattati tal-UE u jkollu liċenzja valida tal-operat skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea; u |
|
ii. |
l-Istat Membru li huwa responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru tiegħu jeżerċita u jżomm kontroll regolatorju effettiv fuqu u l-awtorità ajrunawtika rilevanti tkun identifikata b’mod ċar fin-nomina; u |
|
iii. |
it-trasportatur tal-ajru jkun, direttament jew b’maġġoranza ta’ ishma, proprjetà ta’, u jkun ikkontrollat b’mod effettiv mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tagħhom u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta’ dawn l-istati l-oħra. |
3. Ir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh tista’ tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ trasportatur tal-ajru nnominat minn Stat Membru f’każ li:
|
i. |
it-trasportatur tal-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jinnominah skont it-Trattati tal-UE jew ma jkollux liċenzja valida tal-operat skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea; jew |
|
ii. |
l-Istat Membru li huwa responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru tiegħu ma jkunx jeżerċita jew iżomm kontroll regolatorju effettiv fuqu jew l-awtorità ajrunawtika rilevanti ma tkunx identifikata b’mod ċar fin-nomina; jew |
|
iii. |
it-trasportatur tal-ajru ma jkunx, direttament jew b’maġġoranza ta’ ishma, proprjetà ta’, jew ikkontrollat b’mod effettiv mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tagħhom u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta’ dawn l-istati l-oħra; jew |
|
iv. |
it-trasportatur tal-ajru jkun diġà awtorizzat jopera fl-ambitu ta’ ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh u xi Stat Membru ieħor u, billi jeżerċita d-drittijiet tat-traffiku fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor, ikun qed jevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-ftehim l-ieħor; jew |
|
v. |
it-trasportatur tal-ajru jkollu Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru maħruġ minn Stat Membru li miegħu r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh ma għandhiex ftehim bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru, u dak l-Istat Membru jkun ċaħad id-drittijiet tat-traffiku lil trasportatur innominat mir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh. |
Hija u teżerċita d-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, ir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh ma għandhiex tiddiskrimina bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea abbażi tan-nazzjonalità.
Artikolu 3
Sikurezza
1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għalihom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(c).
2. F’każ li Stat Membru jkun innomina trasportatur tal-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu jkun eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh skont id-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza mogħtija fil-ftehim bejn l-Istat Membru li jkun innomina t-trasportatur tal-ajru u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh għandhom japplikaw bl-istess mod fir-rigward tal-adozzjoni, l-eżerċizzju jew iż-żamma tal-istandards tas-sikurezza minn dak l-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-operat ta’ dak it-trasportatur tal-ajru.
Artikolu 4
It-tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni
1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għalihom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(d).
2. Minkejja kull dispożizzjoni oħra li tgħid mod ieħor, xejn f’kull ftehim elenkat fl-Anness 2(d) ma għandu jżomm lil Stat Membru milli jimponi, fuq bażi mhux diskriminatorja, taxxi, imposti, dazji, miżati jew ħlasijiet fuq il-fjuwil fornut fit-territorju tiegħu biex jintuża f’inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru nnominat mir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh li jopera bejn punt fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u punt ieħor fit-territorju tiegħu jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
Artikolu 5
Il-kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni
1. Minkejja kull dispożizzjoni oħra li tkun tgħid mod ieħor, fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 xejn ma għandu (i) jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn intrapriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi jew prattiki miftiehma li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni; (ii) isaħħaħ l-effetti ta’ kwalunkwe tali ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma; jew (iii) jiddelega lil operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.
2. Id-dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 li mhumiex kompatibbli mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu applikati.
Artikolu 6
L-Annessi ta’ dan il-Ftehim
L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.
Artikolu 7
Reviżjoni jew emenda
Il-Partijiet jistgħu jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim f’kull ħin bi qbil reċiproku.
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni provviżorja
1. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom li huma meħtieġa biex jidħol fis-seħħ ikunu tlestew.
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew.
3. Il-ftehimiet u l-arranġamenti l-oħra bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh li, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, ikunu għadhom ma daħlux fis-seħħ u li ma jkunux qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Dan il-Ftehim japplika għal tali ftehimiet u arranġamenti kollha mad-dħul fis-seħħ jew mal-applikazzjoni provviżorja tagħhom.
Artikolu 9
Terminazzjoni
1. F’każ li jiġi terminat ftehim elenkat fl-Anness 1, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim li għandhom x’jaqsmu mal-ftehim ikkonċernat elenkat fl-Anness 1 jintemmu fl-istess ħin.
2. F’każ li jiġu terminati l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1, dan il-Ftehim jintemm fl-istess ħin.
B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul f’żewġ eżemplari bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż u bil-Bengali.
ANNESS 1
Lista ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim
|
(a) |
Ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh u Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati b’mod provviżorju
|
|
(b) |
Ftehimiet u arranġamenti oħra dwar is-servizzi tal-ajru inizjalati jew iffirmati bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh u Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhumiex qed jiġu applikati b’mod provviżorju
|
ANNESS 2
Lista tal-artikoli inklużi fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ dan il-Ftehim
|
(a) |
In-nomina minn Stat Membru:
|
|
(b) |
Ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi:
|
|
(c) |
Is-sikurezza:
|
|
(d) |
It-tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni:
|
ANNESS 3
Lista ta’ Stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim
|
(a) |
Ir-Repubblika tal-Iżlanda (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); |
|
(b) |
Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); |
|
(c) |
Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); |
|
(d) |
l-Konfederazzjoni Żvizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru). |
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1699/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)