IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2021
COM(2021) 633 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-attivitajiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura msemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/125 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra
1.Introduzzjoni
L-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2019/125 tas-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra jesiġi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet, l-eżaminazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura (ATCG - Anti-Torture Coordination Group). Ir-rapport ma jistax jikkomprometti l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.
Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-ATCG fl-2020.
2.Qafas regolatorju
L-objettiv tar-Regolament huwa li jimpedixxi l-piena kapitali, minn naħa waħda, u t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra f’pajjiżi barra mill-UE, min-naħa l-oħra, billi jirrestrinġi l-kummerċ ta’ ċerti oġġetti. Jiddistingwi bejn:
-oġġetti li huma abbużivi b’mod inerenti u ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati għalkollox (l-Anness II); u
-oġġetti li jista’ jkollhom użi leġittimi, bħal tagħmir tal-infurzar tal-liġi (l-Anness III) u oġġetti għal użu terapewtiku (l-Anness IV).
Il-kummerċ tal-oġġetti elenkati fl-Anness III u l-Anness IV huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet. B’mod partikolari, ir-Regolament:
I.jipprojbixxi l-importazzjonijiet fl-UE, l-esportazzjonijiet mill-UE u t-tranżitu mill-UE ta’ oġġetti elenkati fl-Anness II, li ma għandhom l-ebda użu prattiku ħlief għall-finijiet ta’ piena kapitali jew tortura. Jipprojbixxi l-għoti ta’ kwalunkwe assistenza teknika relatata ma’ dawn l-oġġetti, inkluż taħriġ fl-użu tagħhom. Jipprojbixxi wkoll ir-reklamar ta’ dawn l-oġġetti f’media stampata, fuq l-internet, jew fuq it-televiżjoni jew ir-radju, u l-wiri jew l-offerta għall-bejgħ tagħhom f’wirja jew f’fiera;
II.jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel, skont il-każ, għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti elenkati fl-Anness III, li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ piena kapitali jew tortura, iżda li jista’ jkollhom użi leġittimi oħrajn (pereż. għall-infurzar tal-liġi). Awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni minn qabel hija meħtieġa wkoll għall-forniment ta’ assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija li jirrigwardaw din il-kategorija ta’ oġġetti. L-Anness III ma jinkludix:
(a)
armi tan-nar soġġetti għar-Regolament (UE) Nru 258/2012;
(b)
oġġetti b’użu doppju soġġetti għar-Regolament (UE) 2021/821; jew
(c)
oġġetti soġġetti għat-termini tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK;
u
III.jirregola l-kummerċ tas-sustanzi kimiċi u tas-sustanzi farmaċewtiċi (l-Anness IV) li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali (pereż. permezz ta’ injezzjoni letali). Ġiet introdotta awtorizzazzjoni għal liċenzja speċifika (Awtorizzazzjoni ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (GEA - general export authorisation)) biex tikkontrolla l-esportazzjoni ta’ dawn is-sustanzi kimiċi anestetiċi u tipprevjeni t-trasferiment tagħhom għall-użu f’eżekuzzjonijiet ta’ injezzjoni letali, mingħajr ma tillimita l-kummerċ tagħhom għal skopijiet mediċi, veterinarji jew leġittimi oħrajn.
3.Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura
L-ATCG ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jeżamina mistoqsijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tar-Regolament Kontra t-Tortura.
L-ATCG iservi bħala pjattaforma għall-esperti tal-Istati Membri u għall-Kummissjoni biex jaqsmu l-informazzjoni dwar il-prattiki amministrattivi u jiddiskutu l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament, il-kwistjonijiet tekniċi li jirrigwardaw l-oġġetti elenkati, l-iżviluppi marbuta mar-Regolament, u kull kwistjoni oħra li tista’ tinqala’. Il-Kummissjoni tikkonsulta wkoll lill-ATCG meta tħejji atti delegati, skont il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
L-ATCG iltaqa’ darba fl-2020, fit-12 ta’ Ottubru, b’mod virtwali, biex isir skambju ta’ informazzjoni dwar għadd ta’ kwistjonijiet (miġbura fil-qosor hawn taħt) rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament.
3.1.Żviluppi li jirrigwardaw l-att bażiku
Il-Kummissjoni infurmat lill-ATCG dwar pjanijiet għal abbozz ta’ att delegat li jemenda r-Regolament – l-Anness I (l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri) u l-Anness V, il-parti 2 (destinazzjonijiet li għalihom tapplika l-GEA tal-Unjoni) – sabiex jitqies il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, u sussegwentement ikkonsultatu dwar l-abbozz ta’ att delegat.
3.2.Informazzjoni dwar il-kummerċ: rapportar tad-data
Il-Kummissjoni ppreżentat is-sitwazzjoni tal-mument fir-rigward tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 26(3), b’mod partikolari d-data li kienet beħsiebha tuża. Infurmat ukoll lill-ATCG bl-intenzjoni tagħha li taġġorna l-formola tar-rapportar sabiex tiġbor firxa usa’ ta’ data, bi tħejjija għall-eżerċizzju ta’ rapportar sussegwenti.
3.3.Rieżami tar-Regolament (UE) 2019/125
Il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar ir-rieżami tagħha tar-Regolament (UE) 2019/125, bis-sejbiet u l-konklużjonijiet prinċipali tagħha. Ir-rapport jipprovdi valutazzjoni komprensiva tar-Regolament, u jevalwa l-impatti tiegħu, l-influwenza tiegħu fil-livell globali, l-isfidi u l-opportunitajiet tiegħu. Ir-rapport jiddeskrivi azzjoni ulterjuri biex ir-Regolament isir aktar effettiv, u biex jiġi żgurat li jibqa’ jkun ta’ kontribut importanti għall-ġlieda kontra t-tortura u l-piena tal-mewt.
Il-Kummissjoni kienet involviet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-proċess ta’ rieżami, b’mod partikolari permezz ta’ mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni u workshop virtwali (l-14 ta’ Mejju 2020). L-iskop tal-workshop kien li jinġabar rispons dirett u jingħata widen għall-fehmiet u l-ideat tal-partijiet ikkonċernati dwar kif tista’ tittejjeb l-effettività tar-Regolament. Kien hemm skambji ta’ fehmiet ibbilanċjati u mqanqla dwar diversi suġġetti li kienu ġew proposti biex tiġi ffaċilitata d-diskussjoni. Ħadu sehem rappreżentanti minn 16-il awtorità kompetenti tal-UE, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali, flimkien ma’ esperti oħra.
3.4. Kummerċ ħieles mit-tortura — żviluppi reġjonali u internazzjonali
L-ATCG serva bħala pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali, b’referenza partikolari għar-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Towards torture-free trade: examining the feasibility, scope and parameters for possible common international standards, li jirrikonoxxi li standards internazzjonali komuni jistgħu jwasslu għal regolamentazzjoni aktar effettiva f’dan il-qasam. Bħala l-pass li jmiss, se jitwaqqaf min-NU, grupp ta’ esperti governattivi biex ikomplu l-ħidma abbażi tar-rapport.
L-ATCG ġie infurmat ukoll dwar il-ħidma rigward Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (KtE) biex jiġi stabbilit qafas li jippermetti lill-Istati Membri tal-KtE jirregolaw b’mod aktar effettiv il-kummerċ ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament ieħor krudili, inuman jew degradanti.