8.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/155


P9_TA(2021)0471

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament: applikazzjoni – EGF/2021/001 ES/País Vasco metal – Spanja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2021/001 ES/País Vasco metal (COM(2021)0618 – C9-0377/2021 – 2021/0316(BUD))

(2022/C 224/23)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0618 – C9-0377/2021),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1) (“ir-Regolament dwar il-FEG”),

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (3), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0319/2021),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u mill-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;

B.

billi Spanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2021/001 ES/País Vasco metal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara l-issensjar ta' 491 ħaddiem fir-reġjun ta' livell NUTS 2 tal-País Vasco (ES21) fi Spanja, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mit-2 ta' Ġunju 2020 sat-2 ta' Diċembru 2020;

C.

billi l-applikazzjoni tirrigwarda total ta' 491 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet, u li minnhom 192 seħħew matul sensji kollettivi li ġew innotifikati lill-awtoritajiet f'sitt kumpaniji (4);

D.

billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien mill-attività ta' mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta' referenza ta' sitt xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fid-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi kif definit fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

E.

billi l-pandemija tal-COVID-19, il-miżuri stretti ta' lockdown implimentati fit-tieni trimestru tal-2020 fi Spanja u n-nuqqasijiet sussegwenti ta' provvisti u materja prima affettwaw b'mod negattiv is-settur tal-metall fil-pajjiż;

F.

billi fir-reġjun Bask, is-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat jirrappreżenta 27,4 % tal-valur miżjud gross tal-industrija (5), filwaqt li l-medja tal-EU-28 hija ta' 18,8 % (6);

G.

billi fl-2020 (varjazzjoni ta' sena wara sena), il-produzzjoni fi Spanja naqset b'aktar minn 50 % fi 18 % tal-intrapriżi tal-metall, il-fatturat naqas b'aktar minn 50 % f'16 % tan-negozji u terz tal-intrapriżi tal-metall esperjenzaw tnaqqis ta' bejn 30 % u 50 % kemm fil-produzzjoni kif ukoll fil-fatturat (7);

H.

billi, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħha, il-Kummissjoni saħħet u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza (8) u ppermettiet li każijiet marbuta direttament mal-pandemija jiġu ffinanzjati mill-FEG;

I.

billi Spanja tirrapporta dwar il-konformità tagħha mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (9) u tenfasizza l-kunċetti ewlenin tal-Pjan ta' Taħriġ Vokazzjonali Bask, l-Istrateġija Baska għall-Impjiegi u l-Programm għall-Impjiegi Ekoloġiċi;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 214 607 fl-ambitu ta' dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-kost totali ta' EUR 1 428 950, u li tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 384 950 u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (10) ta' EUR 44 000;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-applikazzjoni fil-25 ta' Ġunju 2021, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-7 ta' Ottubru 2021 u nnotifikat lill-Parlament dwarha fl-istess jum;

3.

Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda total ta' 491 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet, li minnhom 192 seħħew matul is-sensji kollettivi nnotifikati lill-awtoritajiet f'sitt kumpaniji (11); jinnota wkoll li Spanja tistenna li 300 mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);

4.

Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji huma mistennija li jkunu kbar għall-ħaddiema, kif ukoll għar-reġjun Bask kollu, fejn in-numru ta' persuni qiegħda żdied b'25 % bejn Marzu u Awwissu 2020 (12), u fejn il-qgħad fit-tul kien jirrappreżenta 55,6 % tal-qgħad totali f'Mejju 2021 (3,6 punti perċentwali ogħla minn f'Jannar 2021) u l-persuni qiegħda b'edukazzjoni bażika jew inqas kienu jirrappreżentaw 60,8 %; ifakkar ukoll li d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa hija ta' 22,6 % u r-rata ta' impjieg temporanju hija ta' 25,8 % fir-reġjun Bask, 11,6 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni, li hija 14,2 %;

5.

Jindika li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema ssensjati jinsabu fit-tieni nofs tal-karriera professjonali tagħhom u għandhom livell baxx ta' kwalifiki formali;

6.

Jinnota li Spanja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-11 ta' Ġunju 2021 u li, għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-11 ta' Ġunju 2021 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta' Finanzjament;

7.

Ifakkar li s-servizzi personalizzati pprovduti lill-ħaddiema ssensjati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom wara d-deċiżjoni jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: sessjonijiet ta' tfassil ta' profili, gwida okkupazzjonali, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, appoġġ u/jew kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozji, taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u taħriġ fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll allowances għall-parteċipazzjoni; il-miżuri kienu ppjanati biex ikunu konformi mal-istrateġija Spanjola tal-ekonomija ċirkolari u t-taħriġ jikkontribwixxi biex jagħti spinta lill-proċess tat-trasformazzjoni diġitali fl-industrija;

8.

Jinnota li Spanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Frar 2021 u li, għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Frar 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta' Finanzjament;

9.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal minn Spanja f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali (13); l-involviment tas-sħab soċjali ġie żgurat mir-rappreżentanza tagħhom fil-bord ta' governanza ta' Lanbide, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-gvern reġjonali, tat-trade unions u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi;

10.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati se jikkontribwixxi għat-tixrid tal-ħiliet orizzontali meħtieġa fl-era industrijali diġitali kif ukoll f'ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-FEG;

11.

Ifakkar li l-azzjonijiet proposti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri ta' protezzjoni soċjali passivi;

12.

Jisħaq li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċivux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

13.

Jieħu nota tan-notifika ta' Spanja li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jġestixxu u jikkontrollaw il-Fond Soċjali Ewropew Plus;

14.

Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-benefiċjarji tal-allokazzjoni tal-FEG biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni;

15.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(4)  Auxiliar Troquelería SL, Calderería del Oria, Matricería Deusto, Mecanizados de la Industria Vasca SLU, Taller Mecanizado Pablo López Lacalle SL, Tratamientos Superficiales Iontech SA.

(5)  https://es.statista.com/estadisticas/1220166/porcentaje-del-vab-total-en-espana-por-sector/

(6)  https://www.eustat.eus/elementos/El-32-del-VAB-industrial-esta-generado-por-sectores-de-nivel-tecnologico-alto-o-medio-alto-en-2019/not0018911_c.html

(7)  Report on the economic impact of COVID-19 on the metal sector (Rapport dwar l-impatt ekonomiku tal-COVID-19 fuq is-settur tal-metall). Ottubru 2020- https://atra.gal/files/noticias/Archivos_3680.pdf

(8)  COM(2020)0442.

(9)  COM(2013)0882.

(10)  F'konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament dwar il-FEG.

(11)  Auxiliar Troquelería SL, Calderería del Oria, Matricería Deusto, Mecanizados de la Industria Vasca SLU, Taller Mecanizado Pablo López Lacalle SL, Tratamientos Superficiales Iontech SA.

(12)  Avance de los datos del mercado laboral del año 2020 (data tas-suq tax-xogħol għall-2020).

(13)  L-applikazzjoni ġiet approvata minn Lanbide, is-servizz tal-impjiegi pubbliċi Bask (is-sħab soċjali huma parti mill-bord ta' governanza), fit-2 ta' Lulju 2021. Saru wkoll laqgħat fid-19 ta' Jannar u fit-2 ta' Frar 2021 mal-Federación Vizcaína de Empresas del Metal, (il-federazzjoni tal-intrapriżi tal-metall tal-Biskalja), mal-Asociación de Empresas de Guipúzcoa – ADEGI (l-Assoċjazzjoni tan-negozju ta' Gupúzcoa) u mas-SEA-Empresas Alavesas (l-assoċjazzjonijiet tan-negozju ta' Alava).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2021/001 ES/País Vasco metal

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/2159.)