|
18.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 275/45 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta' garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà, is-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera
[COM(2021) 581 final – 2021/0295 (COD)]
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2009/138/KE, (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 648/2012
[COM(2021) 582 final – 2021/0296 (COD)]
(2022/C 275/08)
|
Relatur: |
Jörg Freiherr FRANK VON FÜRSTENWERTH |
|
Korelatur: |
Christophe LEFÈVRE |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 22.11.2021 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.11.2021 |
|
Bażi legali |
Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adottata fis-sezzjoni |
8.2.2022 |
|
Adottata fil-plenarja |
23.2.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
567 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
169/0/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-qafas regolatorju ta' Solvenza II ibbażat fuq tliet pilastri (rekwiżiti kwantitattivi għall-fondi proprji; organizzazzjoni tan-negozju, superviżjoni; rappurtar, trasparenza) wera l-importanza tiegħu. Madankollu, l-esperjenza mill-kriżi tad-dejn sovran, il-politika tar-rata tal-imgħax baxxa u l-ewwel effetti tal-pandemija tal-COVID-19, li għadha ’l bogħod minn tmiemha, u l-għarfien li se jseħħu kriżijiet oħrajn, jirrikjedu aġġustamenti fil-qafas regolatorju. |
|
1.2 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tindirizza l-kwistjoni tar-riskju sistemiku fis-settur tal-assigurazzjoni. Il-profil tar-riskju tal-assiguraturi qed jinbidel. Fid-dawl tal-kriżi klimatika, is-settur tal-assigurazzjoni għandu rwol partikolarment importanti, speċjalment fir-rigward tal-assigurazzjoni kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima u riskji ambjentali ġodda (pereżempju l-bijodiversità). L-assiguraturi jiffaċċjaw ukoll riskji ogħla fir-rwol tagħhom bħala investituri. B’mod partikolari, ir-riskji materjali, ta’ responsabbiltà u ta’ tranżizzjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima mhumiex ivvalutati b’mod adegwat. |
|
1.3 |
Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-għan tagħha li toħloq qafas regolatorju li fih is-settur tal-assigurazzjoni jkollu rwol (saħansitra) akbar bħala investitur fil-finanzjament tat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi tal-COVID-19 u t-tibdil fil-klima. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-interess qawwi tas-soċjetà ċivili fl-istabbiltà tas-settur finanzjarju u jappella li fis-settur tal-assigurazzjoni jiġu żgurati regoli sodi dwar ir-rekwiżiti tal-kapital u t-tħejjija għar-riskji. L-instabbiltajiet fis-settur tal-assigurazzjoni jxekklu l-isforzi biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika u tingħeleb il-pandemija b'mod sinifikanti. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 L-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea
|
2.1.1 |
Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-qafas regolatorju ta' Solvenza II ibbażat fuq tliet pilastri (rekwiżiti kwantitattivi għall-fondi proprji; organizzazzjoni tan-negozju, superviżjoni; rappurtar, trasparenza) wera l-importanza tiegħu. Dan serva ta’ gwida tajba għas-settur tal-assigurazzjoni Ewropew minħabba t-taqlib tal-kriżi tad-dejn sovran, il-politika tar-rata tal-imgħax baxxa li għadha għaddejja u l-ewwel effetti tal-pandemija tal-COVID-19, li għadha ’l bogħod minn tmiemha. Il-KESE jqis li huwa utli u meħtieġ li jinsiltu l-konklużjonijiet meħtieġa fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-regoli. Dan japplika b'mod partikolari għal kwistjonijiet relatati mal-proporzjonalità u r-regolamenti dwar l-adegwatezza tal-kapital u t-tħejjija għar-riskji. Dawn il-punti tal-aħħar b'mod partikolari huma deċiżivi għar-rekwiżiti kapitali tal-kumpaniji u għalhekk għar-rwol li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jista' jkollhom bħala fornituri ta' prodotti u bħala investituri għall-ekonomija. |
2.2 Koerenza ma' politiki oħra tal-UE
|
2.2.1 |
L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 huma politika ta' prijorità assoluta, li l-implimentazzjoni tagħha tirrikjedi l-użu ta' somom konsiderevoli ta' kapital pubbliku u privat. Is-settur tal-assigurazzjoni Ewropew, bħala investitur fit-tul b'portafoll ta' investiment fis-settur Ewropew tal-assigurazzjoni ta' aktar minn EUR 10 triljun fl-2020, jista' jikkontribwixxi ferm aktar milli jagħmel illum għall-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima kif ukoll għall-proġetti tal-infrastruttura u akkomodazzjoni affordabbli. Il-kapaċità li jsir dan hija fil-biċċa l-kbira ddeterminata mir-regolamenti dwar l-adegwatezza tal-kapital u t-tħejjija għar-riskji fis-sistema Solvenza II. |
|
2.2.2 |
Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-għan tagħha li toħloq qafas regolatorju li fih is-settur tal-assigurazzjoni jkollu rwol (saħansitra) akbar bħala investitur fil-finanzjament tat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi tal-COVID-19. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li ma jiġux ipperikolati l-għanijiet protettivi tas-sistema Solvenza II, jiġifieri l-protezzjoni tal-persuni assigurati u tal-benefiċjarji u l-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, dan jista’ jiġi mxekkel jekk issir devjazzjoni mill-valutazzjoni stretta tar-riskju tal-investimenti tal-assiguraturi sabiex jiġi appoġġjat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur tas-sistema Solvenza II għandhom jinkludu investimenti u attivitajiet tas-settur tal-assigurazzjoni fis-setturi li fihom l-assiguraturi jinvestu abbażi tat-talbiet mill-awtoritajiet jew mill-gvern. Dawn l-investimenti mbagħad jistgħu jiġu ppremjati jew penalizzati kif adegwat. Fi kwalunkwe każ, kull investiment fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jew – bħala eżempju – NextGenerationEU għandu jkun soġġett għall-istess valutazzjoni tar-riskju bħal kull investiment ieħor. Is-superviżjoni tal-assigurazzjoni sostenibbli tirrikjedi valutazzjoni tar-riskju bbażata fuq il-fatti u valutazzjoni tal-kapital derivata minnha. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li tirrevedi r-regoli eżistenti dwar ir-rekwiżiti tal-kapital biex jiġi ddeterminat f’liema oqsma dawn wasslu għal rekwiżiti inadegwati (eċċessivi jew insuffiċjenti) tal-kapital. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea juru l-flessibbiltà li diġà tista' tinħoloq b’dan il-mod. Madankollu, fejn ir-rekwiżiti kapitali huma baxxi wisq (eżempju: ir-riskji b’rabta mat-tibdil fil-klima), jeħtieġ li jiżdiedu biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-settur. |
|
2.2.3 |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti kontribut importanti ieħor għat-twettiq tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-ħolqien tas-suq intern jagħmilha aktar faċli biex jiġu ffinanzjati kemm il-modi ta’ ħruġ mill-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan huwa dovut għall-fatt li l-konsumaturi jistgħu jipperċepixxu aktar progress fil-ħolqien ta' suq intern ġenwin għas-swieq finanzjarji, għalkemm għad hemm ħafna ostakoli legali u attwali għat-twettiq tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. |
|
2.2.4 |
Il-KESE jilqa' l-idea li s-settur tal-assigurazzjoni għandu jkollu rwol akbar fil-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika. Is-settur tal-assigurazzjoni għandu jkollu wkoll l-għan li jtaffi l-impatti ambjentali u soċjali negattivi kollha tal-investimenti u l-attivitajiet tal-assigurazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, rabta mat-tassonomija tal-UE hija siewja. Il-KESE jappella sabiex l-għanijiet tas-sostenibbiltà soċjali jitqiesu b'mod sistematiku. Fl-aħħar mill-aħħar, in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-impjegati u tal-bniedem jista' jwassal ukoll għal riskju akbar. |
|
2.2.5 |
Il-proposti jipprevedu semplifikazzjoni tas-sistema kumplessa ta' Solvenza II f'diversi punti. Dan il-pass għandu jintlaqa' tajjeb. Il-fatt li l-utenti tal-mudelli interni issa jridu jissottomettu wkoll rapporti daqslikieku kienu qed jużaw il-formula standard mhuwiex komprensibbli u għandu jinċaħad. Ir-rappurtar doppju għandu jiġi eskluż. |
2.3 Atti delegati
|
2.3.1 |
Il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea hija intitolata li tistabbilixxi ċerti regoli, prinċipalment tekniċi, permezz ta' atti delegati. Din tħabbar għadd kbir ta' proposti li tkun tixtieq timplimenta permezz ta' atti delegati. Dawn il-proposti huma ta' piż u għandhom importanza ekonomika kbira. Ta' min isemmi l-aġġustament tal-volatilità, l-aġġustament ta' korrispondenza u l-estrapolazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni profondament politika rigward il-miżuri u l-limiti tal-valutazzjoni tar-riskju li għandhom jiġu applikati għall-finanzjament biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku. Kemm hawnhekk kif ukoll bnadi oħra, il-KESE jappella sabiex kwistjonijiet ekonomiċi importanti jiġu ttrattati fi proċedura leġiżlattiva ordinarja li tinvolvi lill-Parlament u tikkonsulta lis-soċjetà ċivili, aktar milli permezz ta’ atti delegati. Qabel l-adozzjoni tal-pakkett Solvenza II, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-KESE għandu jkollhom stampa ċara tal-kontenut u l-impatt tal-atti delegati. |
2.4 Evalwazzjoni ta’ rikalibrazzjonijiet – Valutazzjonijiet tal-Impatt: Kompetittività
|
2.4.1 |
Il-KESE jipproponi li fis-snin li ġejjin titwettaq evalwazzjoni sħiħa tal-loġika tal-qafas regolatorju ta’ Solvenza II. Sadanittant, il-kundizzjonijiet tal-qafas inbidlu b’diversi modi u se jkomplu jinbidlu, u dan jagħmel l-evalwazzjoni essenzjali. F’dan il-kuntest, verifika tal-kompetizzjoni tista’ tkun utli biex jiġi ddeterminat kif il-bidla fir-regoli tista’ taffettwa l-kompetittività tas-settur Ewropew tal-assigurazzjoni fis-suq dijni. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1 Proporzjonalità u limiti
|
3.1.1 |
Il-KESE jilqa' l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ il-prinċipju tal-proporzjonalità. Is-semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju kumpless ħafna u ta' piż hija importanti b'mod partikolari għal assiguraturi iżgħar u għal dawk inqas esposti għar-riskju, li huma parti importanti mid-diversità reġjonali. Huwa minnu li r-rekwiżiti ta' Solvenza II għall-ġestjoni tar-riskju u r-rappurtar jiġu riveduti u aġġustati abbażi tar-regoli. Madankollu, huwa ta' dispjċir li, bħal fil-passat, għadu jitqies biss id-daqs tal-kumpanija u mhux il-paragun bejn l-ambitu tar-rekwiżiti prudenzjali mar-riskji reali tal-assiguratur abbażi tal-mudell tan-negozju tiegħu. Wieħed mill-punti b’saħħithom importanti tas-suq Ewropew tal-assigurazzjoni huwa d-diversità tal-assiguraturi kbar u żgħar. |
|
3.1.2 |
Minn dawk li joperaw fuq livell internazzjonali u dawk li huma b'saħħithom fil-livell reġjonali. L-istess bħall-varjetà ta' forom legali bħal kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata jew kooperattiva. Din id-diversità m'għandhiex tiġi pperikolata billi l-assiguraturi jiġu mgħobbija b'burokrazija eċċessiva. |
3.2 Garanziji fit-tul
|
3.2.1 |
Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippermetti lis-settur tal-assigurazzjoni jsir aktar involut fil-finanzjament tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu, u l-ġlieda kontra l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 permezz ta' rekwiżiti tal-kapital aktar adegwati. L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ma tridx tonqos milli tiffinanzja t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, iżda l-SDGs ma jridux jiġu pperikolati minn rekwiżiti kapitali insuffiċjenti li artifiċjalment jagħmlu attivitajiet li jniġġsu ħafna profittabbli bħala investiment. Ir-rieżami tar-regoli dwar ir-rekwiżit kapitali meħtieġ se tkun il-muftieħ biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati. Il-KESE jemmen li huwa imperattiv li r-regoli ta’ Solvenza II għandhom jiġu modifikati biss sa fejn l-objettivi prudenzjali tal-protezzjoni tal-persuni assigurati u tal-benefiċjarji u l-objettiv tal-istabbiltà finanzjarja ma jiġux ipperikolati. L-għan għandu jkun li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn, minn naħa waħda, l-inċentivi għall-assiguraturi biex jinvestu f’attivitajiet immirati lejn objettivi soċjali u ambjentali u, min-naħa l-oħra, rekwiżiti prudenzjali. Dan għadu mhux iggarantit. |
|
3.2.2 |
Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex titnaqqas il-volatilità tal-investimenti fit-tul permezz tal-aġġustament propost għall-volatilità. Fl-istess ħin, madankollu, qed iżżid il-volatilità billi timxi lejn korrezzjoni tar-riskju relattiva (tnaqqis perċentwali mill-firxiet). Dan huwa kontroproduttiv. Mhuwiex ċar għaliex il-korrezzjoni tar-riskju attwali m'għandhiex tiġi rispettata. |
|
3.2.3 |
Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi mmodifikat il-marġni tar-riskju (pereżempju, il-kost tar-rata kapitali ta’ 5 % u n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-fattur ta’ likwidità), ir-riskju tar-rata tal-imgħax u l-korrelazzjoni bejn ir-riskju tal-firxa u r-riskju tar-rata tal-imgħax huma adegwati, mingħajr ma jiġu pperikolati l-għanijiet ta' protezzjoni ta' Solvenza II. Madankollu, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lit-testi tal-livell 2, peress li l-proposti li jwasslu għal titjib ġenerali jista’ jkollhom ukoll effett detrimentali fuq il-portafolli ta’ investiment ta’ assiguraturi żgħar u ta’ daqs medju. |
|
3.2.4 |
Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu riveduti l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-klassi ta’ investiment ta’ ekwità fit-tul, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. Dan se jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex jibbenefikaw minn trattament tal-kapital preferenzjali jekk jipprovdu kapital fit-tul lill-ekonomija, sakemm dan il-kapital jiġi investit f’konformità mal-objettivi soċjali u ambjentali. Regoli kumplessi żżejjed għandhom jiġu evitati. Għal darb’ oħra, il-valutazzjoni finali tista’ ssir biss jekk il-proposti tal-livell 2 ikunu magħrufa. |
|
3.2.5 |
Il-Kummissjoni Ewropea tħabbar li beħsiebha tippreżenta metodu ġdid ta' estrapolazzjoni. L-estrapolazzjoni hija metodu ta' kalkolu li jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal kuntratti ta' assigurazzjoni li t-termini tagħhom jestendu lil hinn minn informazzjoni affidabbli tas-suq tal-kapital dwar rati ta' imgħax mingħajr riskju. Dan il-metodu huwa fattur essenzjali fil-kejl tad-dispożizzjonijiet u għalhekk il-ħtieġa ta' fondi proprji. L-estrapolazzjoni hija partikolarment importanti għall-assigurazzjoni tal-ħajja, iżda mhux għaliha biss. Fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2021) 580 final, il-Kummissjoni Ewropea stess tammetti li l-proposta, li se tikkonkretizza f'att delegat aktar tard, “se jkoll[ha] impatt sinifikanti fuq ir-riżorsi kapitali tal-assiguraturi f'bosta swieq”. Dan l-impatt sinifikanti se jirriżulta f’rekwiżit kapitali addizzjonali ta’ aktar minn 10 % għall-assiguraturi mhux tal-ħajja, meta mqabbel mal-projezzjonijiet preċedenti, u b’hekk imur kontra l-effetti potenzjali tar-rilaxx tal-kapital tal-assiguraturi. Il-KESE jemmen li interventi estensivi bħal dawn għandhom jiġu deċiżi permezz ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja. |
3.3 Analiżi tax-xenarji klimatiċi u mandat għall-EIOPA (1) fir-rigward tar-riskji tas-sostenibbiltà
|
3.3.1 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa li l-assiguraturi jidentifikaw kwalunkwe esponiment materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima u jivvalutaw l-impatt fuq terminu medju u twil fuq in-negozju tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li din l-analiżi tax-xenarju tiġi estiża għar-riskji ambjentali kollha u li jiġi applikat il-kunċett ta’ materjalità doppja għal dawn ir-rekwiżiti. L-assiguraturi għandhom ikunu meħtieġa wkoll jivvalutaw u, fejn xieraq, itaffu l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq it-tibdil fil-klima u l-ambjent b’mod aktar wiesa’. |
|
3.3.2 |
Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti mandat lill-EIOPA biex tipproponi aġġustamenti possibbli fir-rekwiżiti ta' kapital fir-rigward tar-riskji tas-sostenibbiltà f'rapport sat-28 ta' Ġunju 2023, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku. Huwa tajjeb li jiġu diskussi kwistjonijiet ta' firxa wiesgħa bħal dawn fuq bażi empirika. Madankollu, il-KESE jqis li l-iskadenza għat-tressiq tar-rapport ftit li xejn hija ambizzjuża. Il-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima tirrikjedi azzjoni rapida. Il-KESE diġà jixtieq jindika li t-tagħlimiet meħuda minn dawn il-proposti se jikkonċernaw kwistjonijiet fundamentali relatati mal-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għalhekk mhux se jkunu ta' natura teknika iżda ta' natura politika u, fil-fehma tal-KESE, għandhom jiġu indirizzati fi proċedura leġiżlattiva ordinarja bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew. |
3.4 Is-superviżjoni tal-gruppi
|
3.4.1 |
Il-prassi superviżorji żvelaw dgħufijiet regolatorji fis-superviżjoni tal-gruppi. Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jiddaħħlu direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE. Mill-perspettiva tal-konsumatur, irid jiġi żgurat li l-preżentazzjoni esterna ta’ grupp tkun trasparenti fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ responsabbiltà tiegħu. |
3.5 Ir-rwol tal-assigurazzjoni fi żminijiet ta' pandemiji u avvenimenti oħra li jikkawżaw tfixkil ekonomiku fuq skala kbira
|
3.5.1 |
Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-pandemija wriet li hemm bżonn ta' informazzjoni aktar ċara u sempliċi dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kopertura tal-assigurazzjoni u l-garanziji għall-konsumaturi, b'mod partikolari fir-rigward tal-interruzzjoni tan-negozju u assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, u li hemm ħtieġa kontinwa li jiġi żgurat li l-prodotti tal-assigurazzjoni jkomplu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumatur. Huwa daqstant importanti li l-konsumaturi jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Jidher biċ-ċar li l-prattika attwali tas-sorveljanza tal-prodotti tal-assigurazzjoni ma ffunzjonatx b'mod adegwat. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni titlob lill-EIOPA tressaq proposti speċifiċi dwar kif il-problema deskritta, u li ilha magħrufa, tista' tiġi solvuta aħjar. |
|
3.5.2 |
Il-pandemija, l-effetti tat-tibdil fil-klima li qed nesperjenzaw fl-Ewropa b'nirien fil-foresti, perjodi ta' nixfa, degradazzjoni tal-foresti, xita qawwija u għargħar fuq skala bla preċedent, u riskji ġodda kbar bħar-riskji ċibernetiċi jqajmu l-kwistjoni tad-disponibbiltà ta' kopertura tal-assigurazzjoni għal avvenimenti bħal dawn, li mhumiex se jibqgħu uniċi. Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li sal-2022 jitnieda Djalogu dwar ir-Reżiljenza għall-Klima li għandu jlaqqa’ flimkien lill-assiguraturi, lir-riassiguraturi, lill-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati rilevanti oħra. Il-KESE jissuġġerixxi li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jiġu involuti f'dan id-djalogu mill-bidu nett. |
3.6 Skema ta' garanzija tal-assigurazzjoni (IGS), irkupru u riżoluzzjoni u miżuri superviżorji ġodda
|
3.6.1 |
Il-Kummissjoni Ewropea ma ppreżentat l-ebda proposta biex tarmonizza l-istruttura diversa tal-IGS fl-Ewropa. Hija tonqos milli tagħmel dan, minkejja l-fatt li l-IGS toffri lill-persuni assigurati u lill-benefiċjarji protezzjoni importanti tal-aħħar istanza. Sistema ta' IGS mifruxa madwar l-Ewropa, li fl-istess ħin tqis it-tip ta' prodotti u għalhekk il-protezzjoni tal-konsumaturi, iżżid b'mod sinifikanti l-fiduċja f'suq uniku Ewropew tal-assigurazzjoni. Il-KESE jemmen li, l-istess kif qed tissuġġerixxi l-EIOPA, li hemm ħtieġa urġenti għall-armonizzazzjoni ta' għadd ta' prinċipji minimi tal-IGS. Min-naħa l-oħra, il-KESE jqis wkoll, kif enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea, li dan iwassal għal piż finanzjarju konsiderevoli għas-swieq tal-assigurazzjoni f'xi Stati Membri li għad m'għandhomx sistemi ta' IGS, li ma jqisux li dan huwa raġonevoli f'dan iż-żmien ta' rkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Bħala l-ewwel pass, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta malajr proposta għal qafas minimu tal-IGS li, b'perjodu ta' tranżizzjoni korrispondenti, tindirizza l-kwistjoni mingħajr ma tpoġġi piż żejjed fuq is-swieq. |
|
3.6.2 |
Bil-proposta dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni (2), il-Kummissjoni Ewropea qed tespandi l-istrumenti superviżorji li huma maħsuba biex jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji jintervjenu aktar malajr u b'mod effiċjenti f'każ ta' kriżi korporattiva u, b’mod partikolari, kriżi emerġenti. Dawn l-istrumenti jinkludu wkoll miżuri bħall-irkupru preventiv mill-ġdid u pjan ta' riżoluzzjoni, f'kull każ bl-involviment tal-livell tal-grupp. Il-proposta tiddefinixxi l-istrumenti u s-setgħat fir-rigward tar-riżoluzzjoni. Madankollu, m'hemm l-ebda distinzjoni ċara mill-miżuri superviżorji eżistenti ta' Solvenza II. B'mod ġenerali, hemm ħafna dubji dwar l-hekk imsejħa skala ta' intervent li ġiet ittestjata, peress li s-setgħat il-ġodda ta’ intervent huma maħsuba biex japplikaw anki qabel ma jkun hemm ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza (RKS). Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-miżuri proposti jkunu konsistenti mar-regoli tal-iskala ta' intervent. Ir-regoli tar-riżoluzzjoni għandhom jiffaċilitaw approċċ armonizzat fil-livell tal-grupp, b’mod partikolari fil-każ ta’ gruppi finanzjarji mħallta. |
|
3.6.3 |
Argument li jikkontradixxi l-proposti huwa li l-pandemija tal-COVID-19 u, b’mod partikolari, il-politika ta' rata tal-imgħax baxxa kienu wrew li s-sett ta' strumenti ta' Solvenza II kien biżżejjed biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet diffiċli. Anke kieku dan kien minnu fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-KESE ma jaqbilx ma’ dan l-argument. Fid-dawl tal-esperjenza tal-kriżijiet finanzjarji tal-passat, il-KESE jemmen li hemm ħtieġa urġenti li qabelxejn ikun hemm miżuri gradwali ta’ intervent f’każ ta’ kriżi fil-livell tal-kumpanija, anke qabel ma jseħħ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti kapitali minimi, sakemm ikun hemm indikazzjonijiet ċari li s-sitwazzjoni qed tiddeterjora. Il-KESE jixtieq jindika li fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-regoli fil-prattika se jkun importanti ħafna li jiġu definiti u stabbiliti b'mod ċar il-kompiti tal-EIOPA u tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. |
Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA).
(2) COM(2021) 582 final.