KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PIKAMÄE
ippreżentati fid‑9 ta’ Marzu 2023 ( 1 )
Kawża C‑466/21 P
Land Rheinland-Pfalz
vs
Deutsche Lufthansa AG,
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Għajnuniet mill-Istat – Settur tal-ajru – Għajnuna għall-operat mogħtija mill-Ġermanja lill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Kwalità ta’ parti interessata – Salvagwardja tad-drittijiet proċedurali – Kunċett ta’ ‘xenarju globali’”
|
1. |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Land Rheinland-Pfalz (il-Land ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“Land”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Mejju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑218/18, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:282) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5289 final tal‑31 ta’ Lulju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47969 (2017/N), implimentata mill-Ġermanja li tirrigwarda għajnuna operattiva mill-Istat mogħtija mill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
|
2. |
Din l-istess sentenza hija s-suġġett, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ta’ żewġ appelli inċidentali, li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea u Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “DLH”) jitolbu rispettivament l-annullament tal-imsemmija sentenza u l-annullament inkwantu din ċaħdet it-tieni lment tal-ewwel parti tal-uniku motiv imressaq minn DLH fl-ewwel istanza. |
|
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda terġa’ ssirilha domanda dwar il-locus standi kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat minħabba li l-għajnuna ma tqajjimx dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. F’dan il-kuntest, hija mitluba tiddeċiedi dwar il-portata li jeħtieġ li tingħata lill-kunċett ta’ “parti interessata” u fuq l-ipoteżijiet li fihom jista’ jiġi kkunsidrat li tali parti invokat, permezz tal-appell tagħha, il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-fondatezza tal-użu, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett legali ta’ “xenarju globali” sabiex tidentifika jekk l-għajnuna eżaminata ġietx ittrasferita lil impriża oħra mill-benefiċjarju dirett tagħha. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss dawn il-kwistjonijiet legali. |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
4. |
Fis‑7 ta’ April 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna għall-funzjonament tal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn, minħabba t-telf li kien qiegħed jagħmel dan l-ajruport (iktar ’il quddiem l-“għajnuna kontenzjuża”). Dan l-ajruport huwa operat minn Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH (iktar ’il quddiem “FFHG”). |
|
5. |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet, essenzjalment, li ma kienx hemm lok li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE peress li, għalkemm il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija kienet kompatibbli mas-suq intern skont il-paragrafu 3(c) ta’ dan l-artikolu. B’mod iktar partikolari, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari li ma kienx hemm ajruporti oħra fiż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn. |
|
6. |
Qabel id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet oħra li jirrigwardaw miżuri meħudin mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn u Ryanair. L-ewwel waħda minnhom hija d-Deċiżjoni (UE) 2016/788 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32833 (11/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Ġermanja rigward l-arranġamenti ta’ finanzjament għall-ajruport ta’ Frankurt Hahn li ddaħħlu fis-seħħ fl‑2009 sal‑2011 (ĠU 2016, L 134, p. 1), li kienet is-suġġett ta’ digriet tas‑17 ta’ Mejju 2019, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑764/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:349). It-tieni waħda minnhom hija d-Deċiżjoni (UE) 2016/789 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21121 (C 29/08) (l-eks NN 54/07) implimentata mill-Ġermanja dwar il-finanzjament tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-ajruport u Ryanair (ĠU 2016, L 134, p. 46) kienet is-suġġett tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2019, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑492/15, EU:T:2019:252). L-appelli ppreżentati rispettivament kontra dan id-digriet u din is-sentenza ġew miċħuda permezz tas-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608) u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑594/19 P, EU:C:2022:40). |
|
7. |
Barra minn hekk, fis‑26 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali, fuq il-bażi tal-ilment tar-rikorrenti, irreġistrata bir-referenza SA.43260 li tirrigwarda miżuri oħra favur l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn u Ryanair (iktar ’il quddiem il-“proċedura Hahn IV”). |
II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
8. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Marzu 2018, DLH ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
9. |
DLH invokat, essenzjalment, motiv uniku quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
10. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod korrett il-kriterji kollha li jikkonċernaw iż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn kif kellu jsir fl-evalwazzjoni tagħha skont il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU 2014, C 99, p. 3) u li, għaldaqstant, l-analiżi insuffiċjenti u mhux kompluta tal-Kummissjoni ma ppermettitilhiex li tneħħi kull dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern. B’hekk, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment l-uniku motiv ta’ DLH u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża. |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet
A. It‑talbiet tal‑appell prinċipali
|
11. |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Land jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tiċħad b’mod definittiv ir-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell. |
|
12. |
DLH titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala li huwa inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, infondat, u tikkundanna lil-Land għall-ispejjeż. |
|
13. |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata; tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat, u tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż li jirrigwardaw l-ewwel istanza u l-appell. |
B. It‑talbiet tal‑appell inċidentali ppreżentata minn DLH
|
14. |
Permezz tal-appell tagħha, DLH titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata inkwantu tiċħad it-tieni lment tal-ewwel parti tal-uniku motiv tagħha, u tikkundanna lil-Land għall-ispejjeż. |
|
15. |
Il-Land jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inċidentali ta’ DLH, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad b’mod definittiv ir-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż li jirrigwardaw l-ewwel istanza u l-appell. |
|
16. |
Il-Kummissjoni titlob li jiġi miċħud l-appell inċidentali ta’ DLH bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat, u li tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż li jirrigwardaw l-ewwel istanza u l-appell. |
C. It‑talbiet tal‑appell inċidentali tal‑Kummissjoni
|
17. |
Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat, u tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż li jirrigwardaw l-ewwel istanza u l-appell. |
|
18. |
DLH titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inċidentali tal-Kummissjoni bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, infondat, u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
|
19. |
Il-Land jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell inċidentali tal-Kummissjoni, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad b’mod definittiv ir-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u li tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż li jirrigwardaw l-ewwel istanza u l-appell. |
|
20. |
DLH, il-Land u l-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fit‑30 ta’ Novembru 2022. |
IV. Analiżi
|
21. |
Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw biss l-ewwel aggravji tal-appell prinċipali tal-Land u tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni, ibbażati fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-locus standi ta’ DLH f’dan il-każ, kif ukoll fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ DLH, ibbażat fuq l-użu ħażin mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “xenarju globali” sabiex jiġi identifikat jekk l-għajnuna investigata ġietx ittrasferita lil Ryanair mill-FFHG, u biex jiġi evalwat għaldaqstant jekk kienx hemm dubju dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern. |
A. Fuq l‑aggravji rigwardanti l‑assenza ta’ locus standi ta’ DLH (l-ewwel aggravju tal‑appell prinċipali u l‑ewwel aggravju tal-appell inċidentali tal‑Kummissjoni)
1. Sunt tas‑sentenza appellata u tal‑argumenti tal‑partijiet
|
22. |
Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jwassal għar-rikonoxximent tal-locus standi ta’ DLH, u b’hekk għaċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar, huwa kkritikat mil-Land u mill-Kummissjoni fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti interessata”, u mil-Land biss għal dak li jikkonċerna l-invokar minn DLH tad-drittijiet proċedurali tagħha. |
|
23. |
Fil-punti 39 sa 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li DLH kienet “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament (UE) 2015/1589 ( 2 ), għal żewġ raġunijiet. Min-naħa, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-għajnuna kontenzjuża, mogħtija lill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn, setgħet tinċidi fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-ajruport ta’ Frankfurt am Main, li huwa l-ewwel ajruport hub ta’ DLH, u, għaldaqstant, tinċidi fuq l-interessi ta’ din il-kumpannija tal-ajru. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat, fil-punti 51 sa 54 ta’ din is-sentenza li, bil-fatt li l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn tħalla jmexxi bl-attivitajiet tiegħu, l-għajnuna kontenzjuża ppermettiet lil Ryanair li żżomm il-pressjoni kompetittiva li hija teżerċita fuq DLH minħabba dan l-ajruport. |
|
24. |
Fil-punti 61 sa 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li mill-analiżi tar-rikors sħiħ għall-annullament kien jirriżulta li DLH kienet ikkritikat lill-Kummissjoni li kisret id-drittijiet proċedurali tagħha meta ddeċidiet li ma tiftaħx proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
2. Evalwazzjoni
a) Osservazzjonijiet preliminari
|
25. |
Qabel ma nagħmel l-analiżi intiża li tivverifika l-fondatezza tal-kritika mressqa mil-Land u mill-Kummissjoni, jeħtieġ li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari bil-għan li niddefinixxi l-kuntest ġuridiku li fih għandha ssir l-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ DLH. |
|
26. |
Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-locus standi huwa b’mod partikolari rrikonoxxut lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika biex tressaq appell kontra att tal-Unjoni indirizzat lilha bil-kundizzjoni li dan l-att jirrigwardaha “direttament u individwalment”. |
|
27. |
Sabiex nissintetizza ġurisprudenza klassika, din il-persuna tkun “inċiża direttament” meta tkun teżisti relazzjoni diretta bejn l-att ikkontestat u s-sitwazzjoni ġuridika tagħha ( 3 ), u tkun “individwalment inċiża” meta dan l-att jinċidi fuqha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li jikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra ( 4 ). |
|
28. |
Kif diġà ġie osservat, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ta’ natura differenti, inkwantu l-fatt li persuna tkun inċiża direttament jirrigwarda essenzjalment is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, filwaqt li l-fatt li hija tkun individwalment inċiża jikkonċerna esklużivament is-sitwazzjoni fattwali tal-istess rikorrent ( 5 ). |
|
29. |
Fir-rigward f’din il-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jeħtieġ li jiġi rilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuniet prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn il-fażi preliminari tal-investigazzjoni mibdija skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandha bħala l-uniku għan tagħha li tippermetti lill-Kummissjoni li tifforma opinjoni fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi formali tal-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Il-fażi formali jirriżulta li hija indispensabbli meta l-Kummissjoni jkollha “diffikultajiet serji” sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. B’hekk, meta l-ewwel investigazzjoni ma tippermettilhiex tegħleb dawn id-diffikultajiet kollha, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, sabiex ikollha l-informazzjoni kompluta, tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u li tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 6 ). Għaldaqstant, huwa biss fil-kuntest ta’ din tal-aħħar li t-trattat ipoġġi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tagħti avviż formali lill-“partijiet interessati” sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. |
|
30. |
Skont ġurisprudenza stabbilita li tmur lura għas-sentenzi Cook vs Il‑Kummissjoni ( 7 ) u Matra vs Il‑Kummissjoni ( 8 ), meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tikkonstata permezz ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem il-fażi preliminari, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn ir‑raġunijiet, għandu jiġi milqugħ rikors intiż għall‑annullament ta’ tali deċiżjoni, imressaq minn “parti interessata” fis‑sens tal‑Artikolu 108(2) TFUE, meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ifittex, bil-preżentata tiegħu, li jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar ( 9 ). F’tali ipoteżi, l-appellant, b’differenza minn min jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma għandux juri li huwa għandu status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Plaumann, fejn dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tal-appellant fis-suq tkun “affettwata [inċiża] sostanzjalment” mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni ( 10 ). |
|
31. |
Il-kunċett ta’ “parti interessata” ġie ppreċiżat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ( 11 ), li warajh ġie l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589 ( 12 ), li ddefinixxa “parti interessata” bħala “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati [inċiżi] bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”. Għalkemm dan il-kunċett jinkludi b’hekk, impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna hemm ġurisprudenza stabbilita li dan il-kunċett ikopri numru indeterminat ta’ destinatarji ( 13 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-impriżi li ma humiex kompetituri diretti tal-benefiċjarju tal-għajnuna jiġu kklassifikati bħala “parti interessata” sakemm jiġi pprovat, b’mod suffiċjenti fid‑dritt, li l‑għajnuna jista’ jkollha effett [inċidenza] konkret fuq is‑sitwazzjoni tagħhom ( 14 ). |
|
32. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li ser neżamina issa l-kritika speċifika mressqa mil-Land u mill-Kummissjoni fir-rigward tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li wassal sabiex jiġi ddikjarat ammissibbli r-rikors ippreżentat minn DLH quddiemha. |
b) Fuq il‑kwalità ta’ “parti interessata” ta’ DLH
1) Fuq l‑interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “kompetitur indirett”
|
33. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod estensiv wisq il-kunċett ta’ “kompetitur indirett”, ħaġa li wasslitha sabiex tikkonkludi, b’mod żbaljat, li DLH kienet “parti interessata” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma osservatx ir-rekwiżiti stabbiliti mis-sentenzi Kronoply u L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et ( 15 ), li fihom, fir-rigward tal-prova tal-eżistenza ta’ kompetitur indirett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat neċessarju li jintwera, qabel xejn, li l-benefiċjarju tal-għajnuna u l-kompetitur indirett ikunu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, tal-inqas, għal parti mill-attività tagħhom, u mbagħad, li l-għajnuna tkun tali li tinċidi fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-imsemmi kompetitur. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata l-inċidenza reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq l-ajruport ta’ Frankfurt am Main, b’mod partikolari l-profittabbiltà tiegħu, u fuq l-offerti ta’ titjiriet proposti kemm minn DLH mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main kif ukoll minn Ryanair mill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn. |
|
34. |
Għalkemm huwa minnu li, kif tafferma l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tidher li riedet tikkaratterizza, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, ir-relazzjoni bejn il-benefiċjarja tal-għajnuna kontenzjuża, FFHG, u r-rikorrenti DLH, bħala li kienet ta’ kompetizzjoni indiretta, l-interpretazzjoni adottata mill-ġurisprudenza, fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk impriża li ma hijiex kompetitur dirett tal-benefiċjarja tal-għajnuna hijiex “parti interessata”, hija ħafna iktar estensiva minn dik imressqa mill-Kummissjoni. |
|
35. |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, li bih il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kkunsidratx li l-eżistenza ta’ kompetizzjoni indiretta tippreżupponi li r-rikorrent u l-benefiċjarju tal-għajnuna huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin tal-inqas għal parti mill-attività tagħhom, jeħtieġ li jiġi osservat li dan l-ilment huwa bbażat fuq is-sentenzi Kronoply u L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch. |
|
36. |
Ma nemminx li l-interpretazzjoni ta’ dawn is-sentenzi, kif proposti mill-Kummissjoni, tista’ ssib il-kunsens tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
37. |
Fis-sentenza Kronoply, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala “parti interessata” impriża li ma kinitx kompetitriċi diretta tal-benefiċjarja tal-għajnuna, imma kienet teħtieġ għall-proċess ta’ produzzjoni tagħha l-istess materja prima. B’dan premess, ma joħroġ minn imkien minn din is-sentenza li, b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tillimita r-rikonoxximent ta’ din il-kwalità, b’mod ġenerali, għall-impriżi biss li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarja tal-għajnuna, tal-inqas, għal parti mill-attività tagħhom. |
|
38. |
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch, l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkonsisti f’sussidji mogħtija fil-kuntest ta’ programm intiż li jinkoraġġixxi l-produzzjoni, it-trattament, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli fl-Awstrija permezz ta’ tikketta ta’ kwalità, u kienet intiża sabiex jibbenefikaw minnha l-impriżi attivi fil-katina speċifika ta’ din it-tikketta, inklużi ċerti impriżi tal-qatla u tbiċċir u l-klijenti tagħhom li jixtru bl-imnut. |
|
39. |
Ir-rikorrenti, li kienu impriżi speċjalizzati fil-qatla u t-tbiċċir tal-annimali li ma jibbenefikawx minn din it-tikketta, ġew ikkunsidrati bħala li kienu partijiet interessati, bħala kompetituri diretti tal-impriżi li jwettqu l-istess attività li tibbenefika mit-tikketta ta’ kwalità u bħala kompetituri indiretti tal-bejjiegħa bl-imnut li jgawdu minn din it-tikketta. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’hekk li l-impriżi, bħar-rikorrenti, li ma kinux joperaw fl-istess livell bħall-bejjiegħa bl-imnut u, konsegwentement, ma kinux jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni magħhom f’ebda parti mill-attività tagħhom, kellhom il-kwalità ta’ “kompetituri indiretti” ( 16 ). |
|
40. |
Barra minn hekk, dawn is-sentenzi jaqgħu taħt il-linja ġurisprudenzjali li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li kkunsidrat, f’firxa usa’ ta’ sitwazzjonijiet milli l-Kummissjoni ssostni f’dan il-każ, li l-kwalità ta’ “parti interessata” tappartjeni lill-impriżi li ma humiex kompetituri diretti tal-benefiċjarju. Illustrazzjoni tajba ta’ dan l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja tinsab fis-sentenza 3F. |
|
41. |
Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, kien hemm leġiżlazzjoni Daniża, li tinkludi miżuri fiskali, applikabbli għar-reġistru internazzjonali Daniż tal-bastimenti. Skont din il-leġiżlazzjoni, minn naħa, dan ir-reġistru kien jippermetti lis-sidien tal-bastimenti li l-bastimenti tagħhom kienu rreġistrati fih li jimpjegaw baħrin ċittadini ta’ Stati terzi filwaqt li jħallsuhom remunerazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali ta’ dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, il-baħrin kollha impjegati fuq dawn il-bastimenti kienu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul, ħaġa li kienet timplika tnaqqis fit-talbiet għall-paga ta’ dawn il-baħrin fir-rigward tas-sidien tal-bastimenti. |
|
42. |
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li sindakat ta’ baħrin seta’ jiġi kklassifikat bħala “parti interessata” minħabba li l-għajnuna inkwistjoni kienet tirriskja li jkollha inċidenza konkreta fuq is-sitwazzjoni tiegħu u li din l-inċidenza kienet tikkonċerna l-“pożizzjoni kompetittiva” tiegħu mhux fis-suq li fih kienu attivi s-sidien tal-bastimenti, imma fil-fatt f’dak tal-provvista ta’ ħaddiema meta mqabbla ma’ sindakati ta’ baħrin oħra li l-membri tagħhom kienu impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati fir-reġistru msemmi iktar ’il fuq ( 17 ). |
|
43. |
Ikkunsidrata flimkien mas-sentenzi Kronoply u L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch, din is-sentenza 3F setgħet tindika li l-kunċett ta’ “parti interessata” jirrikjedi l-prova li l-għoti tal-għajnuna għandu inċidenza fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-inċidenza tikkonċernax suq differenti minn dak li fih il-benefiċjarju tal-għajnuna jwettaq l-attività tiegħu. |
|
44. |
Iktar minn hekk, is-sentenza mogħtija reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni ( 18 ) tidher li wessgħet b’mod konsiderevoli l-portata tal-kunċett imsemmi. |
|
45. |
F’din is-sentenza, ir-rikonoxximent tal-kwalità bħala “parti interessata” tar-rikorrenti mogħnija bil-forma ta’ assoċjazzjoni, kien immotivat mill-fatt li l-għajnuna inkwistjoni kienet ingħatat, fil-kuntest tal-bejgħ tal-attiv tal-kumpless ta’ Nürburgring, lil impriża privata li tagħmel l-ikbar profitti possibbli, u li dan kien jippreġudika l-għanijiet ta’ interess ġenerali tar-rikorrenti, kif ukoll l-eżistenza stess tagħha, speċifikament b’rabta maċ-ċirkwit tan-Nürburgring ( 19 ). |
|
46. |
Konsegwentement, l-ilment tal-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrikjedietx li DLH tipproduċi l-prova li hija qiegħda f’kompetizzjoni, anki jekk parzjali, mal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn, ma jistax, fil-fehma tiegħi, jintlaqa’. |
|
47. |
Għal dak li jikkonċerna t-tieni lment, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat impliċitament li ma huwiex neċessarju li jiġu kkonstatati l-inċidenza reali kkawżata bl-għoti tal-għajnuna għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “parti interessata” ta’ impriża li ma hijiex f’kompetizzjoni mal-benefiċjarja tal-għajnuna, jeħtieġ li jiġi indikat li l-Kummissjoni tirreferi, għal darba oħra, għas-sentenzi Kronoply u L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch. |
|
48. |
Fil-fehma tiegħi, dawn is-sentenzi ma jistgħux iservu sabiex juru li, sabiex tiġi adottata interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “parti interessata”, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata l-inċidenza tal-għajnuna inkwistjoni fuq l-ajruport ta’ Frankfurt am Main, b’mod partikolari fuq il-profittabbiltà tagħha, u fuq l-offerti ta’ titjiriet proposti kemm minn DLH mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main kif ukoll minn Ryanair mill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn. |
|
49. |
Għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jgħid li r-rikorrenti kienu wrew li kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-injam u, minkejja l-fatt li dawn ir-rikorrenti ma kinux ipproduċew il-prova li tali żieda kienet dovuta għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, l-eżistenza ta’ konsegwenzi negattivi fuqhom ma setgħetx tkun eskluża. Iktar milli kienet is-suġġett ta’ konstatazzjoni li tirrigwarda l-inċidenza reali kkawżata mill-għoti tal-għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għaż-żieda fil-prezzijiet tal-injam bil-għan biss li ssaħħaħ il-konklużjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ inċidenza purament potenzjali tal-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrenti minħabba l-imsemmi għoti ta’ għajnuna ( 20 ). |
|
50. |
Fir-rigward tat-tieni sentenza, ebda wieħed mill-punti tagħha ma jidhirli li fih il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza ta’ inċidenza reali tal-għajnuna li minnhom jibbenefikaw il-bejjiegħa bl-imnut fuq ir-rikorrenti (impriżi ta’ tbiċċir u tqattiegħ mhux ittikkettati). |
|
51. |
Barra minn hekk, is-sentenzi 3F u Nürburgring, eżaminati iktar ’il fuq, jikkonfermaw biss li l-konstatazzjoni tal-inċidenza reali tal-għajnuna ma hijiex neċessarja biex jiġi konkluż li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarja tista’ tkun ikklassifikata bħala “parti interessata”. |
|
52. |
Dan it-tieni lment ma jistax għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jirnexxi. |
2) Fuq l‑assenza li tintwera, min‑naħa tar-rikorrenti, inċidenza fuq l‑interessi legali tagħha jew fuq is‑sitwazzjoni legali tagħha
|
53. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat il-kunċett ta’ “parti interessata” b’mod żbaljat inkwantu ma rrikjedietx li DLH turi li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni kienet tinċidi fuq “l-interessi legali tagħha jew is-sitwazzjoni legali tagħha”. |
|
54. |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “parti interessata” japplika, b’mod partikolari, għal impriża li ma hijiex kompetitur dirett tal-benefiċjarja tal-għajnuna, bil-kundizzjoni li din l-impriża ssostni li “l-interessi tagħha jistgħu jkunu affettwati [inċiżi] bl-għoti tal-għajnuna” u, biex tagħmel dan “tipprova, b’mod suffiċjenti fid‑dritt, li l‑għajnuna jista’ jkollha effett [inċidenza] konkret fuq is‑sitwazzjoni tagħha” ( 21 ). Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li huma biss l-impriżi li l-interess legali jew is-sitwazzjoni legali tagħhom jirriskja li jkun inċiż, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “parti interessata”. |
|
55. |
Insostenn tal-interpretazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi 3F u Nürburgring. Fir-rigward tal-ewwel sentenza, din tidher li tikkunsidra li l-kwalità ta’ “parti interessata” ġiet irrikonoxxuta lir-rikorrent, sindakat tal-baħrin, minħabba li l-għoti tal-għajnuna kien jinċidi fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu billi biddel il-pożizzjoni ta’ negozjar ta’ dan fir-rigward ta’ ċerti sidien ta’ bastimenti Daniżi, ħaġa li tirrifletti, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni mhux eżatta tas-sentenza. Fil-fatt, kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, din il-kwalità ħarġet, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-inċidenza fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dan is-sindakat meta mqabbel ma’ sindakati ta’ baħrin oħra waqt in-negozjar tal-ftehimiet kollettivi, ħaġa li kellha bħala konsegwenza riperkussjonijiet fuq l-imsemmi sindakat fir-rigward tal‑kapaċità tiegħu li jirrekluta lill‑membri tiegħu ( 22 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda modifika fis-sitwazzjoni legali tar-rikorrent ma kienet rikjesta. Fir-rigward tat-tieni sentenza, il-Kummissjoni ssostni li t-tibdil fis-sitwazzjoni legali li jippermetti l-konklużjoni li r-rikorrenti kienet “parti interessata” jsib spjegazzjoni fil-fatt li l-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din ir-rikorrenti kien ġie reż “legalment irrealizzabbli” inkwantu l-benefiċjarja tal-għajnuna u akkwirent tal-kumpless ta’ Nürburgring kienet impriża privata. B’hekk, din l-istituzzjoni tidher li talludi għall-fatt li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni jkollha bħala konsegwenza tibdil futur fl-istatus legali tar-rikorrenti. Min-naħa tiegħi, jien tal-fehma li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq l-inkompatibbiltà bejn l-għan li din tal-aħħar kienet tfittex u dak tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, bl-esklużjoni ta’ kull kunsiderazzjoni marbuta, pereżempju, mal-eventwali xoljiment sussegwenti tar-rikorrenti ( 23 ). |
|
56. |
In-nuqqas ta’ rilevanza tal-kriterju marbut mat-tibdil tal-interessi legali jew tas-sitwazzjoni legali tal-parti rikorrenti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni ma għandhiex, barra minn hekk, tkun sorprendenti. Fil-fatt, u kif ġie espost qabel f’dawn il-konklużjonijiet, il-locus standi bħala “parti interessata”, għal dak li jirrigwarda deċiżjoni li tiddikjara għajnuna kompatibbli fl-eżitu tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuniet, huwa intiż li jtaffi l-kundizzjoni li tgħid li rikorrent għandu jkun “inċiż individwalment” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Plaumann. B’hekk, il-kwalità ta’ parti interessata hija espressjoni tal-kriterju legali rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-inċidenza individwali stabbilit mit-Trattat FUE. Issa, dan tal-aħħar jikkonċerna, kif diġà ġie spjegat, is-sitwazzjoni fattwali, u mhux is-sitwazzjoni legali, tar-rikorrent. |
|
57. |
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta hija kklassifikat lil DLH bħala “parti interessata” fuq il-bażi biss tal-interess ekonomiku ta’ din. |
|
58. |
L-ilmenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, irendu invalida l-interpretazzjoni proposta. |
|
59. |
In-neċessità li jkun hemm inċidenza fuq l-interessi legali jew is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent ma tistax tkun dedotta, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, la minn paralleliżmu mal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-inċidenza diretta fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 24 ), la minn paralleliżmu mal-ġurisprudenza li tikkonċerna l-kunċett ta “interess fir-riżultat ta’ xi kawża”, kif jinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u lanqas mis-sentenza Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (iktar ’il quddiem is-“sentenza Montessori”) ( 25 ). |
|
60. |
L-ewwel ġurisprudenza tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni li l-għajnuna trid “tinċidi direttament” u għaldaqstant, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, ma hija bl-ebda mod rilevanti. |
|
61. |
It-tieni ġurisprudenza tikkonċerna dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-dritt li persuna tintervjeni fil-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jappartjeni lill-korpi u organi tal-Unjoni u lil kull persuna oħra, jekk dawn jistgħu jiġġustifikaw interess għas-soluzzjoni tal-kawża. Skont din il-ġurisprudenza stabbilita, interess għas-soluzzjoni tal-kawża jfisser interess dirett u attwali sabiex jintlaqgħu t-talbiet tal-parti li l-intervenjent irid isostni, ħaġa li timplika li jiġi vverifikat jekk min japplika sabiex jintervjeni ikunx inċiż direttament minn deċiżjoni tal-Kummissjoni u jekk l-interess tiegħu fl-eżitu tat-kawża huwiex ċert. Kif tfakkar il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li interess għas-soluzzjoni tal-kawża jista’ fil-prinċipju jitqies bħala suffiċjentement dirett biss sa fejn din is-soluzzjoni hija tali li tbiddel il-pożizzjoni legali ta’ min japplika sabiex jintervjeni ( 26 ). Madankollu, din hija evalwazzjoni analoga għal dik li tirrigwarda l-inċidenza diretta fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, bħala tali, ma tistax tiġi trasposta fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti interessata”. Fi kwalunkwe każ, dan ir-riżultat eżeġetiku huwa r-riżultat ta’ bbilanċjar, speċifiku għall-intervent, bejn ir-rekwiżit li tkun permessa evalwazzjoni aħjar tal-kawżi u dak li jiġu evitati l-multipliċità ta’ interventi individwali li jippreġudikaw l-effikaċja u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ( 27 ). |
|
62. |
Is-sentenza Montessori ( 28 ) hija irrilevanti f’dan il-kuntest, u dan kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Nürburgring. Fil-fatt, fl-ewwel sentenza, il-kwistjoni ma kinitx tirrigwarda l-kwalità ta’ “parti interessata” ta’ persuna jew ta’ impriża, iżda kienet tirrigwarda l-eventwali preġudizzju dirett, fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ħalliet kompletament fis-seħħ l-inċidenza tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni li kienu jistabbilixxu skema ta’ għajnuna, għas-sitwazzjoni legali ta’ lanjant li jallega li dawn il-miżuri jpoġġuh f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġjuża ( 29 ). |
3) Fuq il‑ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn DLH u Ryanair
|
63. |
Il-Kummissjoni u l-Land jikkritikaw f’diversi aspetti wkoll l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar ir-relazzjonijiet bejn DLH u Ryanair li jinsabu fil-punt 51 sa 54 tas-sentenza appellata. |
|
64. |
Qabel xejn, il-Kummissjoni ssostni li, għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn DLH u Ryanair, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, kisret l-obbligu li tirrispondi għall-argumenti kollha tagħha. |
|
65. |
Jeħtieġ l-ewwel nett li jitfakkar, minn naħa, li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi l-għadd ta’ argumenti invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza, essenzjalment, jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, għandu jiżdied li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u individwali, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima, u li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 30 ). |
|
66. |
Jeħtieġ li jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni kienet ikkontestat b’saħħa l-allegazzjoni li t-titjiriet proposti minn Ryanair li jitilqu mill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn kienu f’kompetizzjoni mat-titjiriet, lejn l-istess destinazzjonijiet, proposti minn DLH li jitilqu mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main. |
|
67. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet enfasizzat b’mod partikolari, l-ewwel, li DLH kienet tuża l-ajruport ta’ Frankfurt am Main bħala pjattaforma ajruportwali (“hub”) u li l-parti l-kbira mill-passiġġieri tagħha huma passiġġieri fi tranżitu, filwaqt li Ryanair kienet tiżgura li mill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn ikun hemm titjiriet bi prezz baxx fil-kuntest tat-traffiku “minn post għal ieħor”, u, it-tieni, li l-allegati provi pprovduti minn DLH quddiem il-Qorti Ġenerali ma kien fihom ebda informazzjoni li tikkorrobora l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni, bħalma hija data dwar it-tibdil tan-numru ta’ passiġġieri u l-profittabbiltà tal-konnessjonijiet bl-ajru operati minn DLH b’mod parallel ma’ Ryanair ( 31 ). |
|
68. |
Issa, il-punti tas-sentenza appellata msemmija fl-ilmenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-punt 52, jirriflettu approċċ kważi ta’ preżunzjoni għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn DLH u Ryanair, fejn il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tafferma li l-identiċità tad-destinazzjonijiet servuti minn dawn il-kumpanniji “hija tali li tindika li teżisti kompetizzjoni”. Jidhirli li ma jistax jiġi kkunsidrat li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali rrispondiet impliċitament għall-argumenti mqajma mill-Kummissjoni, li kienu intiżi preċiżament li jikkontestaw in-natura obbligatorja tar-rabta bejn il-premessa (identiċità tad-destinazzjonijiet servuti) u l-konklużjoni (eżistenza ta’ kompetizzjoni). Għaldaqstant, nikkunsidra li din il-motivazzjoni ma tista’ bl-ebda mod titqies bħala li hija suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tifhem il-motivi taċ-ċaħda tal-argumenti tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
|
69. |
Minn dan isegwi li r-raġunament li jinsab fil-punti 51 sa 54 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni u li, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ dan l-ilment. |
|
70. |
Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra, imqajma mil-Land u mill-Kummissjoni, li jirrigwardaw din il-parti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. |
4) Fuq il‑ksur tar‑regoli li jirregolaw l‑oneru tal-prova waqt id‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn l‑ajruporti ta’ Frankfurt-Hahn u Frankfurt am Main
|
71. |
Il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li bbażat ruħha fuq il-kompetizzjoni allegata bejn l-ajruport ta’ Frankfurt am Main u dak ta’ Frankfurt-Hahn u fuq l-impatt tal-għajnuna kontenzjuża fuq l-ajruport ta’ Frankfurt am Main sabiex tiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ DLH, minkejja li tali argumenti ma kinux tressqu fir-rikors għal annullament. |
|
72. |
Għalkemm il-Kummissjoni tinvoka ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova, jidhirli li eżami iktar akkurat tal-ilment li hija tressaq juri li dan tal-aħħar huwa intiż pjuttost sabiex jikkontesta l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ kontradittorju. |
|
73. |
Infakkar, fil-fatt, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ kontradittorju ma jagħtix biss lil kull parti fil-kawża d-dritt li tieħu konoxxenza tad-dokumenti u tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-qorti mill-parti l-oħra u li tiddiskutihom. Dan il-prinċipju jimplika wkoll id-dritt għall-partijiet li jieħdu konoxxenza ta’ u li jiddiskutu l-elementi mqajma ex officio mill-qorti u li fuq il-bażi tagħhom din ikollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa fil-fatt meħtieġ li l-partijiet ikunu jafu u jkunu jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju kemm il-punti ta’ fatt u kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura ( 32 ). |
|
74. |
Fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tidher li tikkunsidra li l-ajruporti ta’ Frankfurt-Hahn u ta’ Frankfurt am Main huma kompetituri. |
|
75. |
Fil-parti tar-rikors għal annullament tagħha ddedikata għall-ammissibbiltà, DLH ma tagħmel ebda riferiment għal kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ ajruporti u toħloq argumenti bbażati kważi esklużivament fuq ir-relazzjoni kompetittiva li hija għandha ma’ Ryanair. |
|
76. |
Ċertament jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-parti introduttiva ta’ dan ir-rikors (punt 48), kif ukoll f’dik li tikkonċerna l-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża (punti 117 u 118), DLH tipprova turi li s-sussidju lil Ryanair minn FFHG ippermetta lil din il-kumpannija tal-ajru li tiċċaqlaq għal ajruporti ikbar, b’mod partikolari għal dak ta’ Frankfurt am Main, u li l-ġestjonarja ta’ dan l-aħħar ajruport issegwi llum strateġija ta’ attrazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru low-cost. F’dan il-kuntest, hija tikkritika d-delimitazzjoni taż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn li għamlet il-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, u b’mod partikolari l-punt 46 tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
77. |
Insostni madankollu li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss interpretazzjoni partikolarment benevola ta’ dan ir-rikors, li timplika approċċ loġiku intiż li jiskopri s-sens impliċitu, imma neċessarju, tal-kliem tiegħu, li tista’ twassal sabiex jiġi konkluż li DLH tikkunsidra li dawn iż-żewġ ajruporti għandhom relazzjoni kompetittiva, u sabiex jittieħed għaldaqstant inkunsiderazzjoni dan l-element fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk DLH urietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għajnuna inkwistjoni tirriskja li jkollha impatt konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha. |
|
78. |
Peress li l-Qorti Ġenerali wettqet għaldaqstant ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dan l-ilment. |
5) Fuq l‑iżball ta’ liġi fid‑determinazzjoni ta’ riskju ta’ inċidenza konkreta fuq is-sitwazzjoni ta’ DLH maħluq bl‑għoti tal‑għajnuna kontenzjuża minħabba t‑tfixkil fl-operat tal‑ajruport ta’ Frankfurt am Main
|
79. |
Il-Land isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna kontenzjuża setgħet tagħmel pressjoni kompetittiva fuq l-ajruport ta’ Frankfurt am Main, li tista’ tinċidi b’mod negattiv il-klijenti tiegħu, fosthom DLH. |
|
80. |
Peress li ssuġġerejt risposta fil-pożittiv għall-ilment preċedenti, dwar il-ksur tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-assenza ta’ allegazzjoni ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-ajruporti ta’ Frankfurt -Hahn u Frankfurt am Main, ser nittratta dan l-ilment b’mod purament sussidjarju. |
|
81. |
Qabel ma nagħmel evalwazzjoni ta’ dan l-ilment, huwa neċessarju li jitfakkar li l-kuntest ġuridiku rilevanti f’dan il-każ ġie ppreċiżat fis-sentenza reċentement mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Solar Ileias Bompaina. |
|
82. |
Din kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni Griega li għandha bħala inċidenza li tnaqqas it-tariffi feed-in imħallsa lill-produtturi li joperaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħalma kienet ir-rikorrenti, u intiża li tassorbi mill-ġdid id-defiċit ta’ kont speċjali maħluq minn qabel permezz ta’ liġi sabiex jiffinanzja t-tariffi feed-in b’mod partikolari favur dawn il-produtturi. Dan il-kont kien iffinanzjat, essenzjalment, permezz ta’ kontribuzzjoni speċjali imposta fuq il-konsumaturi, u permezz ta’ sorsi addizzjonali, bħalma kien id-dħul tal-parteċipanti fis-suq rilevanti. Skont ir-rikorrenti, din il-leġiżlazzjoni wasslet għall-għoti ta’ għajnuna lill-fornituri tal-elettriku minħabba l-assenza ta’ kontribuzzjoni dovuta minnhom. Kieku dawn il-fornituri kienu mġiegħla jikkontribwixxu sabiex jassorbu dan id-defiċit, is-sitwazzjoni patrimonjali tar-rikorrenti kienet tkun, fil-fehma tagħha, iktar favorevoli peress li ma kienx ikun meħtieġ li jitnaqqsu t-tariffi feed-in li minnhom hija kienet tibbenefika. |
|
83. |
Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna rriskjatx li jkollha inċidenza konkreta fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’din is-sentenza, li, għalkemm il-preġudizzju għall-interessi ta’ din jista’ jkun potenzjali biss, ir-riskju ta’ inċidenza konkreta fuq dawn l-istess interessi għandu jintwera b’mod suffiċjenti fid-dritt ( 33 ). Fi kliem ieħor, il-kriterju rilevanti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa dak tal-eżistenza ta’ rabta kawżali potenzjali, stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt, bejn l-allegata għajnuna u l-ħsara konkreta kkawżata lill-interessi jew lill-pożizzjoni fis-suq tal-impriża kkonċernata ( 34 ). |
|
84. |
Skont dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-appellanti ma spjegatx b’liema mod l-hekk imsejħa eżenzjoni tal-fornituri tal-elettriku seta’ kellha influwenza fuq l-iffissar tat-tariffi feed‑in ġodda applikabbli għaliha, ladarba l-aġġustamenti li saru kienu prinċipalment intiżi sabiex jikkontrobilanċjaw il-kumpens żejjed mogħti preċedentement lil dawn il-produtturi ( 35 ). |
|
85. |
Huwa utli, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni, li jittieħed pass lura sabiex jitfakkar li, kif ġie spjegat qabel fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza wettqet twessiegħ taċ-ċirku tal-persuni li jistgħu jkunu kklassifikati bħala “parti interessata” minħabba l-firda li hija wettqet bejn din il-kwalità u l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrent u l-benefiċjarju tal-għajnuna. |
|
86. |
Bħala konsegwenza ta’ tali twessiegħ, ir-rekwiżit probatorju fid-dawl tar-rabta kawżali potenzjali bejn l-għajnuna u l-preġudizzju konkret għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti jidher li jikkostitwixxi l-veru lqugħ li jippermetti li rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħalma hija d-deċiżjoni kontenzjuża, jiġi ttrasformat f’tip ta’ actio popularis. Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk titlobna nifhmu din ir-rabta b’mod relattivament strett, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li dan jirrikjedi biss il-prova ta’ inċidenza purament potenzjali, u mhux reali, fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent. |
|
87. |
Dan l-approċċ jinvolvi, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit li jintwera li l-għajnuna kontenzjuża, minnha nfisha, u mhux is-sempliċi eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali bejn il-benefiċjarju tagħha u r-rikorrent, tirriskja li jkollha inċidenza fuq l-interessi ta’ dan tal-aħħar ( 36 ). |
|
88. |
Fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li peress li l-ajruport ta’ Frankfurt am Main huwa ċ-ċentru ta’ operazzjoni prinċipali tat-titjiriet ta’ DLH u jinsab fil-viċinanza tal-ajruport benefiċjarju tal-għajnuna kontenzjuża, DLH għandha interess li l-funzjonament tal-ajruport ta’ Frankfurt am Main ma jkunx imfixkel mill-eventwali inċidenza fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dan li jista’ jirriżulta mill-għoti tal-għajnuna kontenzjuża. |
|
89. |
Il-katina kawżali hekk stabbilita fiha, fil-fehma tiegħi, lakuna evidenti. |
|
90. |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma ssemmi ebda element li jiġġustifika li l-eventwali pressjoni kompetittiva li taqa’ fuq l-ajruport ta’ Frankfurt am Main jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq il-klijenti ta’ dan l-ajruport, bħalma hija DLH. Naqbel, f’dan ir-rigward, mal-kumment tal-Land li jgħid li r-raġunament ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ politika kompetittiva jista’ anki jwassal għas-suppożizzjoni opposta, peress li taħt l-effett ta’ pressjoni kompetittiva, l-ajruport ta’ Frankfurt am Main ikun imġiegħel jipproponi kundizzjonijiet kuntrattwali aħjar lill-kumpanniji tal-ajru li joperaw hemmhekk. |
|
91. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn hija tasal sabiex tikkunsidra li l-ilment eżaminat qabel għandu jiġi miċħud, li tikkonkludi li r-raġunament li jinsab fil-punt 50 tas-sentenza appellata fih żball ta’ liġi u, konsegwentement, li tilqa’ dan l-ilment. |
c) Fuq l‑invokar minn DLH tad‑drittijiet proċedurali tagħha
|
92. |
Il-Land jikkritika lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel, talli kkunsidrat, b’mod żbaljat, b’mod partikolari fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li, fir-rikors għal annullament tagħha, DLH kienet ilmentat mill-Kummissjoni talli kisritilha d-drittijiet proċedurali tagħha meta ddeċidiet li ma tiftaħx proċedura ta’ investigazzjoni formali u, t-tieni, talli ma mmotivatx b’mod korrett din l-affermazzjoni. |
|
93. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tinterpreta r-rikors ta’ rikorrent li jikkontesta esklużivament il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali fis-sens li fil-verità huwa intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li r-rikorrent jislet mill-Artikolu 108(2) TFUE meta dan ir-rikorrent ma jkunx ippreżenta espressament motiv li jsegwi dan l-għan, għaliex inkella tkun qiegħda tibdel is-suġġett tar-rikors ( 37 ). |
|
94. |
Fis-sentenzi Kronoply u L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, meta r-rikorrenti jitolbu fl-ewwel istanza l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-limitu msemmi għall-poter ta’ interpretazzjoni tal-motivi ta’ rikors ma għandux l-effett li jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa mir-rikorrent sabiex jiġi vverifikat jekk huma għandhomx xi elementi insostenn tal-motiv, ukoll imressqa mir-rikorrent, li espressament isostnu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 38 ). |
|
95. |
Fis-sentenza Il‑Belġju vs Deutsche Post u DHL International ( 39 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma huwiex neċessarju li r-rikors għal annullament jippreżenta b’mod ċar il-motivi distintivament identifikabbli bħala li jipprevedi s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti. Hija kkunsidrat bħala li kien suffiċjenti l-fatt li, fi kliem dan ir-rikors stess, dawn ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali pprekludihom mill-benefiċċju tal-garanziji proċedurali li għalihom huma għandhom dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għal annullament huwa ammissibbli, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi biss fuq il-motivi ta’ dan ir-rikors li huma intiżi li juru li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni formali ( 40 ). |
|
96. |
Iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jidhirli li huma simili. Fil-fatt, ir-rikors ippreżentat minn DLH fl-ewwel istanza huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalkemm ir-rikors għal annullament ta’ DLH ma jippreżentax, b’mod ċar, motiv distintivament identifikabbli bħala li jipprevedi s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha, minn kliem dan ir-rikors, b’mod partikolari mill-punti 55 u 56 ta’ dan ir-rikors, jirriżulta li DLH tressaq argumenti li jistgħu jinftiehmu bħala li jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma bdietx din il-proċedura. |
|
97. |
Issa, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx fis-sentenza appellata analiżi tal-motivi kif preskritt mill-Qorti tal-Ġustizzja u, b’dan il-mod, wettqet żball ta’ liġi. Dan l-ilment tal-Land għandu, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jintlaqa’. |
|
98. |
Fi kwalunkwe każ, jidhirli li, minħabba n-natura eċċessivament vaga u konċiża tiegħu, il-punt 62 tas-sentenza appellata ma jistax jitqies bħala li jissodisfa r-rekwiżiti li fuqhom huwa bbażat l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar, fil-fatt, kellha tirreferi espliċitament għall-punti tar-rikors għal annullament ta’ DLH b’mod li jippermettulha tikkorrobora l-evalwazzjoni ġenerali tagħha li d-drittijiet proċedurali tagħha kienu jirriżultaw minn “analiżi globali” ta’ dan ir-rikors. |
B. Fuq l‑użu allegatament skorrett mill‑Qorti Ġenerali tal‑kunċett ta’ “xenarju globali” (l‑ewwel u t‑tielet ilment tat‑tieni aggravju tal‑appell inċidentali ta’ DLH)
1. Sunt tas‑sentenza appellata u tal‑argumenti tal-partijiet
|
99. |
Fil-mertu, DLH tikkritika b’mod partikolari r-raġunament użat fil-punti 129 sa 142 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti mressqa minn DLH meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni diversi miżuri adottati favur Ryanair sabiex tevalwa jekk kienx hemm dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern. Skont DLH, din l-għajnuna serviet sabiex tikkumpensa t-telf li FFHG ssofri minħabba preċiżament dawn il-miżuri favur Ryanair, b’mod li din il-kumpannija tal-ajru hija, fir-realtà l-benefiċjarja indiretta tal-għajnuna kontenzjuża, ħaġa li kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2. Evalwazzjoni
|
100. |
Fid-dawl tal-konklużjoni negattiva li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn DLH quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-raġunament magħmula fil-punti li ġejjin għandu jinftiehem bħala li huwa ta’ natura purament sussidjarja. |
|
101. |
Jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi rrimarkat li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 140 tas-sentenza appellata, tistrieħ fuq żewġ konstatazzjonijiet. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, il-punt 137 tas-sentenza appellata, li ċerti miżuri favur Ryanair huma s-suġġett tal-“proċedura Hahn IV”. Min-naħa l-oħra, iddeċidiet, fil-punti 138 u 139 ta’ din is-sentenza, li ebda waħda minn dawn il-miżuri ma jifformaw parti minn “xenarju globali” mal-għajnuna kontenzjuża. |
|
102. |
DLH tikkontesta b’mod partikolari l-fondatezza tal-użu tal-kunċett ta’ “xenarju globali” sabiex teskludi l-possibbiltà li l-għajnuna kontenzjuża kienet ġiet ittrasferita lil Ryanair. |
|
103. |
F’dan ir-rigward, nosserva li t-tliet kriterji adottati mill-Qorti Ġenerali sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ xenarju globali huma (i) it-tqassim fiż-żmien tal-għajnuna kontenzjuża u tal-miżuri kkunsidrati, (ii) it-tibdil tal-istruttura tal-azzjonisti li seħħ bejn il-konklużjoni tal-kuntratt u l-għoti tal-għajnuna u (iii) il-forma differenti li għandhom dawn il-miżuri. |
|
104. |
Minn dawn jirriżulta li l-kontenut materjali tal-eżami magħmul mill-Qorti Ġenerali sabiex tivverifika jekk l-għajnuna kontenzjuża u l-miżuri inkwistjoni l-oħra jikkontribwixxux għal “xenarju globali” jikkorrispondi għal dak tal-analiżi preskritta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddeterminat jekk diversi miżuri ta’ għajnuna suċċessivi jistgħux jitqiesu bħala miżura waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Infakkar, fil-fatt, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dan jista’ jkun il-każ jekk l-interventi Statali jippreżentaw, fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti bejniethom li huwa impossibbli li jiġu disassoċjati ( 41 ). |
|
105. |
Dan l-aggravju ma jikkonċernax, madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ sensiela ta’ interventi Statali ta’ għajnuna mill-Istat, peress li n-natura bħala għajnuna tal-ħlas dirett favur FFHG ma huwiex ikkontestat. Il-punt legali fil-qalba ta’ dan l-aggravju jirrigwarda l-eventwali eżistenza ta’ benefiċjarju indirett ta’ din l-għajnuna fid-dawl tal-irkupru tagħha, u b’mod iktar preċiż, il-punt dwar jekk wieħed jistax jikkunsidra li l-għajnuna ġiet ittrasferita lil Ryanair. |
|
106. |
Din hija r-raġuni għaliex jien persważ li l-applikazzjoni tal-linja ta’ ġurisprudenza mibdija bis-sentenza Bouygues ( 42 ) ma hijiex rilevanti għal dan il-każ, ħaġa li hija kkonfermata barra minn hekk mill-fatt li l-konstatazzjonijiet li jgħidu li l-għajnuna kontenzjuża u l-miżuri inkwistjoni l-oħra huma mqassma matul iż-żmien, li dawn jieħdu forom differenti jew li l-azzjonisti ta’ FFHG tbiddlu, ma jistgħux jeskludu li l-imsemmija għajnuna setgħet ibbenefikat minnha Ryanair permezz tal-imsemmija miżuri. |
|
107. |
Id-determinazzjoni dwar ir-realtà ta’ dan it-trasferiment jista’ jirriżulta biss b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-vantaġġ indirett, kif jirriżulta mis-sentenzi Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni ( 43 ), Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni ( 44 ) u Mediaset vs Il‑Kummissjoni ( 45 ). |
|
108. |
Fil-punt 116 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ( 46 ), il-Kummissjoni tat sunt ta’ din l-aħħar ġurisprudenza fis-sens li “l-effetti prevedibbli tal-miżura għandhom jiġu eżaminati minn perspettiva ex ante” filwaqt li ġie ppreċiżat li “[v]antaġġ indirett huwa preżenti jekk il-miżura hija mfassla b’tali mod li tiggwida l-effetti sekondarji tagħha lejn impriżi identifikabbli jew gruppi ta’ impriżi”. Filwaqt li naqbel mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, sostnejt reċentement li l-eżistenza ta’ vantaġġ indirett jirriżulta, skont l-imsemmija ġurisprudenza, mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet applikabbli jew minn dak ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet b’rabta mal-kuntest fattwali eżistenti ( 47 ). |
|
109. |
Il-kriterji adottati mill-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza Bouygues, kif użati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 138 u 139 tas-sentenza appellata, ma huma rilevanti bl-ebda mod għal din l-evalwazzjoni. |
|
110. |
F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jsemmi, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni ( 48 ). Sabiex nissintetizza, din kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni li tipprevedi għajnuna li tieħu l-forma ta’ kumpens favur operaturi tal-pompi tal-petrol Olandiżi li jinsabu fil-fruntieri mal-Ġermanja, sabiex titnaqqas id-diskrepanza bejn it-tariffi tad-dazji tas-sisa fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi u dawk eżistenti fil-Ġermanja u kuntratt li jipprevedi li l-impriżi taż-żejt li jfornu lil dawn il-pompi tal-petrol kienu obbligati jeżentaw lil dawn l-operaturi mit-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ mill-pompa li jikkorrispondi għal tali diskrepanza. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għajnuna kienet ġiet ittrasferita lill-kumpanniji taż-żejt minkejja li l-miżuri inkwistjoni kienu ta’ natura differenti, ma kinux jipproduċu inċidenza bejn l-istess partijiet u kienu mqassma matul iż-żmien. |
|
111. |
Jidhirli għaldaqstant li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika l-kriterju li jirriżulta mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-vantaġġ indirett sabiex teżamina jekk il-miżura li tagħti l-għajnuna kontenzjuża kinitx intiża b’mod li, tal-inqas, parti minn din l-għajnuna tibbenefika lil Ryanair. Filwaqt li applikat, min-naħa l-oħra, il-kriterji li joħorġu mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bouygues, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-fehma tiegħu, żball ta’ liġi. |
|
112. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u jekk hija kellha tikkunsidra li r-rikors ippreżentat minn DLH quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha, fil-fehma tiegħi, tilqa’ t-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ DLH. |
V. Konklużjoni
|
113. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata fuq il-bażi tal-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali waqt id-determinazzjoni tal-locus standi ta’ DLH. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).
( 3 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (C‑99/21 P, EU:C:2022:510, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 4 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, iktar ’il quddiem is-“sentenza Plaumann, EU:C:1963:17, p. 223).
( 5 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi magħquda Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:229, punt 57).
( 6 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punti 75 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1993 (C‑198/91, EU:C:1993:197, punti 23 sa 26).
( 8 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1993 (C-225/91, EU:C:1993:239, punti 17 sa 19).
( 9 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 36).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
( 12 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).
( 13 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 59).
( 14 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, (iktar ’il quddiem is-“sentenza 3F, EU:C:2009:435, punt 33), tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, E) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kronoply, EU:C:2011:341, punti 64 u 65), tas‑7 ta’ April 2022, Solar Ileias Bompaina vs Il‑Kummissjoni (C‑429/20 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solar Ileias Bompaina, EU:C:2022:282, punt 35) u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 60).
( 15 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011 (C‑47/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza “L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch”, EU:C:2011:698)
( 16 ) Sentenza L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, punt 132.
( 17 ) Sentenza 3F, b’mod partikolari l-punt 54.
( 18 ) Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni (C‑647/19 P, EU:C:2021:666) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nürburgring”).
( 19 ) Sentenza Nürburgring, punt 66. Irrid nippreċiża li din kienet tirrigwarda assoċjazzjoni li kienet tiddefendi l-interessi tal-isport tal-karozzi Ġermaniż kollu b’rabta maċ-ċirkwit ta’ Nürburgring u li l-għan tagħha kien li tiggarantixxi l-operat ta’ dan iċ-ċirkwit f’kundizzjonijiet ekonomiċi orjentati lejn l-interess ġenerali li jiżguraw l-aċċess għalih anki għall-isportivi dilettanti.
( 20 ) Sentenza Kronoply, punti 68 u 69.
( 21 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Sentenza 3F, b’mod partikolari l-punt 52.
( 23 ) Sentenza Nürburgring, punti 66 u 67.
( 24 ) Dawn huma s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284) u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616).
( 25 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018 (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).
( 26 ) Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punti 6 u 7 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Settembru 2022, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑48/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:668, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018 (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).
( 29 ) Sentenza Nürburgring, punt 61.
( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 37).
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 30 sa 48 tal-kontroreplika.
( 32 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Sentenza Solar Ileias Bompaina, punt 35.
( 34 ) Sentenza Solar Ileias Bompaina, punt 43.
( 35 ) Sentenza Solar Ileias Bompaina, punt 41.
( 36 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (T‑777/19, EU:T:2021:588, punt 89), li fil-preżent hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 37 ) Ara s-sentenza Nürburgring, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata. Din il-ġurisprudenza ġiet ikkritikata ħafna peress li hija “partikolarment kumplessa u pjuttost formalistika” mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu li jirrigwardaw il-kawża British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:419, punti 70 sa 75. Ara wkoll il-kritika magħmula mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu li jirrigwardaw il-kawża Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:106, punt 138), u dawk tal-Avukat Ġenerali Bot li jirrigwardaw il-kawżi magħquda Il‑Ġermanja et vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:140, punti 106 sa 109).
( 38 ) Sentenzi Kronoply, punt 56 u L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch, punti 47 sa 50.
( 39 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011 (C‑148/09 P, EU:C:2011:603).
( 40 ) Punti 61 sa 63 tas-sentenza Il‑Belġju vs Deutsche Post. Jien persważ li l-punt 20 tad-digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Lux-Rehab Non-Profit vs Il‑Kummissjoni (C‑747/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1105) ma huwiex f’kontradizzjoni mal-imsemmija sentenza inkwantu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fih li “r-raġunament adottat fis-[sentenza L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch] ma jippermettix li jiġi konkluż li, fl-assenza ta’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali […], huwa l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li terġa’ tinterpreta motiv intiż li jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex ma tqajjimx oġġezzjonijiet bħala li huwa motiv ibbażat fuq ksur ta’ dawn id-drittijiet proċedurali” (enfasi bil-korsiv miżjud minni), jista’ jiġi kkunsidrat sewwasew li hija ma tirreferix biss għall-motivi li r-rikors għal annullament jippreżenta, b’mod ċar, bħala distintivament identifikabbli. L-istess kunsiderazzjonijiet huma applikabbli, fil-fehma tiegħi, għall-punti 44 sa 46 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761).
( 41 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, iktar ’il quddiem is-sentenza Bouygues, EU:C:2013:175, punt 104). Il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega, fil-fatt, li, l-interventi Statali li jieħdu diversi forom u li għandhom, skont wieħed mill-prinċipji kardinali tal-kontroll tal-għajnuniet mill-Istat, jiġu evalwati skont l-inċidenza tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE jitqiesu bħala intervent wieħed (punt 103).
( 42 ) Ara wkoll is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 97); tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 33); u s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni (C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 72).
( 43 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000 (C‑156/98, EU:C:2000:467).
( 44 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑382/99, EU:C:2002:363).
( 45 ) Sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011 (C‑403/10 P, mhux ippubblikata,EU:C:2011:533), li kkonfermat fuq dan il-punt is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233).
( 46 ) Avviż mill-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1).
( 47 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2022:744, punti 114 u 115).
( 48 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑382/99, EU:C:2002:363).