Brussell, 1.12.2023

COM(2023) 748 final/2

2023/0431(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) (15447/22 INIT; ST 15447/22 ADD 1) tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għall-Ungerija

{SWD(2023) 384 final}


2023/0431 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) (15447/22 INIT; ST 15447/22 ADD 1) tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għall-Ungerija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (recovery and resilience plan, “RRP”) mill-Ungerija fil-11 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2022 2 .

(2)Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli ta’ kull Stat Membru tiġi aġġornata sat-30 ta’ Ġunju 2022 f’konformità mal-metodoloġija pprovduta fih. Fit-30 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati ta’ dak l-aġġornament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(3)Fil-31 ta’ Awwissu 2023, l-Ungerija ppreżentat RRP nazzjonali modifikat, inkluż kapitolu tar-REPowerEU f’konformità mal-Artikolu 21c tar-Regolament (UE) 2021/241, lill-Kummissjoni.

(4)L-RRP modifikat jinkludi talba motivata lill-Kummissjoni biex tipproponi biex jemenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 u jikkunsidra li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Il-modifiki tal-RRP ippreżentati mill-Ungerija jikkonċernaw 19-il miżura.

(5)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill indirizza rakkomandazzjonijiet lill-Ungerija fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda lill-Ungerija ssegwi koordinazzjoni effettiva tal-politiki makroekonomiċi, telimina gradwalment il-prezzijiet massimi u r-rati tal-imgħax massimi, timmira l-għajnuna tal-akkomodazzjoni lejn il-familji b’introjtu baxx, issaħħaħ il-qafas fiskali, ittejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-gruppi żvantaġġati, ittejjeb l-adegwatezza tal-assistenza soċjali, tiżgura djalogu soċjali effettiv u ttejjeb il-qafas regolatorju u l-kompetizzjoni fis-servizzi. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li titnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jitħaffef il-varar ta’ enerġiji rinnovabbli, jiġu eliminati gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili, jiġu riformati r-regoli tas-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar u l-iffissar tat-tariffi, kif ukoll l-aġġornament tal-infrastruttura tal-elettriku. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Ungerija tiddiversifika l-importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-bini. Il-Kunsill irrakkomanda li tiġi aġġustata s-sistema attwali ta’ prezzijiet tal-enerġija regolati biex ikun inkoraġġut l-iffrankar enerġetiku filwaqt li jiġi pprovdut appoġġ immirat għall-familji b’introjtu baxx. Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu wkoll aktar sforzi politiċi li jindirizzaw il-provvediment u l-ksib tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

(6)Il-preżentazzjoni tal-RRP modifikat segwiet proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, bl-involviment ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali, sħab soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Is-sommarju tal-konsultazzjonijiet ġie ppreżentat flimkien mal-RRP nazzjonali modifikat. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP modifikat, f’konformità mal-linji gwida ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament.

Talba għal self ibbażata fuq l-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2021/241

(7)L-RRP modifikat ippreżentat mill-Ungerija jinkludi talba għal appoġġ fil-forma ta’ self għall-implimentazzjoni ta’ miżura addizzjonali. Il-miżura mistennija tikkontribwixxi biex tindirizza l-isfidi relatati mas-suq tax-xogħol u tiffaċilita r-riintegrazzjoni tal-ġenituri bi tfal żgħar fis-suq tax-xogħol.

(8)B’mod partikolari, l-Ungerija talbet appoġġ fil-forma ta’ self għall-implimentazzjoni ta’ investiment ġdid fil-qafas tal-komponent 1. Investiment 5 (Ħolqien ta’ postijiet ġodda fil-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal) fil-qafas tal-komponent 1 (Demografija u edukazzjoni pubblika) jikkonsisti fiż-żieda tad-disponibbiltà tas-servizzi tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal billi jinħolqu 519-il faċilità ġdida għall-indukrar tat-tfal apparti l-faċilitajiet ġodda għall-indukrar tat-tfal li se jinħolqu fil-qafas tal-RRP b’appoġġ mhux ripagabbli. Il-miżura l-ġdida żżid il-livell ta’ ambizzjoni tal-investiment 4 (Ħolqien ta’ postijiet ġodda fil-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal) fil-qafas tal-komponent 1 (Demografija u edukazzjoni pubblika).

Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament 2021/241

(9)L-emendi tal-RRP ippreżentati mill-Ungerija minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 19-il miżura.

(10)L-Ungerija spjegat li żewġ miżuri ma għadhomx jistgħu jintlaħqu totalment jew parzjalment kif previst fl-RRP, minħabba l-inflazzjoni għolja. Dan jirrigwarda, rispettivament, l-objettivi intermedji 68, 69, 70 u 71 tal-investiment 1 (Kostruzzjoni tas-sistemi għas-sostituzzjoni tal-ilma tal-main, żvilupp ta’ networks u sistemi ġodda) fil-qafas tal-komponent 4 (Ġestjoni tal-ilma) u t-tnaqqis tal-miri bin-numru sekwenzjali 119 u 120, kif ukoll il-mira finali 121 ta’ investiment 2 (Għajnuna għall-użu tal-pannelli solari residenzjali u modernizzazzjoni tat-tisħin) fil-qafas tal-komponent 6 (Enerġija – Tranżizzjoni ekoloġika). Fuq din il-bażi, l-Ungerija talbet li titneħħa d-deskrizzjoni tal-investiment u l-objettivi intermedji tal-investiment 1 (Kostruzzjoni tas-sistemi ta’ sostituzzjoni tal-ilma tal-main, żvilupp ta’ networks u sistemi ġodda) fil-qafas tal-komponent 4 u biex jonqos il-livell ta’ implimentazzjoni meħtieġa tal-miri 119, 120 u 121 u jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tiġi emendata skont dan.

(11)L-Ungerija spjegat li erba’ miżuri ma għadhomx jistgħu jintlaħqu parzjalment minħabba diffikultajiet tekniċi waqt l-implimentazzjoni relatati ma’ dewmien u nuqqasijiet fil-kapaċità u żieda fid-domanda għall-elettrifikazzjoni. Dan jirrigwarda l-posponiment tal-objettivi intermedji 80 u 81, it-tnaqqis u l-emenda tal-miri 81 u 82, it-tnaqqis tal-mira 83 u l-emenda tad-deskrizzjoni tal-miżura ta’ investiment 1 (Bini tal-kapaċitajiet tan-network ferrovjarju suburban) fil-qafas tal-komponent 5 (Trasport ekoloġiku sostenibbli); il-posponiment tal-objettiv intermedju 87 u tal-mira 90 tal-investiment 2 (Switching tal-konġestjoni fin-network ferrovjarju fil-kuritur TEN-T) fil-qafas tal-komponent 5; il-posponiment tal-objettiv intermedju 91 fil-qafas tal-investiment 3 (Żvilupp ta’ trasport tal-linja bla emissjonijiet) fil-qafas tal-komponent 5; il-posponiment tal-objettiv intermedju 94 u t-tnaqqis tal-mira 95 fil-qafas tal-investiment 4 (Varar ta’ ġestjoni tat-traffiku ċentrali fil-ferroviji TEN-T) fil-qafas tal-komponent 5. L-Ungerija spjegat ukoll li miżura oħra ma għadhiex tista’ tintlaħaq parzjalment minħabba diffikultajiet tekniċi relatati man-nuqqas ta’ fattibbiltà teknika u dewmien fl-iżviluppi tal-IT. Dan jikkonċerna l-objettiv intermedju 243 tar-riforma 29 (Estensjoni tas-sistema awtomatika ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, it-trasparenza u jonqsu r-riskji tal-irregolaritajiet) fil-qafas tal-komponent 9 (Governanza u Amministrazzjoni pubblika). Fuq il-bażi ta’ dan, l-Ungerija talbet li tibdel id-deskrizzjoni tal-miżuri msemmija u l-objettivi intermedji u l-miri msemmija, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(12)L-Ungerija spjegat li miżura minnhom ma għadhiex tista’ tintlaħaq kompletament minħabba tfixkil fil-katina ta’ provvista wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Dan jirrigwarda t-tneħħija tal-objettivi intermedji 137 u 138 tal-investiment 1 (Tisħiħ ta’ industrija tal-immaniġġjar tal-iskart intelliġenti, innovattiva u sostenibbli u suq tal-materja prima sekondarja) fil-qafas tal-komponent 7 (Tranżizzjoni lejn Ekonomija ċirkolari). Fuq il-bażi ta’ dan, l-Ungerija talbet li tneħħi d-deskrizzjoni tal-miżura msemmija u l-objettivi intermedji msemmija, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(13)L-Ungerija spjegat li miżura minnhom ma għadhiex tista’ tintlaħaq kompletament minħabba nuqqas ta’ domanda. Dan jirrigwarda, rispettivament, l-objettivi intermedji 122 u 123 u l-miri 124 u 125 tal-investiment 3 (Installazzjoni ta’ faċilitajiet għall-ħżin tal-enerġija għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u għall-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni) fil-qafas tal-komponent 6 (Enerġija – Tranżizzjoni ekoloġika). Fuq il-bażi ta’ dan, l-Ungerija talbet li tneħħi d-deskrizzjoni tal-investiment, l-objettivi intermedji u l-miri msemmija, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(14)L-Ungerija spjegat li tliet miżuri ġew modifikati biex jimplimentaw alternattivi aħjar sabiex tinkiseb l-ambizzjoni oriġinali tal-miżura. Dan jirrigwarda l-objettivi intermedji 97 u 98 tar-riforma 1 (Varar ta’ tariffa nazzjonali unika, sistema ta’ biljetti u ta’ informazzjoni għall-passiġġieri għax-xarabanks u għall-ferrovija mill-Awtorità Nazzjonali tat-Trasport Pubbliku) fil-qafas tal-komponent 5 (Trasport ekoloġiku sostenibbli), l-objettiv intermedju 99 u d-deskrizzjoni tar-riforma 1 (Trasformazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-elettriku) fil-qafas tal-komponent 6 (Enerġija – Tranżizzjoni ekoloġika), l-objettivi intermedji 127, 128 u 129 tal-investiment 4 fil-qafas tal-komponent 6. Fuq il-bażi ta’ dan, l-Ungerija talbet li temenda l-objettivi intermedji u l-miri msemmija, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(15)L-Ungerija talbet ukoll li tuża r-riżorsi li fadal, li ġew liberati bit-tneħħija tal-miżuri skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, biex tikkumpensa għaż-żieda fl-ispiża ta’ żewġ miżuri, biex iżżid il-livell ta’ ambizzjoni ta’ tliet miżuri u biex tinkludi tliet miżuri ġodda. Dan jirrigwarda l-mira 25 tal-investiment 4 (Ħolqien ta’ postijiet ġodda fil-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal) fil-qafas tal-komponent 1 (Demografija u edukazzjoni pubblika); l-objettivi intermedji 72, 73 u 74 tal-investiment 2 (Stabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ) fil-qafas tal-komponent 4 (Ġestjoni tal-ilma); il-mira 95 fil-qafas tal-investiment 4 (Varar ta’ ġestjoni ċentrali tat-traffiku fil-ferroviji TEN-T) fil-qafas tal-komponent 5 (Trasport ekoloġiku sostenibbli); investiment 5 ġdid (Żvilupp ta’ sistema tat-tramm u tal-linja bit-troli f’Budapest) fil-qafas tal-komponent 5; il-mira 117 tal-investiment 1 (Żvilupp tal-grilja klassika u intelliġenti għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u għall-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni) fil-qafas tal-komponent 6 (Enerġija – Tranżizzjoni ekoloġika); l-objettivi intermedji ġodda 369 u 370, il-mira 371 tal-investiment 6 (Investimenti tal-effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku) fil-qafas tal-komponent 6; l-investiment 2 ġdid (Kostruzzjoni ta’ infrastruttura għall-ġbir intelliġenti tal-iskart għall-ġbir separat u vetturi relatati għall-ġbir b’emissjonijiet żero) fil-qafas tal-komponent 7 (Tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari).

(16)L-Ungerija talbet li tinkludi riforma addizzjonali 2 (Sensibilizzazzjoni) fil-qafas tal-komponent 7 (Tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari). Ir-riforma tinkludi l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni nazzjonali tal-komunikazzjoni u strateġija ta’ komunikazzjoni. Fuq il-bażi ta’ dan, l-Ungerija talbet li żżid il-miżura msemmija mal-pjan, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(17)Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet ippreżentati mill-Ungerija jiġġustifikaw l-emenda skont l-Artikolu 21(2) ta’ dak ir-Regolament.

(18)Id-distribuzzjoni tal-objettivi intermedji u l-miri f’pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi emendata biex tqis l-allokazzjoni l-ġdida, l-emendi għall-pjan u l-iskeda ta’ żmien indikattiva ppreżentata mill-Ungerija.

Korrezzjonijiet ta’ żbalji klerikali

(19)Ġew identifikati seba’ żbalji klerikali fit-test tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li tiġi emendata biex tikkoreġi dawk l-iżbalji klerikali li ma jirriflettux il-kontenut tal-RRP ippreżentat lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Novembru 2022, kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Ungerija. Dawn l-iżbalji klerikali huma relatati mal-mira 45 tal-investiment 4 (Infrastruttura tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għas-Seklu 21) fil-qafas tal-komponent 2 (Forza tax-xogħol kwalifikata ħafna u kompetittiva); il-mira 60 tal-investiment 3 (Promozzjoni tal-impjieg u żvilupp tal-ħiliet fuq il-bażi tal-ispeċifiċitajiet lokali) fil-qafas tal-komponent 3 (Aġġornament tal-lokalitajiet); ir-riforma 1 (Sensibilizzazzjoni) fil-qafas tal-komponent 4 (Ġestjoni tal-ilma); il-mira 146 tal-investiment 1 (Żvilupp tal-kundizzjonijiet għall-kura tas-saħħa fis-Seklu 21) fil-qafas tal-komponent 8 (Saħħa); ir-riforma 1 (Stabbiliment ta’ awtorità tal-integrità għat-tisħiħ tal-prevenzjoni, il-kxif u l-korrezzjoni ta’ frodi, kunflitti ta’ interess u korruzzjoni kif ukoll illegalitajiet u irregolaritajiet oħra li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta’ appoġġ tal-Unjoni fl-Ungerija) u r-riforma 3 (Introduzzjoni ta’ proċedura speċifika fil-każ ta’ reati speċjali relatati mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jew il-maniġment ta’ proprjetà pubblika [“rieżami ġudizzjarju”]) fil-qafas tal-komponent 9 (Governanza u Amministrazzjoni pubblika), u l-objettivi intermedji 231, 232 u 233 tar-riforma 26 (Titjib tat-trasparenza u aċċess għall-informazzjoni pubblika) fil-qafas tal-komponent 9 (Governanza u Amministrazzjoni pubblika). Dawn il-korrezzjonijiet ma jaffettwawx l-implimentazzjoni tal-miżuri kkonċernati.

Il-Kapitolu tar-REPowerEU bbażat fuq l-Artikolu 21c tar-Regolament 2021/241

(20)Il-Kapitolu REPowerEU jinkludi 13-il riforma ġdida u 16-il investiment ġdid. Il-Kapitolu REPowerEU jinkludi miżuri fuq skala akbar li jaffettwaw żewġ miżuri fil-qafas tal-komponent 6 (Enerġija – Tranżizzjoni ekoloġika). Il-miżuri fuq skala akbar inklużi fil-kapitolu REPowerEU jintroduċu titjib sostantiv fil-livell ta’ ambizzjoni tal-miżuri diġà inklużi fl-RRP.

(21)Il-faqar enerġetiku huwa indirizzat b’riforma li għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sostenn tal-effiċjenza enerġetika residenzjali ffinanzjati mill-UE (C10.R12: Sostenn għall-applikazzjonijiet ta’ benefiċjarji potenzjali għal skemi ta’ sostenn tal-effiċjenza enerġetika residenzjali ffinanzjati mill-UE) u b’investiment li jappoġġa l-effiċjenza enerġetika f’binjiet residenzjali (C10:I13: Twaqqif ta’ strument finanzjarju biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet u jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku).

(22)Il-kapitolu REPowerEU jinkludi riformi u investimenti li għandhom l-għan ta’ integrazzjoni ta’ enerġija li ġejja minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku Ungeriża u li jsaħħu s-sistema tal-elettriku. Dawn jirrigwardaw l-investimenti bi skala akbar fl-iżvilupp tal-grilja u t-tqassim ta’ miters intelliġenti, li huma parti minn investiment ġenerali fl-iżvilupp tal-grilja (C10.I1: Żvilupp tan-network tal-elettriku u diġitalizzazzjoni); u l-investimenti l-ġodda relatati mal-attivitajiet ta’ diġitalizzazzjoni mill-operaturi tas-sistema, titjib tal-akkuratezza tat-tbassir tat-temp għall-stima aħjar tal-produzzjoni tal-enerġija (C10.I1: Żvilupp tan-network tal-elettriku u diġitalizzazzjoni) u attivitajiet ta’ diġitalizzazzjoni fis-settur tal-enerġija (C10.I5: Diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji tal-enerġija). Ir-riformi f’dan il-qasam jinkludu miżuri li għandhom l-objettiv li jtejbu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u d-disponibbiltà tal-proċedura għall-konnessjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mal-grilja, b’mod partikolari l-impenn li jinħarġu awtorizzazzjonijiet ta’ konnessjonijiet mal-grilja ta’ 12 000 MW għal impjanti tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jiddependu mit-temp (C10.R1: Titjib tat-trasparenza, tal-prevedibbiltà u tad-disponibbiltà tal-proċedura għall-konnessjoni mal-grilja) u l-istabbiliment ta’ approċċ standardizzat għall-applikazzjonijiet ta’ konnessjoni li jridu jiġu applikati mill-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (C10.R1: Titjib tat-trasparenza, tal-prevedibbiltà u tad-disponibbiltà tal-proċedura għall-konnessjoni mal-grilja); titjib tal-użu ta’ miters intelliġenti biex it-teknoloġija tiġi sfruttata aħjar (C10.R3: Adattament tal-leġiżlazzjoni għall-miters intelliġenti); stabbiliment ta’ qafas regolatorju komprensiv għall-ħżin tal-enerġija (C10.R8: Inċentivi legali għall-adozzjoni ta’ ħżin tal-enerġija); żgurar li t-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni mhumiex diskriminatorji u jirriflettu l-kostijiet (C10.R2: Iffissar tat-tariffi tan-network). Ir-riformi jinkludu wkoll ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-komunitajiet tal-enerġija biex jinċentivaw l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet bħall-produzzjoni u l-konsum kollettiv (C10.R7: Espansjoni tal-komunitajiet tal-enerġija); introduzzjoni ta’ emendi leġiżlattivi u ta’ politika biex jitjieb l-aċċess għas-suq u l-iżvilupp tas-servizz tal-aggregaturi (C10.R4: Tisħiħ tar-rwol tal-aggregaturi); emenda tal-qafas biex is-suq jinfetaħ għal atturi ġodda min-naħa tal-provvista fis-suq tar-riżerva regolatorja (C10.R6: Tiġdid tal-istruttura tal-prodott tas-swieq tar-riżerva regolatorja biex jiġi faċilitat id-dħul fis-suq għal tipi ġodda ta’ flessibilitajiet); l-introduzzjoni ta’ pprezzar dinamiku fis-suq bl-imnut (C10.R5: Użu usa’ tal-ipprezzar dinamiku fil-ftehimiet għax-xiri tal-elettriku).

(23)Il-Kapitolu REPowerEU fih bosta miżuri biex jiżdied il-potenzjal tal-Ungerija fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. Dawn jikkonċernaw ir-riforma relatata mar-reviżjoni tal-qafas regolatorju (C10.R11: Titjib tal-qafas regolatorju tal-enerġija ġeotermali) u żewġ investimenti biex tiġi promossa l-esplorazzjoni u l-użu tal-enerġija ġeotermali (C10.I11: Appoġġ għall-esplorazzjoni tal-enerġija ġeotermali; C10.I16: Twaqqif ta’ strument finanzjarju insostenn tal-esplorazzjoni u tal-isfruttament tal-enerġija ġeotermali); aġġustament fil-qafas legali biex jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta’ ekosistema tal-idroġenu rinnovabbli (C10.R9: Żgurar ta’ qafas legali għall-idroġenu rinnovabbli) u l-investiment insostenn tal-produzzjoni u tal-użu ta’ idroġenu rinnovabbli (C10.I6: Investimenti fl-idroġenu); żvilupp ta’ strateġija u pjan ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ produzzjoni sostenibbli tal-bijogass u tal-bijometan (C10.R10: Żvilupp ta’ strateġija u pjan ta’ azzjoni għall-bijogass u għall-bijometan).

(24)L-investimenti l-ġodda jikkontribwixxu wkoll għad-dekarbonizzazzjoni u għall-varar tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-ekonomija Ungeriża. Dawn jikkonċernaw id-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ parks industrijali, tax-xjenza u tat-teknoloġija u tal-loġistika (C10.I2: Tħaddir tal-parks industrijali, tax-xjenza u tat-teknoloġija u tal-loġistika għall-finijiet ta’ enerġija); għajnuna għall-manifattura upstream ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika (C10.I3: Bini ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni fl-ekonomija ekoloġika); u d-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali (C10.I4: Applikazzjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija).

(25)Miżuri ġodda oħrajn jikkontribwixxu lejn l-effiċjenza enerġetika. Dawn jirrigwardaw għajnuna għal titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-binjiet pubbliċi (C10.I8: Investimenti fl-effiċjenza enerġetika tal-binjiet pubbliċi) kif ukoll it-twaqqif ta’ strumenti finanzjarji insostenn tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika tal-kumpaniji (C10.I12: Twaqqif ta’ strument finanzjarju biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-kumpaniji) u titjieb fl-effiċjenza enerġetika tal-binjiet residenzjali (C10.I13: Twaqqif ta’ strument finanzjarju biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet u jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku). Riforma f’dan il-qasam timmira li tipprovdi assistenza teknika għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet ta’ benefiċjarji potenzjali tal-iskemi ta’ sostenn għall-effiċjenza enerġetika ffinanzjati mill-fondi tal-UE (C10.R12: Sostenn għall-applikazzjonijiet ta’ benefiċjarji potenzjali għal skemi ta’ sostenn tal-effiċjenza enerġetika residenzjali ffinanzjati mill-UE).

(26)L-għan tal-investimenti ġodda l-oħrajn huwa d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Dawn jikkonċernaw l-elettrifikazzjoni tat-taqsima ferrovjarja u l-iżvilupp tal-kapaċità tan-network tal-elettriku tal-ferroviji bil-bini jew bir-rikostruzzjoni ta’ substazzjonijiet (C10.I9: Elettrifikazzjoni tat-taqsimiet ferrovjarji); twaqqif ta’ strument finanzjarju biex tingħata spinta lis-settur tal-elettromobbiltà billi tiġi żviluppata l-infrastruttura tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi (C10.I14: Twaqqif ta’ strument finanzjarju biex jiżdied it-twaqqif ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi); l-inkoraġġiment tax-xiri ta’ vetturi elettriċi fis-settur privat permezz ta’ għotjiet u bit-twaqqif ta’ strument finanzjarju (C10.I10: Spinta għax-xiri ta’ vetturi elettriċi bil-batterija mill-kumpaniji; C10.I15: Twaqqif ta’ strument finanzjarju insostenn tax-xiri ta’ vetturi elettriċi bil-batterija mill-fornituri tal-flotta); investiment fil-mobilità bl-idroġenu (C10.I6: Investimenti fl-idroġenu). Ir-riforma relatata mal-ekosistema tal-idroġenu mistennija toħloq kundizzjoni abilitanti għall-adozzjoni ta’ idroġenu fit-trasport (C10.R9: Żgurar ta’ qafas legali għall-idroġenu rinnovabbli).

(27)Il-Kapitolu REPowerEU fih miżuri ġodda għall-iżvilupp ta’ ħiliet ekoloġiċi. Dawn jirrigwardaw ir-riforma li jenħtieġ li tistabbilixxi strateġija nazzjonali dwar il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika u pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu (C10.R13: Strateġija nazzjonali għall-iżvilupp ta’ ħiliet ekoloġiċi) kif ukoll l-investiment li jgħin il-forza tax-xogħol tikseb ħiliet ekoloġiċi (C10.I7: Tisħiħ tar-riżorsi umani fl-ekonomija ekoloġika) u t-titjib tas-servizzi meħtieġa għal attivitajiet li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (C10.I3: Bini ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni fl-ekonomija ekoloġika).

(28)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP modifikat inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament 2021/241.

Rispons ibbilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(a), u l-kriterju 2.1 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU jirrappreżenta fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, filwaqt li jqis l-isfidi speċifiċi għall-Istat Membru u l-allokazzjoni finanzjarja.

(30)L-RRP modifikat li fih il-Kapitolu REPowerEU jkompli jkopri b’mod komprensiv is-sitt pilastri li jistrutturaw l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-Faċilità: (i) tranżizzjoni ekoloġika, (ii) trasformazzjoni diġitali, (iii) tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, (iv) koeżjoni soċjali u territorjali, (v) saħħa u reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali, u (vi) politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss. L-objettivi ewlenin tal-pjan ma nbidlux u jimmiraw li jtejbu l-potenzjal tat-tkabbir tal-Ungerija, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali, u istituzzjonali li fl-aħħar mill-aħħar jenħtieġ li jnaqqsu l-vulnerabbiltà tal-pajjiż għal xokkijiet.

(31)L-RRP modifikat li jinkludi l-kapitolu REPowerEU jinkludi miżuri oħra insostenn tal-pilastru tat-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari permezz tal-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-elettrifikazzjoni permezz ta’ żviluppi fil-grilja, titjib tal-effiċjenza enerġetika kemm fil-binjiet pubbliċi kif ukoll residenzjali, espansjoni tal-mobilità alternattiva, u żvilupp tal-ħiliet ekoloġiċi. L-RRP modifikat jinkludi wkoll miżuri oħra insostenn tat-tranżizzjoni diġitali, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ ħiliet tal-ICT, id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, il-varar ta’ tariffa unika nazzjonali, ħruġ ta’ biljetti u sistema ta’ informazzjoni għall-passiġġieri fuq il-bażi tat-teknoloġiji diġitali.

(32)Barra minn hekk, l-RRP modifikat jinkludi miżuri biex titjieb il-koeżjoni soċjali u territorjali, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ networks ferrovjarji suburbani u reġjonali li jżidu l-mobilità soċjali, speċjalment f’reġjuni li għadhom lura, u għajnuna għall-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija. L-RRP modifikat jinkludi miżuri oħrajn biex isir progress fil-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss u li jiżguraw il-bilanċ bejn il-ġeneri, partikolarment b’investimenti fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid f’oqsma ta’ ħiliet ekoloġiċi, u l-ħolqien ta’ faċilitajiet addizzjonali għall-indukrar tat-tfal li jenħtieġ li jtejbu l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u jnaqqsu d-differenza fl-impjiegi.

Indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti tagħhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

(33)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b), u mal-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom (Klassifikazzjoni A) identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Ungerija, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom, u r-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, jew l-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(34)B’mod partikolari, l-RRP modifikat, inkluż il-Kapitolu REPowerEU, iqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati formalment mill-Kunsill qabel il-valutazzjoni tal-pjan modifikat mill-Kummissjoni. Billi d-daqs tal-pjan żdied wara talba għal self addizzjonali maħsuba biex tintuża mhux esklużivament għall-objettivi tar-REPowerEU, ir-rakkomandazzjonijiet strutturali kollha tal-2022 u tal-2023 huma kkunsidrati fil-valutazzjoni ġenerali. L-għajnuna fil-forma ta’ self hija mitluba kważi esklużivament għal miżuri inklużi fil-kapitolu REPowerEU u, għalhekk, il-valutazzjoni tiffoka fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2023 relatati mal-enerġija. L-RRP modifikat jintroduċi bidliet għal għadd limitat ta’ investimenti fil-qafas tal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. Dawn il-bidliet ma jaffettwawx il-livell ta’ ambizzjoni ġenerali tal-pjan fir-rigward tal-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti tagħhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(35)Wara li vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha speċifiċi għall-pajjiż bħala parti mis-Semestru Ewropew tal-2023, il-Kummissjoni sabet li sar progress sostanzjali fl-iżgurar tal-likwidità għall-intrapriżi żgħar u medji (CSR 2020.3.1) u fil-promozzjoni tal-investiment privat (CSR 2020.3.3).

(36)L-RRP modifikat li jinkludi l-Kapitolu REPowerEU jinkludi sett estensiv ta’ riformi li jsaħħu lil xulxin u investimenti li jikkontribwixxu għall-indirizzar effettiv tal-isfidi kollha jew subsett sinifikanti tagħhom deskritti fi-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Ungerija mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, partikolarment rigward it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-enerġija, l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, il-politika soċjali, il-kura tas-saħħa, partikolarment rigward it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, il-politika soċjali, il-kura tas-saħħa, il-qafas kontra l-korruzzjoni, l-indipendenza ġudizzjarja, il-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku, il-kwalità u t-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, it-tassazzjoni u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u s-sistema tal-pensjonijiet. Billi jindirizza l-isfidi msemmijin qabel, l-RRP modifikat mistenni jikkontribwixxi wkoll għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi, kif identifikati fir-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 fl-2023, li l-Ungerija qed tesperjenza, b’mod partikolari minħabba pressjonijiet għolja ħafna tal-prezzijiet u bżonnijiet ta’ finanzi tal-gvern u esterni.

(37)Il-modifiki għall-RRP tal-Ungerija ma jaffettwawx l-eżitu tal-valutazzjoni preċedenti li l-RRP qed jikkontribwixxi effettivament biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet kollha jew subsett sinifikanti minnhom indirizzati lill-Ungerija fis-snin 2019, 2020 u 2022. Fl-RRP modifikat, l-Ungerija tneħħi jew tnaqqas l-ambizzjoni ta’ għadd limitat ta’ investimenti imma tikkumpensa dan it-tnaqqis billi żżid investimenti ġodda u bi skalar ta’ dawk eżistenti. Il-livell ta’ ambizzjoni fir-rigward tar-rakkomandazzjoni dwar il-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart jonqos. Madankollu, fil-livell tal-pjan, l-ambizzjoni ġenerali ma tonqosx. Ħafna mill-miżuri l-ġodda jgħinu biex ikomplu jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, li huma relatati prinċipalment mal-enerġija, u li diġà qed jiġu indirizzati parzjalment mill-RRP eżistenti. Il-miżuri l-ġodda jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-2023 speċifiċi għall-pajjiż li huma relatati mal-enerġija.

(38)Il-Kapitolu REPowerEU jsaħħaħ l-ambizzjoni tal-pjan fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti fil-qasam tal-enerġija (CSR 2022.6, CSR 2023.4), b’mod partikolari biex titnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili, jitħaffef il-varar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jiġi riformat is-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar, tiġi aġġornata l-infrastruttura tal-elettriku, titjieb l-effiċjenza enerġetika fil-bini, tiġi aġġustata s-sistema attwali ta’ prezzijiet tal-enerġija regolati u jiżdiedu l-isforzi politiċi għall-provvista u l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Kapitolu REPowerEU jinkludi bosta riformi apparti dawk diġà inklużi fl-RRP biex ikompli jitħaffef il-varar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari bis-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ permessi (CSR 2022.6.2 u CSR 2023 4.2). Dawn ir-riformi jikkonċernaw it-tiġdid tal-istruttura tal-prodott tas-swieq ta’ riżerva regolatorja, inċentivi legali għall-adozzjoni tal-ħżin tal-enerġija, l-iżgurar ta’ qafas legali għall-idroġenu, l-armonizzazzjoni tal-proċedura ta’ konnessjoni mal-grilja elettrika u titjib tal-qafas regolatorju għall-enerġija ġeotermali. L-investimenti fil-Kapitolu REPowerEU jikkontribwixxu wkoll għall-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħat-tħaddir ta’ parks industrijali għall-finijiet ta’ enerġija, l-esplorazzjoni tal-enerġija tal-idroġenu u ġeotermali.

(39)Il-Kapitolu REPowerEU jinkludi wkoll investimenti fl-iżvilupp tan-network tal-elettriku, li jżid l-ambizzjoni tal-miżura eżistenti fl-RRP, u d-diġitalizzazzjoni tal-enerġija biex titjieb is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Iż-żewġ investimenti jikkontribwixxu biex ikomplu jindirizzaw l-isfida relatata mal-aġġornament tal-infrastruttura tal-elettriku (CSR 2022 6.3 u CSR 2023 4.5). Bosta investimenti f’dan il-kapitolu jtejbu l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet (CSR 2022 6.5 u CSR 2023 4.7) u dawn huma miżuri addizzjonali għal dawk fil-komponenti l-oħra tal-pjan. Dawn il-miżuri addizzjonali jinkludu programm ta’ sussidji biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet residenzjali, tal-binjiet pubbliċi u tal-kumpaniji. Il-Kapitolu REPowerEU jikkonsisti f’investimenti relatati mal-elettrifikazzjoni tal-ferroviji u sussidji biex tingħata spinta lix-xiri ta’ vetturi elettriċi fis-settur privat u għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar. Dawn l-investimenti jkomplu jindirizzaw l-isfida relatata mat-titjib tas-sostenibbiltà tat-trasport (CSR 2022 6.6). Il-kapitolu fih riformi u investimenti fil-qasam tat-taħriġ f’ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol biex takkwista ħiliet ekoloġiċi, li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSR 2022 5.3 u CSR 2023 4.9).

(40)Il-pjan modifikat iżid l-ambizzjoni ta’ miżura diġà eżistenti fl-RRP adottat rigward il-ħolqien ta’ postijiet ġodda fil-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal. Din il-miżura jenħtieġ li tindirizza r-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar l-integrazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol (CSR 2019.2.1 u CSR 2022 3.1).

Kontribuzzjoni għall-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali

(41)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (c), u mal-kriterju 2.3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat inkluż il-kapitolu REPowerEU huwa mistenni li jkollu impatt għoli (Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Ungerija, li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq il-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk jissaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.

(42)L-RRP modifikat, inkluż il-Kapitolu REPowerEU, jibqa’ jsostni l-irkupru tal-Ungerija u jtejjeb il-prospetti ta’ tkabbir fit-tul tagħha permezz ta’ firxa ta’ investimenti u riformi. L-objettivi ewlenin tal-pjan ma nbidlux u jimmiraw li jtejbu l-potenzjal tat-tkabbir tal-Ungerija, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali, u istituzzjonali li fl-aħħar mill-aħħar jenħtieġ li jnaqqsu l-vulnerabbiltà tal-pajjiż għal xokkijiet. Il-miżuri fil-Kapitolu REPowerEU ġdid mistennija jsaħħu l-indipendenza u s-sigurtà enerġetika (pereżempju, ir-riforma dwar l-espansjoni tal-komunitajiet tal-enerġija (C10.R7)), id-dekarbonizzazzjoni permezz ta’ riformi u investiment fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u fl-elettrifikazzjoni (pereżempju, l-investimenti fit-tħaddir tal-parks industrijali, tax-xjenza u tat-teknoloġija u tal-loġistika (C10.I2) u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija (C10.I4)), it-titjib tal-effiċjenza enerġetika (pereżempju miżuri li jinvolvu rinnovazzjoni tal-effiċjenza enerġetika b’fond medju (C10.I8, C10.I12 u C10.I13)), l-espansjoni tal-mobilità b’karbonju żero (C10.I9, C10.I10, C10.I14, C10.I15), u l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika (C10.R13, C10.I7).

(43)Fl-RRP modifikat inbidlu bosta miżuri, filwaqt li b’kollox inżamm l-istess livell ta’ ambizzjoni tal-RRP oriġinali. Ġew introdotti 16-il investiment u 13-il riforma addizzjonali fil-Kapitolu REPowerEU. Il-pjan modifikat mistenni jkollu impatt aktar sinifikanti fuq l-ekonomija b’riżultat tal-Kapitolu REPowerEU ġdid imdaqqas sew. L-effett fuq il-koeżjoni ekonomika mistenni jkun moderat filwaqt li l-Kapitolu REPowerEU mistenni jnaqqas id-dgħufijiet u l-vulnerabbiltajiet tal-ekonomija b’mod evidenti fil-qasam tal-enerġija, saħansitra aktar mill-pjan oriġinali.

(44)L-RRP modifikat inkluż il-Kapitolu REPowerEU jkompli jappoġġa l-koeżjoni soċjali u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Fil-komponent 1, l-ambizzjoni miżjuda tal-miżura C1.I4 (Ħolqien tal-faċilitajiet ġodda għall-indukrar tat-tfal) u l-miżura ġdida C1.I5 (Ħolqien ta’ faċilitajiet ġodda addizzjonali għall-indukrar tat-tfal) jenħtieġ li joħolqu postijiet addizzjonali għat-tfal, li jkompli jtejjeb l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u jnaqqas id-differenza fl-impjiegi.

(45)Fil-Kapitolu REPowerEU, il-miżura C10.R12 tipprovdi assistenza teknika għall-benefiċjarji potenzjali tal-iskemi ta’ sostenn għall-effiċjenza enerġetika ffinanzjati mill-fondi kollha tal-UE, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli u unitajiet domestiċi li jgħixu fil-faqar enerġetiku. Strument finanzjarju se jitwaqqaf għall-finanzjament tar-rinnovazzjonijiet b’rabta mal-effiċjenza enerġetika fil-binjiet residenzjali u mill-inqas 10 % tal-għajnuna għandha tkun riżervata għall-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija. L-RRP modifikat fih ukoll miżura (C10.I7) biex tiġi mħarrġa l-forza tax-xogħol f’oqsma meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, bi prijorità mogħtija għal dawk qiegħda, għall-forza tax-xogħol inattiva u għall-ħaddiema minn intrapriżi mikro u żgħar, biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd u tiżdied il-koeżjoni soċjali. Din il-miżura tipprevedi żvilupp ta’ kontenut tat-tagħlim ġdid dwar il-ħiliet ekoloġiċi għal korsijiet differenti, inklużi korsijiet mikrokredenzjali, biex jiġu integrati fi programmi vokazzjonali u tal-edukazzjoni għolja formali u akkreditati, biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ xogħol u tagħlim għat-tfal u għaż-żgħażagħ.

La tagħmilx ħsara sinifikanti

(46)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(d), u mal-kriterju 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat inkluż il-kapitlu ddedikat għall-pjan REPowerEU huwa mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment inklużi fl-RRP ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”).

(47)L-Ungerija pprovdiet awtovalutazzjonijiet komprensivi għall-komponenti modifikati kollha u għall-investimenti tal-kapitolu REPowerEU, inklużi valutazzjonijiet sostantivi għall-objettivi ambjentali f’riskju, u b’hekk ipprovdiet riassigurazzjoni li t-tħassib ambjentali ewlieni kollu skont il-Gwida Teknika “La tagħmilx ħsara sinifikanti” (2021/C58/01) huwa indirizzat. Għal diversi miżuri ġew introdotti kundizzjonijiet bħala prekawzjoni biex tiġi żgurata konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Fosthom għal attivitajiet fil-qafas tas-salvagwardji tal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet biex jintlaħqu emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra proġettati taħt il-valuri ta’ referenza, u ferm taħt il-valuri ta’ referenza sa fejn possibbli. Barra minn hekk, ġiet introdotta lista, għall-istrumenti finanzjarji kollha u għall-investiment dwar il-kapaċitajiet tal-produzzjoni fl-ekonomija ekoloġika (C10.I3), bil-għan li tiżgura li l-attivitajiet u l-assi li mhumiex allinjat mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” ma jingħatawx għajnuna. B’mod simili żdiedu salvagwardji biex jiġi żgurat li jiġu appoġġati biss bijometan sostenibbli u idroġenu rinnovabbli skont ir-RED II, kif ukoll salvagwardji għall-attivitajiet ta’ tħaffir ġeotermali. Il-bżonn ta’ salvagwardja addizzjonali għal wieħed mill-proġetti ta’ elettrifikazzjoni tal-ferrovija (C10.I9) fl-ekonomija ċirkolari ġie identifikat u indirizzat permezz ta’ salvagwardja. Fuq din il-bażi, l-RRP modifikat mistenni jiżgura li l-ebda miżura ma tagħmel ħsara sinifikanti.

(48)L-ebda miżura fl-RRP modifikat inkluż il-Kapitolu REPowerEU ma taqa’ taħt l-Artikolu 21c(3)(a) tar-Regolament (UE) 2021/241.

Kontribuzzjoni għall-objettivi ta’ REPowerEU

(49)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(da) u mal-kriterju 2.12 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kapitolu REPowerEU huwa mistenni li jikkontribwixxi b’mod effettiv fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) għas-sigurtà tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika, żieda fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija jew it-tnaqqis meħtieġ tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili qabel l-2030.

(50)Il-Kapitolu tar-REPowerEU jikkontribwixxi biex tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika fil-bini u fl-infrastruttura kritika tal-enerġija, iżid il-produzzjoni u l-użu ta’ bijometan sostenibbli u tal-idroġenu rinnovabbli jew ħieles mill-fuels fossili, u jżid is-sehem u jaċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-investiment li jappoġġa l-użu ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-parks industrijali (C10.I2); riforma li ttejjeb il-qafas regolatorju tal-enerġija ġeotermali (C10.R11)flimkien ma’ żewġ investimenti biex jappoġġaw l-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-enerġija ġeotermali (C10.I11 u C10.I16); riformi u investimenti li jinċentivaw il-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu rinnovabbli (C10.R9 u C10.I6); l-iżvilupp ta’ strateġija u pjan ta’ azzjoni għall-bijogass u l-bijometan (C10.R10); l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-bini residenzjali (C10.I13), tal-kumpaniji (C10.I12) u tas-settur pubbliku (C10.I8); ir-riforma li tipprovdi assistenza teknika lil benefiċjarji potenzjali ta’ skemi ta’ appoġġ għall-effiċjenza enerġetika ffinanzjati mill-fondi tal-UE (C10.R12). Il-miżuri li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija huma dawk li jappoġġaw il-parks industrijali, tax-xjenza u tat-teknoloġija u tal-loġistika fl-isforz tagħhom biex jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (C10.I2), jinstallaw il-ħżin tal-enerġija, jużaw is-sħana residwa u jwettqu titjib fl-effiċjenza enerġetika; il-manifattura ta’ prodotti u l-forniment ta’ servizzi li huma relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti (C10.I3); it-teknoloġiji ekoloġiċi (C10.I4), f’konformità mal-Artikolu 21c(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241.

(51)Il-Kapitolu tar-REPowerEU jikkontribwixxi wkoll biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku permezz ta’ riforma u investiment li jappoġġaw it-titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-unitajiet domestiċi, b’enfasi speċifika fuq unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx u foqra fl-enerġija (C10.R12 u C10.I13), f’konformità mal-Artikolu 21c (3), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(52)Il-Kapitolu tar-REPowerEU jikkontribwixxi wkoll għall-inċentivar tat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija permezz tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika msemmi hawn fuq (C10.I12, C10.I13, C10.I8)il-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni tal-industrija (C10.I2, C10.I3), it-tisħiħ tal-użu tal-miters intelliġenti (C10.R3, C10.I1) u s-sistemi ta’ monitoraġġ diġitali (C10.I1), il-ftuħ tas-suq tal-enerġija għal atturi min-naħa tal-provvista (C10.R6), kif ukoll investimenti relatati mat-teknoloġija ekoloġika (C10.I4), f’konformità mal-Artikolu 21c(3), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(53)Il-Kapitolu tar-REPowerEU jikkontribwixxi wkoll biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet interni u transfruntiera tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, jappoġġa l-ħżin tal-elettriku u jaċċellera l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u jappoġġa t-trasport b’emissjonijiet żero u l-infrastruttura tiegħu, inklużi l-ferroviji, permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ riformi u investimenti. Dan l-objettiv huwa moqdi mir-riformi li jsaħħu r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija (C10.R7) u tal-aggregaturi (C10.R4), it-titjib tas-swieq regolatorji ta’ riżerva (C10.R6), l-inċentivar tal-użu tal-ħżin tal-elettriku (C10.R8), it-titjib tal-firxa ta’ konsumaturi li għandhom jużaw miters intelliġenti (C10.R3) u l-armonizzazzjoni tal-mod kif ir-regoli tal-applikazzjoni tal-konnessjoni jiġu applikati mid-DSOs (C10.R1), u l-introduzzjoni ta’ pprezzar dinamiku fis-settur residenzjali fuq bażi volontarja (C10.R5). Jenħtieġ li l-investimenti f’miters intelliġenti, l-iżvilupp tal-grilja, id-diġitalizzazzjoni, it-titjib tas-sistema tat-tbassir tat-temp (C10.I1), il-ħżin tal-enerġija fil-parks industrijali (C10.I2) jsaħħu wkoll is-settur tal-enerġija u jgħinu l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Jenħtieġ li t-trasport b’emissjonijiet żero u l-infrastruttura relatata jiġu appoġġati permezz ta’ investimenti fl-elettrifikazzjoni tal-ferroviji (C10.I9), bl-appoġġ tal-adozzjoni ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u stazzjonijiet tal-irriċarġjar (C10.I10 u C10.I14), vetturi biċ-ċellola tal-fuel tal-idroġenu u stazzjonijiet tar-riforniment kif ukoll permezz tar-riforma dwar il-mobilità tal-idroġenu (C10.I6 u C10.R9), f’konformità mal-Artikolu 21c(3), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(54)Il-Kapitolu tar-REPowerEU jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-objettivi ta’ hawn fuq bir-riforma mmirata lejn l-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali u pjan ta’ azzjoni dwar il-ħiliet ekoloġiċi (C10.R13) kif ukoll investiment li jappoġġa l-forza tax-xogħol attwali u futura biex tikseb il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika (C10.I7) billi tiżviluppa korsijiet u kontenut relatat u tipprovdi taħriġ lil 50 000 professjonist. Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija bħala mezz li jippermetti t-tranżizzjoni tal-enerġija u submiżuri bħat-titjib tal-akkuratezza tat-tbassir tat-temp għall-grilja tal-elettriku (C10.I1) toħloq kundizzjonijiet abilitanti wkoll, f’konformità mal-Artikolu 21c(3), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(55)Għalhekk, il-miżuri fil-kapitolu dwar REPowerEU huma koerenti mal-isforzi tal-Ungerija biex tilħaq l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3) tar-Regolament (UE) 2021/241. B’mod partikolari, huma sinifikanti l-kontributi biex tiġi indirizzata t-trażmissjoni tal-enerġija interna u transfruntiera, tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika fil-bini, jiġi promoss l-użu tal-bijometan sostenibbli, l-idroġenu rinnovabbli u l-ġenerazzjoni u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli oħra, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u t-trasport b’emissjonijiet żero.

(56)Il-miżuri fil-Kapitolu tar-REPowerEU huma koerenti wkoll mal-RRP inizjali billi l-miżuri tar-REPowerEU jibnu fuq ir-riformi u l-investimenti fl-RRP inizjali, b’mod partikolari fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll it-trasport sostenibbli.

Miżuri b’dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali

(57)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (db), u l-Anness V, il-kriterju 2.13, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-miżuri inklużi fil-kapitolu REPowerEU mistennija fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) ikollhom dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali.

(58)Il-Kapitolu tar-REPowerEU fih miżuri biex tiġi żviluppata infrastruttura tal-enerġija biex jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; miżuri tal-effiċjenza enerġetika għall-unitajiet domestiċi, għall-kumpaniji u għas-settur pubbliku u miżuri li jippromwovu mobbiltà alternattiva kemm elettrika kif ukoll tal-idroġenu. Dan huwa mistenni li jnaqqas id-dipendenza fuq il-fuels fossili u d-domanda għall-enerġija.

(59)Il-kostijiet totali tal-miżuri b’dimensjoni transfruntiera jirrappreżentaw 83 % tal-kostijiet stmati tal-kapitolu tar-REPowerEU.

(60)Is-sehem għoli tal-kostijiet stmati b’dimensjoni transfruntiera flimkien mal-fatt li l-miżuri fil-kapitolu ddedikat għall-pjan REPowerEU jikkontribwixxu kemm għall-iżgurar tal-provvista tal-enerġija kif ukoll għat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili jiġġustifikaw l-għażla ta’ klassifikazzjoni A.

Kontribuzzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità

(61)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e), u mal-Anness V, il-kriterju 2.5, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat inkluż il-kapitolu REPowerEU, fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 67,1 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP u 91.7 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU kkalkulati f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat inkluż il-kapitolu REPowerEU huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030.

(62)Il-pjan modifikat iżomm b’mod ġenerali l-ambizzjoni tal-pjan oriġinali fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika. It-tneħħija tal-investimenti ‘Il-kostruzzjoni ta’ sistemi ewlenin ta’ sostituzzjoni tal-ilma, l-iżvilupp ta’ networks u sistemi ġodda’, ‘It-tisħiħ ta’ industrija tal-ġestjoni tal-iskart intelliġenti, innovattiva u sostenibbli u suq tal-materja prima sekondarja’ u ‘Installazzjoni ta’ faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni’ jnaqqsu l-ambizzjoni tal-Ungerija fid-dimensjonijiet tal-ġestjoni tal-ilma, il-materja prima sekondarja bħala parti mill-ekonomija ċirkolari, u l-ħżin tal-enerġija. Fl-istess ħin, jissaħħu dimensjonijiet oħra bħat-titjib tal-infrastruttura tat-trasport pubbliku (investiment ‘Żvilupp tas-sistema tat-tramm u t-trolleybus ta’ Budapest’) u l-ekonomija ċirkolari permezz tal-inċentivar tas-separazzjoni u l-ġbir tal-iskart bħala l-ewwel pass tal-katina tal-valur fi tmiem il-ħajja, biex jittaffew l-effetti negattivi fuq il-bijodiversità permezz tar-rimi taż-żibel u r-rimi fil-miżbliet. Il-miżuri fil-Kapitolu tar-REPowerEU jkomplu jiżviluppaw id-dimensjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika tal-pjan oriġinali. B’mod partikolari, l-effett mistenni tal-pjan oriġinali, b’miżuri dwar il-promozzjoni tal-użu ta’ sistemi tal-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u l-effiċjenza enerġetika tal-bini, huwa amplifikat permezz ta’ riformi abilitanti addizzjonali u investimenti komplementari.

(63)Il-miżuri fil-kapitolu REPowerEU jżidu b’mod sinifikanti l-kontribut tal-pjan għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità. Il-miżuri appoġġati huma mistennija li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u s-sustanzi niġġiesa fis-settur tal-enerġija, tal-industrija, tat-trasport u tal-bini. Fis-settur tal-enerġija, l-iżvilupp tal-grilja u d-diġitalizzazzjoni, l-użu ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, inkluża l-enerġija bijoloġika u ġeotermali u l-idroġenu sostenibbli, kif ukoll riformi li jneħħu l-konġestjonijiet għat-tranżizzjoni tas-settur bħal dwar l-ipprezzar dinamiku u t-tariffi tan-network jikkontribwixxu lejn il-kisba tal-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-2050. Fis-settur industrijali, id-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali, il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika iżda wkoll it-titjib tal-kundizzjonijiet qafas bħall-idroġenu sostenibbli u l-bijoenerġija jippermettu t-tranżizzjoni tas-settur lil hinn mill-fuels fossili. Fis-settur tat-trasport, qed tkun appoġġata l-bidla għal sistema tat-trasport sostenibbli permezz tal-infrastruttura ferrovjarja elettrika, il-vetturi elettriċi bil-batterija u l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar, u l-vetturi tat-trasport bl-idroġenu u l-istazzjonijiet tar-riforniment. Fl-aħħar nett, fis-settur tal-bini, jenħtieġ li r-rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-bini residenzjali, kummerċjali u pubbliku twassal għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri huma mistennija li jkollhom kobenefiċċji għall-bijodiversità permezz tal-effett mistenni tagħhom fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja u l-effett ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

(64)Il-miżuri dwar l-idroġenu sostenibbli juru li r-riformi u l-investimenti li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika huma fil-biċċa l-kbira komplementari u jenħtieġ li jaħdmu flimkien ma’ riformi importanti fil-livell nazzjonali fl-Ungerija, bħall-Istrateġija Nazzjonali għall-Idroġenu. Eżempji oħra jinkludu r-rinnovazzjoni tal-enerġija tar-riforma u l-investiment tal-bini residenzjali, l-użu ta’ sistemi tal-enerġija rinnovabbli u r-riforma tal-konnessjoni mal-grilja, u r-riforma tal-ħiliet ekoloġiċi u l-investimenti; it-tliet kwistjonijiet kollha huma wkoll suġġetti li jiffukaw fuq il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima.

Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni diġitali

(65)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f), u mal-kriterju 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni А) għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 29,1 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP ikkalkulata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(66)Il-modifiki proposti għall-pjan oriġinali ma għandhomx impatt fuq l-ambizzjoni lejn it-tranżizzjoni diġitali, u għalhekk, ir-riżultat tal-valutazzjoni jibqa’ l-istess. Il-pjan rivedut ikompli jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ekonomija, filwaqt li joħloq impatt dejjiemi. 

(67)Il-Kapitolu tar-REPowerEU huwa mistenni li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni diġitali u li jindirizza l-isfidi li jirriżultaw billi jappoġġa d-diġitalizzazzjoni tal-operaturi tas-sistema (C10.I1: L-iżvilupp u d-diġitalizzazzjoni tan-network tal-elettriku) u l-installazzjoni ta’ meiters intelliġenti, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-effiċjenza operazzjonali tas-sistema tal-elettriku. F’konformità mal-Artikolu 21c(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, ir-riformi u l-investimenti fil-kapitolu REPowerEU ma għandhomx jitqiesu meta jiġi kkalkolat l-allokazzjoni totali tal-pjan għall-fini ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ miri diġitali stabbilit minn dak ir-Regolament.

Impatt fit-tul

(68)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (g), u l-Anness V, il-kriterju 2.7, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat li jinkludi l-kapitolu REPowerEU mistenni jkollu fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) impatt dejjiemi fuq l-Ungerija.

(69)Ir-riformi ‘It-tisħiħ tar-rwol tal-aggregaturi’ (C10.R4), ‘It-tiġdid tal-istruttura tal-prodott tas-swieq ta’ riżerva regolatorja biex jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq għal tipi ġodda ta’ flessibbiltajiet’ (C10.R6) u ‘L-espansjoni tal-komunitajiet tal-enerġija’ (C10.R7) fil-kapitolu REPowerEU huma mistennija li jipprovdu qafas regolatorju komprensiv u jtaffu l-ostakli fejn meħtieġ għas-swieq ta’ riżerva tal-elettriku, għall-komunitajiet tal-enerġija u għall-aggregaturi. Riformi oħra bħall-‘Adattament tal-leġiżlazzjoni dwar l-meters intelliġenti’ (C10.R3) u l-‘Użu usa’ tal-ipprezzar dinamiku fil-ftehimiet dwar ix-xiri tal-elettriku’ ( C10.R5) iwittu t-triq għal aktar elettrifikazzjoni tas-settur tal-enerġija.

(70)L-investimenti fil-kapitolu REPowerEU: Jenħtieġ li ‘Investimenti fl-idroġenu’ (C10.I6) u ‘Appoġġ għall-esplorazzjoni tal-enerġija ġeotermali’ (C10.I11) jwasslu għal użu ulterjuri ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika esterna tal-Ungerija, u b’hekk tiżdied ir-reżiljenza tal-pajjiż għal xokkijiet futuri tal-enerġija. Jenħtieġ li ‘L-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija’ (C10.I4) u ‘Nibnu kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-ekonomija ekoloġika’ (C10.I3) jikkontribwixxu għall-ekoloġizzazzjoni tal-proċessi industrijali u jgħinu biex tiġi ppreservata l-kompetittività ekonomika tal-pajjiż fit-tranżizzjoni ekoloġika.

Monitoraġġ u implimentazzjoni

(71)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (h), u l-Anness V, il-kriterju 2.8, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fl-RRP modifikat li jinkludi l-kapitolu REPowerEU huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jiżguraw il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effettivi tal-RRP, inklużi l-iskeda ta’ żmien, l-objettivi intermedji u l-miri previsti, u l-indikaturi relatati.

(72)L-RRP modifikat jinkludi aġġornament tal-qafas ta’ monitoraġġ u implimentazzjoni. Il-viċi segretarjat tal-Istat responsabbli għall-implimentazzjoni tal-RRP (minn issa ’l quddiem l-‘Awtorità Nazzjonali’) fil-ministeru responsabbli għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni huwa responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali tal-RRP u għall-progress tal-monitoraġġ biex jintlaħqu l-objettivi intermedji u l-miri. Madankollu, il-kompiti kollha ta’ implimentazzjoni huma ddelegati lill-korpi ta’ implimentazzjoni, lil korp ta’ sottogħotja kif ukoll lill-Bank Ungeriż għall-Iżvilupp għall-investimenti l-ġodda previsti li jiġu implimentati permezz ta’ strumenti finanzjarji. In-natura u l-firxa tal-modifiki proposti għall-RRP ma għandhomx impatt fuq il-valutazzjoni oriġinali tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effettivi tal-pjan. L-istruttura inkarigata mill-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-RRP issaħħet u l-arranġamenti ġenerali proposti mill-Ungerija f’termini ta’ organizzazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti għadhom kredibbli. L-objettivi intermedji u l-miri li jakkumpanjaw il-miżuri addizzjonali jew modifikati, inklużi dawk fil-kapitolu dwar REPowerEU, huma ċari u l-indikaturi proposti għal dawn l-objettivi intermedji u l-miri huma rilevanti, aċċettabbli u robusti.

Spejjeż

(73)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (i), u l-Anness V, il-kriterju 2.9, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni pprovduta fl-RRP modifikat li jinkludi l-kapitolu REPowerEU dwar l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-RRP hija moderatament (Klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija f’konformità mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonali mal-impatt nazzjonali, ekonomiku u soċjali mistenni.

(74)L-Ungerija pprovdiet biżżejjed informazzjoni u evidenza biex tqis li l-ispejjeż huma ġeneralment raġonevoli u plawżibbli. L-Ungerija pprovdiet stimi tal-ispejjeż individwali għall-investimenti emendati jew ġodda kollha tal-RRP modifikat tagħha. L-ispejjeż għall-biċċa l-kbira tal-miżuri ġew stmati fuq il-bażi ta’ approċċ minn isfel għal fuq, bl-awtoritajiet jippreżentaw l-unitajiet li jiffurmaw l-investiment u l-ispejjeż unitarji tagħhom jiġu stmati fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq jew il-prezzijiet ta’ unitajiet simili f’investimenti fil-passat jew fuq offerti indikattivi mill-fornituri. Għal miżuri oħra, intuża approċċ minn fuq għal isfel fejn l-ispiża globali tal-proġett hija bbażata fuq proġetti simili mill-passat. F’xi każijiet, id-dettalji dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet użati biex isiru l-istimi tal-ispejjeż kienu limitati, jew inqas ċari, u b’hekk ipprevenew klassifikazzjoni A skont dan il-kriterju ta’ valutazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż huma sostnuti minn ġustifikazzjoni u spjegazzjonijiet xierqa li l-ammonti ma jinkludux spejjeż koperti mill-finanzjament eżistenti jew ippjanat tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-kost totali stmat tal-RRP huwa konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u huwa proporzjonat għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

(75)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (j), u l-Anness V, il-kriterju 2.10, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fl-RRP modifikat li jinkludi l-kapitolu REPowerEU huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi previsti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti mistennija jevitaw b’mod effettiv il-finanzjament doppju skont dak ir-Regolament u programmi oħra tal-UE. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra għall-promozzjoni u l-infurzar tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, u għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .

(76)Il-valutazzjoni tal-RRP oriġinali, f’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (j), u l-kriterju 2.10 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, qieset li l-arranġamenti proposti fih huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess inkluż billi jistabbilixxu 27 objettiv intermedju relatati mas-sistema ta’ kontroll Ungeriża li għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe pagament skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241. 5 Din il-prekundizzjoni tapplika bl-istess mod għall-parti tas-self tal-RRP modifikat. Dan ir-rekwiżit huwa konformi u mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta’ rimedju li l-Ungerija pproponiet fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(77)Mill-valutazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni kellha aċċess għal informazzjoni dwar l-implimentazzjoni attwali tas-sistema ta’ verifika u kontroll tal-Ungerija. Dan jinkludi s-sejbiet preliminari tal-awditu dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-Ungerija.

(78)Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta’ kontroll intern tal-RRP tal-Ungerija hija ġeneralment adegwata. Filwaqt li jitqiesu wkoll s-27 objettiv intermedju relatati mas-sistema ta’ kontroll Ungeriża li għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, is-sistema ta’ kontroll intern u l-arranġamenti proposti fl-RRP rivedut inkluż il-kapitolu REPowerEU tiegħu huma bbażati fuq proċessi u strutturi robusti, li jidentifikaw b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-korpi differenti involuti fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-awditjar tal-pjan, kif ukoll għall-interazzjonijiet tagħhom. Dawn jipprevedu segregazzjoni ċara tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta’ kontroll u ta’ awditu. L-Awtorità Nazzjonali hija proposta li tibqa’ responsabbli b’mod ġenerali għall-koordinazzjoni tal-RRP u għat-twettiq ta’ kontrolli fuq il-korpi ta’ implimentazzjoni u l-korp tas-subgħotja. F’konformità mal-istruttura oriġinali, l-Awtorità Nazzjonali għandha tkun responsabbli għat-tħejjija u s-sottomissjoni lill-Kummissjoni tat-talbiet għal pagament kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni relatati bbażati fuq data vverifikata mis-sistema ta’ monitoraġġ. Madankollu, ir-responsabbiltà tal-Awtorità Nazzjonali għandha tinbidel fir-rigward ta’ kompiti oħra billi din iddelegat il-kompiti kollha ta’ implimentazzjoni lill-korpi ta’ implimentazzjoni, lill-korpi ta’ sottogħotjiet kif ukoll lill-Bank Ungeriż għall-Iżvilupp għal dawk l-investimenti l-ġodda previsti li jiġu implimentati permezz ta’ strumenti finanzjarji filwaqt li r-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-progress tal-objettivi intermedji u l-miri u s-sorveljanza tar-riċevituri finali għandha tiġi rilokata lill-korpi ta’ implimentazzjoni u lill-korp subgħoti kif ukoll lill-Bank Ungeriż għall-Iżvilupp. Il-mandat tal-awtorità tal-awditjar tal-RRP huwa assenjat lid-Direttorat Ġenerali għall-Awditjar tal-Fondi Ewropej (EUTAF), li jenħtieġ li jkollu l-kapaċità meħtieġa u għandu l-esperjenza amministrattiva biex iwettaq il-kompiti tal-awditjar relatati f’konformità mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. Ir-responsabbiltà tal-EUTAF għandha tiġi estiża biex tkopri wkoll il-korp li jimplimenta l-istrumenti finanzjarji (il-Bank Ungeriż għall-Iżvilupp). L-Ungerija spjegat li stabbiliet Awtorità għall-Integrità bħala korp indipendenti b’setgħat biex tintervjeni fil-każijiet kollha fejn fil-fehma tagħha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jkunux ħadu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-kunflitt ta’ interess, il-korruzzjoni u illegalitajiet jew irregolaritajiet oħra li jaffettwaw jew jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Ungerija spjegat ukoll li stabbiliet id-Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Integrità biex iwettaq kontrolli regolari tad-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta’ interess u tinvestiga suspetti rrappurtati ta’ kunflitti ta’ interess. L-Ungerija pproponiet li tuża l-istess sistema ta’ kontroll għall-miżuri tar-REPowerEU bħall-miżuri li jinsabu fl-RRP oriġinali tagħha. Barra minn hekk, minbarra dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali li għandhom ikunu applikabbli wkoll għall-istrumenti finanzjarji, arranġamenti speċifiċi ta’ kontroll għall-istrumenti finanzjarji ġew identifikati u miftiehma li jiġu inklużi fil-miżuri rilevanti. Is-sistema ta’ kontroll intern tiżgura li d-data skont l-Artikolu 22(2)(d) minn (i) sa (iii) tar-Regolament (UE) 2021/241, tkun adegwata u maħżuna fis-sistema tar-repożitorju ta’ monitoraġġ prevista, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-isforzi għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe użu ħażin tal-fondi pprovduti mill-Faċilità. Is-sistema ta’ kontroll intern u arranġamenti rilevanti oħra fil-pjan emendat, inkluż għall-mekkaniżmi ta’ verifika, il-ġbir u l-ħżin tad-data, u r-responsabbiltajiet tal-atturi rilevanti huma adegwati fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi, il-kunflitt ta’ interess meta jintużaw il-fondi skont ir-Regolament (UE) 2021/241 u biex jiġi evitat finanzjament doppju skont dak ir-Regolament u programmi oħra tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis li b’mod ġenerali, is-sistema ta’ kontroll intern tal-RRP Ungeriż hija adegwata, filwaqt li tqis ukoll s-27 objettiv intermedju relatati mas-sistema ta’ kontroll Ungeriża li għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma prekundizzjoni għal kwalunkwe pagament skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241.

Koerenza tal-RRP

(79)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (k), u l-Anness V, il-kriterju 2.11, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP modifikat li jinkludi l-kapitolu REPowerEU jinkludi fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti tal-investimenti pubbliċi li jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.

(80)Il-pjan modifikat iżomm l-istruttura koerenti tal-RRP oriġinali. Il-Kapitolu tar-REPowerEU jinkludi sinerġiji mal-miżuri eżistenti dwar it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza enerġetika. Il-miżuri taħt il-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU jkomplu jsaħħu l-ambizzjoni tal-investimenti relatati mal-effiċjenza enerġetika fil-komponent 6 (Enerġija - Tranżizzjoni Ekoloġika) tal-pjan oriġinali.

(81)Il-Kapitolu tar-REPowerEU huwa mibni fuq pakkett konsistenti u ta’ tisħiħ reċiproku ta’ riformi u investimenti. L-investiment ‘L-istabbiliment ta’ strument finanzjarju biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini residenzjali u jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku’ (C10.I13) huwa kkomplementat bir-riforma ‘Appoġġ għall-applikazzjonijiet tal-benefiċjarji potenzjali għal skemi ta’ appoġġ għall-effiċjenza enerġetika residenzjali ffinanzjati mill-UE’ (C10.R12) b’mod koerenti u li jħalli impatt. Bl-istess mod, l-investimenti ‘Appoġġ għall-enerġija u l-esplorazzjoni ġeotermali’ (C10.I11) u ‘Investimenti fl-idroġenu’ (C10.I6) huma kkomplementati minn riformi li jipprovdu qafas legali u ta’ politika li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-investimenti (‘Titjib tal-qafas regolatorju tal-enerġija ġeotermali’ (C10.R11) u ‘L-iżgurar ta’ qafas legali għall-idroġenu rinnovabbli’ (C10.R9)).

(82)Dawn il-modifiki ma jbiddlux il-koerenza ġenerali tal-pjan u għalhekk, ma għandhomx impatt fuq il-valutazzjoni preċedenti dwar il-koerenza tal-RRP.

Kwalunkwe kriterju ieħor ta’ valutazzjoni

(83)Il-Kummissjoni tqis li l-modifiki ppreżentati mill-Ungerija ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ST 15447/2022 INIT; ST 15447/2022 ADD1 tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Ungerija rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3), il-punti (a), (c), (g), (h), (i), (j) u (k).

Ugwaljanza

(84)Il-Kummissjoni tqis li l-modifiki mressqa mill-Ungerija ma jaffettwawx il-valutazzjoni dwar l-ugwaljanza li tinsab fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ST 15447/2022 INIT; ST 15447/2022 ADD1 tal-15 Diċembru 2022.

Proċess ta’ konsultazzjoni

(85)Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-RRP rivedut u b’mod partikolari dwar il-kapitolu REPowerEU l-ġdid tiegħu nbdiet mill-gvern fit-28 ta’ Lulju u kienet miftuħa sal-11 ta’ Awwissu. Fit-28 ta’ Lulju, il-Ministeru tal-Enerġija ppubblika bullettin tal-aħbarijiet dwar il-bidu tal-konsultazzjoni pubblika. Permezz tal-paġna web iddedikata, 14-il organizzazzjoni ċivili, kumpaniji pubbliċi u privati u l-muniċipalità ta’ Budapest ipprovdew osservazzjonijiet. Il-Gvern irċieva sitt kummenti permezz ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni. Il-paġna web iddedikata tipprovdi aċċess għall-kummenti riċevuti permezz tal-kanal diġitali ddedikat, flimkien mar-reazzjoni tal-gvern u bl-ispjegazzjoni għaliex id-diversi kummenti ġew aċċettati jew le. Il-biċċa l-kbira tal-kummenti talbu investimenti u riformi addizzjonali mmirati lejn l-iffrankar tal-enerġija, l-estensjoni tal-investimenti ppjanati kif ukoll l-eliminazzjoni tal-investimenti relatati mal-fuels fossili. B’kollox, skont id-dikjarazzjoni tal-gvern, ġew ikkunsidrati erba’ kummenti fl-RRP rivedut, bħall-eliminazzjoni tal-iżviluppi relatati mal-pipelines taż-żejt u tal-gass naturali.

(86)F’konformità mal-impenn tagħha fir-riforma C9.R27 tal-RRP adottat, l-Ungerija adottat strateġija ta’ konsultazzjoni li tistabbilixxi l-metodu ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-partijiet ikkonċernati ewlenin huma previsti wkoll li jkunu involuti aktar mill-qrib fil-konsultazzjonijiet fil-kuntest tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ previst għall-RRP. Biex tiġi żgurata s-sjieda mill-atturi rilevanti, huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati kollha, fosthom is-sħab soċjali, matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fl-RRP modifikat li jinkludi l-kapitolu REPowerEU.

Valutazzjoni pożittiva

(87)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar l-RRP modifikat inkluż il-kapitolu REPowerEU, bis-sejba li l-pjan jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP modifikat inkluż il-kapitolu REPowerEU, l-objettivi intermedji, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont magħmul disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP modifikat inkluż il-kapitolu REPowerEU fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u fil-forma ta’ self.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(88)L-ispejjeż totali stmati tal-RRP modifikat inkluż il-kapitolu REPowerEU tal-Ungerija huma HUF 3 954 135 844 000 li jammontaw għal EUR 10 429 974 916 fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza ta’ EUR HUF tal-BĊE fil-perjodu mill-1 ta’ April 2022 sat-30 ta’ Settembru 2022 għall-pjan oriġinali u fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza medja ta’ EUR HUF tal-BĊE tal-31 ta’ Awwissu 2023 għal miżuri ġodda skont l-RRP rivedut, inkluż il-kapitolu REPowerEU. L-ammonti f’euro msemmija fid-deskrizzjonijiet tal-miżuri u l-objettivi intermedji u l-miri korrispondenti ġew ikkalkulati bl-użu tal-istess bażi u jenħtieġ li jiġu vvalutati b’kont meħud ta’ dan. Billi l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-RRP modifikat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għall-Ungerija, il-kontribuzzjoni finanzjarja kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 11 allokata għall-RRP modifikat tal-Ungerija li jinkludi l-kapitolu REPowerEU jenħtieġ li tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-RRP modifikat tal-Ungerija li jinkludi l-kapitolu REPowerEU. Dan l-ammont huwa ekwivalenti għal EUR 5 811 147 717. 

(89)Skont l-Artikolu 21a(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, fil-31 ta’ Awwissu 2023, l-Ungerija ppreżentat talba għall-allokazzjoni tad-dħul msemmi fl-Artikolu 21a(1) ta’ dak ir-Regolament, kondiviża bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tal-indikaturi stabbiliti fil-metodoloġija fl-Anness IVa tar-Regolament (UE) 2021/241. L-ispejjeż totali stmati tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c(3), il-punti minn (b) sa (f) inklużi fil-Kapitolu tar-REPowerEU huma HUF 1 749 690 000 000, li huma ugwali għal EUR 4 602 872 701 fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza medja ta’ EUR HUF tal-BĊE fil-perjodu tal-31 ta’ Awwissu 2023. Billi dan l-ammont huwa ogħla mis-sehem ta’ allokazzjoni disponibbli għall-Ungerija, l-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli addizzjonali disponibbli għall-Ungerija jenħtieġ li jkun ekwivalenti għas-sehem ta’ allokazzjoni. Dan l-ammont huwa ta’ EUR 700 513 718.

(90)Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja totali disponibbli għall-Ungerija tkun EUR 6 511 661 435.

Self

(91)Barra minn hekk, sabiex tappoġġa riformi u investimenti addizzjonali, l-Ungerija talbet appoġġ totali fil-forma ta’ self ta’ EUR 3 918 313 481, b’mod partikolari, EUR 3 897 455 211 biex tappoġġa r-riformi u l-investimenti fil-kapitolu REPowerEU u EUR 20 858 270 biex tappoġġa r-riformi u l-investimenti l-oħra fl-RRP. L-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-RRP huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja kkombinata disponibbli għall-Ungerija, inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU u l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, u d-dħul mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 . Il-volum massimu tas-self mitlub mill-Ungerija huwa inqas minn 6,8 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-2019 tagħha fi prezzijiet attwali.

Prefinanzjament ta’ REPowerEU

(92)L-Ungerija talbet il-finanzjament li ġej għall-implimentazzjoni tal-kapitolu REPowerEU tagħha: EUR 700 513 718 mid-dħul mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u EUR 3 897 455 211 fil-forma ta’ self.

(93)Għal dawk l-ammonti, skont l-Artikolu 21d tar-Regolament (UE) 2021/241, fit-3 ta’ Ottubru 2023 l-Ungerija talbet prefinanzjament ta’ EUR 919 593 786, jiġifieri 20 % tal-finanzjament mitlub. Jenħtieġ li, soġġett għar-riżorsi disponibbli dak il-prefinanzjament jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ungerija soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità ma’ ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u l-Ungerija skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 (“il-ftehim ta’ finanzjament”) u skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament (“il-ftehim ta’ self”).

(94)Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ST 15447/2022 INIT; ST 15447/2022 ADD 1 tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Ungerija għalhekk, tiġi emendata skont dan. Jenħtieġ li għal raġunijiet ta’ ċarezza l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jiġi sostitwit kompletament.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) ST 15447/2022 INIT; ST 15447/2022 ADD1 hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP modifikat tal-Ungerija fuq il-bażi tal-kriterji prevista fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont l-RRP, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-RRP, inkluż l-istadji importanti u l-miri rilevanti u l-istadji importanti u l-miri addizzjonali relatati mal-pagament tas-self, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.”;

(2) Fl-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ungerija kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli li jammonta għal EUR 6 511 661 435. 7 Dik il-kontribuzzjoni tinkludi:

(a)ammont ta’ EUR 4 639 429 967 li għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022;

(b)ammont ta’ EUR 1 171 717 750 li għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(c)ammont ta’ EUR 700 513 718 8 , f’konformità mal-Artikolu 21a(6) tar-Regolament (UE) 2021/241, esklużivament għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c ta’ dak ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c(3), il-punt (a).

2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għall-Ungerija fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

L-ammont ta’ EUR 140 102 744 għandu jkun disponibbli bħala prefinanzjament f’konformità mal-Artikolu 21d tar-Regolament (UE) 2021/241. Dak il-prefinanzjament jista’ jitħallas mill-Kummissjoni f’massimu ta’ żewġ pagamenti.

Il-Kummissjoni tista’ tħallas il-prefinanzjament u l-ħlasijiet parzjali f’parti waħda jew f’diversi partijiet. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.”;

(3) Jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:

‘Artikolu 2a
Appoġġ fil-forma ta’ self

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ungerija self li jammonta għal massimu ta’ EUR 3 918 313 481. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-appoġġ fil-forma ta’ self imsemmi fil-paragrafu 1 disponibbli għall-Ungerija f’pagamenti parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.Ammont ta’ EUR 779 491 042 għandu jkun disponibbli bħala prefinanzjament f’konformità mal-Artikolu 21d tar-Regolament (UE) 2021/241. Dak il-prefinanzjament jista’ jitħallas mill-Kummissjoni f’massimu ta’ żewġ pagamenti.

3.Il-Kummissjoni tista’ tħallas il-prefinanzjament u l-ħlasijiet parzjali f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

4.Il-prefinanzjament imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-ftehim ta’ self. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.

5.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Self għandu jsir bil-kundizzjoni li l-finanzjament jkun disponibbli, u b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Ungerija tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-objettivi intermedji u l-miri addizzjonali koperti bis-self u identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-RRP modifikat, inkluż il-kapitolu dwar REPowerEU. Sabiex tkun eliġibbli għall-pagament, l-Ungerija għandha tlesti l-objettivi intermedji u l-miri addizzjonali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026’.

(4) L-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni:

Artikolu 2
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(2)    ST 15447 2022; ST 15447 2022 ADD 1.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(4)

   Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (OJ L 433 I, 22.12.2020, p. 1).

(5)    COM(2022) 686 final: Dan huwa l-każ għall-objettivi intermedji 160, 166, 169, 171, 174, 175, 195, 197, 198, 200, 201, 213, 214, 215, 216, 217, 218, 219, 220, 221, 222, 223, 224, 225, 226, 227 u 228.
(6)    Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32–46).
(7)    Dan l-ammont jikkorrispondi għall-allokazzjoni finanzjarja wara t-tnaqqis tas-sehem proporzjonali tal-ispejjeż tal-Ungerija tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, ikkalkolata f’konformità mal-metodoloġija tal-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament.
(8)    Dan l-ammont jikkorrispondi għall-allokazzjoni finanzjarja wara li jitnaqqas is-sehem proporzjonali tal-ispejjeż tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Awstrija, ikkalkulat f’konformità mal-metodoloġija tal-Anness IVa ta’ dak ir-Regolament.