Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
15 ta’ Lulju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Intaxxar ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku – Kunċett ta’ ‘prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan’ – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96/KE – Propan użat għall-ittestjar tal-berners”
Fil-Kawża T‑562/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Lulju 2025, fil-proċedura
XXX
vs
Hauptzollamt München,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn N. Półtorak, Presidenta, G. Hesse (Relatur), G. Steinfatt, D. Petrlík u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: M. Brkan,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Awwissu 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ kwistjoni indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi Statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal XXX, minn P. Kalski, direttur, u R. Schwerin, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u C. Vollrath, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn impriża ta’ teknoloġija tal-enerġija u l- HauptzollamtMünchen (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ München, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li japplika eżenzjoni mit-taxxa fuq l-enerġija fir-rigward tal-propan għas-sena 2021.
Il-qafas ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/96
3 Il-premessi 2 sa 5, 22 u 24 tad-Direttiva 2003/96 huma fformulati kif ġej:
“(2) L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.
(3) Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.
(4) Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.
(5) L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.
[...]
(22) Prodotti ta’ enerġija essenzalment għandhom ikunu suġġett għall‑qafas fi ħdan il-Komunità meta jkunu użati bħala karburant li jsaħħan jew karburant għall-karozzi. Għal dan il-għan, hija fin-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa li teskludi mill-iskop ta’ dan il-qafas l-użu doppju u użu ta’ prodotti ta’ enerġija li mhux karburant kif ukoll ipproċessar tal-mineraloġija. [...]
[...]
(24) Stati Membri għandhom jiġu permessi li japplikaw eżenzjonijiet oħra jew livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern u li ma jirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni.”
4 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:
“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”
5 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/96 jinkludi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu, id-definizzjonijiet li ġejjin:
“1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminiloġija ‘prodotti ta’ enerġija’ għandha tapplika għall-prodotti:
[...]
(b) li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;
[...]
4. Din id-Direttiva ma tapplikax għal:
[...]
(b) l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:
– prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan,
– użu doppju ta’ prodotti ta’ enerġija
[...]”
Id-Direttiva 2008/118/KE
6 Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE(ĠU 2009, L 9, p. 12), tħassret permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60). Madankollu, id‑Direttiva 2008/118 tibqa’ applikabbli ratione temporis għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
7 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118 kien jiddisponi:
“1. Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):
(a) prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96/KE;
[...]”
Id-dritt Ġermaniż
8 L-Artikolu 25 tal-Energiesteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija), tal‑15 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1534), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l‑“EnergieStG”), jipprevedi:
“(1) Il-prodotti tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 4 jistgħu jintużaw b’eżenzjoni mit-taxxa għal finijiet li ma jinkludux:
1. l-użu tagħhom bħala karburant jew kombustibbli,
[...]”
9 L-Artikolu 47 tal-EnergieStG jipprovdi:
“(1) Eżenzjoni mit-taxxa tingħata fuq talba
[...]
3. għaż-żjut tqal, il-gass naturali, il-gass likwifikat u l-idrokarburi gassużi li nġabet prova li ġew intaxxati, kif ukoll għall-prodotti tal-enerġija assimilati magħhom skont l-Artikolu 2(4) u (4a), u li ntużaw għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 25,
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija impriża ta’ teknoloġija tal-enerġija. Fil-kuntest tal-attività tagħha, hija topera, fuq sit, bankijiet tal-ittestjar għall-berners tat-turbini tal-gass. F’dan il-kuntest, hija kkonsmat, fl‑2021, total ta’ 51 509.279 kilogrammi ta’ propan, li hija akkwistat bi ħlas tat-taxxa fuq l-enerġija.
11 Abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 47(1) tal-EnergieStG, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet eżenzjoni mit-taxxa fuq l-enerġija għall-propan li hija kkonsmat fl‑2021.
12 Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2023, l-Uffiċċju Doganali ċaħad din it-talba minħabba li l-propan kien intuża bħala kombustibbli.
13 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud fil‑11 ta’ Ottubru 2023.
14 Wara din iċ-ċaħda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet azzjoni quddiem il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li hija ma użatx il-propan bħala kombustibbli peress li l-enerġija termali li tirriżulta mill-kombustjoni tal-imsemmi propan fil-bankijiet tal-ittestjar la hija prodotta b’mod intenzjonali u lanqas ma hija użata, iżda tikkostitwixxi skart. L-għan tat-testijiet ma huwiex il-produzzjoni jew l-użu tal-enerġija termali. Għaldaqstant, hija tqis li għandha dritt għal eżenzjoni mit-taxxa. Min‑naħa l-oħra, l-Uffiċċju Doganali jirrileva li, sabiex ikunu konklużivi, it-testijiet għandhom jitwettqu f’kundizzjonijiet li jissimulaw l-użu reali. Minn dan huwa jiddeduċi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tuża konxjament u intenzjonalment l-enerġija termali prodotta waqt il-kombustjoni tal-propan sabiex tilħaq l-għan ekonomiku tagħha, li huwa l-kisba ta’ riżultati probatorji waqt it-testijiet. Tali użu tal-propan ma jistax jagħti lok għal eżenzjoni mit-taxxa.
15 Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-espressjoni “l-użu [...] mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96. Hija tistaqsi dwar it-tifsira li għandha tingħata lill-espressjoni “l-użu [bħala] karburant biex isaħħan” fil-kuntest tal-użu tal-propan sabiex jinħoloq ambjent ta’ ttestjar sabiex tinkiseb data ta’ kejl.
16 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbażat it-talba tagħha fuq il-punt 3 tal-Artikolu 47(1) tal-EnergieStG. Din id-dispożizzjoni tagħti eżenzjoni mit-taxxa, fuq talba, għal, b’mod partikolari, il-gassijiet likwifikati - bħall-propan - li fir-rigward tagħhom ikun hemm prova li ġew intaxxati u li ntużaw għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tal-EnergieStG. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddetermina jekk il-propan inkwistjoni ntużax għall-finijiet imsemmija fil-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-EnergieStG. Skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ użu “bħala kombustibbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 li jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax għall-użu ta’ prodotti tal-enerġija intiżi għal użu differenti mill-użu bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan.
17 Għalkemm hija tqis, minn naħa, li, fil-kuntest tal-ittestjar ta’ berner, trasferiment ta’ enerġija termali jseħħ li jikkontribwixxi wkoll sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ temperatura neċessarji għas-simulazzjoni ta’ kundizzjonijiet reali, li huma indispensabbli għall-eżattezza tal-kejl meħud, u, min-naħa l-oħra, li l-għan tal-kombustjoni ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx użu bħala karburant, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-użu tal-propan sabiex jinħoloq ambjent ta’ ttestjar sabiex tinkiseb data ta’ kejl jaqax taħt il-kunċett ta’ użu “[bħala] karburant biex isaħħan” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, peress li dan ma huwiex użu tal-propan bħala sors ta’ enerġija fis-sens tradizzjonali tal-kelma.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-kunċett ta’ użu ‘bħala karburant [biex isaħħan]’ previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva [2003/96] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri propan li jinħaraq f’kundizzjonijiet reali ta’ ttestjar ta’ berner sabiex tiġi prodotta data ta’ kejl, mingħajr ma tintuża sussegwentement is-sħana tal-kombustjoni ġġenerata?”
Fuq id-domanda preliminari
19 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ użu “[bħala] karburant biex isaħħan”, imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4) (b) tad-Direttiva 2003/96, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-użu tal-propan waqt l-ittestjar ta’ berner f’kundizzjonijiet reali sabiex tiġi prodotta data ta’ kejl, meta s-sħana mill-kombustjoni tal-propan ma tiġix użata sussegwentement.
20 B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jintaxxaw il-prodotti tal-enerġija konformement ma’ din id-direttiva, peress li din hija intiża li timponi, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 tagħha, livelli minimi ta’ tassazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea għall-parti l-kbira ta’ dawn il-prodotti.
21 Billi tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija, id-Direttiva 2003/96 għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi tevita, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Alsen, C‑137/23, EU:C:2025:179, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-prodotti tal-enerġija li għalihom tapplika d-Direttiva 2003/96 huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva b’riferiment għall-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, il-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet 2701, 2702 u 2704 sa 2715 tan-Nomenklatura Magħquda, jiġifieri, b’mod partikolari, il-propan, jikkostitwixxu prodotti tal-enerġija fis-sens ta’ din id-direttiva.
23 Barra minn hekk, mill-qari flimkien tal-paragrafi 1 u 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-prodotti li, fl-istess ħin, huma ddefiniti bħala prodotti tal-enerġija u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark, C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 25). F’dan ir-rigward, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-prodotti tal-enerġija li huma intiżi għal użu differenti mill-użu bħala karburant tal-karozzi jew bħala karburant biex isaħħan.
24 Fir-rigward tal-kunċett ta’ użu “[bħala] karburant biex isaħħan” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, bħal dawk bil-lingwa Franċiża (combustible) u dik Ċeka (paliva), jirreferu għal użi differenti minn dawk ta’ “kombustibbli” mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, b’mod li jimplikaw li s-sempliċi rilaxx tas-sħana jista’ jkun suffiċjenti għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett. Min-naħa l-oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Ġermaniża (als Heizstoff), il-verżjoni Ingliża (heating fuels), il-verżjoni Taljana (combustibile per riscaldamento), il-verżjoni Spanjola (el de combustible para calefacción), il-verżjoni Polakka (paliwa do ogrzewania) jew il-verżjoni Slovakka (vykurovacie palivá), jużaw l-espressjoni “kombustibbli għat-tisħin”, bil-ħsieb li ż-żieda tal-kliem “għat-tisħin” mal-kelma “kombustibbli” tista’ tinftiehem bħala riferiment għall-użu tas-sors tal-enerġija inkwistjoni għall-iskop ta’ tisħin, pereżempju, ta’ spazju, bħal bini jew parti minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni letterali tal-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ użu “[bħala] karburant biex isaħħan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jistax jinkludi użu għall-finijiet tal-ittestjar ta’ berner.
25 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax sservi waħidha ta’ bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità b’paragun mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Tali approċċ ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tikkostitwixxi parti (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller, C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 F’dak li jirrigwarda l-istruttura tad-Direttiva 2003/96, minn din id-direttiva u b’mod partikolari mill-Artikolu 2(4)(b) tagħha jirriżulta li l-użu ta’ prodott tal-enerġija jkun eskluż milli jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss jekk l-imsemmi prodott ikun huwa stess użat għal xi skop ieħor għajr dak ta’ karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan. Għalhekk, billi eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva l-prodotti intiżi għal tali użi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jorbot l-applikazzjoni tat-taxxa mal-funzjoni ta’ karburant tal-karozzi jew ta’ karburant biex isaħħan ta’ dawn il-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, X, C‑426/12, EU:C:2014:2247, punt 23).
27 F’dan ir-rigward, mill-elementi pprovduti lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fil-bank tal-ittestjar għall-berners tat-turbini tal-gass, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-berner jiżgura t-taħlit tal-arja, tal-propan u ta’ fluss komplementari ta’ gass naturali. Huwa paċifiku li l-propan jinħaraq u li l-proċess ta’ kombustjoni tal-propan jipproduċi s-sħana. F’turbina li taħdem bil-gass, l-enerġija prodotta (sħana) tiġi kkonvertita f’moviment ta’ rotazzjoni. Madankollu, fil-bank tal-ittestjar, fin-nuqqas ta’ turbina, l-enerġija prodotta ma tiġix ikkonvertita f’enerġija mekkanika. Il-gassijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni tal-propan jgħaddu mill-bank tal-ittestjar mingħajr ma jseħħ tali rkupru tal-enerġija u sussegwentement jiġu eliminati, permezz ta’ ċumnija, lejn l-atmosfera fil-forma ta’ gass tal-egżost, billi titneħħa l-parti l-kbira tal-enerġija li tirriżulta mill-kombustjoni.
28 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fix-xenarji ta’ ttestjar tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-għan tas-simulazzjoni kkonċernata jinsab fl-użu tal-proprjetajiet ta’ dilatazzjoni u ta’ espansjoni tal-volum tal-gassijiet użati, bl-intiża, b’mod iktar ġenerali, li jinkiseb rendiment għoli, emissjonijiet minimi u fjamma stabbli. Huwa paċifiku li, fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet termali analogi għal dawk ta’ funzjonament reali, il-miżuri hekk miksuba ma jkollhomx valur sinjifikattiv.
29 Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, fil-bank tal-ittestjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-propan jinħaraq u l-enerġija termali hekk prodotta tiġi ttrasferita fit-taħlita ta’ gass imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq, b’mod li jikkontribwixxi sabiex jinħolqu kundizzjonijiet reali ta’ funzjonament ta’ turbina tal-gass u sabiex jinkiseb kejl sinjifikattiv. Għalkemm l-enerġija termali prodotta b’dan il-mod ma hijiex ikkonvertita f’enerġija mekkanika, din l-enerġija hija trażmessa għall-fluss tal-gass u użata fil-kuntest tal-proċess industrijali ta’ ttestjar, li tiegħu hija tikkostitwixxi element essenzjali.
30 Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-propan jinħaraq għall-kontenut enerġetiku tiegħu, peress li l-enerġija termali hekk prodotta tintuża għal finijiet ta’ tisħin, sabiex jinkisbu kundizzjonijiet termali analogi għal dawk tal-funzjonament reali ta’ turbina tal-gass.
31 Il-fatt li l-enerġija termali prodotta b’dan il-mod ma tiġix irkuprata minn turbina ma jistax jippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-propan jintuża b’mod differenti mill-użu bħala karburant biex isaħħan, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 25 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-użu “[bħala] karburant biex isaħħan”, huwa rilevanti li l-prodott tal-enerġija jinħaraq sabiex jippermetti l-użu tas-sħana li tirriżulta minnu, għall-finijiet tal-ittestjar imwettaq, indipendentement mill-użu sussegwenti tiegħu għal skopijiet oħra jew mill-ventilazzjoni tiegħu.
32 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/96, peress li din tal-aħħar taqa’, skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2008/118, taħt is-sistema ġenerali tad-dazji tas-sisa tal-Unjoni.
33 F’dan ir-rigward, l-għan tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-enerġija, bħala taxxa fuq il-konsum, jimmilita favur l-interpretazzjoni li l-espressjoni “l-użu [...] bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan,” li tinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, tkopri l-każijiet kollha fejn l-imsemmija prodotti jinħarqu u fejn l-enerġija prodotta b’dan il-mod isservi sabiex issaħħan, ikun xi jkun l-għan tat-tisħin (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑240/01, EU:C:2004:251, punt 56), inkluża dik tal-ittestjar ta’ berner sabiex tinkiseb data ta’ kejl.
34 Konsegwentement, sa fejn, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-propan jinħaraq u, għalhekk, jiġi kkonsmat sabiex il-kontenut termali tiegħu jintuża sabiex jiġu simulati kundizzjonijiet reali ta’ funzjonament ta’ turbina tal-gass, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan ikun suġġett ta’ użu bħala karburant biex isaħħan. F’dan ir-rigward, l-għan tat-tisħin, jiġifieri l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet termali analogi għal dawk ta’ funzjonament reali ta’ turbina tal-gass, huwa irrilevanti.
35 Il-fatt li l-gassijiet ma jinżammux fil-bank tal-ittestjar, iżda jiġu kontinwament ivventilati mingħajr użu ieħor, ma jippermettix li din l-interpretazzjoni titqiegħed f’dubju u li jiġi kkunsidrat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-propan huwa użat b’mod differenti milli bħala karburant biex isaħħan, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96. Fil-fatt, il-fatt li l-gassijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni ma jibqgħux fil-bank tal-ittestjar, iżda huma kontinwament ivventilati ma għandu ebda effett fuq il-fatt li l-propan inħaraq, li s-sħana tiegħu ġiet ittrasferita lil dawn il-gassijiet, li dawn tal-aħħar intużaw fil-kuntest tal-proċess industrijali ta’ ttestjar u li l-propan ġie għalhekk kkunsmat bħala karburant biex isaħħan għall-finijiet ta’ dan il-proċess.
36 Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ użu “[bħala] karburant biex isaħħan”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-użu ta’ propan waqt l-ittestjar ta’ berner f’kundizzjonijiet reali sabiex tiġi prodotta data ta’ kejl, meta s-sħana mill-kombustjoni tal-propan ma tkunx użata sussegwentement.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
taqta’ u tiddeċiedi:
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ użu “[bħala] karburant biex isaħħan”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-użu ta’ propan waqt l-ittestjar ta’ berner f’kundizzjonijiet reali sabiex tiġi prodotta data ta’ kejl, meta s-sħana mill-kombustjoni tal-propan ma tkunx użata sussegwentement.
|
Półtorak |
Hesse |
Steinfatt |
|
Petrlík |
Dimitrakopoulos |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Lulju 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.