Brussell, 20.7.2021

COM(2021) 409 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali


1.INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali 1 (“id-Direttiva”) tistabbilixxi qafas komprensiv uniku bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li jippermetti lill-awtoritajiet fi Stat Membru wieħed jiksbu evidenza minn Stat Membru ieħor.

Id-Direttiva ġiet proposta fuq l-inizjattiva ta’ seba' Stati Membri 2 . Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottawha f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fit-3 ta’ April 2014 u hija vinkolanti għall-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u d-Danimarka.

Id-Direttiva ssostitwiet l-oqfsa eżistenti għall-ġbir tal-evidenza, jiġifieri l-Konvenzjoni tal-UE dwar l-Assistenza Legali Reċiproka tal-2000 3 , id-Deċiżjoni Qafas 2008/978/ĠAI dwar il-mandat Ewropew għall-provi 4 u d-Deċiżjoni Qafas 2003/577/ĠAI dwar l-iffriżar tal-evidenza 5 .

L-elementi ewlenin tad-Direttiva huma elenkati hawn taħt.

·L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (“OIE”) hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru biex miżura investigattiva waħda jew aktar jiġu eżegwiti jew rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor sabiex tinkiseb evidenza.

·Din tkopri kwalunkwe miżura investigattiva 6 , minbarra t-twaqqif ta’ tim investigattiv konġunt, fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali.

·L-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu u jeżegwixxu malajr OIE mingħajr ebda formalità oħra, u dan jista’ jiġi rrifjutat biss taħt ċirkostanzi limitati, eż. interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali u rispett għad-drittijiet fundamentali.

·Id-Direttiva tistabbilixxi skadenzi stretti għall-ġbir tal-evidenza mitluba.

·Hija tipprovdi formoli standard għat-tlestija ta’ OIE (Anness A), ir-rikonoxximent tar-riċevuta tiegħu (Anness B) u t-trażmissjoni tan-notifika dwar l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru notifikat (Anness C) 7 .

·Din fiha diversi salvagwardji addizzjonali biex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari fl-Artikoli 1(3), 6 u 14.

F’Jannar 2021, il-Kummissjoni pproponiet emenda għall-Artikolu 20 tad-Direttiva biex tallinjaha mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali 8 .

L-Artikolu 37 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva abbażi ta’ informazzjoni kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Ir-rapport jinkludi, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-impatt tagħha fuq il-kooperazzjoni f’materji kriminali u l-protezzjoni tal-individwi, kif ukoll l-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi.

L-ewwel parti tiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri, filwaqt li tiffoka fuq id-dispożizzjonijiet ewlenin, kruċjali għall-funzjonament bla xkiel tal-OIE. It-tieni parti tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-elementi ewlenin relatati mal-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri.

Fl-abbozzar ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni li pprovdew l-Istati Membri meta nnotifikaw miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva u t-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-awtoritajiet kompetenti u tal-avukati fl-Istati Membri, kif ukoll tal-Eurojust u tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji kriminali (NĠE).

Ir-rapport ikopri l-Istati Membri kollha marbutin bid-Direttiva.

2.VALUTAZZJONI ĠENERALI

Fl-iskadenza tal-perjodu ta’ traspożizzjoni fil-22 ta’ Mejju 2017 (l-Artikolu 36(1)), żewġ Stati Membri biss kienu kkomunikaw il-miżuri meħtieġa lill-Kummissjoni u tmien Stati Membri oħra nnotifikaw miżuri fil-jiem u fil-ġimgħat ta’ wara.

F’Lulju 2017, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE kontra 13-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, l-Iżvezja u s-Slovakkja) talli naqsu milli jinnotifikaw miżuri li jittrasponu d-Direttiva. F’Jannar 2018, il-Kummissjoni bagħtet opinjonijiet motivati lill-Awstrija, lill-Bulgarija, lil Spanja u lil-Lussemburgu peress li kienu għadhom ma nnotifikawx il-miżuri ta’ traspożizzjoni. Sa Settembru 2018, l-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva kienu nnotifikaw il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. L-analiżi tal-miżuri notifikati ma identifikat l-ebda element sinifikanti nieqes awtonomu. Għalhekk, il-proċedimenti ta’ ksur għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ingħalqu. 9  

3.PUNTI SPEĊIFIĊI TA’ VALUTAZZJONI

3.1.    L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ċentrali

L-Artikolu 33(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu u jeżegwixxu l-OIEs, u dwar l-awtorità(jiet) ċentrali, fejn maħtura skont l-Artikolu 7(3). L-Istati Membri kollha bagħtu n-notifiki tagħhom lill-Kummissjoni.

3.1.1.Awtoritajiet emittenti (l-Artikolu 2(c))

L-Artikolu 2(c) jiddikjara li t-terminu “awtorità emittenti” jinkludi imħallef, qorti, qorti istruttorja jew prosekutur pubbliku 10 . Jinkludi wkoll kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti, li, fil-każ inkwistjoni, qed jaġixxi fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità investigattiva fi proċedimenti kriminali b’kompetenza sabiex jordna l-ġbir ta’ evidenza f’konformità mal-liġi nazzjonali, sakemm tali OIE jiġi vvalidat minn imħallef, qorti, qorti istruttorja jew prosekutur pubbliku.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet 11 li l-kunċetti ta’ “awtorità ġudizzjarja” u “awtorità emittenti” fl-Artikoli 1(1) u 2(c) jinkludu l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru, irrispettivament minn kwalunkwe relazzjoni ta’ subordinazzjoni legali bejn dak l-uffiċċju u l-eżekuttiv ta’ dak l-Istat Membru jew tal-iskopertura tal-uffiċċju ta’ dak il-prosekutur pubbliku għar-riskju li jkun direttament jew indirettament soġġett għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv meta jadotta OIE.

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu l-OIEs huma l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku, il-qrati istruttorji jew il-qrati. Fi Stat Membru wieħed, il-qrati biss huma kompetenti biex joħorġu OIEs, filwaqt li Stat Membru ieħor ħatar l-awtorità fiskali tiegħu, li għandha d-drittijiet u twettaq ir-responsabbiltajiet ta’ uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, bħala awtorità ġudizzjarja emittenti f’konformità mal-Artikolu 2(c)(i) 12 . Inqas minn nofs l-Istati Membri għamlu użu mill-possibbiltà li jaħtru awtoritajiet investigattivi kompetenti, bħas-servizzi tal-pulizija, bħala l-awtoritajiet emittenti tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(c)(ii). F’xi każijiet, l-awtoritajiet amministrattivi ġew maħtura bħala awtoritajiet emittenti fi proċedimenti ta’ reat amministrattiv. Il-prosekuturi, il qrati istruttorji jew il-qrati ġew maħtura bħala awtoritajiet ta’ validazzjoni għal tali OIEs. Fi Stat Membru wieħed, ma ġiet maħtura l-ebda awtorità ta’ validazzjoni għall-OIEs maħruġa minn awtorità amministrattiva fi proċedimenti ta’ reat amministrattiv. Kważi l-Istati Membri kollha implimentaw din id-dispożizzjoni b’mod korrett.

3.1.2.Awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 2(d))

Maġġoranza kbira tal-Istati Membri ħatru wkoll lill-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu l-OIEs bħala awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni. F’xi Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti biex jirrikonoxxu l-OIEs u jiżguraw l-eżekuzzjoni tagħhom huma wkoll awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew amministrattivi.

3.1.3.Awtoritajiet ċentrali (l-Artikolu 7(3))

L-Artikolu 7(3) jipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jaħtru awtorità ċentrali waħda jew aktar li jassistu lill-awtoritajiet kompetenti. Dawn jistgħu jagħmlu lil dawn l-awtoritajiet ċentrali responsabbli għat-trażmissjoni amministrattiva u r-riċevuta tal-OIEs u korrispondenza uffiċjali relatata oħra.

Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri nnotifikaw mill-inqas awtorità ċentrali waħda lill-Kummissjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-Ministeri tal-Ġustizzja ġew maħtura bħala awtoritajiet ċentrali, filwaqt li ġew assenjati kompiti differenti lilhom. Ftit minn dawk l-awtoritajiet ċentrali jistgħu jassistu wkoll fit-trażmissjoni amministrattiva u r-riċevuta tal-OIEs, u numru żgħir biss minn dawk l-Istati Membri jitolbu li l-OIEs kollha li jidħlu jintbagħtu permezz tal-awtoritajiet ċentrali tagħhom. Fi ftit każijiet, ġew innotifikati diversi awtoritajiet ċentrali. F’xi Stati Membri, l-awtoritajiet jistgħu jipprovdu assistenza, għalkemm mhux formalment innotifikati bħala awtoritajiet ċentrali.

Uħud mill-Istati Membri taw lill-awtoritajiet ċentrali maħtura tagħhom setgħat addizzjonali (eż. billi tawhom ir-responsabbiltà għal verifika preliminari dwar jekk id-dokumenti kollha meħtieġa kinux waslu, jew li jirrifjutaw li jeżegwixxu OIE taħt ċerti kundizzjonijiet). Kważi l-Istati Membri kollha implimentaw din id-dispożizzjoni b’mod korrett.

3.2.Id-definizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-OIE u t-tipi ta’ proċedimenti li għalihom jista’ jinħareġ

3.2.1.Definizzjoni tal-OIE (Artikolu 1)

L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 1(1) li jiddefinixxi l-OIE bħala deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa biex ikun hemm miżura investigattiva speċifika jew diversi miżuri investigattivi speċifiċi mwettqa fi Stat Membru ieħor biex tinkiseb evidenza. Il-Premessa 25 tispeċifika li d-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar it-twettiq ta’ miżura investigattiva fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, inkluż l-istadju tal-proċess. F’għadd żgħir ta’ Stati Membri, OIE jista’ jinħareġ ukoll matul l-eżekuzzjoni ta’ sentenza. Stat Membru wieħed speċifika li OIE jista’ jinħareġ ukoll għal miżuri proċedurali addizzjonali.

Xi Stati Membri ma rreferewx b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tagħhom għad-drittijiet tas-suspettati jew tal-akkużati, jew ta’ avukat f’isimhom, biex jitolbu l-ħruġ ta’ OIE (l-Artikolu 1(3)), iżda dan jista’ jkun minħabba li l-proċeduri kriminali nazzjonali diġà jagħtu dan.

Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ma jirreferux b’mod espliċitu għad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali (l-Artikolu 1(4)) fid-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tagħhom. Madankollu, għadd żgħir ta’ Stati Membri rreferew għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għall-kostituzzjonijiet nazzjonali, jew għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri b’mod espliċitu jagħmlu l-kundizzjoni ġenerali tar-rispett għad-drittijiet fundamentali raġuni għar-rifjut skont l-Artikolu 11(1)(f) fil-każ ta’ ksur.

3.2.2.Kamp ta’ Applikazzjoni (l-Artikolu 3)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva jiddikjara li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-OIE jkopri kwalunkwe miżura investigattiva bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment ta’ tim ta’ investigazzjoni konġunt u l-ġbir ta’ evidenza fi ħdan tali tim. Il-premessi 9 u 34 jiċċaraw li d-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax għas-sorveljanza transfruntiera kif imsemmi fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen 13 , u għal miżuri provviżorji bil-ħsieb ta’ konfiska.

Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 3 b’mod espliċitu. Ftit Stati Membri żiedu eċċezzjonijiet addizzjonali, jiġifieri, il-ġbir ta’ data dwar rekords kriminali, assistenza legali biex jiġu nnotifikati d-dokumenti proċedurali, is-smigħ tal-akkużat permezz ta’ konferenza bit-telefown, u s-sekwestru ta’ oġġetti soġġetti għal konfiska. Is-sorveljanza transfruntiera kif imsemmija fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ġiet espliċitament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-OIE f’għadd żgħir ta’ Stati Membri. Kważi kollha kemm huma implimentaw din id-dispożizzjoni b’mod korrett.

3.2.3.Tipi ta’ proċedimenti (l-Artikolu 4)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva jiddikjara li OIE jista’ jinħareġ fi proċedimenti kriminali fl-Istati Membri kollha (l-Artikolu 4(a)). Stat Membru wieħed, madankollu, jeħtieġ proċedimenti kriminali għal reat kriminali mwettaq fl-Istat emittenti, minflok ma jirreferi għal “reat kriminali skont il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti”. Ftit Stati Membri, fil-pożizzjoni tagħhom bħala Stati emittenti, iddikjaraw li kien possibbli li jinħareġ OIE fi proċedimenti għal atti punibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti minħabba li kien ksur tar-regoli tal-liġi skont l-Artikolu 4(b) u 4(c) tad-Direttiva. F’għadd kbir ta’ Stati Membri, il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ma tinkludix referenza espliċita għal proċedimenti għal reati jew ksur li għalihom persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli jew tiġi kkastigata fl-Istat emittenti (l-Artikolu 4(d)). Kważi l-Istati Membri kollha implimentaw din id-dispożizzjoni b’mod korrett.

3.3.Ħruġ ta’ OIE

3.3.1.Kontenut u forma ta’ OIE (l-Artikolu 5(1))

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kontenut ta’ OIE u jistabbilixxi obbligu li l-OIEs jinħarġu fil-forma stabbilita fl-Anness tad-Direttiva.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew il-formola stabbilita skont id-Direttiva b’mod sħiħ u konformi.

3.3.2.Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE (l-Artikolu 6)

Skont l-Artikolu 6(1), OIE jista’ jinħareġ fejn (a) il-ħruġ ikun meħtieġ u proporzjonat għall-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-persuna suspettata jew tal-akkużat, u (b) il-miżura/i investigattiva/i indikata/i fl-OIE setgħet ġiet ordnata/i taħt l-istess kundizzjonijiet f’każ domestiku simili.

Ma tista’ tiġi identifikata l-ebda traspożizzjoni espliċita speċifika tal-Artikolu 6(1) f’xi Stati Membri, filwaqt li xi każijiet ta’ traspożizzjoni skorretta ġew identifikati fi ftit Stati Membri oħra.

Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri ma semmewx b’mod espliċitu l-possibbiltà li jikkonsultaw lill-awtorità emittenti dwar l-importanza tal-ħruġ ta’ OIE (l-Artikolu 6(3)), iżda xi wħud minn dawk l-Istati Membri adottaw dispożizzjonijiet orizzontali dwar il-konsultazzjoni mal-awtorità emittenti dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-OIEs. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 6(3) billi rreferew għall-konsultazzjoni mal-awtorità emittenti biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 6(1)(a). Għadd żgħir ta’ Stati Membri għamluha obbligatorja, aktar milli diskrezzjonali, li tiġi kkonsultata l-awtorità emittenti.

Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 6 b’mod korrett. Madankollu, fil-każ ta’ ftit Stati Membri, it-traspożizzjoni ma tikkonformax mad-Direttiva.

3.3.3.Ir-reġim tal-lingwa (l-Artikoli 5(2)-(3) u 33(1)(b))

Skont l-Artikolu 5(3), OIE jrid jiġi tradott mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti fil-lingwa(i) uffiċjali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jew fi kwalunkwe lingwa oħra li l-Istat ikun innotifika bħala aċċettabbli.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 5(3) b’mod sħiħ u konformi. Ftit li xejn Stati Membri ma ttrasponewhx b’mod espliċitu.

Aktar minn nofs l-Istati Membri nnotifikaw skont l-Artikolu 33(1)(b) li jaċċettaw l-OIEs f’lingwa(i) minbarra tagħhom stess (tipikament bl-Ingliż). Ftit Stati Membri għamlu l-aċċettazzjoni ta’ tali lingwa(i) oħra kondizzjonali fuq l-urġenza tat-talba jew impenn reċiproku mill-Istat Membru l-ieħor inkwistjoni. Għadd żgħir ta’ Stati Membri stabbilixxew ukoll reġimi lingwistiċi preferenzjali għal ċerti Stati Membri ġirien. Filwaqt li maġġoranza kbira tal-Istati Membri jindikaw fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tagħhom il-lingwa li tista’ tintuża biex jitlesta jew jiġi tradott OIE meta l-Istat Membru kkonċernat ikun l-Istat ta’ eżekuzzjoni, għadd żgħir ħafna ta’ Stati Membri ma jispeċifikawx ir-reġim tal-lingwa fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tagħhom.

3.4.Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ OIE

3.4.1.Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ OIE (l-Artikolu 9)

Skont l-Artikolu 9, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha d-dmir ġenerali li tirrikonoxxi OIE u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet bħallikieku l-miżura investigattiva kkonċernata kienet ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

Għadd żgħir ħafna ta’ Stati Membri ma jirreferux b’mod espliċitu għall-obbligu li jiġi rikonoxxut OIE fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tagħhom. Stat Membru wieħed irrefera għad-diskrezzjoni minflok l-obbligu li jiġi eżegwit OIE.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 9(2) kif suppost. Dan l-Artikolu jeħtieġ konformità mal-formalitajiet u l-proċeduri indikati b’mod espliċitu mill-awtorità emittenti, dment li tali formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Stat Membru wieħed ipprovda għal dispożizzjoni diskrezzjonali minflok waħda obbligatorja. F’xi Stati Membri, ma setgħux jiġu identifikati dispożizzjonijiet rilevanti li jkopru l-proċedimenti tal-liġi kriminali amministrattiva. Diversi Stati Membri ttrasponew ir-referenza għal “prinċipji fundamentali tal-liġi” bħala referenza ġenerali għal-“liġi nazzjonali” jew għall-“prinċipji bażiċi” tagħha.

L-Artikolu 9(3) jirrikjedi li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tirritorna OIE mhux maħruġ minn awtorità emittenti lill-Istat emittenti. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod konformi. Madankollu, ftit Stati Membri ma ttrasponewhiex b’mod espliċitu, u Stat Membru wieħed ittrasponiha bħala raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew nuqqas ta’ rikonoxximent.

L-ebda traspożizzjoni espliċita tal-Artikoli 9(4) u 9(5), li tispeċifika kif l-awtoritajiet tal-Istat emittenti jistgħu jassistu fl-eżekuzzjoni tal-OIE fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, ma tista’ tiġi identifikata f’għadd żgħir ta’ Stati Membri, filwaqt li kwistjonijiet ta’ konformità ġew identifikati fi ftit oħrajn.

3.4.2.Rikors għal tip differenti ta’ miżura investigattiva (l-Artikolu 10)

Skont l-Artikolu 10(1), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija obbligata li tirrikorri għal miżura investigattiva minbarra dik prevista fl-OIE meta l-miżura mitluba ma tkunx teżisti skont il-liġi nazzjonali, jew ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 10 b’mod konformi, filwaqt li fi ftit Stati Membri ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità. Dawn huma relatati, pereżempju, mal-fatt li huwa diskrezzjonali minflok obbligatorju li wieħed jirrikorri għal miżura investigattiva oħra (il-paragrafu 1), jew ma’ li huwa obbligatorju minflok diskrezzjonali li wieħed jirrikorri għal miżura investigattiva inqas intrużiva (il-paragrafu 3), filwaqt li ftit Stati Membri ttrasponew il-paragrafu 5 bħala raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

3.4.3.Ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni (l-Artikoli 11(1), 22(2), 23(2), 24(2), 26(6), 27(5), 28(1), 29(3), 30(5))

Id-dmir ġenerali li jiġi eżegwit OIE fl-Artikolu 9(1) huwa limitat mir-raġunijiet fakultattivi għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 11(1), kif ukoll minn raġunijiet addizzjonali għal ċerti miżuri investigattivi fl-Artikoli 22(2), 23(2), 24(2), 26(6), 27(5), 28(1), 29(3), u 30(5).

Aktar minn nofs l-Istati Membri ttrasponew ir-raġunijiet kollha jew uħud minnhom għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 11(1) bħala obbligatorji, filwaqt li l-Istati Membri l-oħra ttrasponewhom bħala fakultattivi. Xi Stati Membri ma ttrasponewx b’mod espliċitu xi raġunijiet għal rifjut skont l-Artikolu 11(1). Ftit Stati Membri jew ma ttrasponewx xi raġunijiet, jew ittrasponew raġunijiet addizzjonali, skont l-Artikoli 22(2), 24(2), 26(6), 27(5), 28(1), 29(3), u 30(5) bħala raġunijiet obbligatorji.

Differenzi sinifikanti fl-approċċi ta’ traspożizzjoni ġew osservati fil-każ tal-Artikolu 11(1)(d), li jistabbilixxi raġuni fakultattiva għar-rifjut jekk l-eżekuzzjoni tal-OIE tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Filwaqt li xi Stati Membri jirreferu biss għall-prinċipju nnifsu, oħrajn jispeċifikawh, u xi wħud minn dawk iżidu kundizzjoni ta’ infurzar 14 .

Għar-raġuni tad-drittijiet fundamentali għar-rifjut skont l-Artikolu 11(1)(f), ġiet osservata traspożizzjoni konformi f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri. Madankollu, għadd ta’ Stati Membri ma rreferewx għal tali raġuni espliċita għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, numru żgħir ta’ Stati Membri ma għamlux referenzi għall-Artikolu 6 tat-TFUE u għall-Karta, xi Stati Membri rreferew għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u Stat Membru wieħed għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Istati Membri kollha ttrasponew ir-raġuni ta’ kriminalità doppja għal rifjut b’mod konformi mal-Artikolu 11(1)(g), filwaqt li xi Stati Membri inkludew eċċezzjonijiet jew kundizzjonijiet li jqajmu kwistjonijiet ta’ konformità. Fir-rigward tal-kategoriji ta’ reati li għalihom ġiet imħassra l-verifika tal-kriminalità doppja, Stat Membru wieħed ma jeskludix tali verifika fil-każ taċ-ċittadini tiegħu, filwaqt li ieħor ma jeskludiha, għal miżuri koerċittivi, sakemm dawn il-miżuri ma jkunux ristretti għal ċerti reati jew sakemm ma jkunx hemm ċertu limitu. Stat Membru wieħed għandu għażla li jagħmel in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni kondizzjonali fuq ir-reċiproċità. Ir-referenza għal ordni ta’ detenzjoni hija nieqsa f’għadd żgħir ħafna ta’ Stati Membri.

Żewġ Stati Membri ma ttrasponewx l-Artikolu 11(2) filwaqt li speċifikaw li r-raġuni għal kriminalità doppja għal rifjut, kif ukoll ir-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 11(1)(h), ma japplikawx għal miżuri investigattivi msemmija fl-Artikolu 10(2).

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew l-eċċezzjoni għal reati fiskali relatati mat-taxxi, id-dazji, id-dwana u l-kambju f’konformità mal-Artikolu 11(3) b’mod korrett, filwaqt li f’numru żgħir ta’ Stati Membri il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma nieqsa.

L-Artikolu 11(4) jirrikjedi li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tikkonsulta lill-awtorità emittenti qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew ma teżegwixxix OIE għal xi wħud mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri implimentaw din id-dispożizzjoni b’mod korrett, iżda xi wħud għamlu dan biss parzjalment, pereżempju, billi neħħew il-kliem “kompletament jew parzjalment” u “mingħajr dewmien”, jew billi neħħew ir-rekwiżit li jikkonsultaw lill-awtorità emittenti dwar ċerti raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

F’konformità mal-Artikolu 11(5), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija obbligata titlob lil awtorità fl-Istat Membru tagħha biex tirrinunzja l-privileġġ jew l-immunità, fejn tali awtorità jkollha s-setgħa li tagħmel dan. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni jew ittrasponewha parzjalment biss.

Minbarra r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ OIE fid-Direttiva, xi Stati Membri stabbilixxew oħrajn addizzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Pereżempju, jekk formola tal-OIE jew it-traduzzjoni tagħha ma tkunx kompluta, ma tkunx korretta jew tkun nieqsa, jekk issir oġġezzjoni legali ta’ suċċess kontra OIE, jekk OIE jiġi rtirat, jew jekk ikun hemm raġunijiet oħra li jagħmluha impossibbli li jitwettqu azzjonijiet proċedurali.

Tali approċċi differenti għall-implimentazzjoni jistgħu jwasslu għal diskrepanzi bejn is-sistemi legali differenti. Min-naħa tagħhom, dawn jistgħu jagħmluha aktar diffiċli li d-Direttiva tiġi applikata fil-prattika. Kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja 15 , l-OIE “huwa tabilħaqq strument ibbażat fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku, li l-eżekuzzjoni tiegħu tikkostitwixxi r-regola u r-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub li jkun eċċezzjoni li trid tiġi interpretata b’mod strett”.

3.5.Limiti ta’ żmien għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni u raġunijiet għall-posponiment tar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni (l-Artikoli 12 u 15)

Il-limiti ta’ żmien u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 huma importanti għall-effiċjenza tal-OIE.

Għadd ta’ Stati Membri ma ttrasponewx il-formulazzjoni tal-paragrafu 1 dwar it-teħid tad-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni u t-twettiq tal-miżura investigattiva “bl-istess ħeffa u prijorità bħal għal każ domestiku simili”.

Għadd żgħir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx il-paragrafu 2, li jirrikjedi li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tqis it-talba tal-awtorità emittenti biex teżegwixxi OIE fi żmien skadenza iqsar jew f’data speċifika.

Il-paragrafu 3 jispeċifika li deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE trid tittieħed mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 30 jum wara li jasal OIE. Maġġoranza kbira tal-Istati Membri ttrasponew b’mod korrett l-iskadenza b’mod konformi, iżda xi ftit jippreżentaw kwistjonijiet ta’ konformità, pereżempju, billi jagħmlu eċċezzjonijiet.

Il-paragrafu 4 jgħid li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni trid twettaq il-miżura investigattiva mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 90 jum wara d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE. L-Istati Membri kollha stabbilew dan il-limitu ta’ żmien fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Il-paragrafi 5 u 6 jippermettu l-estensjoni tal-limiti ta’ żmien. Madankollu, xi Stati Membri jidhru li ma implimentawx dawn id-dispożizzjonijiet b’mod korrett.

Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ OIE jistgħu jiġu posposti għal żewġ raġunijiet indikati fl-Artikolu 15(1). Hekk kif tali raġunijiet ma jibqgħux jeżistu, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha minnufih tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-OIE u tinforma lill-awtorità emittenti (l-Artikolu 15(2)). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew dawn id-dispożizzjonijiet b’mod korrett. Numru żgħir ħafna ta’ Stati Membri introduċew obbligu li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jiġu posposti minflok ma tingħata diskrezzjoni. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ttrasponew biss parzjalment l-Artikolu 15(2).

3.6.Trasferiment tal-evidenza (l-Artikolu 13)

Skont l-Artikolu 13(1), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni trid tittrasferixxi l-evidenza lill-Istat ta’ eżekuzzjoni mingħajr dewmien żejjed. L-evidenza tista’ tiġi ttrasferita wkoll direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti li jassistu fl-eżekuzzjoni ta’ OIE f’konformità mal-Artikolu 9(4). Mhux l-Istati Membri kollha ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod korrett.

It-trasferiment tal-evidenza jista’ jiġi sospiż sakemm tittieħed deċiżjoni dwar rimedju legali skont l-Artikolu 13(2). Għadd żgħir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni, jew għamlu dan parzjalment biss. Ftit Stati Membri pprovdew għal obbligu li jissospendu t-trasferiment tal-evidenza, filwaqt li Stat Membru wieħed iddikjara li t-trasferiment tal-evidenza ma jridx jiġi sospiż minħabba rimedju legali.

F’konformità mal-Artikolu 13(4), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ temporanjament tittrasferixxi l-evidenza lill-Istat emittenti fejn din tkun diġà rilevanti għal proċedimenti oħra. Uħud mill-Istati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni.

3.7.Rimedji legali (Artikolu 14)

L-Artikolu 14(1), moqri mal-Premessa 22, jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li r-rimedji legali, ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili, ikunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-OIE.

Diversi Stati Membri ma speċifikawx li r-rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili huma applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati f’OIE, jekk OIE jinħareġ fl-Istat Membru inkwistjoni. Għadd ta’ Stati Membri ma għamlu l-ebda dispożizzjoni espliċita għall-azzjonijiet tagħhom bħala Stati ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, għadd ta’ Stati Membri indikaw li japplikaw il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri kriminali. F’għadd żgħir ta’ Stati Membri, it-traspożizzjoni tal-liġijiet tistabbilixxi rimedji speċifiċi għall-OIEs.

Xi Stati Membri ma ttrasponewx b’mod espliċitu l-paragrafu 2, filwaqt li speċifikaw li l-Istat emittenti biss jista’ jikkontesta r-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ ta’ OIE.

Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri ma ttrasponewx b’mod espliċitu l-paragrafi 3, 4, 6 u 7, dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar it-tiftix ta’ rimedji legali, il-limiti ta’ żmien applikabbli għat-tiftix ta’ rimedji legali, jew il-konsegwenzi ta’ sfida legali.

Skont il-paragrafu 5, l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni jridu jinformaw lil xulxin dwar ir-rimedji legali mitluba kontra l-ħruġ, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE.  Filwaqt li għadd żgħir ħafna ta’ Stati Membri ma ttrasponew xejn din id-dispożizzjoni, oħrajn naqsu milli jimplimentawha b’mod korrett.

3.8.Obbligu ta’ informazzjoni (l-Artikolu 16)

Il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew b’mod korrett l-obbligi fl-Artikolu 16 biex jikkonfermaw ir-riċevuta ta’ OIE u jipprovdu informazzjoni oħra lill-Istat emittenti matul ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE. Madankollu, għadd żgħir ta’ Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 16 parzjalment biss (eż. “mingħajr dewmien” u “immedjatament” tħallew barra; l-obbligu li tiġi kkonfermata l-wasla ta’ OIE mhuwiex impost fuq l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni, fejn tkun involuta awtorità ċentrali; l-Artikolu 16(2)(b) mhuwiex traspost).

4.ĠBIR TA’ DATA

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-awtoritajiet kompetenti u lill-avukati fl-Istati Membri, lill-Eurojust u lill-NĠE, fejn talbet kemm informazzjoni kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva. Hija rċeviet tweġibiet mingħand 19-il awtorità kompetenti tal-Istati Membri, l-Eurojust u l-NĠE, u 9 mingħand avukati.

Mit-tweġibiet tal-awtoritajiet kompetenti, jidher li l-OIE ta’ spiss jintuża: l-għadd ta’ OIEs maħruġa u eżegwiti mill-bidu tal-applikazzjoni tad-Direttiva jvarja bejn numru bi tliet ċifri baxx (pereżempju, Stat Membru wieħed ħareġ 364 OIEs u rċieva 180 għall-eżekuzzjoni) u numru b’ħames ċifri baxx (pereżempju, Stat Membru wieħed ħareġ madwar 15 900 OIEs u rċieva madwar 10 500 għall-eżekuzzjoni). Barra minn hekk, l-għadd ta’ OIEs li għalihom l-NĠE ntalab jipprovdi assistenza żdied b’mod sinifikanti minn 255 fl-2017 għal 1762 fl-2019. Tali assistenza kienet tinvolvi, pereżempju, kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet, it-tħaffif tal-kooperazzjoni, kif ukoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar punti ta’ liġi jew l-istatus ta’ każ kriminali. Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, fi 3348 każ li jinvolvu l-OIEs, intalbet l-assistenza tal-Eurojust. It-tip ta’ assistenza varjat minn każ għal każ u kopriet stadji differenti, mill-ħruġ ta’ OIE għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tiegħu u s-segwitu tiegħu.

Is-smigħ ta’ persuna u l-kisba ta’ informazzjoni dwar kontijiet bankarji u kontijiet finanzjarji oħra huma fost il-miżuri investigattivi li spiss jintalbu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, jidher li l-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ miżuri investigattivi jintalbu regolarment.

Il-biċċa l-kbira tal-OIEs maħruġa ġew eżegwiti b’suċċess (bejn 76,65 % tal-OIEs eżegwiti fi Stat Membru wieħed, u 96,93 % eżegwiti f’ieħor) u ftit biss ġew rifjutati (bejn 0 % tal-OIEs kollha maħruġa fi Stat Membru wieħed, u 17 % tal-OIEs maħruġa f’ieħor). Madankollu, kien hemm ftit kwistjonijiet minħabba rifjuti ta’ eżekuzzjoni tal-OIEs f’każijiet individwali, pereżempju, għal raġunijiet ta’ kriminalità doppja, jew minħabba li miżura mitluba ma setgħetx tiġi awtorizzata f’konformità mal-liġi domestika, kif ukoll għal raġunijiet fattwali, jew minħabba kwistjonijiet ta’ traduzzjoni, inklużi raġunijiet bħall-proporzjonalità, politiki de minimis u l-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll rifjuti mingħajr raġunijiet. Ftit Stati Membri biss użaw l-Artikolu 11(1)(f) (drittijiet fundamentali) bħala raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw l-eżekuzzjoni ta’ OIE u t-trasferiment tal-evidenza lill-Istat emittenti fi żmien 31 sa 60 jum. Madankollu, għadd kbir ta’ Stati Membri rrapportaw li rċevew evidenza mill-Istat ta’ eżekuzzjoni biss fi żmien 91 sa 120 jum. Ħafna Stati Membri jqisu l-limiti ta’ żmien tal-OIE xierqa. Madankollu, grupp ta’ Stati Membri jirrapporta dewmien individwali (serju), anke f’każijiet urġenti, filwaqt li xi tweġibiet jindikaw li l-konformità mal-limiti ta’ żmien tvarja fost l-Istati Membri. Il-proċeduri interni, l-ammont ta’ xogħol u l-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll raġunijiet oħra, bħall-impossibbiltà li tiġi eżegwita taħrika, ġew ikkwotati bħala xi wħud mir-raġunijiet għad-dewmien. Xi Stati Membri jirrapportaw li huma solvew kwistjonijiet bħal dawn permezz ta’ kuntatti diretti, jew billi rċevew appoġġ mill-Eurojust, mill-NĠE jew mill-Europol għal talbiet urġenti.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jqisu l-qafas attwali għar-rikonoxximent reċiproku tal-OIEs bħala sodisfaċenti b’mod ġenerali għall-kisba tal-evidenza. Madankollu, dan mhuwiex il-każ għall-evidenza elettronika 16 , fejn l-Istati Membri jkomplu jaraw ħtieġa qawwija għal regoli speċifiċi, aktar u aktar urġenti biż-żieda fid-diġitalizzazzjoni u l-pandemija tal-COVID-19. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jemmnu wkoll li d-Direttiva ssimplifikat u ħaffet il-ġbir tal-evidenza u kellha impatt pożittiv fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Fil-biċċa l-kbira, l-Eurojust u l-NĠE jikkondividu dawn il-fehmiet.

Ġew identifikati diffikultajiet li jfixklu l-funzjonament bla xkiel tal-OIE, l-iktar spiss it-tul u l-kumplessità tal-formola. Ġew identifikati wkoll differenzi li jirriżultaw mir-reġimi legali nazzjonali għall-kisba tal-evidenza, kif ukoll kwistjonijiet oħra ta’ applikazzjoni prattika f’każijiet individwali. Pereżempju, l-Istat ta’ eżekuzzjoni li jitlob li jibgħat id-deċiżjoni nazzjonali (ordni tal-qorti) flimkien mal-formola tal-OIE, formoli mhux kompluti, traduzzjonijiet ta’ kwalità ħażina, u każijiet fejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jkunx segwa rekwiżiti proċedurali speċifiċi mitluba mill-Istat emittenti. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-aħħar, għadd ta’ Stati Membri enfasizzaw dan fil-kuntest tal-ammissibbiltà tal-evidenza miksuba permezz ta’ OIE fil-qrati. Madankollu, Stati Membri oħra ma rrapportaw l-ebda diffikultà bl-ammissibbiltà tal-evidenza, jew li ma kellhomx tali informazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ppreferew azzjoni mhux leġiżlattiva biex itejbu l-funzjonament tal-OIE, iżda pprovdew ukoll suġġerimenti għas-simplifikazzjoni tal-formola.

Dwar l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet, il-maġġoranza tal-Istati Membri jew ma setgħux jipprovdu ċifri preċiżi dwar kemm din il-miżura ntużat ta’ sipiss s’issa, jew irrapportaw numri pjuttost baxxi. Fil-każ tal-Artikolu 30, l-għadd ta’ OIEs maħruġa varja bejn 0 fi Stat Membru wieħed għal 25 f’ieħor; l-għadd ta’ OIEs riċevuti varja bejn 0 fi Stat Membru wieħed u 90 f’ieħor. Fil-każ tal-Artikolu 31, l-għadd ta’ notifiki mibgħuta varja bejn 0 fi Stat Membru wieħed u mill-inqas 40 f’ieħor; u l-għadd ta’ notifiki li waslu varja bejn 0 fi Stat Membru wieħed u 35 f’ieħor). Il-maġġoranza tal-Istati Membri ma setgħux jindikaw f’kemm-il każ l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet (skont l-Artikolu 30 jew 31) ġiet irrifjutata, jew irrapportaw ċifri baxxi ħafna.

Dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tekniċi, humiex sodisfaċenti, il-maġġoranza tal-Istati Membri indikaw li huma sabu d-Direttiva sodisfaċenti f’dan ir-rigward, u qiesu li l-isfidi ma setgħux jiġu ssuperati permezz tal-leġiżlazzjoni. Numru żgħir ta’ Stati Membri ssuġġerew li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jista’ jiġi ċċarat aktar, jew li kienet meħtieġa regolamentazzjoni speċifika tal-fornituri tal-hekk imsejħa servizzi over-the-top (OTT). Xi Stati Membri ma taw l-ebda opinjoni dwar dan.

Fil-ħarifa tal-2018, fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar ir-regoli li għadhom kif ġew proposti għall-aċċess transfruntier għal evidenza elettronika maħżuna, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar il-problemi attwali u modi possibbli biex tittejjeb l-interċettazzjoni transfruntiera f’ħin reali. Dawn il-konsultazzjonijiet urew li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ interċettazzjoni (bħar-restrizzjoni tal-użu tal-miżura għal ċerti reati, jew għal limiti ta’ penali speċifiċi) stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri jvarjaw ħafna, u wrew li kien hemm sfidi prinċipalment tekniċi li jikkonċernaw it-trażmissjoni transfruntiera tad-data. Madankollu, is-sistema eżistenti tal-OIE tqieset bħala għodda xierqa u utli biex jiġu ttrattati t-talbiet transfruntiera bejn l-Istati Membri. Il-konsultazzjonijiet urew ukoll li l-miżuri leġiżlattivi, inkluż l-indirizzar tal-interċettazzjoni f’ħin reali bħala parti mill-pakkett propost dwar l-evidenza elettronika u l-armonizzazzjoni ta’ kundizzjonijiet nazzjonali differenti biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet attwali, ma kinux ikkunsidrati xierqa. Fl-aħħar nett, il-valutazzjoni tal-konformità wriet li filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew b’mod korrett l-Artikoli 30 u 31, numru żgħir ma ttrasponewx partijiet minn dawk id-dispożizzjonijiet jew inkella ma kinux konformi mad-Direttiva minħabba li, pereżempju, kienu jipprovdu għal raġunijiet obbligatorji minflok għal raġunijiet fakultattivi għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

Kemm l-NĠE kif ukoll l-Eurojust irrapportaw 17 ukoll ċerti diffikultajiet fl-applikazzjoni prattika tad-Direttiva, pereżempju t-trattament ta’ każijiet urġenti, traduzzjonijiet ta’ kwalità ħażina, dgħufijiet fil-formola tal-OIE, in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni espliċita tar-“regola ta’ speċjalizzazzjoni”, u dispożizzjonijiet interpretati b’mod differenti. Huma ssuġġerew li tittieħed azzjoni kemm leġiżlattiva kif ukoll mhux leġiżlattiva biex dan jiġi indirizzat.

It-tweġibiet tal-avukati indikaw li kellhom esperjenza prattika limitata tal-OIEs. Pereżempju, ġie nnotat li kien hemm esperjenza limitata ħafna jew l-ebda esperjenza dwar il-kontestazzjoni tal-ħruġ ta’ OIE jew ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tiegħu. Għadd żgħir ta’ tweġibiet urew li t-talbiet mid-difiża biex tinġabar evidenza minn Stat Membru ieħor (l-Artikolu 1(3)) rarament ingħataw. Xi wħud mit-tweġibiet enfasizzaw l-importanza ta’ OIE biex jikkomplementa l-mandat ta’ arrest Ewropew 18 . Filwaqt li għadd ta’ tweġibiet issuġġerew li l-qafas preżenti għar-rikonoxximent reċiproku tal-OIEs huwa sodisfaċenti fil-protezzjoni tiegħu tad-drittijiet fundamentali, saru ftit suġġerimenti biex jittejjeb il-funzjonament tal-OIEs permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva.

Ħafna awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, avukati u speċjalment l-NĠE u l-Eurojust ipprovdew eżempji ta’ prattika tajba. Dawn jinkludu, pereżempju, konsultazzjonijiet diretti bejn l-awtoritajiet, taħriġ għall-prattikanti, laqgħat ta’ koordinazzjoni, jew pubblikazzjonijiet dwar l-użu tal-OIE.

5.KONKLUŻJONI

Id-Direttiva hija l-istrument ewlieni għall-ġbir tal-evidenza fl-UE. Hija adottat approċċ ġdid ibbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku sabiex tinkiseb evidenza f’materji kriminali. B’mod ġenerali, id-Direttiva pprovdiet valur miżjud tal-UE meta mqabbla mal-istrumenti preċedenti billi ssimplifikat il-proċess tal-ġbir tal-evidenza u imponiet limiti ta’ żmien konkreti biex isir dan.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Istati Membri sal-lum, din il-valutazzjoni turi wkoll li għad hemm diffikultajiet rigward ċerti dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva, bħal raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva u se tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha madwar l-UE kollha. 19

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tegħleb id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Sa mill-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni organizzat tliet laqgħat ta’ esperti mal-Istati Membri biex tappoġġahom fl-applikazzjoni tad-Direttiva fil-prattika 20 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tippromwovi, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ finanzjarju, l-applikazzjoni effettiva tal-OIE billi tqajjem kuxjenza dwar id-disponibbiltà tiegħu u tenfasizza l-ħtieġa li l-prattikanti jiġu mħarrġa kif jużawh 21 . Hija żviluppat ukoll is-Sistema ta’ Skambju Diġitali ta’ Evidenza Elettronika (e-Evidence Digital Exchange System, eEDES), għodda tal-IT li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jiskambjaw l-OIEs malajr u b’mod sikur f’format diġitali f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva. Is-sistema tista’ tintuża wkoll biex tiġi trażmessa evidenza elettronika u l-evidenza assoċjata mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni lill-Istat Membru emittenti. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja adottata fit-2 ta’ Diċembru 2020 22 , il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri kollha biex jingħaqdu mal-eEDES, peress li hija mistennija li żżid aktar l-effiċjenza tad-Direttiva.

Fl-aħħar nett, ir-regoli futuri dwar l-evidenza elettronika 23 jenħtieġ li jikkomplementaw id-Direttiva, billi jintroduċu proċeduri rapidi li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-evidenza elettronika u jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti u dejjem akbar tal-prattikanti.

(1)

Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1.

(2)

 L-Awstrija, il-Bulgarija, il-Belġju, l-Estonja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.

(3)

Il-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1.

(4)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali, ĠU L 350, 30.12.2008, p. 72. Din id-Deċiżjoni Qafas tħassret mir-Regolament (UE) 2016/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 li jħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, ĠU L 26, 2.2.2016, p. 9.

(5)

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza, ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45.

(6)

Pereżempju, l-OIE jippermetti s-smigħ ta’ persuni suspettati u xhieda, inkluż permezz ta’ vidjokonferenza u l-ġbir ta’ informazzjoni dwar kontijiet bankarji u kontijiet finanzjarji oħra, jew miżuri biex tiġi ppreżervata l-evidenza.

(7)

 Il-Kunsill ippubblika linji gwida dwar kif għandhom jimtlew il-formoli: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5291-2020-INIT/en/pdf

(8)

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/41/UE, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali (COM/2021/21 final).

(9)

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti ta’ ksur li jistgħu jinbdew mill-Kummissjoni kontra ċerti Stati Membri meta ssib li l-miżuri nazzjonali notifikati jittrasponu b’mod żbaljat id-Direttiva jew meta dgħufijiet sistemiċi jiġu osservati fl-applikazzjoni tagħha fil-prattika.

(10)

L-Artikolu 1(1) jispeċifika li l-OIEs huma deċiżjonijiet ġudizzjarji maħruġa jew ivvalidati minn awtoritajiet ġudizzjarji.

(11)

Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien/A. et al, C-584/19 PPU, ECLI:EU:C:2020:1002.

(12)

Ara l-kawża C-66/20 pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(13)

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).

(14)

 Dan jirriżulta mill-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen “jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza”).

(15)

 Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2020, A u oħrajn, C-584/19, ECLI:EU:C:2020:1002, paragrafu 64.

(16)

  https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/criminal-justice/e-evidence-cross-border-access-electronic-evidence_en  

(17)

Għadd ta’ kwistjonijiet ta’ applikazzjoni prattika ġew irrapportati pubblikament ukoll mill-Eurojust u mill-NĠE, bħal fin -Nota Konġunta tal-Eurojust u l-NĠE minn Ġunju 2019 u f’ Rapport dwar il-Ħidma tal-Eurojust minn Novembru 2020 .

(18)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(19)

F’konformità mal-istrateġija ta’ infurzar tagħha stabbilita fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar (C/2016/8600), il-Kummissjoni tinvestiga b’każijiet ta’ prijorità fejn l-Istati Membri ttrasponew id-direttivi b’mod żbaljat.

(20)

Fil-25 ta’ Jannar 2016, fit-18 ta’ Mejju 2016 u fit-22 ta’ Ġunju 2017.

(21)

Regolament futur tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm tal-Ġustizzja.

(22)

  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea: Strumentarju ta’ opportunitajiet” (COM/2020/710 final).

(23)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali (COM/2018/225 final), U proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċedimenti kriminali (COM/2018/226 final).