15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/18


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9730 — FCA/PSA)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 167/09)

1.   

Fit-8 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

—

Peugeot S.A. (“PSA”, Franza),

—

Fiat Chrysler Automobiles N.V. (“FCA”, in-Netherlands), ikkontrollata minn EXOR N.V.

PSA daħlet f’għaqda sħiħa ma’ FCA fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—

FCA hija attiva mad-dinja kollha fil-manifattura, il-provvista u d-distribuzzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief bl-ismijiet tad-ditti Fiat, Chrysler, Jeep, Alfa Romeo, Lancia, Abarth, Dodge, Ram, u Fiat Professional. Barra minn hekk, FCA hija proprjetarja tan-negozju Teksid S.p.A. tal-komponenti bil-forom għall-karozzi, in-negozju Plastic Components and Modules Automotive S.p.A. tal-komponenti u l-moduli tal-plastik u n-negozju Comau S.p.A. tas-sistemi ta’ produzzjoni tal-karozzi. Hija tipprovdi wkoll finanzjament lill-konsumaturi u lil min ibigħ bħala appoġġ għall-bejgħ tal-vetturi tagħha tad-ditta.

—

PSA hija attiva mad-dinja kollha fil-manifattura, il-provvista u d-distribuzzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief bl-ismijiet tad-ditti Peugeot, Citroën, Opel, Vauxhall u DS. Permezz tas-sussidjarja tagħha, Faurecia S.A., hija attiva wkoll fil-manifattura u l-provvista ta’ komponenti tal-intern tal-karozzi. PSA tipprovdi wkoll servizzi anċillari bħalma huma soluzzjonijiet ta’ finanzjament għall-akkwist ta’ vetturi bil-mutur. Kif ukoll servizzi u soluzzjonijiet ta’ mobilità.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9730 — FCA/PSA

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).