IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.9.2019
COM(2019) 434 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati li ġiet ikkonferita lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91
Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti tal-inbid aromatizzat
1.1.Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
jistabbilixxi regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat.
L-Artikolu 4(2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati dwar l-istabbiliment ta’ proċessi ta’ produzzjoni awtorizzati biex jinkisbu prodotti tal-inbid aromatizzat, filwaqt li jitqiesu l-aspettattivi tal-konsumaturi u l-proċessi ta’ produzzjoni rakkomandati u ppubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV).
L-Artikolu 28(1) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati dwar:
(a)kriterji għad-demarkazzjoni taż-żona ġeografika; kif ukoll
(b)regoli, restrizzjonijiet u derogi relatati mal-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata.
L-Artikolu 28(2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott jkunu jistgħu jinkludu rekwiżiti addizzjonali għal dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2)(f) sabiex jiġu żgurati l-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodott.
L-Artikolu 28(3) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex:
(a)tiddetermina l-każijiet fejn produttur uniku jista’ japplika għall-protezzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika;
(b)tiddetermina r-restrizzjonijiet li jirregolaw it-tip tal-applikant li jista’ japplika għall-protezzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika;
(c)tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu segwiti fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika, l-iskrutinju mill-Kummissjoni, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, u l-proċeduri ta’ emenda jew tħassir ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi;
(d)tistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-applikazzjonijiet transfruntieri;
(e)tiffissa d-data ta’ sottomissjoni ta’ applikazzjoni jew talba;
(f)tiffissa d-data li minnha tibda tapplika l-protezzjoni;
(g)tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom emenda titqies bħala minuri kif imsemmi fl-Artikolu 24(2);
(h)tiffissa d-data li minnha emenda tidħol fis-seħħ;
(i)tistabbilixxi l-kundizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni għal emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta l-approvazzjoni tagħhom skont dan ir-Regolament, fejn tali emendi ma jkunu jinvolvu l-ebda bidla għad-Dokument Uniku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 10(1).
L-Artikolu 28(4) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati dwar ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-isem protett.
L-Artikolu 32(2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati dwar:
(a)in-natura u t-tip ta’ informazzjoni li trid tiġi notifikata;
(b)il-metodi ta’ notifika;
(c)ir-regoli relatati mad-drittijiet tal-aċċess għall-informazzjoni jew għas-sistemi ta’ informazzjoni disponibbli;
(d)il-kundizzjonijiet u l-mezzi ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni.
Sabiex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni mir-regoli stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 għal dawk stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 251/2014, l-Artikolu 36(1) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li, fejn ikun meħtieġ, tadotta atti delegati rigward l-adozzjoni ta’ miżuri biex temenda jew tidderoga mir-Regolament (UE) Nru 251/2014, li għandu jibqa’ fis-seħħ sat-28 ta’ Marzu 2018.
1.2.Bażi ġuridika
Ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 33(2). Skont din id-dispożizzjoni, is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 4(2), 28, 32(2) u 36(1) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-27 ta’ Marzu 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
1.3.Eżerċizzju tad-delega
Il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed abbażi tal-Artikolu 4(2): Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/670
. Dan l-att delegat jistabbilixxi l-proċessi ta’ produzzjoni awtorizzati biex jinkisbu prodotti tal-inbid aromatizzat, filwaqt li jitqiesu l-aspettattivi tal-konsumaturi u l-proċessi ta’ produzzjoni rakkomandati u ppubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV).
F’konformità mal-fehim komuni dwar atti delegati, l-esperti tal-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-Grupp ta’ Esperti għas-Swieq Agrikoli. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2017/670 fil-31 ta’ Jannar 2017 u r-Regolament ġie nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma ħarġu ebda oġġezzjoni għar-Regolamenti Delegat. Wara l-iskadenza ta’ xahrejn, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/670 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 97 tat-8 ta’ April 2017 u daħal fis-seħħ fit-28 ta’ April 2017.
Is-setgħat tal-Artikoli 28, 32(2) u 36(1) ma ntużawx.
Is-setgħat tal-Artikolu 28 ma ntużawx, għaliex il-Kummissjoni qieset li l-prijorità kienet li jiġu konklużi l-ewwel il-proċeduri għall-validazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi eżistenti. Imbagħad, fid-dawl tal-għadd limitat ta’ reġistrazzjonijiet ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi għal inbejjed aromatizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014
, il-Kummissjoni pproponiet li l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-inbejjed aromatizzati jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess qafas ġuridiku bħal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħrajn.
Is-setgħat tal-Artikolu 32(2) u 36(1) ma ntużawx, peress li l-Kummissjoni ma identifikat l-ebda bżonn f’dan ir-rigward.
Il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li fil-futur qarib tuża s-setgħat ta’ setgħa, iżda ma jistax jiġi eskluż li dan se jkun meħtieġ.
1.4.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha b’mod korrett. Ma jistax jiġi eskluż li s-setgħat se jkunu meħtieġa fil-futur.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-Rapport.