European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/543

17.6.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/543

tat-12 ta’ Marzu 2026

li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għan-notifika ta’ bidliet materjali fl-informazzjoni provduta għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(2), ir-raba’ subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà u jittejbu l-ġestjoni u l-użabbiltà tad-data, il-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard li r-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jużaw meta jinnotifikaw lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar bidliet materjali fl-informazzjoni pprovduta għar-reġistrazzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jinqraw minn magna u jiġu pprovduti f’mezz durabbli.

(2)

Biex jassistu lill-ESMA fl-identifikazzjoni tad-dokumenti li rieżaminatur estern ikun issottometta bħala parti min-notifika ta’ bidliet materjali fl-informazzjoni pprovduta għar-reġistrazzjoni, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jipprovdu lil kull dokument sottomess b’numru ta’ referenza uniku.

(3)

Għall-finijiet ta’ aċċertament u obbligu ta’ rendikont, rieżaminatur estern li jinnotifika lill-ESMA dwar bidliet materjali fl-informazzjoni pprovduta għar-reġistrazzjoni jenħtieġ li jikkomplementa n-notifika b’ittra ffirmata minn membru tal-maniġment superjuri tiegħu, li tiċċertifika li l-informazzjoni sottomessa hija preċiża u kompluta sa fejn jaf hu.

(4)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. F’dan ir-rigward, kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-ESMA fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mir-rieżaminaturi esterni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mar-rekwiżiti nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

(5)

Sabiex l-ESMA tkun tista’ tivvaluta n-notifiki tal-bidliet materjali fl-informazzjoni pprovduta għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern, filwaqt li tiżgura salvagwardji xierqa, id-data personali rigward ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li tinżamm minn dawk ir-rieżaminaturi esterni u mill-ESMA għal mhux aktar minn ħames snin wara li r-rieżaminatur estern ikun waqaf iwettaq il-funzjoni tiegħu.

(6)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta kummenti formali fit-18 ta’ Novembru 2025.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentati lill-Kummissjoni mill-ESMA.

(8)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament. Analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Proċedura għan-notifika ta’ bidliet materjali fl-informazzjoni pprovduta mar-reġistrazzjoni

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jużaw il-formoli u l-mudelli standard stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament biex jinnotifikaw bidla materjali kif imsemmi fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 lill-ESMA.

Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jissottomettu l-informazzjoni meħtieġa f’format li jinqara mill-magni li jippermetti:

(a)

li l-informazzjoni maħżuna f’dawk il-formoli tibqa’ aċċessibbli għall-ESMA għal 45 jum tax-xogħol;

(b)

għar-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni.

Meta jissottomettu l-formoli u l-mudelli standard, ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiżguraw dan li ġej:

(a)

id-dokumenti sottomessi mal-formola standard huma identifikati b’mod ċar bħala li fihom l-informazzjoni meħtieġa;

(b)

kull dokument li jkun fih l-informazzjoni jiġi assenjat numru ta’ referenza uniku;

(c)

l-informazzjoni tispeċifika għal liema rekwiżit tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2179 (5) jew tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/544 (6) tirreferi u tidentifika d-dokument li jipprovdi l-informazzjoni.

Meta rekwiżit tar-Regolament (UE) 2023/2631 ma japplikax għan-notifika, ir-rieżaminaturi esterni għandhom jindikaw dan fil-formola standard u jipprovdu spjegazzjoni ta’ akkumpanjament.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jakkumpanjaw il-formola standard b’ittra ffirmata minn membru tal-maniġment superjuri tar-rieżaminatur estern, li tiċċertifika li l-informazzjoni sottomessa fil-formola standard tkun preċiża u kompluta sa fejn jaf dak il-membru, fid-data tas-sottomissjoni ta’ dik il-formola standard.

3.   L-ESMA għandha żżomm data personali relatata man-notifiki ta’ bidliet materjali fl-informazzjoni pprovduta għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern sakemm ikun meħtieġ li tiġi vvalutata n-notifika u mhux aktar tard minn ħames snin wara li r-rieżaminatur estern ikun waqaf iwettaq il-funzjoni tiegħu. Ir-rieżaminaturi esterni għandhom iżommu d-data personali relatata man-notifiki ta’ bidliet materjali fl-informazzjoni pprovduta għar-reġistrazzjoni sakemm ikun meħtieġ u mhux aktar minn ħames snin.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2179 tat-12 ta’ Settembru 2025 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-għoti tal-informazzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej (ĠU L, 2025/2179, 30.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2179/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/544 tat-12 ta’ Marzu 2026 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi, ir-riżorsi u l-proċeduri tar-rieżaminaturi esterni, il-funzjoni tal-konformità tagħhom, il-politiki u l-proċeduri interni, il-metodoloġiji ta’ valutazzjoni u l-informazzjoni użata għar-rieżamijiet, kif ukoll l-informazzjoni u l-forma u l-kontenut tal-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent tar-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz (ĠU L, 2026/544, 17.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/544/oj).


ANNESS I

REFERENZI TAD-DOKUMENTI

Artikolu/i jew Anness(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2179 jew ir-Regolament Delegat (UE) 2026/544 li magħhom hija relatata l-informazzjoni

Numru ta’ referenza uniku tad-dokument

Titolu tad-dokument

Rekwiżit speċifiku tar-Regolament (UE) 2023/2631 li għalih tirreferi l-informazzjoni

Kapitolu jew taqsima jew paġna tad-dokument fejn hija pprovduta l-informazzjoni jew raġuni għalfejn l-informazzjoni mhix ipprovduta

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


ANNESS II

FORMOLA STANDARD GĦAN-NOTIFIKA TA’ BIDLIET MATERJALI

L-isem sħiħ tar-rieżaminatur estern

 

Data tar-reġistrazzjoni jew tar-rikonoxximent mal-ESMA

 

[Jekk jogħġbok speċifika r-referenza legali rilevanti li tindika l-Artikolu/i jew l-Anness(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2179 jew tar-Regolament Delegat (UE) 2026/544]

[Jekk jogħġbok uża din il-kolonna biex tipprovdi spjegazzjoni tal-bidla/bidliet]

[Jekk jogħġbok żid aktar ringieli jekk meħtieġ]

 

[Jekk jogħġbok indika liema Anness(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2179 jew tar-Regolament Delegat (UE) 2026/544 għandu/għandhom jiġi/u sottomess(i) mill-ġdid]

Anness I

(Iva/Le)

 

Anness V

(Iva/Le)

 

Anness II

(Iva/Le)

 

Anness VI

(Iva/Le)

 

Anness III

(Iva/Le)

 

Anness VII

(Iva/Le)

 

Anness IV

(Iva/Le)

 

Anness VIII [rieżaminaturi esterni rikonoxxuti biss] (Iva/Le)

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/543/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)