European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1315

2.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1315

tas-17 ta’ Ġunju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea dwar in-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni għall-Bord tal-Fond għal Rispons għal Telf u Ħsara

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni, kif xieraq, f’organizzazzjonijiet internazzjonali jew il-bordijiet tagħhom jeħtieġ li tiġi deċiża abbażi ta’ analiżi każ b’każ, filwaqt li jitqiesu r-regoli li jikkontrollaw il-kompożizzjoni ta’ tali organizzazzjonijiet jew bordijiet kif ukoll il-kompetenzi speċifiċi tal-Unjoni inkwistjoni.

(2)

L-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC – UN Framework Convention on Climate Change) u għall-Ftehim ta’ Pariġi (1) adotattat skont il-UNFCCC u pparteċipat fid-deċiżjonijiet li japprovaw l-istabbiliment ta’ Fond għar-Rispons tat-Telf u l-Ħsara (il-“Fond”) u l-istrument ta’ governanza ta’ dak il-Fond (l-“Istrument ta’ Governanza”) meħuda mill-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC u l-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi fit-30 ta’ Novembru 2023.

(3)

Skont il-punt 17 tal-Istrument ta’ Governanza, il-Bord tal-Fond (il-“Bord”) ser jikkonsisti, inter alia, f’“12-il membru minn pajjiżi żviluppati”. F’konformità mal-paragrafu 8 tal-Istrument ta’ Governanza, il-Partijiet għall-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi ġew mistiedna, permezz tal-gruppi reġjonali u l-kostitwenzi tagħhom, jissottomettu lis-segretarjat tal-UNFCCC malajr kemm jista’ jkun in-nomini għas-sħubija tal-Bord.

(4)

L-arranġamenti biex tissejjaħ l-ewwel laqgħa tal-Bord għandhom jinbdew malajr kemm jista’ jkun wara li jkunu ġew ippreżentati n-nomini kollha tal-membri bid-dritt tal-vot.

(5)

Abbażi ta’ pożizzjoni tal-Unjoni maqbula mill-Kunsill u pożizzjoni komuni tal-Istati Membri, kif maqbula mir-rappreżentanti tagħhom fi Frar 2024, l-Unjoni qablet ma’ Partijiet pajjiżi żviluppati oħra li l-UE u l-Istati Membri tagħha ser jinnominaw bħala rappreżentanti seba’ membri u seba’ membri supplenti biex ipoġġu fil-Bord.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar in-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni fil-Bord u dwar il-kondiviżjoni ta’ siġġijiet bejn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri b’mod parallel mal-pożizzjoni komuni li r-rappreżentanti tal-Istati Membri laħqu f’Mejju 2025, peress li n-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni fil-Bord ser ikollha effetti legali. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss in-nomina inizjali ta’ membri tal-Bord u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri dwar l-allokazzjoni tas-siġġijiet fi gruppi, panels jew bordijiet ta’ fondi multilaterali jew inizjattivi oħra, jew għat-tiġdid tal-mandati tar-rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-Bord u fi gruppi, panels jew bordijiet oħra, li ser jiġu stabbiliti f’konformità mal-proċeduri applikabbli. L-allokazzjoni ta’ siġġijiet fost rappreżentanti ta’ pajjiżi żviluppati fil-kompożizzjoni tal-Bord ma tikkostitwixxix preċedent għal deċiżjonijiet oħra li għandhom jittieħdu meta jiġġeddu l-mandati tal-membri tal-Bord jew f’fora internazzjonali oħra.

(7)

Siġġu tal-Unjoni fil-Bord, miżmum minn rappreżentant tal-Kummissjoni, ma jaffetwax jekk tkunx meħtieġa pożizzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet diskussi mill-Bord jew sa liema punt din tkun meħtieġa, u lanqas il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ tali pożizzjoni, u għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera. Ir-rappreżentant tal-Unjoni ser jitkellem u jivvota f’isem u għan-nom tal-Unjoni biss filwaqt li r-rappreżentanti tal-Istati Membri ser jitkellmu u jivvotaw f’isem u għan-nom tal-Istat Membru f’konformità mar-regoli applikabbli. Din id-Deċiżjoni ma tbiddilx id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ deċiżjonijiet oħra meħuda mill-Bord. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja, l-Unjoni għandha l-kompetenza li twettaq attivitajiet u tmexxi politika komuni; madankollu, l-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza ma għandux iwassal biex l-Istati Membri ma jitħallewx jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. Din id-Deċiżjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li timplika eżerċizzju ta’ kompetenza tal-Unjoni f’kwistjonijiet koperti mill-Fond li fir-rigward tagħhom l-Unjoni għadha ma eżerċitatx il-kompetenzi kondiviżi tagħha u li għalhekk jibqgħu fil-kompetenzi tal-Istati Membri.

(8)

Il-proposta li jiġi inkluż siġġu tal-Unjoni fil-Bord ma taffettwax il-kapaċità li l-Istati Membri rappreżentati fil-Bord jesprimu appoġġ għal kwalunkwe pożizzjoni tal-Unjoni maqbula kif xieraq, jew il-pożizzjonijiet tagħhom stess, dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenzi tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera.

(9)

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta perjodikament lill-Kunsill dwar il-proċedimenti tal-Bord f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera minqux fit-Trattati.

(10)

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar is-sħubija tal-Bord ma tbiddilx ir-rappreżentanza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-UNFCCC.

(11)

Wegħdiet ta’ finanzjament mill-Unjoni lill-Fond għandhom jitħejjew f’konformità mal-proċeduri applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar in-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni għall-Bord tal-Fond għal Rispons għal Telf u Ħsara u dwar il-kondiviżjoni tas-siġġijiet bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri hija mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

P. HENNIG-KLOSKA


(1)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.


Pożizzjoni li għandha tittieħed dwar in-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni għall-Bord tal-Fond għal Rispons għal Telf u Ħsara

(1)   

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha tfittex siġġu fuq il-Bord tal-Fond għal Rispons għal Telf u Ħsara (“il-Bord”) stabbilit mill-partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u għall-Ftehim ta’ Pariġi.

(2)   

Il-kondiviżjoni maqbula tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tas-siġġijiet fil-Bord, bħala seba’ membri u seba’ membri sostituti għall-ewwel mandat ta’ 3 snin tal-Bord hija espressa fl-iskema li ġejja:

Membru

Franza

L-Italja

Il-Ġermanja

Il-Kummissjoni

Il-Portugall

Id-Danimarka

L-Awstrija

Sostitut

Franza

L-Italja

Il-Ġermanja

L-Irlanda

Spanja

Il-Finlandja/ L-Iżvezja

Il-Lussemburgu/ Is-Slovenja


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1315/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)