31995D0411

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1995 li tippreskrivi r-regoli għall-ittestjar mikrobijoloġiku għas-salmonella billi jittieħdu l-kampjuni ta’ laħam tat-tjur maħsub għall-Finlandja u għall-Isvezja

Official Journal L 243 , 11/10/1995 P. 0029 - 0032
CS.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246
ET.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246
HU.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246
LT.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246
LV.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246
MT.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246
PL.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246
SK.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246
SL.ES Chapter 3 Volume 18 P. 243 - 246


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta’ Ġunju 1995

li tippreskrivi r-regoli għall-ittestjar mikrobijoloġiku għas-salmonella billi jittieħdu l-kampjuni ta’ laħam tat-tjur maħsub għall-Finlandja u għall-Isvezja

(95/411/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta’ Frar 1971 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffetwaw il-kummerċ tal-laħam tat-tjur [1], u partikolarment l-Artikolu 5(3)(a) tiegħu,

Billi l-Kummissjoni approvat il-programmi ta’ operazzjonijiet mibgħuta mill-Finlandja u mill-Isvezja rigward il-kontrolli tas-salmonella; billi dawk il-programmi fihom miżuri speċifiċi għal-laħam frisk tat-tjur;

Billi l-implimentazzjoni ta’ testijiet mikrobijoloġiċi minn stabbiliment tikkostitwixxi waħda mill-garanziji addizzjonali li għandhom jingħataw lill-Finlandja u lill-Isvezja u tipprovdi garanziji ekwivalenti għal dawk miksuba taħt il-programmi ta’ operazzjonijiet tal-Finlandja u ta’ l-Isvezja kif magħrufa mid-deċiżjonijiet relevanti tal-Kummissjoni;

Billi l-Finlandja u l-Isvezja jridu japplikaw għal kunsinni ta’ laħam frisk tat-tjur li joriġinaw minn pajjiżi terzi ħtiġijiet ta’ importazzjoni mill-anqas stretti daqs dawk preskritti f’din id-Deċiżjoni;

Billi regoli għall-ittestjar mikrobijoloġiku bit-teħid tal-kampjuni għandhom jiġu preskritti billi jkunu stabbiliti l-metodu tat-teħid tal-kampjuni, in-numru ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu u l-metodu bijoloġiku għall-eżami tal-kampjuni;

Billi sa fejn il-metodi tat-teħid ta’ kampjuni li għandhom ikunu applikati huma kkonċernati, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn karkassi sħaħ, min-naħa l-waħda, u partijiet tal-karkassi u l-ġewwieni ta’ l-annimali min-naħa l-oħra;

Billi, huwa xieraq li jitqiesu l-metodi internazzjonali għall-eżami mikrobijoloġiku ta’ kampjuni;

Billi eżamijiet mikrobijoloġiċi m’għandhomx ikunu meħtieġa għal-laħam frisk tat-tjur minn stabbiliment li huwa suġġett għal programm magħruf bħala ekwivalenti għal dak implimentat mill-Finlandja jew mill-Isvezja;

Billi d-disposizzjoijiet ta’ din id-Deċiżjoni huma bla ħsara għall-Annessi tad-Direttiva 71/118/KEE li jistgħu jkunu addottati skond l-Artikolu 19 ta’ dik id-Direttiva,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Skond l-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 71/118/KEE, il-kunsinni tal-laħam frisk tat-tjur maħsuba għall-Finlandja u għall-Isvezja għandhom ikunu suġġetti għar-regoli preskritti fl-Artikoli 2 u 3.

L-Artikolu 2

Laħam frisk tat-tjur maħsub għall-Finlandja u għall-Isvezja għandu jkun suġġett għal eżami mikrobijoloġiku għas-salmonella bit-teħid ta’ kampjuni skond l-Anness fl-istabbiliment ta’ l-oriġini ta’ laħam bħal dan.

L-Artikolu 3

Laħam tat-tjur minn stabbiliment suġġett għal programm magħruf, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 71/118/KEE, bħala ekwivalenti għal dik implimentata mill-Finlandja u mill-Isvezja, ma jkunx suġġett għal eżami mikrobijoloġiku previst f’din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 4

Il-Kunsill, waqt li jkun jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni mħejjija fid-dawl ta’ rapport stabbilit fuq il-bażi tar-riżultati tal-programmi ta’ operazzjonijiet implimentati mill-Finlandja u mill-Isvezja u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni qabel l-1 ta’ Lulju 1998.

L-Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 1995.

L-Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Ġunju 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

Ph. Vasseur

[1] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 91/1/KE, Euratom, KE SC (ĠU L 1, ta’ l-1.1.1995, p. 1).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

TAQSIMA A

METODU TAT-TEĦID TA’ KAMPJUNI

1. Karkassi (bil-ġilda ta’ l-għonq għadha mwaħħla)

Kampjuni meħuda saltwarjament jitqassmu ndaqs mill-kunsinna kollha. It-teħid tal-kampjuni jikkonsisti f’biċċiet ta’ madwar 10g tal-ġilda ta’ l-għonq li għandhom jitneħħew asettikament bi skalpell sterili u pinzetta. Il-kampjuni għandhom jinżammu refriġerati għal 4 °C sa l-eżami. Għall-eżami l-kampjuni jiġu dilwiti 10 darbiet f’ilma buffered peptone (BPW) u nkubati għal 37 °C għal 16 jew 20 siegħa Sussegwentement il-meraq imsaħħaħ minn qabel ikun ittestjat għall-preżenza tas-salmonella skond il-metodu deskritt fit-Taqsima Ċ. Porzjonijiet tal-meraq imsaħħaħ minn qabel jistgħu jingħaqdu flimkien sa massimu ta’ 10 għal tisħiħ.

Il-kampjuni huma mmarkati sew u identifikati.

2. Karkassi mingħajr ġilda ta’ l-għonq, parti tal-karkassi u l-ġewwieni ta’ l-annimali

Biċċiet ta’ tessut ta’ madwar 25g jinkisbu billi jiddaħħal taqqab sterili tas-sufri fil-wiċċ tal-laħam jew jinqata’ biċċa tessut bi strumenti sterili. Il-kampjuni għandhom jinżammu refriġerati għal 4 °C sa l-eżami. Għall-eżami l-kampjuni huma dilwiti 10 darbiet f’ilma buffered peptone (BPW) u nkubati għal 37 °C għal 16 sa 20 siegħa. Sussegwentement il-meraq imsaħħaħ minn qabel huwa eżaminat għall-preżenza tas-salmonella skond il-metodu deskritt fit-Taqsima Ċ. Porzjonijiet tal-meraq imsaħħaħ minn qabel jistgħu jingħaqdu flimkien sa massimu ta’ 10 għal tisħiħ.

Il-kampjuni huma mmarkati sew u identifikati.

TAQSIMA B

IN-NUMRU TAL-KAMPJUNI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU

In-numru ta’ unitajiet ta’ l-ippakkjar fil-kunsinna li minnha kampjuni separati saltwarjament għandhom jittieħdu huwa kif ġej:

Kunsinna (Numru ta' unitajiet ta' l-ippakkjar) | Numru ta' unitajiet ta' l-ippakkjar li minnhom għandhom jittieħdu kampjuni |

1–24 | Numru daqs in-numru ta' l-unitajiet ta' l-ippakkjar, b'massimu ta' 20 |

25–29 | 20 |

30–39 | 25 |

40–49 | 30 |

50–59 | 35 |

60–89 | 40 |

90–199 | 50 |

200–499 | 55 |

500 jew aktar | 60 |

Skond il-piż ta’ l-unitajiet ta’ l-ippakkjar, in-numru tal-kampjuni jista’ jitnaqqas bl-użu tal-fatturi ta’ moltiplikazzjoni li ġejjin:

Piż ta’ l-unitajiet ta’ l-ippakkjar | > 20kg | 10–20kg | < 10kg |

Fatturi tal-moltiplikazzjoni | × 1 | × ¾ | × ½ |

TAQSIMA Ċ

METODU MIKROBIJOLOĠIKU GĦALL-EŻAMI TAL-KAMPJUNI

It-test mikrobijoloġiku tal-kampjuni għas-salmonella jrid isir skond il-metodu standard ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO 6579:1993. Madankollu, metodi li joffru garanziji ekwivalenti jistgħu jkunu awtorizzati fuq bażi ta’ każ wara każ mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

--------------------------------------------------