SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Artikolu 26(1) u (3) – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa – Kriterji għall-istabbiliment tal-ammont tas-sanzjoni – Applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità”

Fil-Kawża C‑149/23,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258(3) TFUE, imressaq fl‑14 ta’ Marzu 2023,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u L. Mantl, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiddikjara li billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17), jew fi kwalunkwe każ billi naqset milli tikkomunika l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva;

–

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla ammont mit-tnejn li ġejjin:

–

ammont f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 61600 immultiplikat bin-numru ta’ ġranet li għaddew bejn id-data ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 stabbilit minnha u d-data li fiha ntemm il-ksur, jew, fil-każ fejn is-sitwazzjoni ma tkunx ġiet irregolarizzata, id-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża;

–

ammont f’daqqa minimu ta’ EUR 17248000;

–

fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fl-ewwel inċiż ikompli jippersisti sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħallas lill-Kummissjoni pagament ta’ penalità ta’ EUR 240240 għal kull ġurnata ta’ dewmien ikkalkolat mid-data ta’ għoti ta’ din is-sentenza, u dan sad-data li fiha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja twettaq l-obbligi imposti fuqha mid-Direttiva 2019/1937; u

–

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2019/1937

2

Il-premessi 1 u 33 tad-Direttiva 2019/1937 jipprovdu:

“(1)

[…] Madankollu, l-informaturi potenzjali spiss jiġu skoraġġuti milli jirrapportaw it-tħassib jew is-suspetti tagħhom għax jibżgħu minn xi ritaljazzjoni. F’dan il-kuntest, l-importanza li tiġi pprovduta protezzjoni bbilanċjata u effettiva lill-informaturi hija dejjem aktar rikonoxxuta kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak internazzjonali.

[…]

(33)

Il-persuni li jirrapportaw normalment ikunu aktar komdi li jirrapportaw internament, dment li ma jkollhomx raġunijiet biex jirrapportaw esternament. Studji empiriċi juru li hemm tendenza li l-maġġoranza tal-informaturi jirrapportaw internament, fi ħdan l-organizzazzjoni fejn jaħdmu. Ir-rapportar intern huwa wkoll l-aħjar mod biex titwassal informazzjoni lill-persuni li jistgħu jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni bikrija u effettiva ta’ riskji għall-interess pubbliku. Fl-istess waqt, jenħtieġ li l-persuna li tirrapporta tkun tista’ tagħżel l-aktar kanal ta’ rapportar xieraq skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ. […]”

3

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi billi jiġu stabbiliti standards minimi komuni li jipprevedu protezzjoni ta’ livell għoli għal persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-Unjoni.”

4

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet ġuridiċi fis-settur privat u dak pubbliku jistabbilixxu kanali u proċeduri għar-rapportar intern u għas-segwitu, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali u bi ftehim magħhom fejn previst mil-liġi nazzjonali.

2.   Il-kanali u proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jippermettu lill-ħaddiema tal-entità sabiex jirrapportaw informazzjoni dwar ksur. Jistgħu jippermettu persuni oħra, imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(2), li huma f’kuntatt mal-entità fil-kuntest tal-attivitajiet relatati max-xogħol tagħhom sabiex ukoll jirrapportaw informazzjoni dwar ksur.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-entitajiet ġuridiċi fis-settur privat b’50 ħaddiem jew aktar.

[…]

9.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-entitajiet ġuridiċi kollha fis-settur pubbliku, inkluż kwalunkwe entità li hija proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn tali entitajiet.

[…]”

5

L-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li:

[…]

(c) iressqu proċedimenti vessatorji kontra l-persuni msemmija fl-Artikolu 4;

[…]”

6

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2019/1937 jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑17 ta’ Diċembru 2021.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward tal-entitajiet ġuridiċi fis-settur privat b’50 sa 249 ħaddiem, l-Istati Membri għandhom sas‑17 ta’ Diċembru 2023 idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligu li jiġu stabbiliti kanali ta’ rapportar interni taħt l-Artikolu 8(3).

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.”

Il-Komunikazzjoni tal-2023

7

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”), tiddedika l-punti 3 u 4 tagħha rispettivament għall-“Pagament ta’ penali” u għal “Ħlas ta’ somma f’daqqa”.

8

Il-punt 3.2 ta’ din il-komunikazzjoni, dwar l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità fil-kuntest tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, jipprovdi:

“Ksur li jikkonċerna n-nuqqas […] ta’ Stat Membru […] li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva dejjem jitqies bħala serju. Biex tadatta l-ammont tal-penali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni tiddetermina l-koeffiċjent għas-serjetà fuq il-bażi ta’ żewġ parametri: l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li nkisru jew li ma ġewx trasposti u l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari.

[…]”

9

Il-punt 3.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprovdi:

“Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tapplika sistematikament koeffiċjent għas-serjetà ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. F’Unjoni bbażata fuq ir-rispett tal-[I]stat tad-dritt, id-direttivi leġiżlattivi kollha għandhom jitqiesu ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fl-iskadenzi li jistabbilixxu.

Fil-każ ta’ nuqqas parzjali ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, għandha titqies l-importanza tad-diskrepanza fit-traspożizzjoni meta jiġi stabbilit il-koeffiċjent għas-serjetà li jkun anqas minn 10. Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari […].”

10

Skont il-punt 3.3 tal-istess komunikazzjoni, intitolat “Applikazzjoni tal-koeffiċjent għal kemm idum”:

“[…]

Il-koeffiċjent għal kemm idum huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3. Dan jiġi kkalkolat b’rata ta’ 0,10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza jew mill-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni.

[…]”

11

Il-punt 3.4 ta’ din il-Komunikazzjoni tal‑2023, intitolat “Il-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas”, jipprevedi:

“[…]

Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent se jvarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-prodott domestiku gross (PDG) […] tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, b’piż ta’ tnejn, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri, b’piż ta’ wieħed. Dan jirrappreżenta l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas meta mqabbel mal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu:

Image

[…]

il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-fattur n, li issa jibbaża l-aktar fuq il-PDG tal-Istati Membri u t-tieni fuq il-popolazzjoni tagħhom bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. Meta titqies il-popolazzjoni tal-Istati Membri għal terz tal-kalkolu tal-fattur n, il-varjazzjoni tal-fatturi n tal-Istati Membri titnaqqas b’mod raġonevoli, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Dan iżid ukoll element ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur n, billi l-popolazzjoni x’aktarx li ma hijiex se tvarja b’mod sinifikanti fuq bażi annwali. B’kuntrast għal dan, il-PDG ta’ Stat Membru jista’ jesperjenza varjazzjonijiet annwali ogħla, b’mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika. Fl-istess ħin, billi l-PDG tal-Istat Membru għadu jammonta għal żewġ terzi tal-kalkolu, jibqa’ l-fattur predominanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas.

[…]”

12

Il-punt 4.2 ta’ din il-komunikazzjoni jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tas-somma f’daqqa kif ġej:

“Is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata b’mod ġeneralment simili għall-metodu għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, jiġifieri:

–

il-multiplikazzjoni ta’ ammont b’rata fissa b’koeffiċjent għas-serjetà,

–

il-multiplikazzjoni tar-riżultat bil-fattur n,

–

il-multiplikazzjoni tar-riżultat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti […]

[…]”

13

Il-punt 4.2.1 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprevedi:

“Biex tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti. Dan tal-aħħar huwa ddefinit kif ġej:

[…]

–

għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, dan huwa n-numru ta’ jiem bejn il-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni stabbilita fid-direttiva inkwistjoni u d-data li fiha jintemm il-ksur, jew, fin-nuqqas ta’ konformità, id-data li fiha tingħata s-sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE.

[…]”

14

Skont il-punt 4.2.2 tal-istess komunikazzjoni:

“Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali […]

L-ammont b’rata fissa għas-somma f’daqqa huwa anqas minn dak għall-pagamenti ta’ penali. […]

L-ammont b’rata fissa applikabbli għas-somma f’daqqa huwa stabbilit fil-punt 2 tal-Anness I.

[…]”

15

L-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023, intitolat “Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti” jipprevedi, fil-punt 2 tiegħu, li l-ammont tas-somma f’daqqa msemmi fil-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 1000 għal kuljum, li jikkorrispondi għal terz tal-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità, u, fil-punt 3 tiegħu, li l-fattur “n” għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa stabbilit għal 6.16. Fil-punt 5 ta’ dan l-Anness I, huwa ppreċiżat li s-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tammonta għal EUR 17248000.

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16

Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn ilmentat li ma kkomunikatilhiex il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien skada fis‑17 ta’ Diċembru 2021. Fit-tweġibiet tagħha tat‑28 ta’ Marzu u tat‑3 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li dawn id-dispożizzjonijiet kienu qegħdin jitħejjew.

17

Fl-assenza ta’ komunikazzjoni sussegwenti dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, fil‑15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fiha talbet lil din tal-aħħar twettaq l-obbligi tagħha skont l-imsemmija direttiva fi żmien xahrejn, li jibdew jiddekorru mid-data li fiha tirċievi din l-opinjoni.

18

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara li kisbet estensjoni tat-terminu sabiex tingħata tweġiba għall-imsemmija opinjoni sal‑15 ta’ Diċembru 2022, indikat, permezz ta’ ittri tas‑7 ta’ Diċembru 2022 u tas‑6 ta’ Jannar 2023, li l-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 kienet ser tiġi adottata b’mod definittiv fl‑10 ta’ Frar 2023.

19

Peress li qieset li dan l-Istat Membru kien għadu ma wettaqx l-obbligi tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl‑14 ta’ Marzu 2023, li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20

Fit‑2 ta’ Ġunju 2023, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat lill-Kummissjoni l-Gesetz für einen besseren Schutz hinweisgebender Personen sowie zur Umsetzung der Richtlinie zum Schutz von Personen, die Verstöβe gegen das Unionsrecht melden (il-Liġi Federali dwar it-Titjib tal-Protezzjoni tal-Informaturi u li Tittrasponi d-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni), tal‑31 ta’ Mejju 2023 (BGBl. 2023 I, Nru 140, iktar ’il quddiem il-“HinSchG”), li d-dispożizzjonijiet tagħha daħlu fis-seħħ fit‑2 ta’ Lulju 2023.

21

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittri tas‑17 ta’ Lulju 2023 u tal‑10 ta’ Awwissu 2023, il-liġijiet reġjonali li jikkonċernaw rispettivament il-Länder ta’ Hessen u ta’ Bayern, li daħlu fis-seħħ, rispettivament, fit‑2 ta’ Lulju u fl‑1 ta’ Awwissu 2023, intiżi sabiex jittrasponu d-Direttiva 2019/1937 fil-livell reġjonali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat li l-adozzjoni ta’ liġijiet reġjonali għal-Länder ta’ Berlin u ta’ Hamburg ma kinitx meħtieġa minħabba l-istatus partikolari tagħhom.

22

Permezz ta’ att tal‑24 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni adattat il-konklużjonijiet tagħha li jindikaw li, wara d-dħul fis-seħħ tal-HinSchG, id-Direttiva 2019/1937 setgħet titqies li ġiet trasposta fuq il-livell federali, iżda li, fi tnax-il Länder, il-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 8(1) u (9) ta’ din id-direttiva, dwar il-kanali ta’ senjalazzjoni interna, kienu għadhom ma ġewx adottati.

23

Konsegwentement, il-Kummissjoni emendat l-ammont tas-sanzjonijiet mitluba, u rrakkomandat l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1 mit‑2 ta’ Lulju 2023. Minn dan irriżulta li, għall-perijodu mit‑18 ta’ Diċembru 2021 sal‑1 ta’ Lulju 2023, il-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 baqa’ l-istess u l-ammont tas-somma f’daqqa mitluba kien ta’ EUR 34557600. Mit‑2 ta’ Lulju 2023, is-somma f’daqqa ta’ kuljum mitluba kienet ta’ EUR 6160. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-koeffiċjent il-ġdid ta’ gravità, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità mitlub tnaqqas għal EUR 24024 għal kull jum ta’ dewmien.

24

Bejn is‑17 ta’ Lulju 2023 u d‑19 ta’ Lulju 2024, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat lill-Kummissjoni diversi liġijiet reġjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Diċembru 2023, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑147/23. Wara l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346), il-proċedura f’din il-kawża tkompliet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess ġurnata.

26

Permezz ta’ att tat‑18 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet titqies bħala li ntemmet fid‑19 ta’ Lulju 2024. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni, minn naħa, irrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, filwaqt li rrinunzjat għat-talba tagħha għall-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità, u, min-naħa l-oħra, adattat it-talbiet tagħha intiżi għall-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, fejn talbet f’dan ir-rigward ammont ta’ EUR 34557600 għall-perijodu mit‑18 ta’ Diċembru 2021 sal‑1 ta’ Lulju 2023 u ammont ta’ EUR 2353120 għall-perijodu mit‑2 ta’ Lulju 2023 sat‑18 ta’ Lulju 2024.

Fuq ir-rikors

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

27

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-direttivi fis-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom, fit-termini stabbiliti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

28

Din l-istituzzjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li hija bagħtitilha.

29

Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 u lanqas ma informat lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif estiż sal‑15 ta’ Diċembru 2022.

30

Filwaqt li tirrikonoxxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tesponi tliet raġunijiet li jiġġustifikaw id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 fl-ordinament ġuridiku intern tagħha. Qabel kollox, hija ssostni li ma kinitx teżisti sistema uniformi ta’ protezzjoni tal-informaturi fid-dritt Ġermaniż. Għaldaqstant, kien neċessarju li tiġi stabbilita sistema koerenti applikabbli lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

31

Sussegwentement, it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva jista’ jkollha riperkussjonijiet ekonomiċi kunsiderevoli fuq l-operaturi obbligati li jistabbilixxu unitajiet ta’ senjalazzjoni. Għaldaqstant, sabiex titwettaq traspożizzjoni responsabbli u riflessiva, kien meħtieġ proċess twil.

32

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom matul il-proċess leġiżlattiv ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937. Għalhekk, minħabba l-elezzjonijiet għall-Bundestag (il-Kamra Inferjuri tal-Parlament Federali) li seħħew matul is-sena 2021, l-attività leġiżlattiva ġiet interrotta mix-xahar ta’ Ġunju 2021. Konsegwentement, l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 mill-Kamra Inferjuri tal-Parlament Federali seħħ fid‑29 ta’ Settembru 2022. Sussegwentement, it-test ta’ din il-liġi ġie adottat fis‑16 ta’ Diċembru 2022. Madankollu, peress li l-Bundesrat (il-Kunsill Federali) ċaħadha, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni kellu jiġi adit sabiex jintlaħaq kompromess. Konsegwentement, l-approvazzjoni mill-Kunsill Federali seħħet biss fit‑12 ta’ Mejju 2023. Fi kwalunkwe każ, id-Direttiva 2019/1937 hija issa trasposta fil-livell federali mill-HinSchG.

33

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li l-istabbiliment ta’ kanali ta’ senjalazzjoni interna għall-muniċipalitajiet, l-assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet u l-persuni li jimpjegaw ikkontrollati minn tali entitajiet previsti mid-Direttiva 2019/1937 jaqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlaturi reġjonali. Madankollu, l-informaturi impjegati f’tali entitajiet muniċipali jistgħu fil-prattika, irrispettivament mill-eżistenza ta’ kanali ta’ senjalazzjoni interna, jużaw kanali ta’ senjalazzjoni esterna, sabiex tiġi żgurata lilhom protezzjoni effettiva.

34

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu jew diffikultajiet prattiċi sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ traspożizzjoni fit-termini previsti.

35

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrileva li, minkejja l-atti ta’ traspożizzjoni kkomunikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-proċedura, it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937, fis-sens tal-Artikolu 26(1) tagħha, ma kinitx intemmet fid-data tal-preżentata tar-replika, jiġifieri fil‑5 ta’ Lulju 2023.

36

Għalhekk, l-ewwel nett, ir-regoli li jippreċiżaw l-organizzazzjoni u l-proċedura li jirregolaw il-kanali ta’ senjalazzjoni esterna fi ħdan il-Bundesamt für Justiz (l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja) ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni.

37

It-tieni nett, l-assenza ta’ regoli reġjonali li jirregolaw il-kanali ta’ senjalazzjoni interna fi ħdan l-entitajiet muniċipali ma tistax tiġi kkumpensata mill-eżistenza ta’ kanali ta’ senjalazzjoni esterna mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-impjegati ta’ dawn l-entitajiet. Fil-fatt, din is-sempliċi possibbiltà ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jeżiġi t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva.

38

It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkomunikata lilha ma tipprevedix sanzjonijiet fil-każ ta’ proċeduri ġudizzjarji vessatorji kontra l-informaturi, minkejja li tali sanzjonijiet huma preskritti mill-Artikolu 23(1)(c) tad-Direttiva 2019/1937.

39

Minn dan, din l-istituzzjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet ikkomunikati sa dak iż-żmien mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu jippermettu biss traspożizzjoni parzjali tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq kemm fil-livell federali kif ukoll fil-livell reġjonali.

40

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza, l-ewwel nett, li, fil-livell federali, il-kanali ta’ senjalazzjoni esterna ilhom operattivi sa mid-dħul fis-seħħ tar-regolament dwar l-organizzazzjoni ta’ tali kanali, fil‑11 ta’ Awwissu 2023.

41

It-tieni nett, il-HinSchG tipprovdi li l-eżerċizzju ta’ ritaljazzjoni kontra l-persuni li jirrapportaw jikkostitwixxi ksur punibbli b’multa. Il-kunċett ta’ “ritaljazzjoni” jinkludi f’dan ir-rigward il-proċeduri ġudizzjarji vessatorji.

42

It-tielet nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-HinSchG jestendi, bħala prinċipju, għall-impjegati tal-entitajiet muniċipali, li jiggarantixxi l-protezzjoni tagħhom f’każ ta’ senjalazzjoni, indipendentement mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 mill-entitajiet reġjonali.

43

Wara l-preżentata tat-talbiet addizzjonali tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Settembru 2024, li permezz tagħhom din l-istituzzjoni indikat li hija kienet tqis li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet titqies bħala li ntemmet fid‑19 ta’ Lulju 2024, dan l-Istat Membru ppreżenta, fl‑1 ta’ Ottubru 2024, osservazzjonijiet li permezz tagħhom huwa sostna li din id-direttiva ġiet kompletament trasposta sa mid-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ traspożizzjoni, jiġifieri fit‑2 ta’ Lulju 2023.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, l-Istati Membri għandhom, mhux iktar tard mis‑17 ta’ Diċembru 2021, idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(3) ta’ din id-direttiva jispeċifika li, meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, dawn għandhom jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Minbarra dan, skont l-Artikolu 26(3), huma l-Istati Membri li għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali.

45

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, wara li kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx ikkomunikatilha d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fil‑15 ta’ Lulju 2022, opinjoni motivata, fejn talbitu jwettaq l-obbligi msemmija f’din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha jkun irċeviha u li ġie estiż sal‑15 ta’ Diċembru 2022.

47

Issa, kif jirriżulta mir-risposta u mill-kontroreplika ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’din il-proċedura, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937 u, għaldaqstant, dan l-Istat Membru lanqas ma kien ikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

48

Sabiex jiġġustifika d-dewmien fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, l-imsemmi Stat Membru jinvoka, l-ewwel nett, diskussjonijiet tekniċi u politiċi twal li kellhom isiru sabiex jiġi ddeterminat sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni kellu jiġi estiż lil hinn minn dak previst minn din id-direttiva, sabiex jiġi offrut livell għoli ta’ protezzjoni lill-informaturi. Barra minn hekk, l-istess Stat Membru jinvoka diffikultajiet marbuta mar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mal-proċess leġiżlattiv neċessarju għall-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, bħall-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu stabbilit (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li terminu għat-traspożizzjoni ta’ sentejn kien suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom, b’tali mod li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka diffikultajiet marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni u mar-riperkussjonijiet ekonomiċi tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

51

It-tieni nett, fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, dwar il-kanali ta’ senjalazzjoni interna fi ħdan l-entitajiet muniċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, fl-assenza ta’ tali kanali, xejn ma jipprekludi li l-impjegati li jaqgħu taħt tali entitajiet jużaw il-kanali ta’ senjalazzjoni esterna stabbiliti fil-livell federali.

52

Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 33 tad-Direttiva 2019/1937, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li s-senjalazzjonijiet interni kienu ta’ importanza partikolari ħafna f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

53

Huwa għalhekk li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi obbligu li jiġu stabbiliti kanali ta’ senjalazzjoni interna fi ħdan, b’mod partikolari, entitajiet ġuridiċi tas-settur pubbliku.

54

Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fil-prattika, l-impjegati tal-entitajiet muniċipali jistgħu jużaw il-kanali ta’ senjalazzjoni esterna, għandu jiġi rrilevat li prattika nieqsa minn pubbliċità adegwata hija min-natura tagħha modifikabbli skont ir-rieda tal-amministrazzjoni, b’tali mod li ma tistax titqies li tikkostitwixxi traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Swieq tal-elettriku u tal-gass naturali), C‑767/19, EU:C:2020:984, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka b’mod utli dawn iċ-ċirkustanzi sabiex tiġġustifika l-assenza ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 fit-terminu stabbilit.

56

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937 u, għalhekk, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva.

Fuq it-talba mressqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE

L-argumenti tal-partijiet

57

Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ġenerali msemmija fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 kif ukoll fuq il-metodu ta’ kalkolu li jinsab fil-punti 3 u 4 ta’ din l-istess komunikazzjoni. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni tindika li d-determinazzjoni tal-imsemmi ammont tas-somma f’daqqa għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji fundamentali li huma l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u n-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex jiġu evitati r-reċidivi.

58

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li l-koeffiċjent applikabbli skont il-Kommunikazzjoni tal‑2023 huwa bejn minimu ta’ 1 u massimu ta’ 20. Din l-istituzzjoni tippreċiża li, skont il-punt 3.2.2 ta’ din il-kommunikazzjoni, hija tapplika sistematikament koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-traspożizzjoni ta’ direttiva, peress li kull nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva u ta’ kommunikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-istess grad ta’ gravità, indipendentement min-natura tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkonċernata.

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tesponi li dan huwa ekwivalenti, fir-rigward tal-kalkolu tas-somma f’daqqa, għan-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur. Dan it-tul huwa kkalkolat skont il-punt 4.2.1 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 u jikkorrispondi għan-numru ta’ ġranet bejn il-ġurnata ta’ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u l-ġurnata li fih il-ksur intemm.

60

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kriterju relatat man-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tindika li dan huwa espress bil-fattur “n” stabbilit għal kull Stat Membru fil-punt 3 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023. Il-kalkolu tiegħu huwa bbażat fuq ir-relazzjoni bejn il-PDG tal-Istat ikkonċernat u l-PDG medju nazzjonali tal-Unjoni mmultiplikat bir-relazzjoni ta’ bejn il-popolazzjoni ta’ dak l-Istat u l-popolazzjoni medja nazzjonali tal-Unjoni. L-ewwel relazzjoni hija peżata b’żewġ terzi filwaqt li t-tieni relazzjoni hija peżata b’terz. Skont dan il-punt 3, il-fattur “n” tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa ta’ 6.16.

61

Konsegwentement, il-Kummissjoni tipproponi, skont il-punt 4.2 tal-Kommunikazzjoni tal‑2023, li jintuża koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 u li jiġi applikat l-fattur “n” ta’ 6.16. Il-prodott ta’ dawn iż-żewġ elementi għandu jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-somma f’daqqa stabbilita fil-punt 2 tal-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni, jiġifieri EUR 1000, li jikkorrispondi għas-somma ta’ EUR 61600, liema somma għandha tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ ġranet li matulhom in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ippersista, konformement mal-punt 4.2.1 tal-imsemmija kommunikazzjoni. Il-Kummissjoni tindika li l-ħlas ta’ din is-somma f’daqqa għandu jiġi impost bil-kundizzjoni li jkun ogħla minn EUR 17248000, ammont tas-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-punt 5 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023.

62

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Komunikazzjoni tal‑2023 ma hijiex applikabbli għal din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija tqis li l-punt 7 ta’ din il-komunikazzjoni, li abbażi tiegħu d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja adottati wara l‑4 ta’ Jannar 2023, imur kontra s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339), li l-punt 126 tagħha jippreċiża li s-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi evalwata fi tmiem it-terminu previst fl-opinjoni motivata. F’dan il-każ, peress li t-tmiem ta’ dan it-terminu ġie stabbilit għall‑15 ta’ Diċembru 2022, l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji għandu jiġi kkalkolat skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2022/C 74/02, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-penali li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedimenti ta’ ksur”, tal‑15 ta’ Frar 2022 (ĠU 2022, C 74, p. 2).

63

Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-proċedura leġiżlattiva ta’ adozzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 tlestiet qabel it-tmiem tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, fid-data tal-preżentata tar-risposta, it-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 26(2) ta’ din id-direttiva, dwar l-obbligu, previst fl-Artikolu 8(3) tagħha, li jiġu stabbiliti kanali ta’ senjalazzjoni interna, ma kienx skada. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw, sa fejn jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ mhux iktar minn 3.

64

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirrileva, minn naħa, li huwa biss fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa tista’ tintalab. F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita fl‑14 ta’ Marzu 2023, il-Komunikazzjoni tal‑2023 hija applikabbli skont il-punt 7 ta’ din tal-aħħar. Din ir-regola tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari meta dawn jitolbu estensjoni tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan il-każ.

65

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tindika li l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 fuq l-iskala ta’ bejn 1 u 20 tiggarantixxi l-prevedibbiltà u l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri. Tali koeffiċjent huwa moderat fid-dawl tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni.

66

Permezz tat-talbiet addizzjonali tagħha tal‑24 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni tipproponi, wara l-komunikazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-HinSchG, li jiġu ddeterminati żewġ perijodi ta’ ksur u li jiġu applikati, konsegwentement, żewġ koeffiċjenti ta’ gravità, wieħed ta’ 10 għall-perijodu mit‑18 ta’ Diċembru 2021 sal‑1 ta’ Lulju 2023 u l-ieħor ta’ 1 għall-perijodu mit‑2 ta’ Lulju 2023 sal-ġurnata ta’ regolarizzazzjoni tal-ksur jew, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, sal-ġurnata tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża. Minn dan jirriżulta li, għall-ewwel perijodu, l-ammont ta’ kuljum propost huwa ta’ EUR 61600 (10 ×6.16 ×1 000), li għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur, jiġifieri 561 ġurnata. L-ammont tas-somma f’daqqa mitluba huwa għalhekk ta’ EUR 34557600. Għat-tieni perijodu, is-somma b’rata fissa proposta għal kull jum ta’ EUR 6160 (1 × 6.16 ×1 000) għandha tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur.

67

Fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑4 ta’ Diċembru 2023 dwar dawn it-talbiet addizzjonali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni l-pożizzjoni li hija esponiet fir-risposta tagħha u mfakkra fil-kontroreplika tagħha.

68

Permezz tal-kontrotalbiet tagħha tat‑18 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni tindika li hija tqis li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 fid-dritt Ġermaniż tista’ titqies li tlestiet fid‑19 ta’ Lulju 2024. Konsegwentement, hija tqis li hija f’pożizzjoni li tipproponi l-ammont tas-somma f’daqqa relatata mat-tieni perijodu, peress li din kienet bejn it‑2 ta’ Lulju 2023 u t‑18 ta’ Lulju 2024, jiġifieri 382 ġurnata ta’ persistenza tal-ksur skont il-Kummissjoni. L-ammont tas-somma f’daqqa mitluba għal dan il-perijodu huwa ta’ EUR 2353120 (6160 × 382).

69

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat, fl‑1 ta’ Ottubru 2024, osservazzjonijiet li permezz tagħhom hija ssostni li din id-direttiva ġiet kompletament trasposta sa mid-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ traspożizzjoni, jiġifieri fit‑2 ta’ Lulju 2023. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tas-somma f’daqqa mitluba, billi jibbaża ruħha fuq is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Preliminarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Komunikazzjoni tal‑2023 ma hijiex applikabbli ratione temporis għal din it-talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, minħabba li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu nbdiet fit‑28 ta’ Jannar 2022, wara l-ittra ta’ intimazzjoni tas‑27 ta’ Jannar 2022, u li d-dispożizzjonijiet applikabbli huma dawk li kienu fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 7 ta’ din il-komunikazzjoni, ir-regoli u l-kriterji esposti fiha huma applikabbli għad-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260 TFUE meħuda wara l-pubblikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni, jiġifieri wara l‑4 ta’ Jannar 2023.

71

Peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2023, l-istess komunikazzjoni tikkostitwixxi l-bażi legali sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa mitluba f’dan il-każ.

72

Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tipprovdi li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet ippreżentata fi tmiem it-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, peress li t-tibdil li seħħ sussegwentement ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

73

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tista’ tipproponi l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji biss meta hija tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE, b’tali mod li l-ammont ta’ dawn is-sanzjonijiet għandu jiġi ddeterminat skont ir-regoli fis-seħħ fid-data ta’ dan it-tressiq tal-kawża.

74

It-tieni nett, il-linji gwida adottati mill-Kummissjoni, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tagħha, huma intiżi sabiex jispjegaw ir-regoli li abbażi tagħhom hija tiffissa l-ammonti tas-sanzjonijiet pekunjarji li hija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, sa fejn din tal-aħħar tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat.

75

Issa, għandha ssir distinzjoni bejn il-modalitajiet dwar il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u dawk relatati mal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji.

76

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, għandu jiġi ddeterminat it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat. Għal dan il-għan, minn naħa, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, id-data li fiha l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tevalwa bl-aħjar mod il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-effett dissważiv tas-sanzjoni proposta hija dik li fiha hija tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-Kummissjoni tista’ barra minn hekk, matul il-proċedura kontenzjuża, tadatta l-ammont tas-somma f’daqqa mitluba skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ ksur fl-Istat Membru kkonċernat.

77

Konsegwentement, il-ġurisprudenza li għaliha tirreferi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, imsemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tapplika, f’dan il-każ, ir-regoli previsti mill-Komunikazzjoni tal‑2023 sabiex tiddetermina l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja li hija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi.

78

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE peress li tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha xieraq, tindika l-ammont ta’ pagament ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru, li hija tkun tqis xieraq għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tkun tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penalità li ma jkunx jaqbeż l-ammont indikat mill-Kummissjoni u l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

79

Peress li, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022, kif estiż sal‑15 ta’ Diċembru 2022, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la kienet adottat u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat lill-Kummissjoni il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni fid-dritt intern tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE.

80

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li l-Istati Membri jitħeġġew itemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, ikollu t-tendenza li jippersisti, iżda wkoll li jtaffi u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi l-impożizzjoni, b’mod partikolari, ta’ somma f’daqqa bħala sanzjoni pekunjarja.

82

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-interessi privati u pubbliċi inkwistjoni, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal perijodu twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mitluba, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li hija adottat, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tagħha, li, filwaqt li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Fir-rigward tal-opportunità li timponi somma f’daqqa, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li tiddeċiedi dwar s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

F’dan il-każ, għandu jitqies li, minkejja l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkooperat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kemm fl-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937 kif ukoll fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022, estiż sal‑15 ta’ Diċembru 2022, ebda dispożizzjoni leġiżlattiva, regolamentari u amministrattiva li tippermetti traspożizzjoni effettiva ta’ din id-direttiva ma kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni.

86

F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tas-somma f’daqqa, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru. Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa ta’ evalwazzjoni limitata, peress li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn din tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ tagħti (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam, kif inkwadrat mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, kif tfakkar fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li għandha tistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa li jista’ jiġi imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE b’tali mod li dan l-ammont ikun, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 68 u 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88

Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, linji gwida, bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta dik l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal‑2023 sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għall-kundanna tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ħlas ta’ pagament ta’ somma f’daqqa, kif ukoll sabiex tistabbilixxi l-ammont tagħha.

90

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, mill-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva titqies dejjem bħala gravi. Għaldaqstant, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġġustifika l-applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 għall-perijodu mit‑18 ta’ Diċembru 2021 sal‑1 ta’ Lulju 2023. Wara l-emendi leġiżlattivi kkomunikati lill-Kummissjoni, din l-istituzzjoni tqis li għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1 għall-perijodu mit‑2 ta’ Lulju 2023 sat‑18 ta’ Lulju 2024.

91

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-livell ta’ dan il-koeffiċjent u l-awtomatiċità tal-applikazzjoni tiegħu fiċ-ċirkustanzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jiżguraw t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2019/1937 hija strument kruċjali tad-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, regoli minimi komuni li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni bbilanċjata u effettiva tal-persuni li jirrapportaw ksur ta’ dan id-dritt f’oqsma li fihom tali ksur jista’ jippreġudika b’mod partikolari l-interess ġenerali. Fil-fatt, billi tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest professjonali, din id-direttiva tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku, f’oqsma partikolarment sensittivi, bħal dawk tal-kuntratti pubbliċi, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jipprevedu l-obbligu, kemm għall-entitajiet tas-settur pubbliku kif ukoll għal dawk tas-settur privat, li jistabbilixxu kanali ta’ senjalazzjoni interna, proċeduri ta’ riċeviment u ta’ segwitu tas-senjalazzjonijiet, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni hekk prevista (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 73).

94

Issa, l-assenza ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937 fit-terminu mogħti neċessarjament tikser id-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tiegħu, peress li ksur ta’ dan id-dritt jista’ ma jkunx is-suġġett ta’ senjalazzjoni jekk il-persuni li jkunu jafu b’tali ksur ma jibbenefikawx minn protezzjoni kontra eventwali ritaljazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 74).

95

Madankollu, l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandu jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat mal-ksur imwettaq (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 75), kif tfakkar fil-punt 87 ta’ din is-sentenza.

96

Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni awtomatika tal-istess koeffiċjent ta’ gravità fil-każijiet kollha ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u, għaldaqstant, ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva neċessarjament tostakola l-adattament tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-ksur u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 76)

97

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, billi tippreżumi li l-ksur tal-obbligu li jiġu kkomunikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva għandu jitqies li għandu l-istess gravità tkun liema tkun id-direttiva kkonċernata, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tadatta s-sanzjonijiet pekunjarji skont il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif previst mill-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 77).

98

F’dan il-każ, il-Kummissjoni pproponiet, fit-talbiet addizzjonali tagħha tal‑24 ta’ Ottubru 2023, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1 mit‑2 ta’ Lulju 2023, wara d-dħul fis-seħħ tal-HinSchG li, fil-fehma tagħha, tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937 fuq il-livell federali. Kif ġie espost fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, hija għalhekk iddeterminat żewġ perijodi ta’ ksur u konsegwentement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika żewġ koeffiċjenti ta’ gravità, wieħed ta’ 10 għall-perijodu mit‑18 ta’ Diċembru 2021 sal‑1 ta’ Lulju 2023 u l-ieħor ta’ 1 għall-perijodu mit‑2 ta’ Lulju 2023 sat‑18 ta’ Lulju 2024. Madankollu, din l-istituzzjoni ma evalwatx b’mod konkret, konformement mal-punt 79 tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), (C‑147/23, EU:C:2024:346), il-konsegwenzi tal-ksur ikkonstatat fuq l-interessi privati u pubbliċi, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 fir-rigward tal-ewwel perijodu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu adottati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937 kif ukoll l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni għandu jitqies li huwa ta’ gravità partikolarment serja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 89).

99

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni jaqa’ fi kwalunkwe każ fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jimplika li kull Stat Membru huwa obbligat jiffaċilita għal din l-istituzzjoni t-twettiq tal-missjoni tagħha li, skont l-Artikolu 17 TUE, hija li tiżgura, bħala gwardjan tat-Trattati, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, hija biss kooperazzjoni mal-Kummissjoni kkaratterizzata minn passi li juru l-intenzjoni ta’ konformità fl-iqsar żmien possibbli mal-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva li tista’ ttieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Issa, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, indikat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li l-proċedura leġiżlattiva dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 intemmet qabel l-għeluq tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jippermettix l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ tali ċirkustanza attenwanti. Barra minn hekk, l-argument invokat minn dan l-Istat Membru u msemmi fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, fis-sens li, skont l-Artikolu 26(2) ta’ din id-direttiva, ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva kellhom jiġu trasposti mhux sas‑17 ta’ Diċembru 2021, iżda sas‑17 ta’ Diċembru 2023, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, sa fejn dan ir-rikors ma jirrigwardax din id-dispożizzjoni.

101

Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Huwa paċifiku li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx, fl-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, jiġifieri fis‑17 ta’ Diċembru 2021, adottat il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, lanqas ma kienet ikkomunikat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak previst fl-Artikolu 26(3) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 51 sa 54 ta’ din is-sentenza, it-traspożizzjoni sħiħa tal-istess direttiva ma kinitx żgurata bid-dħul fis-seħħ tal-HinSchG, fl-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni f’ċerti Länder. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ntemm biss fit‑18 ta’ Lulju 2024, baqa’ għaddej għal iktar minn sentejn u nofs.

103

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bla ħsara għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji bbażati fuq diversi kriterji, sabiex tippermetti, b’mod partikolari, li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat bħala fattur predominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tiegħu u tal-iffissar ta’ sanzjonijiet suffiċjentement dissważivi u proporzjonati, sabiex tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet b’mod ripetut li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD tal-Istat Membru kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan il-każ, il-fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri l-oħra, applikat mill-Kummissjoni skont il-punti 3.4. u 4.2. tal-Komunikazzjoni tal‑2023, huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, li tgħodd għal żewġ terzi tal-kalkolu tal-fattur “n”, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjoni tal-Istati Membri, li tgħodd għal terz tal-kalkolu tal-fattur “n”, kif jirriżulta mill-ekwazzjoni msemmija fil-punt 11ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni tiġġustifika dan il-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” kemm bl-għan li tinżamm differenza raġonevoli tal-fatturi “n” tal-Istati Membri, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri kif ukoll l-għan li tiġi żgurata ċerta stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur “n”, peress li huwa improbabbli li l-popolazzjoni tvarja b’mod sinjifikattiv fuq bażi annwali (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku skont il-modalitajiet previsti fil-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 84 sa 86).

107

Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 103 ta’ din is-sentenza u fin-nuqqas ta’ kriterju rilevanti mressaq mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi stabbiltà fil-kalkolu u żżomm differenza raġonevoli fil-fatturi “n” tal-Istati Membri, l-ammont tas-somma f’daqqa għandu jiġi ffissat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-medja tal-PGD tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-aħħar tliet snin.

108

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li din tal-aħħar ma tistax, fir-rigward tas-somma f’daqqa, tiffissa ammont li jeċċedi dak indikat mill-Kummissjoni, għandu jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 26(1) u (3) tad-Direttiva 2019/1937 u li jippreġudika l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 34 000 000.

Fuq l-ispejjeż

109

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli tadotta, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni Ewropea tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa li tammonta għal EUR 34000000.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.