SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
13 ta’ Mejju 2026 ( *1 )
“Rinviju preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il‑valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Punt 1 tal-Artikolu 2 – Issuġġettar għall-VAT – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kriterji – Relazzjonijiet intragrupp – Aġġustamenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ vetturi bil-mutur bejn produtturi u distributuri – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ tiswija ta’ dawn il-vetturi sostnuti mid-distributuri wara l-bejgħ – Eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi u l-korrispettiv fil-fatt irċevut – Eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika li fl-ambitu tagħha jiġu skambjati servizzi reċiproċi”
Fil-Kawża C‑603/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2024, fil-proċedura
Stellantis Portugal, S.A.
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. Condinanzi, President tal-Awla, R. Frendo u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Stellantis Portugal S.A., minn P. Braz, advogado, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Bento, R. Campos Laires u A. Rodrigues, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u P. Carlin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) (iktar ’il quddiem “is-Sitt Direttiva”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Stellantis Portugal, S. A., bħala suċċessur legali ta’ Opel Portugal, Lda. (li kienet General Motors Portugal (iktar ’il quddiem “GMP”)), u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ tiswija ta’ vetturi bil-mutur li GMP ipprovdiet lil kumpanniji oħra tal-grupp General Motors (l-Istati Uniti tal-Amerika), li jopera fis-settur awtomobilistiku. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Is-Sitt Direttiva tal-VAT tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-Sitt Direttiva tal-VAT hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
4 |
L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-VAT kien jipprevedi li: “Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
|
|
5 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi: “1. ‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5. […] 4. Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha imma għall-benefiċċju ta’ ħadd ieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li rċeviet u ssupplixxiet dawk is-servizzi hija stess. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva kien ifformulat kif ġej: “A. Fit-territorju tal-pajjiż 1. L-ammont taxxabbli għandu jkun:
[…]” |
Id-dritt Portugiż
|
7 |
L-Artikolu 1(1) (a) tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), approvat mid-Decreto-Lei n.o 394‑B/84 (id-Digriet-Liġi Nru 394‑B/84), tas-26 ta’ Diċembru 1984 (Diário da República, I serje‑A, Nru 297, tas-26 ta’ Diċembru 1984), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprevedi li l-provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju nazzjonali minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huma suġġetti għall-VAT. |
|
8 |
L-Artikolu 4 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud jipprovdi: “1. Għandhom jitqiesu li huma provvisti ta’ servizzi t-tranżazzjonijiet imwettqa bi ħlas li ma humiex kunsinni, akkwisti intra-Komunitarji jew importazzjonijiet ta’ oġġetti. […] 4. Meta l-provvista ta’ servizzi titwettaq minn mandatarju li jaġixxi f’ismu stess, dan tal-aħħar ikun suċċessivament ix-xerrej u l-fornitur tas-servizz. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
9 |
GMP kienet tagħmel parti mill-grupp General Motors. |
|
10 |
Dan il-grupp kien kompost b’mod partikolari minn kumpanniji, imsejħa mill-qorti tar-rinviju bħala “manifatturi ta’ tagħmir oriġinali” (Original Equipment Manufacturers, iktar ’il quddiem l-“OEM”), li kienu jimmanifatturaw vetturi bil-mutur kif ukoll partijiet u aċċessorji u/jew jipprovduhom lil kumpanniji oħra li jappartjenu lill-imsemmi grupp u lil kumpanniji, imsejħa minn din il-qorti “kumpanniji ta’ bejgħ nazzjonali/organizzazzjonijiet ta’ bejgħ nazzjonali” (National Sales Companies/National Sales Organizations, iktar ’il quddiem in-“NSC/NSO”), li kienu jiddistribwixxu l-prodotti hekk ipprovduti f’suq ġeografiku ddefinit. |
|
11 |
GMP kienet teżerċita l-funzjonijiet ta’ NSC/NSO fil-Portugall. F’dan ir-rigward, hija kienet tixtri, b’mod partikolari, vetturi bil-mutur mingħand OEM stabbiliti fl-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“OEM ikkonċernati”) u kienet tbigħ dawn il-vetturi lil konċessjonarji indipendenti li joperaw fil-Portugall, li, min-naħa tagħhom, kienu jbigħuhom mill-ġdid lil klijenti finali. |
|
12 |
Meta l-imsemmija vetturi kienu affettwati minn difetti li jirriżultaw mill-proċess ta’ produzzjoni (Recall campaigns) jew minn anomaliji koperti mill-garanziji offruti mill-manifattur (Policy and Warranty) jew kellhom ikunu s-suġġett ta’ proċeduri marbuta mal-assistenza fit-triq (Road Side Assistance), dawn il-klijenti kienu jieħdu l-vetturi għand il-konċessjonarji sabiex dawn tal-aħħar isewwuhom fil-bini tagħhom. Dawn il-konċessjonarji sussegwentement jiffatturaw lil GMP l-ispejjeż ta’ dawn it-tiswijiet, u japplikaw fuqhom il-VAT korrispondenti. |
|
13 |
GMP kienet tinforma lill-OEM ikkonċernati bl-ispejjeż li hija kienet issostni għad-distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur u kif ukoll tal-partijiet u l-aċċessorji pprovduti minn dawn l-OEM, inklużi l-ispejjeż tal-imsemmija tiswijiet b’żieda mal-ispejjeż operattivi ta’ GMP, bħall-ispejjeż tal-persunal, tal-elettriku u tal-kummerċjalizzazzjoni. |
|
14 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont ftehim konkluż fl-2004 bejn il-kumpanniji tal-grupp General Motors u li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment tal-vetturi fi ħdan dan il-grupp (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2004”), il-prezz tal-vetturi, tal-partijiet u tal-aċċessorji mibjugħa mill-OEM lin-NSC/NSO seta’ jkun is-suġġett ta’ aġġustament intiż sabiex jiggarantixxi lil dawn tal-aħħar marġni ta’ profitt iddeterminat minn qabel. B’mod partikolari, konformement mal-klawżola 1.0 ta’ dan il-ftehim, il-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ dawn il-prodotti kienu jiġu ddeterminati billi jitnaqqsu mill-prezzijiet tal-bejgħ imsejħa “esterni”, jiġifieri dawk tal-bejgħ ta’ dawn il-vetturi lil terzi bħalma huma l-konċessjonarji, l-ammont li jikkorrispondi mal-ispejjeż ta’ distribuzzjoni konnessi u mal-marġni ta’ profitt iddeterminat minn qabel tan-NSC/NSO kkonċernata. Il-prezzijiet ta’ trasferiment inizjali kienu jiġu ddeterminati għal kull perijodu ta’ riferiment abbażi ta’ rendikont marġinali gross imwettaq abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ esterni previsti. Fi tmiem kull perijodu ta’ riferiment, kien isir aġġustament tal-prezzijiet ta’ trasferiment intiż sabiex jiżdied jew jitnaqqas il-marġni ta’ profitt reali ta’ din in-NSC/NSO sabiex dan jikkoinċidi mal-marġni ta’ profitt iddeterminat minn qabel. Skont il-klawżola 4.0 tal-imsemmi ftehim, il-prezzijiet ta’ trasferiment inizjali kienu jiġu aġġustati fi tmiem kull perijodu ta’ riferiment sabiex jiġi ggarantit li r-riżultati finanzjarji reali tan-NSC/NSO jaqblu mal-marġni ta’ profitt iddeterminat minn qabel. Dan l-aġġustament kien isir fil-perijodu ta’ riferiment ikkonċernat u ż-żieda jew it-tnaqqis korrispondenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment kellhom jidhru fil-kotba tal-kontijiet tal-OEM. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fit-tilwima li biha hija adita, l-imsemmi aġġustament kien ġie attestat permezz ta’ nota ta’ kreditu jew ta’ debitu mibgħuta mill-OEM lil GMP. |
|
15 |
Wara stħarriġ tas-sitwazzjoni ta’ GMP dwar is-sena finanzjarja 2006, l-Awtorità Fiskali u Doganali stabbilixxiet, fl-10 ta’ Diċembru 2009, rapport li fih hija kkonstatat li r-responsabbiltà sabiex jiġu rrimedjati d-difetti li jirriżultaw mill-proċess ta’ produzzjoni tal-vetturi bil-mutur u l-anomaliji koperti mill-garanziji offruti mill-manifattur kif ukoll sabiex issir it-tiswija ta’ dawn il-vetturi fil-kuntest tal-proċeduri marbuta mal-assistenza fit-triq kienet taqa’ fuq l-OEM ikkonċernati. Din l-awtorità kkonstatat ukoll li l-ispejjeż tat-tiswijiet dovuti għal dawn id-difetti u anomaliji kienu, inizjalment, sostnuti minn GMP, li sussegwentement għaddiethom lil dawn l-OEM permezz ta’ aġġustamenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment tal-imsemmija vetturi. Fuq din il-bażi, l-imsemmija awtorità qieset li GMP kienet ipprovdiet, fit-territorju nazzjonali, servizzi ta’ tiswija ta’ vetturi bil-mutur lill-OEM ikkonċernati u li dawn is-servizzi kellhom ikunu suġġetti għall-VAT. Hija għalhekk iddeċidiet li din il-kumpannija, bħala persuna suġġetta għal din it-taxxa, kellha tħallas is-somma ta’ EUR 1504 215.49, li tikkorrispondi mal-ammont tal-VAT dovut għall-provvista ta’ dawn is-servizzi u l-interessi kumpensatorji. |
|
16 |
GMP adixxiet lit-Tribunal Administrativo e Fiscal de Sintra (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Sintra, il-Portugall) b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità Fiskali u Doganali li teżiġi l-ħlas tas-somma msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, billi sostniet li l-aġġustamenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment tal-vetturi, tal-partijiet u tal-aċċessorji pprovduti mill-OEM ikkonċernati lil GMP ma kinux jikkostitwixxu remunerazzjoni għall-provvisti ta’ servizzi li jikkonsistu fit-tiswija ta’ dawn il-vetturi. |
|
17 |
Peress li din il-qorti laqgħet dan ir-rikors, l-Awtorità Fiskali u Doganali appellat quddiem it-Tribunal Central Administrativo Sul (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tan-Nofsinhar, il-Portugall), li laqgħet dan l-appell. |
|
18 |
GMP ippreżentat rikors għal reviżjoni eċċezzjonali kontra s-sentenza ta’ din il-qorti tal-aħħar quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
19 |
GMP sadanittant saret Opel Portugal, li sussegwentement ġiet assorbita minn Stellantis Portugal. |
|
20 |
Huwa f’dan il-kuntest li s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2 tas-[Sitt Direttiva tal-VAT], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, previst f’dan l-artikolu, jinkludi aġġustament tal-prezz tal-bejgħ ta’ vetturi, debitament stabbilit u kkonkretizzat f’kuntratt konkluż bejn il-partijiet, bil-għan li jinkiseb marġni ta’ profitt minimu, fejn dan l-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ tal-vetturi huwa attestat permezz tal-ħruġ ta’ nota ta’ kreditu jew ta’ debitu mill-manifatturi Ewropej tal-grupp General Motors lir-rikorrenti/appellanti?” |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
21 |
Il-Kummissjoni Ewropea tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-ammonti li kienu kkreditati jew iddebitati lil GMP mill-OEM ikkonċernati kinux jikkorrispondu mal-ispejjeż tat-tiswijiet tal-vetturi bil-mutur jew jekk parametri oħra kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ggarantit lil GMP marġni ta’ profitt iddeterminat minn qabel. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju sservi bħala bażi għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali hija obbligata tispjega, fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, b’mod partikolari, il-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2024, Omnitel Comunicaciones et, (C‑441/23, EU:C:2024:916, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Fil-fatt, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju għandha tippermetti, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li l-gvernijiet tal-Istati Membri u kif ukoll il-partijiet l-oħra li jkollhom interess jeżerċitaw id-dritt mogħti lilhom mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippreżentaw osservazzjonijiet. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li dan id-dritt jiġi ssalvagwardjat, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2024, Omnitel Comunicaciones et, C‑441/23, EU:C:2024:916, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ deċiżjoni ta’ rinviju jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u huma mfakkra, b’mod partikolari, fil-punt 15 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1). Dawn huma issa inklużi fil-punt 15 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar it-tressiq ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU C, C/2024/6008). |
|
25 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju esponiet, għalkemm fil-qosor, l-elementi fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali b’mod li jippermetti li s-suġġett tagħha jinftiehem. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-aġġustamenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment tal-vetturi bil-mutur inkwistjoni kienu saru mill-OEM ikkonċernati fid-dawl tal-ispejjeż kollha ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il-vetturi sostnuti minn GMP, inklużi l-ispejjeż marbuta mat-tiswijiet tagħhom u l-ispejjeż operattivi ta’ GMP. |
|
26 |
Għaldaqstant, hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari titqies li hija ammissibbli. |
Fuq id-domanda preliminari
|
27 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ “provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, aġġustament tal-prezz ta’ trasferiment ta’ vetturi bil-mutur li huwa:
|
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-VAT, huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi li jkunu saru bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali. |
|
29 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, hija kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi “kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti”. |
|
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, provvista ta’ servizzi ssir “bi ħlas”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-VAT, u hija għalhekk taxxabbli biss meta jkun hemm rabta diretta bejn din il-provvista ta’ servizzi, minn naħa, u korrispettiv li l-persuna taxxabbli tkun tassew irċeviet, min-naħa l-oħra. Tali rabta diretta hija stabbilita meta teżisti bejn il-fornitur tas-servizz u l-benefiċjarju tiegħu relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni rċevuta mill-fornitur ta’ dawn l-operazzjonijiet tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz individwabbli pprovdut lil dan il-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2020, Mitteldeutsche Hartstein-Industrie,C‑528/19, EU:C:2020:712, punt 43; ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2024, Latvijas Informācijas un komunikācijas tehnoloģijas asociācija, C‑87/23, EU:C:2024:570, punt 26, u tal-4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes, C‑726/23, EU:C:2025:646, punt 33). |
|
31 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-OEM ikkonċernati kienu jbigħu lil GMP, b’mod partikolari, vetturi bil-mutur li din kienet sussegwentement tbigħ mill-ġdid lil konċessjonarji indipendenti stabbiliti fil-Portugall, li kienu inkarigati, min-naħa tagħhom, mill-bejgħ ta’ dawn il-vetturi lill-klijenti finali. |
|
32 |
Fil-każ ta’ difetti li jirriżultaw mill-proċess ta’ produzzjoni tal-imsemmija vetturi, ta’ anomaliji koperti mill-garanziji offruti mill-manifattur jew ta’ proċeduri marbuta mal-assistenza fit-triq, dawn il-konċessjonarji kienu jwettqu t-tiswijiet tal-istess vetturi u jiffatturaw il-prezz ta’ dawn it-tiswijiet lil GMP, li sussegwentement kienet tinforma lil dawn l-OEM bl-ispejjeż li hija kienet sostniet f’dan ir-rigward, kif ukoll bi spejjeż oħra, bħall-ispejjeż tal-operat tagħha, li kienu jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, tal-elettriku u tal-kummerċjalizzazzjoni. |
|
33 |
Barra minn hekk, skont il-ftehim tal-2004, GMP ġiet iggarantita l-kisba ta’ marġni ta’ profitt iddeterminat minn qabel fuq il-bejgħ mill-ġdid tal-vetturi bil-mutur. Għal dan l-għan, l-OEM ikkonċernati kienu jwettqu aġġustamenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment tal-vetturi inkwistjoni, ikkalkolati skont l-ispejjeż kollha msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, u kienu jistabbilixxu, sabiex josservaw dan il-marġni, skont il-każ, nota ta’ kreditu jew nota ta’ debitu mibgħuta lil GMP. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex il-każ li GMP ma titqisx li pprovdiet lill-OEM ikkonċernati servizzi ta’ tiswija ta’ dawn il-vetturi, li għalihom is-somom kollha jew parti minnhom li jirriżultaw minn dawn l-aġġustamenti jikkostitwixxu r-remunerazzjoni. |
|
35 |
Hija dik il-qorti, b’ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina n-natura tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-imsemmija qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Latvijas Informācijas un komunikācijas tehnoloģijas asociācija, C‑87/23, EU:C:2024:570, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza iċċitata). |
|
36 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-unika relazzjoni ġuridika bejn GMP u l-OEM ikkonċernati li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju hija dik li tirriżulta mill-ftehim tal-2004. |
|
37 |
Issa, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-ftehim kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment tal-vetturi mibjugħa minn dawn l-OEM lil GMP u li l-aġġustamenti ta’ dawn il-prezzijiet, previsti fl-imsemmi ftehim, kienu intiżi sabiex jiggarantixxu lil GMP il-kisba ta’ marġni ta’ profitt iddeterminat minn qabel. |
|
38 |
L-ebda waħda mill-klawżoli tal-ftehim tal-2004 imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tindika li kien hemm, bejn GMP u l-OEM ikkonċernati, relazzjoni ġuridika li skontha GMP kellha l-obbligu li tassumi, bi ħlas, it-tiswija tal-vetturi li hija kienet tixtri għal dawn l-OEM. |
|
39 |
Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tipprovdix elementi oħra, inklużi, fejn applikabbli, punti ta’ fatt ta’ natura mhux miktuba, li jistgħu jiżvelaw l-eżistenza ta’ tali relazzjoni ġuridika. |
|
40 |
Għaldaqstant, l-elementi tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha ma jippermettux li jiġi konkluż li teżisti, bejn GMP u l-OEM ikkonċernati, relazzjoni ġuridika, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li tirriżulta mill-ftehim tal-2004 jew minn kull element ieħor li jirriżulta minn dan il-proċess, li fl-ambitu tagħha dawn il-kumpanniji skambjaw provvisti ta’ servizzi reċiproċi, b’waħda minnhom tkun il-provvista, minn GMP lil dawn l-OEM, ta’ servizzi ta’ tiswija ta’ vetturi bil-mutur u l-oħra l-provvista ta’ remunerazzjoni għal dawn is-servizzi. |
|
41 |
Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi, abbażi ta’ elementi mhux sottomessi għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, eżaminati, jekk meħtieġ, flimkien mal-ftehim tal-2004, li teżisti tali relazzjoni ġuridika bejn GMP u l-imsemmija OEM, hija wkoll dik il-qorti li għandha tiddetermina jekk l-aġġustamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux il-korrispettiv effettiv ta’ servizzi individwabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, jiġifieri jekk dawn l-aġġustamenti jikkostitwixxux ir-remunerazzjoni ta’ GMP għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija tal-vetturi inkwistjoni. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura inċerta tal-eżistenza stess ta’ remunerazzjoni hija ta’ natura li tikser ir-rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju u r-remunerazzjoni rċevuta skont il-każ (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes, C‑726/23, EU:C:2025:646, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, sabiex tali rabta tkun tista’ tiġi stabbilita, din ir-remunerazzjoni la għandha tkun gratwita, la inċerta u lanqas diffiċilment kwantifikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes, C‑726/23, EU:C:2025:646, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-aġġustamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu kkalkolati billi ttieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż relatati mat-tiswijiet imwettqa mill-konċessjonarji indipendenti u ffatturati minnhom lil GMP, iżda wkoll l-ispejjeż tal-operat ta’ din il-kumpannija tal-aħħar. Għalhekk, jidher li l-ispejjeż relatati mat-tiswijiet tal-vetturi inkwistjoni huma biss wieħed mill-parametri meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dawn l-aġġustamenti. Konsegwentement, skont l-kobor ta’ dawn l-ispejjeż kollha meta mqabbla mal-prezzijiet ta’ trasferiment inizjali, l-istess aġġustamenti setgħu jagħtu lok mhux biss għal noti ta’ kreditu, iżda wkoll għal noti ta’ debitu, indirizzati mill-OEM lil GMP. |
|
44 |
Barra minn hekk, id-diversi spejjeż sostnuti minn GMP fil-kuntest tad-distribuzzjoni ta’ dawn il-vetturi ttieħdu inkunsiderazzjoni biss sabiex tiġi ggarantita l-kisba tal-marġni ta’ profitt iddeterminat minn qabel, b’tali mod li, ladarba miksub, ma jidhirx li GMP kienet żgurata li tiġi rrimborsata mill-OEM ikkonċernati għal dawn l-ispejjeż kollha, u b’mod partikolari dawk sostnuti minnha għall-finijiet tat-tiswija tal-imsemmija vetturi. |
|
45 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju konformement mal-punt 41 ta’ din is-sentenza, li r-rabta li tista’ teżisti bejn eventwali servizzi ta’ tiswija tal-vetturi inkwistjoni pprovduti minn GMP lill-OEM ikkonċernati u l-aġġustamenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ dawn il-vetturi hija biss, l-iktar l-iktar, indiretta. |
|
46 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-Gvern Portugiż li jgħid li, billi sostniet l-ispejjeż ta’ tiswija tal-istess vetturi, GMP aġixxiet f’isem l-OEM ikkonċernati u involviet ruħha fi provvista ta’ servizzi pprovduta mill-konċessjonarji lil dawn l-OEM, b’tali mod li l-imputazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż lil dawn tal-aħħar għandha tiġi kklassifikata bħala fatt taxxabbli ta’ tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, skont l-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix elementi li jippermettu li jitqies li GMP kienet involuta f’tali provvista ta’ servizzi u li hija aġixxiet f’isem ħaddieħor. |
|
47 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tqis li l-aġġustamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux ir-remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi ta’ tiswija ta’ vetturi pprovduta minn GMP lill-OEM ikkonċernati, iżda modifika a posteriori tal-prezz imħallas minn GMP fl-akkwist tal-imsemmija vetturi mingħand dawn l-OEM, għandu jiġi rrilevat li, kif esponiet l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 56 sa 62 tal-konklużjonijiet tagħha, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom, fejn meħtieġ, jevalwaw l-effett ta’ tali bidla fuq id-determinazzjoni tal-valur taxxabbli tat-tranżazzjoni tal-provvista ta’ dawn il-vetturi mill-imsemmija OEM lil GMP, b’mod partikolari, fid-dawl tal-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva tal-VAT. |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li aġġustament tal-prezz ta’ trasferiment ta’ vetturi bil-mutur li huwa:
ma jikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ “provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm ma tkunx teżisti, bejn dawn il-kumpanniji, relazzjoni ġuridika kkaratterizzata minn impenji reċiproċi intiżi għall-provvista mill-kumpannija akkwirenti ta’ servizzi lill-kumpannija li tbigħ u l-ħlas minn din il-kumpannija tal-aħħar ta’ remunerazzjoni għal dawn is-servizzi fil-forma ta’ tali aġġustament, li tistabbilixxi rabta diretta bejn il-provvista ta’ dawn is-servizzi u dan l-aġġustament. |
Fuq l-ispejjeż
|
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
aġġustament fil-prezz tat-trasferiment ta’ vetturi tal-mutur li huwa: |
|
|
|
|
ma jikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ “provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm ma tkunx teżisti, bejn dawn il-kumpanniji, relazzjoni ġuridika kkaratterizzata minn impenji reċiproċi intiżi għall-provvista mill-kumpannija akkwirenti ta’ servizzi lill-kumpannija li tbigħ u l-ħlas minn din il-kumpannija tal-aħħar ta’ remunerazzjoni għal dawn is-servizzi fil-forma ta’ tali aġġustament, li tistabbilixxi rabta diretta bejn il-provvista ta’ dawn is-servizzi u dan l-aġġustament. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.