European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1968

29.9.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1968

tat-28 ta’ April 2025

li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ talba mill-Italja biex ma jiġix applikat ir-rekwiżit li tiġi installata GSM-R f’mina, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014

(notifikata bid-dokument C(2025) 2437)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Diċembru 2023, l-Italja ressqet talba lill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 (2) għall-mina l-ġdida fuq il-linja Mungivacca – Noicattaro sal-31 ta’ Diċembru 2029 (it-“talba”). It-talba tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(2)

Il-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 jistabbilixxi r-rekwiżit li l-komunikazzjoni bir-radju bejn il-ferrovija u ċ-ċentru tal-kontroll tal-maniġer tal-infrastruttura għandha tiġi pprovduta f’kull mina b’tul ta’ aktar minn 1 km permezz tas-Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli – Linja Ferrovjarja (GSM-R, Global System for Mobile Communications – Railway).

(3)

Il-proġett imsemmi fit-talba jikkonsisti fil-bini ta’ mina ġdida b’tul ta’ 3 155 m minn km 7 + 304 sa km 10 + 459 bħala parti minn proġett akbar biex jiġi rduppjat il-binarju tal-linja ferrovjarja Bari – Taranto bejn Mungivacca u Noicattaro.

(4)

Skont id-dokumenti mressqa mill-Italja, il-konformità mal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 tkun tinvolvi kost addizzjonali ta’ EUR 4 miljun, peress li madwar 60 km ta’ binarju fiż-żona tal-madwar jeħtieġu jkunu mgħammra b’GSM-R.

(5)

Bħala dispożizzjoni alternattiva, l-Italja tipproponi li tapplika l-punt 1.1.1 tal-Anness 2, l-Ewwel Parti, tal-Ordni Ministerjali tat-28 ta’ Ottubru 2005 – Sikurezza fil-mini ferrovjarji (“Sistema ta’ komunikazzjoni bir-radju”), li jistabbilixxi li għandha tiġi pprovduta sistema li tippermetti l-komunikazzjoni bir-radju bejn il-persunal abbord il-ferroviji u bejniethom u ċ-ċentru tal-kontroll. Din ir-regola nazzjonali ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji skont l-Artikolu 14(1)(c), tad-Direttiva (UE) 2016/797, skont ir-regola IT-FI-1586-1-A.

(6)

Fil-prattika, tintuża infrastruttura tal-komunikazzjoni mobbli b’sinjali fil-banda ewlenija tal-GSM li kapaċi tirrepeti s-sinjali lill-erba’ operaturi mobbli ewlenin kif ukoll infrastruttura tas-sigurtà bi frekwenza ultragħolja b’sinjali fil-banda ta’ 400-470 MHz, li sservi għat-timijiet tas-servizzi tat-tifi tan-nar. Skont id-dokumentazzjoni pprovduta mill-Italja, l-adegwatezza ta’ dawk l-arranġamenti alternattivi ġiet ivvalutata b’mod pożittiv mill-Aġenzija Nazzjonali għas-Sikurezza tal-Linji Ferrovjarji u tal-Infrastruttura tat-Toroq u tal-Awtostradi.

(7)

Abbażi tal-ġustifikazzjoni għat-talba pprovduta mill-Italja u tad-dispożizzjonijiet alternattivi proposti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(c) u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jistgħu jitqiesu bħala ssodisfati għall-mina l-ġdida fuq il-linja Mungivacca – Noicattaro. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba tiġi aċċettata.

(8)

Is-sikurezza, kif stabbilit mid-Direttiva (UE) 2016/797, hija rekwiżit essenzjali li għandu jiġi ssodisfat mis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, mis-subsistemi u mill-kostitwenti tal-interoperabbiltà, inklużi l-interfaċċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata kwalunkwe informazzjoni li tindika li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 jista’ jikkomprometti s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba tal-Italja għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 għall-mina l-ġdida fuq il-linja Mungivacca – Noicattaro hija aċċettata bil-kundizzjoni li tiġi applikata d-dispożizzjoni alternattiva proposta mill-Italja.

L-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed fil-każ li jkollha informazzjoni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni jista’ jikkomprometti b’mod raġonevoli s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2029.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Apostolos TZITZIKOSTAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-“sikurezza fil-mini ferrovjarji” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 394, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1303/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1968/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)