|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2384 |
27.11.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2384
tal-20 ta’ Novembru 2025
dwar is-Sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet, id-dashboards tal-pensjonijiet u l-awtoreġistrazzjoni
(notifikata bid-dokument C(2025) 9300)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Settembru 2025 dwar l-iffaċilitar tal-finanzjament tal-investimenti u r-riformi biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea u l-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (ir-Rapport Draghi) (2024/2116 (INI)) jenfasizza li l-pensjonijiet jgħinu biex jipproteġu lill-pensjonanti, jibnu s-swieq kapitali u jimmobilizzaw l-investiment, u speċifikament iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jintroduċu sistemi sempliċi u trasparenti ta’ trekkjar tal-pensjonijiet. |
|
(2) |
Il-Grupp tal-Euro f’format inklużiv f’Marzu 2024 stieden (i) lill-Istati Membri jivvalutaw id-disponibbiltà tal-prodotti għaċ-ċittadini tagħhom fis-suq tal-pensjonijiet okkupazzjonali u jikkondividu l-aħjar prattiki, inkluż dwar kif itejbu r-reġistrazzjoni taċ-ċittadini fil-pensjonijiet okkupazzjonali; (ii) lill-Kummissjoni Ewropea tinforma l-isforzi tal-Istati Membri billi tidentifika u tipproponi l-aħjar prattiki; (iii) lill-Istati Membri jiżviluppaw sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet biex jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b’ħarsa ġenerali lejn l-introjtu tal-irtirar futur; u (iv) lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa dashboard tal-pensjonijiet f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u mal-Istati Membri; |
|
(3) |
Id-Dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro ta’ April 2024, appellat lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tal-miżuri kollha deskritti fid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro f’format inklużiv imsemmija hawn fuq; |
|
(4) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Marzu 2025 dwar “Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti: Strateġija biex Jissaħħu l-Ġid taċ-Ċittadini u l-Kompetittività Ekonomika fl-UE” tistabbilixxi l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi l-użu tas-sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet, id-dashboards tal-pensjonijiet u l-awtoreġistrazzjoni u l-aħjar prattiki għalihom biex jiżdied l-għarfien tan-nies dwar l-introjtu mistenni tal-irtirar tagħhom sabiex ikunu jistgħu jħejju aħjar għall-irtirar. Għodod bħal dawn jikkontribwixxu biex jiġu sfruttati skala u profondità akbar tas-swieq tal-pensjonijiet tax-xogħol, li jkunu ta’ benefiċċju mhux biss għan-nies, iżda għall-ekonomija tal-Unjoni b’mod ġenerali; |
|
(5) |
Ir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-pensjonijiet supplimentari ta’ Mejju 2025 jirrakkomanda li l-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza tad-data dwar id-differenzi fil-pensjonijiet, kemm għall-individwi kif ukoll fil-livell tal-pajjiżi, billi tavvanza l-azzjoni politika tagħha dwar is-sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet u d-dashboards; |
|
(6) |
Ir-rapport ta’ Diċembru 2019 tal-Grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar il-pensjonijiet ta parir lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ fit-tul u komprensiv għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-pensjonijiet fuq diversi livelli, u pprovda rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lill-fornituri tal-pensjonijiet u lis-sħab soċjali dwar kif dan jista’ jitwettaq; |
|
(7) |
Ir-rapport ta’ Ġunju 2020 tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jwissi li r-riskji ta’ inadegwatezza tal-pensjonijiet joħolqu sfidi politiċi u baġitarji għall-Istati Membri, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni (i) tiżviluppa dashboard biex tkejjel il-progress tal-Istati Membri dwar l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet; (ii) tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet għall-individwi; u (iii) tappoġġa l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ awtoreġistrazzjoni biex tiżgura l-kopertura adegwata tal-pensjonijiet fl-Istati Membri kollha; |
|
(8) |
L-istudju tal-2021 dwar l-aħjar prattiki dwar l-awtoreġistrazzjoni mwettaq f’isem il-Kummissjoni Ewropea, u l-parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol dwar l-aħjar prattiki għas-sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet u d-dashboards tal-pensjonijiet, flimkien mal-kontribut tekniku addizzjonali ta’ Settembru 2025 tagħha għar-rieżamijiet li kienu twettqu bħala parti mill-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, ipprovdew aktar kontribut f’dawn l-oqsma; |
|
(9) |
Ir-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet tal-2024, imħejji b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, u r-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 li jipprojetta n-nefqa pubblika relatata mal-età matul id-deċennji li ġejjin, imħejji b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet attwali u futura u l-isfidi ewlenin madwar l-UE, u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, rispettivament; |
|
(10) |
Il-Prinċipju 15 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistipula li l-ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom għandhom id-dritt għal pensjoni proporzjonata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom u li tiżgura introjtu adegwat, u n-nisa u l-irġiel għandu jkollhom opportunitajiet indaqs biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni. |
|
(11) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 (1) dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom tinkludi rakkomandazzjoni għall-Istati Membri biex jiżguraw it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-regoli għall-iskemi tal-protezzjoni soċjali, u li l-individwi jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata, komprensiva, faċli għall-utent u li tinftiehem b’mod ċar dwar l-intitolamenti u l-obbligi individwali mingħajr ħlas. Huwa rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri jissimplifikaw, fejn meħtieġ, ir-rekwiżiti amministrattivi għall-ħaddiema, għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-impjegaturi biex jaċċessaw u jibbenefikaw mill-protezzjoni soċjali. |
|
(12) |
Peress li l-litteriżmu finanzjarju baxx u l-preġudizzji konjittivi u marbuta mal-imġiba jistgħu jfixklu l-ippjanar tal-irtirar, huma meħtieġa miżuri għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni finanzjarja u trasparenza tal-pensjonijiet. L-Ewrobarometru ta’ Lulju 2023 żvela preġudizzji bħal dawn f’sehem sinifikanti tal-popolazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 appellaw lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu miżuri estensivi biex iżidu l-litteriżmu finanzjarju fl-UE, inkluż biex in-nies ikunu jistgħu jħejju u jinvestu għall-futur. Bi tweġiba għal din is-sejħa, fit-30 ta’ Settembru 2025 il-Kummissjoni ppubblikat strateġija dwar il-litteriżmu finanzjarju li tistabbilixxi inizjattivi li għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa lin-nies biex jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati fir-rigward tal-ippjanar fit-tul inkluż l-ippjanar tal-irtirar. |
|
(13) |
Flimkien ma’ miżuri ta’ edukazzjoni finanzjarja, jeħtieġ li jkunu disponibbli għodod ta’ informazzjoni effettivi biex in-nies ikunu jistgħu jwettqu ppjanar finanzjarju għall-irtirar. Ħafna Ewropej ma għandhomx data u għodod biex iżommu rekord tal-intitolamenti tal-pensjoni tagħhom, li huma dejjem aktar mifruxa fi skemi differenti u - dejjem aktar - f’pajjiżi differenti, u dan joħloq sfida fit-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati dwar il-ħtiġijiet tal-karriera, tal-irtirar u tat-tfaddil. Is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tal-għażliet tal-karriera, bħall-waqfiet fil-karriera u l-impjieg part-time, fuq l-età tal-irtirar u t-tfaddil tippermetti lill-benefiċjarji, speċjalment lin-nisa, jieħdu deċiżjonijiet infurmati tajjeb. Sistema nazzjonali ta’ trekkjar tal-pensjonijiet (pension tracking service, PTS), għodda diġitali li tipprovdi ħarsa ġenerali konsolidata lejn l-intitolamenti dovuti u, idealment, il-benefiċċji tal-pensjoni projettati mis-sorsi kollha, tista’ trawwem it-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni, u tibni l-fiduċja fis-sistemi tal-pensjonijiet, u b’hekk tippermetti lill-individwi jivvalutaw aħjar l-adegwatezza futura tal-introjtu tal-irtirar tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom pjattaformi ta’ informazzjoni online ddedikati għall-intitolamenti tal-pensjoni, dawn spiss huma limitati għall-pensjonijiet pubbliċi u ma għandhomx kopertura komprensiva tal-pensjonijiet supplimentari. Ftit Stati Membri biss bħalissa jipprovdu PTS li tinkludi informazzjoni komprensiva dwar il-pilastri u l-fornituri kollha. |
|
(14) |
L-Istati Membri għandhom jagħmlu PTS komprensiva disponibbli għall-popolazzjoni tagħhom. Dan biex timtela d-diskrepanza fl-informazzjoni dwar il-pensjonijiet u l-individwi jingħataw is-setgħa li jivvalutaw u, jekk ikun meħtieġ, itejbu l-adegwatezza attwali u futura tal-introjtu mill-pensjonijiet tagħhom. Il-parir tekniku tal-EIOPA jinkludi prattiki tajbin għat-tfassil, il-governanza u l-implimentazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ trekkjar tal-pensjonijiet. Biex tkun effettiva, PTS irid ikollha disinn iċċentrat fuq l-utent li jqis il-ħtiġijiet u l-preġudizzji konjittivi tal-individwu medju. Dan jinvolvi l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’mod sempliċi u li jinftiehem, bl-użu ta’ lingwaġġ sempliċi, u bl-użu ta’ approċċ b’diversi livelli fejn l-informazzjoni essenzjali tingħata prijorità fuq paġna ewlenija. Għandha tiġi pprovduta wkoll informazzjoni dettaljata dwar il-benefiċċji futuri lill-utenti li jixtiequ jidħlu aktar fil-fond. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-PTS tagħhom tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà (id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)) u d-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web (id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3))). |
|
(15) |
Il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa l-iżvilupp tas-Servizz Ewropew ta’ Trekkjar (ETS) – pjattaforma pan-Ewropea maħsuba biex isservi bħala hub ċentrali, li tgħaqqad id-diversi PTS nazzjonali madwar l-UE. L-ETS għandha tippermetti lill-ħaddiema mobbli jiksbu stampa ġenerali tal-intitolamenti tal-pensjoni tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu ġew miksuba. Prerekwiżit għal trekkjar transfruntier effettiv tal-pensjonijiet huwa li l-PTS nazzjonali jiġu stabbiliti u mfassla, jew adattati, biex ikunu teknikament interoperabbli u awtorizzati biex jikkondividu d-data mal-ETS. |
|
(16) |
Ix-xejriet demografiċi, l-impatt tal-iżviluppi teknoloġiċi fuq l-impjiegi, u forom ġodda ta’ xogħol qed joħolqu sfidi dejjem akbar għall-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet madwar l-UE. Il-pensjoni pubblika medja fl-UE bħala perċentwal tal-paga grossa medja hija mistennija li tonqos fid-deċennji li ġejjin. Madankollu, hemm differenzi notevoli madwar l-UE fl-istruttura tas-sistemi tal-pensjonijiet, u fl-intitolamenti tal-pensjoni bejn gruppi ta’ età, ġeneri, setturi, livelli ta’ qligħ, tul tal-karriera u perkorsi differenti. Dan jimplika adegwatezza mhux uniformi tal-pensjonijiet fost il-popolazzjoni. |
|
(17) |
Quddiem il-pressjoni demografika, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, li f’ħafna każijiet jista’ jwassal għal rati aktar baxxi ta’ sostituzzjoni tal-pensjonijiet pubbliċi. Minkejja diversi riformi li jtejbu s-sostenibbiltà, is-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi f’ħafna Stati Membri għadhom taħt pressjoni. Sadanittant, l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali u personali qed ikollhom rwol dejjem akbar biex jissupplimentaw dawk pubbliċi biex jiżguraw li l-pensjonanti jkollhom introjtu adegwat għall-irtirar, filwaqt li tinżamm is-sostenibbiltà tas-sistema. Madankollu, il-pensjonijiet supplimentari baqgħu sottożviluppati f’ħafna Stati Membri, u l-kopertura tagħhom tvarja fost il-popolazzjoni minħabba taħlita ta’ fatturi bħad-differenzi fil-kapaċità ta’ tfaddil, litteriżmu finanzjarju u trasparenza insuffiċjenti, u nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċità tas-settur tal-pensjonijiet supplimentari li jwassal għal tkabbir reali nett tat-tfaddil. L-aċċess għall-pensjonijiet tax-xogħol jiddependi fuq it-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg, is-settur tal-impjieg, id-daqs tal-impjegatur, kif ukoll fuq is-saħħa tas-sistemi ta’ negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali f’dan ir-rigward. Għandhom isiru sforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-pensjonijiet supplimentari permezz ta’ approċċ komprensiv li jkopri gruppi differenti tal-popolazzjoni. |
|
(18) |
Peress li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet hija tal-Istati Membri, din ir-Rakkomandazzjoni hija maħsuba biex tipprovdi gwida dwar l-introduzzjoni u, fejn rilevanti u meħtieġ, ir-rieżami tas-sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet, id-dashboards tal-pensjonijiet, u l-oqfsa ta’ awtoreġistrazzjoni. L-objettiv huwa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-individwi dwar l-introjtu ġenerali mistenni tagħhom tal-irtirar li jirriżulta mill-pilastri kollha tal-pensjonijiet, u li dawn jiġu megħjuna jħejju aħjar għall-irtirar, u li tittejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jivvalutaw u jirrieżaminaw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, inkluż fi gruppi demografiċi differenti. Ir-Rakkomandazzjoni tqis il-fehmiet u l-pariri mill-partijiet ikkonċernati miġbura permezz ta’ konsultazzjonijiet, u l-evidenza dwar l-impatti soċjoekonomiċi tas-sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet, id-dashboards tal-pensjonijiet, u l-awtoreġistrazzjoni. |
|
(19) |
F’diversi Stati Membri, is-sħab soċjali għandhom rwol fundamentali fil-governanza u t-tfassil tal-fondi tal-pensjonijiet okkupazzjonali, fl-eżerċizzju tal-awtonomija u l-prerogattivi ta’ negozjar kollettiv tagħhom. Dan il-mudell ta’ responsabbiltà kondiviża, ibbażat fuq id-djalogu soċjali, wera li huwa effettiv ħafna biex jiġi żgurata l-proviżjoni robusta għall-irtirar okkupazzjonali. Intwera li dan irawwem is-sjieda mill-ħaddiema u l-impjegaturi, u li jtejjeb is-sostenibbiltà, l-adegwatezza, l-effiċjenza u t-trasparenza fit-tul tal-fondi tal-pensjonijiet okkupazzjonali, kif ukoll l-allinjament tagħhom mal-interessi ekonomiċi u soċjali kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-impjegaturi. F’xi Stati Membri fejn l-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali huma inqas żviluppati, l-impjegaturi jagħmlu kontribuzzjonijiet ugwali għall-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema tagħhom għall-pensjonijiet personali tagħhom. Din il-kontribuzzjoni hija riflessa fil-pakketti tal-paga tal-ħaddiema, u sservi biex ittejjeb l-introjtu mill-pensjonijiet. |
|
(20) |
Il-komunikazzjoni lill-pubbliku dwar il-ħtiġijiet ta’ riforma tal-pensjonijiet u l-impatti tagħhom tista’ tkun kredibbli biss jekk tkun oġġettiva u bbażata fuq data affidabbli. Meta jitfasslu riformi tal-pensjonijiet fit-tul, huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet ta’ politika fuq informazzjoni komprensiva u li tħares ’il quddiem biżżejjed kemm dwar il-pensjonijiet pubbliċi kif ukoll dwar dawk supplimentari. Madankollu, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiġbru statistika dwar il-fondi tal-pensjonijiet supplimentari u l-membri tagħhom, minbarra data estensiva dwar il-pensjonijiet pubbliċi, ftit biss għandhom data u għodod biex jimmonitorjaw b’mod sistematiku l-adegwatezza u s-sostenibbiltà ġenerali tas-sistemi tal-pensjonijiet b’diversi pilastri tagħhom. |
|
(21) |
L-għan tad-dashboards tal-pensjonijiet huwa li jgħinu lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-bidliet fil-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet fis-sistemi b’diversi pilastri tagħhom u li jippermettulhom jappoġġaw ir-riformi tal-pensjonijiet tagħhom b’data preċiża u affidabbli. Ħarsa ġenerali komprensiva bħal din tippermetti lill-Istati Membri jfasslu riformi tal-pensjoni u soċjali komprensivi filwaqt li jiggarantixxu s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fiskali u tiffaċilita dibattitu pubbliku oġġettiv dwar il-ħtiġijiet u l-impatti tar-riforma. |
|
(22) |
Meta tiżviluppa dashboards bħal dawn, l-EIOPA tissuġġerixxi li jintużaw l-istess indikaturi bħal fir-rapporti triennali dwar it-Tixjiħ u l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet, rispettivament, u fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn annwali tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-indikaturi jkun jeħtieġ li jiġu kkomplementati b’informazzjoni ewlenija dwar il-kontribut tal-pensjonijiet okkupazzjonali u personali kemm għall-adegwatezza kif ukoll għas-sostenibbiltà. Il-kopertura u l-preċiżjoni tad-data dwar il-pensjonijiet jistgħu jittejbu maż-żmien jekk id-diversi awtoritajiet nazzjonali involuti fis-superviżjoni tal-fornituri tal-pensjonijiet jiġbru data rilevanti u jiżguraw li din tiddaħħal f’ċentru ċentrali tad-data. Id-data rilevanti tkun relatata ma’ informazzjoni diżaggregata dwar il-kontribuzzjonijiet u l-pretensjonijiet dovuti kemm tal-pensjonanti futuri kif ukoll ta’ dawk attwali. L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-iskambju ta’ prattiki tajbin dwar il-prijoritizzazzjoni u l-ġbir tad-data. |
|
(23) |
Informazzjoni dwar fatturi bħall-assi, l-obbligazzjonijiet, il-kontribuzzjonijiet, ir-redditi u t-tariffi, kif ukoll dwar l-istruttura tal-ġeneru u tal-età tal-benefiċjarji tal-pensjonijiet supplimentari, iżżid l-akkuratezza tal-projezzjonijiet. L-Istati Membri huma mħeġġa jtejbu d-data tagħhom dwar il-pensjonijiet supplimentari u l-monitoraġġ tagħhom, u jaħdmu mal-Kummissjoni u ma’ Stati Membri oħra biex joħolqu għodda li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-adegwatezza u s-sostenibbiltà attwali u futuri tas-sistemi tal-pensjonijiet. L-użu tal-istess definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet bħal fir-rapport dwar it-Tixjiħ u r-rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet, rispettivament, jippermetti l-komparabbiltà tad-data magħmula disponibbli fuq id-dashboards tal-pensjonijiet tal-Istati Membri. Il-gruppi ta’ ħidma li jħejju dawn ir-rapporti jistgħu jiżviluppaw aktar definizzjonijiet, suppożizzjonijiet, metodoloġiji, gwida u tassonomiji jekk ikun meħtieġ, filwaqt li jiżguraw li l-piż tar-rapportar ikun minimu. F’konformità mal-kompitu assenjat lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri mill-Grupp tal-Euro f’format inklużiv, il-kompilazzjoni ta’ indikaturi nazzjonali tal-pensjonijiet f’dashboard tal-pensjonijiet tal-UE tippermetti lill-Istati Membri jqabblu l-prestazzjoni tal-pensjonijiet nazzjonali tagħhom ma’ dik ta’ Stati Membri oħra, u jieħdu ispirazzjoni minn prattiki tajbin li jwasslu għal adegwatezza għolja tal-pensjonijiet u sostenibbiltà fiskali. |
|
(24) |
Minkejja t-tnaqqis previst fl-adegwatezza tal-pensjonijiet jekk il-politika tibqa’ l-istess, il-parteċipazzjoni baxxa fi skemi volontarji ta’ pensjonijiet supplimentari u l-ammont relattivament modest imfaddal mill-unitajiet domestiċi fi prodotti ta’ tfaddil u investiment fit-tul – meta mqabbel mal-ġid finanzjarju tagħhom imfaddal bħala depożiti bankarji – jenfasizzaw li l-inċentivi eżistenti mhumiex konvinċenti biżżejjed biex iħeġġu azzjoni minn ħafna individwi. L-iskemi ta’ awtoreġistrazzjoni jistgħu jgħinu f’dan ir-rigward. |
|
(25) |
L-awtoreġistrazzjoni tfisser li l-individwi jiġu rreġistrati awtomatikament fi skema ta’ pensjoni supplimentari, bil-possibbiltà li jagħżlu li ma jipparteċipawx. Dan jiddevja mill-approċċ ta’ inklużjoni fakultattiva li jirrikjedi deċiżjoni attiva biex wieħed jipparteċipa. L-awtoreġistrazzjoni wriet li rnexxielha żżid il-parteċipazzjoni fit-tfaddil għall-pensjoni f’pajjiżi fejn ġiet implimentata. Tipikament tintuża għall-pensjonijiet tax-xogħol, iżda tista’ tkun possibbli wkoll għal sitwazzjonijiet oħra, pereżempju għal dawk li jaħdmu għal rashom. |
|
(26) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-qafas legali meħtieġ biex jippermettu l-awtoreġistrazzjoni. Biex joħolqu ambjent favorevoli, huma għandhom bħala minimu: (i) jiddeterminaw il-popolazzjoni eliġibbli li tiġi rreġistrata awtomatikament; (ii) jiddeċiedu dwar it-twieqi ta’ nonparteċipazzjoni u ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid; (iii) jiddeterminaw l-iskemi tal-pensjoni eliġibbli; u (iv) ifasslu pjan tal-pensjoni prestabbilit. L-Istati Membri jkollhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom il-kapaċità li jissorveljaw kif jiġi investit u ġestit it-tfaddil tal-awtoreġistrazzjoni, u li jiżguraw li l-ispejjeż jibqgħu proporzjonati għar-redditu offrut. |
|
(27) |
Il-mekkaniżmi ta’ awtoreġistrazzjoni għandhom jiġu introdotti b’mod li jippreserva l-integrità ta’ skemi tal-pensjoni nazzjonali pubbliċi jew supplimentari li jiffunzjonaw tajjeb. Ma għandhomx jiżvantaġġaw lill-parteċipanti fi skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali eżistenti, idgħajfu l-parteċipazzjoni obbligatorja tal-ħaddiema fi skemi okkupazzjonali fejn teżisti tali parteċipazzjoni obbligatorja, jew jimminaw il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ solidarjetà. L-esperjenzi minn diversi pajjiżi żvelaw karatteristiċi tad-disinn li jinfluwenzaw l-effettività tal-awtoreġistrazzjoni. Sabiex titrawwem l-adozzjoni u jiġi żgurat is-suċċess tal-awtoreġistrazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jitgħallmu minn dawn l-aħjar prattiki u jadattawhom, fejn meħtieġ, għall-kundizzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tagħhom. |
|
(28) |
Sabiex tittejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet u jiġu indirizzati d-differenzi fil-pensjonijiet bejn gruppi tal-popolazzjoni, setturi tal-impjiegi u tipi ta’ kuntratti ta’ impjieg differenti, il-popolazzjoni eliġibbli għall-awtoreġistrazzjoni għandha tkun wiesgħa kemm jista’ jkun. |
|
(29) |
L-esperjenza tal-passat uriet li l-awtoreġistrazzjoni hija aktar effettiva biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-pensjonijiet supplimentari jekk l-implimentazzjoni tagħha tippermetti biżżejjed żmien għat-tixrid tal-informazzjoni, konsultazzjoni wiesgħa mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati bħall-intermedjarji finanzjarji, u għat-tfassil ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni effettivi biex jiġi infurmat il-pubbliku. Is-sinerġiji mas-sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet u l-edukazzjoni finanzjarja u l-programmi ta’ sensibilizzazzjoni jistgħu jtejbu l-fehim tal-membri prospettivi. Sabiex jiġu żgurati esperjenzi ta’ tagħlim u jitnaqqas il-piż ta’ aġġustament, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-introduzzjoni gradwali tal-awtoreġistrazzjoni fi stadji, pereżempju, billi gradwalment jimmiraw lejn tipi speċifiċi ta’ impjegaturi u persuni eliġibbli, jew billi jippermettu żieda fir-rati ta’ kontribuzzjoni maż-żmien. Bidu minn rata ta’ kontribuzzjoni relattivament baxxa, li tiżdied gradwalment maż-żmien għal-livell meħtieġ biex tintlaħaq il-mira tal-adegwatezza tal-pensjonijiet, jista’ jgħin ukoll biex tinħoloq aċċettazzjoni u jiġi limitat l-għadd ta’ dawk li ma jipparteċipawx, speċjalment fl-istadji inizjali tal-implimentazzjoni tagħha. |
|
(30) |
L-impjegaturi li jixtiequ jew li huma obbligati jibdew l-awtoreġistrazzjoni, speċjalment dawk relattivament iżgħar, jistgħu jiffaċċjaw sfidi amministrattivi u operazzjonali biex jirreġistraw lill-ħaddiema fi skemi ta’ pensjoni supplimentari eżistenti jew biex jistabbilixxu l-iskemi ta’ pensjoni okkupazzjonali tagħhom stess. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ amministrattiv lill-impjegaturi, fejn xieraq f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali. |
|
(31) |
Għall-ħaddiema, il-parteċipazzjoni f’pensjonijiet supplimentari tista’ timplika tnaqqis fl-introjtu disponibbli attwali tagħhom, bi skambju għal introjtu ogħla mal-irtirar. Dan jista’ jkun ta’ piż, speċjalment għall-ħaddiema b’paga baxxa u għall-ħaddiema żgħażagħ, u potenzjalment jikkawża nonparteċipazzjoni ogħla u rati ta’ parteċipazzjoni aktar baxxi fost dawn il-gruppi. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw sussidji jew inċentivi fiskali mmirati, li jagħmluha affordabbli għal dawn il-gruppi biex jipparteċipaw u jibqgħu fi skemi ta’ awtoreġistrazzjoni. Sabiex dawn l-inċentivi jkunu effettivi, iridu jkunu sostnuti minn komunikazzjoni trasparenti u proċeduri ċari u sempliċi. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll b’mod aktar ġenerali li jintroduċu inċentivi fiskali biex jinkoraġġixxu użu wiesa’ ta’ pensjonijiet supplimentari, b’mod partikolari għall-gruppi msemmija hawn fuq. Huma mħeġġa bil-qawwa wkoll ifasslu kwalunkwe inċentiv tat-taxxa b’mod għaqli u kosteffettiv, filwaqt li jqisu l-implikazzjonijiet fiskali tagħhom u l-impatt tagħhom fuq għodod oħra bħall-kontijiet tat-tfaddil u tal-investiment. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li joffru benefiċċji tat-taxxa u benefiċċji oħra biex jinkoraġġixxu l-użu ta’ prodotti tal-pensjoni supplimentari, huma għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar l-impatt tan-nefqa tat-taxxa fuq id-dħul f’konformità mal-obbligi ta’ informazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (4), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 (5). |
|
(32) |
L-istruttura tas-suq tax-xogħol tvarja b’mod sinifikanti kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom. Kuntratti full-time permanenti jeżistu flimkien ma’ kuntratti mhux standard u impjieg indipendenti. L-introjtu tal-persuni fl-aħħar żewġ kategoriji ta’ impjieg jista’ jvarja maż-żmien u jista’ jkun soġġett għal interruzzjonijiet frekwenti, li jfisser li jistgħu ma jkunux adattati sew biex jikkontribwixxu regolarment għal skema tal-pensjoni. Sabiex jiġi żgurat li n-nies kollha jingħataw l-opportunità li jissupplimentaw il-pensjonijiet statutorji tagħhom u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta’ awtoreġistrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jagħtu lil dawn iż-żewġ kategoriji trattament speċjali jew arranġamenti mfassla apposta, pereżempju flessibbiltà akbar dwar il-frekwenza u l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għal skemi ta’ pensjoni supplimentari. |
|
(33) |
Peress li mhux il-gruppi kollha tal-popolazzjoni jistgħu jqisu li huwa konvenjenti jew affordabbli li jimpenjaw ruħhom li jħallsu ċerti kontribuzzjonijiet f’pensjonijiet supplimentari, huma jistgħu jibbenefikaw minn twieqi ta’ nonparteċipazzjoni u ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid. Dan jagħtihom l-għażla li joħorġu minn skemi ta’ awtoreġistrazzjoni, u rispettivament jerġgħu jissieħbu fihom, fi stadju aktar tard. Din l-għażla żżid l-aċċettazzjoni tas-sistema u l-fiduċja fiha. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-frekwenza ta’ dawk it-twieqi bil-ħsieb li jibbilanċjaw l-objettiv li jiġu massimizzati l-parteċipazzjoni u l-istabbiltà tas-sistema ma’ dak li n-nies jiġu pprovduti b’għażliet. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu kriterji ċari għall-eliġibbiltà u possibbiltajiet ta’ nonparteċipazzjoni u ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid imfassla tajjeb. |
|
(34) |
Xi persuni jistgħu ma jkollhomx l-informazzjoni u l-ħiliet finanzjarji meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti fit-tul. Jistgħu jsibuha diffiċli wkoll li jagħżlu bejn opzjonijiet differenti ta’ profil ta’ investiment, li kull waħda minnhom tipprovdi taħlita differenti ta’ redditu u riskju mistennija. Sabiex jiġi evitat li n-nies jitgħabbew b’wisq deċiżjonijiet u b’deċiżjonijiet kumplessi wisq fil-proċess ta’ awtoreġistrazzjoni, l-Istati Membri għandhom joffru soluzzjonijiet prestabbiliti flimkien ma’ għadd limitat ta’ għażliet għal elementi bħar-rati ta’ kontribuzzjoni, pjanijiet jew prodotti ta’ investiment eliġibbli, strateġiji ta’ investiment u arranġamenti ta’ ħlas, filwaqt li jiżguraw il-kisba ta’ għanijiet adegwati ta’ introjtu xieraq tal-irtirar u ta’ adegwatezza tal-pensjonijiet, peress li l-esperjenza turi li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema li huma awtorreġistrati għandhom it-tendenza li jaċċettaw u jżommu ma’ offerti prestabbiliti. |
|
(35) |
B’mod partikolari, meta jkollhom jagħżlu bejn profili ta’ investiment differenti, minħabba l-importanza tal-introjtu mill-pensjoni għall-protezzjoni soċjali, ħafna nies ikollhom it-tendenza li jagħżlu profili ta’ investiment konservattivi, spiss b’xi forma ta’ protezzjoni tal-kapital. Madankollu, skont kif titfassal, tali protezzjoni tal-kapital tista’ tkun għalja u tillimita ż-żieda potenzjali fil-valur tat-tfaddil għall-pensjoni fuq perjodi twal ta’ investiment. L-istrateġiji ta’ investiment tul iċ-ċiklu tal-ħajja, li jbiddlu l-allokazzjoni minn investimenti aktar riskjużi għal investimenti aktar konservattivi hekk kif il-parteċipanti joqorbu lejn l-irtirar jipprovdu potenzjal ta’ żieda filwaqt li jinkludu mitigazzjoni tar-riskju inkorporata u jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-biċċa l-kbira tal-parteċipanti. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jikkunsidraw dawn l-istrateġiji ta’ investiment bħala l-kandidat tal-għażla għall-pjanijiet prestabbiliti. Madankollu, il-parteċipanti għandhom jingħataw ukoll l-opportunità li jagħżlu għażliet oħra jew jaqilbu għal strateġiji ta’ investiment differenti matul il-karriera tagħhom. |
|
(36) |
Sabiex tittejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet u jitqiesu l-punti differenti ta’ żmien fil-karriera jew fil-ħajja ta’ persuna meta tista’ tirreġistrata fi skemi ta’ pensjoni supplimentari jew tkun għażlet li terġa’ tipparteċipa fihom, in-nies għandhom jingħataw l-opportunità li jżidu l-kontribuzzjonijiet minimi bi ħlasijiet volontarji. |
|
(37) |
Ix-xenarju tal-prodotti tal-pensjoni supplimentari u tfaddil ieħor għall-irtirar ivarja b’mod sinifikanti madwar l-UE, u jestendi lil hinn mill-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali amministrati mill-Istituzzjonijiet għall-Provvista ta’ Rtirar Okkupazzjonali (IORPs) li huma rregolati fil-livell tal-UE. F’diversi Stati Membri, il-pjanijiet tal-irtirar fuq il-post tax-xogħol jieħdu wkoll il-forma ta’ prodotti tal-assigurazzjoni u prodotti tal-pensjoni personali, u fi ftit Stati Membri l-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (pan-European personal pension product, PEPP) intuża minn xi kumpaniji transfruntiera biex jipprovdu lill-ħaddiema tagħhom bi pjan tal-irtirar. Dawn l-iskemi kollha jinvolvu kontribuzzjonijiet kondiviżi mill-impjegaturi u l-ħaddiema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe soluzzjoni magħżula bħala eliġibbli għall-awtoreġistrazzjoni tista’ tiġġenera benefiċċji fit-tul għal dawk li jfaddlu. Għal dan l-għan, huwa rakkomandabbli li l-Istati Membri jagħżlu prodotti tal-pensjoni eliġibbli għall-awtoreġistrazzjoni abbażi tal-potenzjal tagħhom li jilħqu l-objettivi ta’ politika mixtieqa, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u l-fornituri interessati fejn xieraq. Barra minn hekk, meta jagħtu inċentivi tat-taxxa u/jew sussidji lil min iħaddem u lill-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istess inċentivi tat-taxxa u sussidji għal kwalunkwe prodott komparabbli. L-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakli tat-taxxa u ostakli nazzjonali oħra biex jiffaċilitaw l-investiment u l-operat transfruntieri tal-fondi tal-pensjonijiet, u b’hekk jippromwovu integrazzjoni akbar tas-suq tal-pensjonijiet tal-UE, biex tiġi riflessa aħjar id-dimensjoni tas-suq uniku. |
|
(38) |
Sabiex tiġi massimizzata l-kopertura, l-pjanijiet prestabbiliti għandhom ikunu miftuħa għall-ħaddiema kollha u għal dawk kollha li jaħdmu għal rashom, inklużi dawk li jaħdmu f’setturi jew kategoriji ekonomiċi li mhumiex koperti minn skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali stabbiliti skont il-ftehimiet tas-sħab soċjali. Il-ħaddiema jistgħu jibdlu l-impjiegi matul il-karriera tagħhom, jiċċaqalqu bejn setturi ekonomiċi jew transfruntiera, jew jaħdmu taħt tipi differenti ta’ kuntratti li jistgħu ma jkunux koperti minn pjan ta’ pensjoni supplimentari. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk dawn l-individwi għandhomx ikomplu jikkontribwixxu għall-pjan tal-pensjoni li fih kienu rreġistrati qabel, jew jekk għandhomx jirreġistraw fi pjan tal-pensjoni prestabbilit jew fi kwalunkwe prodott tal-pensjoni eliġibbli ieħor tal-għażla. Fil-każ tal-aħħar, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk il-ħaddiema għandux ikollhom id-dritt li jittrasferixxu l-intitolamenti tal-pensjoni għall-iskema l-ġdida u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet. |
|
(39) |
L-Istati Membri għandhom jivvalutaw perjodikament kemm qed jaħdem tajjeb il-qafas ta’ awtoreġistrazzjoni u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ superviżjoni adegwat għall-prodotti jew il-vetturi eliġibbli u l-fornituri tagħhom. Is-superviżuri għandu jkollhom il-kapaċità li jimmonitorjaw il-prestazzjoni tal-veikoli rilevanti tat-tfaddil għall-irtirar, u s-setgħat li jintervjenu meta jkun meħtieġ u fi stadju bikri biex jiżguraw li l-iskemi tal-pensjoni supplimentari jkunu effettivi fit-titjib tal-introjtu tal-irtirar u li d-drittijiet tal-parteċipanti jiġu ppreservati maż-żmien. Superviżjoni effettiva tista’ żżid il-fiduċja fis-sistema u tnaqqas in-nonparteċipazzjoni. |
|
(40) |
F’xi pajjiżi sar obbligatorju għall-impjegaturi li jirreġistraw lill-ħaddiema tagħhom b’mod awtomatiku. Xi pajjiżi li introduċew din il-miżura waqqfu korp pubbliku li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tat-tfaddil għall-pensjoni u għandu rwol fl-investiment tat-tfaddil għall-pensjoni. Dawn il-miżuri għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta sinifikanti lill-parteċipazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jimplimentaw tali miżuri b’mod effettiv. |
|
(41) |
Din ir-Rakkomandazzjoni ma taffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jorganizzaw u jfasslu s-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali tagħhom. Din ir-Rakkomandazzjoni ma tillimitax l-awtonomija tas-sħab soċjali fejn huma responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-iskemi tal-pensjoni. Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhiex taffettwa l-liġi soċjali u tax-xogħol nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet u s-sistemi ta’ negozjar kollettiv. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Artikolu 1
Suġġett
1. Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna t-titjib tas-sistemi tal-pensjonijiet permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet għall-individwi, dashboards tal-pensjonijiet, u l-implimentazzjoni ta’ awtoreġistrazzjoni fi skemi ta’ pensjonijiet supplimentari. Hija tinkludi miżuri li jappoġġaw lin-nies fit-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati meta jippjanaw l-introjtu tax-xjuħija tagħhom, u li jappoġġaw lill-Istati Membri fit-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati dwar l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Tistabbilixxi wkoll miżuri biex jiżdiedu l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet permezz ta’ parteċipazzjoni akbar fi skemi ta’ pensjonijiet supplimentari.
2. Din ir-Rakkomandazzjoni ma taffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-prinċipji fundamentali tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom, inklużi s-sistemi tal-pensjonijiet, u d-diversi forom ta’ prattiki nazzjonali fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
Il-pensjonijiet statutorji huma skemi tal-pensjoni bbażati fuq il-leġiżlazzjoni, amministrati mill-gvern estiż. |
|
(2) |
Pensjonijiet supplimentari tfisser skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali u personali, li ġeneralment jipprovdu introjtu għall-irtirar addizzjonali għall-pensjonijiet statutorji. |
|
(3) |
Il-pensjonijiet okkupazzjonali huma skemi ta’ pensjoni kollettivi marbuta ma’ relazzjoni ta’ impjieg, tipikament ibbażati fuq ftehimiet kuntrattwali bejn l-impjegaturi u l-impjegati, jew marbuta ma’ attività professjonali. |
|
(4) |
Il-pjanijiet tal-pensjoni personali huma veikoli tat-tfaddil għall-irtirar tipikament ibbażati fuq kuntratt bejn faddal individwali u fornitur ta’ servizzi finanzjarji għall-objettiv espliċitu li jiġi pprovdut introjtu fl-irtirar. |
|
(5) |
Sistema ta’ trekkjar tal-pensjonijiet (PTS) hija għodda diġitali, tipikament portal web sigur jew applikazzjoni mobbli, li tipprovdi lill-individwi b’ħarsa ġenerali lejn l-intitolamenti tal-pensjoni dovuti individwali tagħhom, u projezzjonijiet ta’ benefiċċji futuri, fl-iskemi tal-pensjoni li l-individwu jkun membru fihom jew benefiċjarju tagħhom. |
|
(6) |
Dashboard tal-pensjonijiet jipprovdi lill-Istati Membri b’ħarsa ġenerali komprensiva lejn is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, li tkopri indikaturi dwar l-intitolamenti tal-pensjoni attwali u futuri fil-livell aggregat tal-Istat Membru u għas-sorsi kollha tal-introjtu tal-irtirar, speċifikament il-pensjonijiet statutorji, okkupazzjonali u personali, bl-għan li jkunu jistgħu jidentifikaw lakuni fl-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. |
|
(7) |
L-awtoreġistrazzjoni tfisser li n-nies jiġu rreġistrati awtomatikament fi pjanijiet ta’ pensjoni supplimentari u jingħataw l-għażla li joħorġu f’perjodi ta’ żmien speċifikati. |
|
(8) |
L-adegwatezza tal-pensjonijiet tirreferi għall-objettivi li jiġi żgurat li s-sistemi tal-pensjonijiet (i) jipproteġu lill-persuni akbar fl-età mill-faqar; (ii) iżommu l-livelli tal-introjtu fl-irtirar, (iii) jippermettu lin-nies jgħixu sehem raġonevoli tal-ħajja rtirati. Il-pensjonijiet supplimentari jikkontribwixxu primarjament għat-tieni objettiv, il-manteniment tal-introjtu. |
Artikolu 3
Aġġustament għall-kundizzjonijiet nazzjonali
Mingħajr ma jiġu affettwati l-prattiki eżistenti fir-relazzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali jew il-kompetenzi tal-Istati Membri biex jorganizzaw u jfasslu s-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali tagħhom, meta jimplimentaw l-azzjonijiet deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jinvolvu u jikkonsultaw, kif xieraq, lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-fornituri tal-pensjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-benefiċjarji, skont il-prattika nazzjonali stabbilita u l-istruttura tas-sistema tal-pensjonijiet nazzjonali. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jitgħallmu minn prattiki tajbin applikati fi Stati Membri oħra u jadattaw dawn il-prattiki kif meħtieġ biex ikunu adattati għall-kundizzjonijiet nazzjonali.
KAPITOLU I
GĦODOD GĦALL-MONITORAĠĠ TAL-PENSJONIJIET
TAQSIMA I
Trekkjar tal-pensjonijiet
Artikolu 4
Stabbiliment ta’ sistema komprensiva ta’ trekkjar tal-pensjonijiet
1. Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ trekkjar tal-pensjonijiet (PTS). Il-PTS għandu jkun servizz uniku għall-pajjiż kollu aċċessibbli għall-individwi kollha mingħajr ħlas, li jipprovdilhom ħarsa ġenerali lejn l-intitolamenti tal-pensjoni dovuti individwali tagħhom fl-iskemi differenti li huma rreġistrati fihom jew li kienu rreġistrati fihom. Il-PTS għandu jkopri l-pensjonijiet statutorji, l-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali u l-prodotti tal-pensjoni personali fejn applikabbli, permezz ta’ estensjoni gradwali tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jekk ikun meħtieġ. Barra minn hekk, biex l-individwi jingħataw is-setgħa fl-ippjanar finanzjarju tagħhom, is-servizz għandu jipprovdi projezzjonijiet ta’ introjtu potenzjali futur mill-irtirar mill-iskemi tal-pensjoni kollha tagħhom.
2. L-interfaċċa tal-PTS għandha tkun faċli għall-utent biex jużaha. Għandha tqis il-ħtiġijiet ta’ gruppi ta’ etajiet differenti, u tipprovdi informazzjoni ċara u li tinftiehem adattata għall-ħtiġijiet tal-utent medju. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-użu ta’ interfaċċa b’diversi livelli, li tibda billi turi l-aktar informazzjoni essenzjali dwar l-intitolamenti tal-pensjoni u projezzjonijiet sempliċi tal-benefiċċji futuri, u toffri informazzjoni aktar dettaljata dwar id-domanda. L-informazzjoni aktar dettaljata tista’ tinkludi, pereżempju, xenarji ta’ projezzjoni differenti bbażati fuq suppożizzjonijiet tal-karriera. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iwettqu ttestjar regolari mill-utenti biex jirfinaw l-esperjenza tal-utenti.
3. L-Istati Membri għandhom iqisu l-livell differenti ta’ ħiliet diġitali bejn gruppi differenti tal-popolazzjoni. Fejn meħtieġ, għandhom jipprovdu servizzi wiċċ imb wiċċ u informazzjoni mhux diġitali komplementari, filwaqt li jiżguraw aċċess għal informazzjoni ewlenija dwar il-pensjoni għal dawk li ma jużawx għodod diġitali, inklużi persuni b’diżabilità li għandhom rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Dan jista’ jsir pereżempju permezz ta’ appoġġ telefoniku, posta jew appuntament fiżiku.
Artikolu 5
Governanza u finanzjament
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu struttura ta’ governanza ċara għall-PTS ibbażata fuq il-prinċipji ta’ operazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, indipendenza, kredibbiltà u trasparenza, li tista’ tinkiseb pereżempju permezz ta’ entità pubblika jew sħubija pubblika-privata.
2. L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-industrija tal-pensjonijiet/partijiet ikkonċernati/fornituri fejn rilevanti, għandhom jiżguraw finanzjament sostenibbli għall-istabbiliment u l-operat kontinwu tal-PTS.
Artikolu 6
Sigurtà u interoperabbiltà tad-data
1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mudell tal-iskambju tad-data li għandu jintuża għall-PTS nazzjonali tagħhom. Għandhom jistabbilixxu qafas obbligatorju u komprensiv ta’ sigurtà u privatezza biex jiżguraw metodu ta’ identifikazzjoni diġitali sigur, uniku u faċli għall-utent għall-awtentikazzjoni tal-utenti, u jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali taċ-ċittadini.
2. Meta jfasslu l-PTS nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura teknika u l-qafas legali tagħhom, inkluż għall-kondiviżjoni tad-data, ikunu kompatibbli ma’ konnessjoni futura mas-Servizz Ewropew ta’ Trekkjar (ETS), u b’hekk jappoġġaw il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol transfruntiera tal-UE u l-iskambju transfruntier ta’ data/informazzjoni dwar il-pensjonijiet individwali. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-aħjar prattiki u l-esperjenza tal-membri eżistenti tal-ETS.
TAQSIMA II
Dashboards tal-pensjonijiet
Artikolu 7
Stabbiliment ta’ dashboards komprensivi tal-pensjonijiet
1. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu dashboards nazzjonali komprensivi tal-pensjonijiet biex jimmonitorjaw b’mod sistematiku maż-żmien l-adegwatezza u s-sostenibbiltà ġenerali tas-sistemi tal-pensjonijiet b’diversi pilastri tagħhom kif ukoll id-diskrepanzi fil-pensjonijiet. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku data aggregata dwar il-kontribuzzjoni kemm tal-pensjonijiet pubbliċi kif ukoll ta’ dawk supplimentari għall-adegwatezza tal-introjtu tal-irtirar u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet tagħhom.
2. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jagħmlu użu mid-data diġà rrapportata lill-korpi pubbliċi, bħar-rapport perjodiku ta’ informazzjoni lis-superviżuri jew lill-uffiċċji tal-istatistika dwar il-fondi tal-pensjoni, jużaw sinerġiji mas-sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet u japplikaw il-proporzjonalità fl-għażla tad-data meta jimmiraw li jagħlqu l-lakuni fid-data u jtejbu l-preċiżjoni.
3. Fil-ġbir tal-informazzjoni rilevanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità tad-data superviżorja u l-protezzjoni tad-data personali tal-parteċipanti fl-iskemi tal-pensjoni supplimentari jiġu ppreservati.
4. L-Istati Membri huma mħeġġa jiskambjaw prattiki ma’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni Ewropea biex jidentifikaw id-dimensjonijiet u l-modi rilevanti biex tinkiseb l-informazzjoni mingħajr ma jinħoloq piż ta’ rapportar bla bżonn.
Artikolu 8
Indikaturi tad-dashboard
1. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiġbru informazzjoni dwar l-għadd ta’ membri ta’ skemi tal-pensjoni supplimentari, il-kontribuzzjonijiet u l-pretensjonijiet dovuti tagħhom imqassma fi skemi/prodotti b’kontribuzzjoni definita u b’benefiċċji definiti, l-obbligazzjonijiet u l-assi marbuta mal-iskemi tal-pensjoni, ir-redditi, il-kostijiet u l-imposti tal-investiment tagħhom, il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji għall-aggregat ta’ dawn il-veikoli, kif ukoll skont it-tip ta’ pensjoni.
2. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jidentifikaw statistika rilevanti dwar il-pensjonijiet li tista’ tgħin fil-monitoraġġ tar-riskji tal-faqar fost il-gruppi demografiċi, il-bidliet fid-distribuzzjoni tal-introjtu bejn il-kategoriji tal-età u tal-ġeneru, il-bidliet fl-etajiet reali tal-irtirar bejn il-kategoriji tal-introjtu, u l-kostijiet fiskali tal-inċentivi tat-taxxa u s-sussidji relatati mal-pensjonijiet.
3. Biex jinfurmaw il-valutazzjoni u r-rieżami tal-oqfsa eżistenti u kwalunkwe miżura ta’ politika ppjanata, l-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu projezzjonijiet tal-metriċi tal-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet fuq perjodu ta’ żmien raġonevoli fil-futur.
Artikolu 9
Skambju ta’ data mal-Kummissjoni Ewropea
1. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jikkomunikaw l-istatistika dwar il-pensjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea f’forma aggregata. Huma mħeġġa jaħdmu mal-Kummissjoni Ewropea fl-istabbiliment ta’ metodoloġiji komuni, biex jiżguraw li din id-data aggregata tkun komparabbli.
2. Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda lill-Istati Membri kollha biex jipprovdu projezzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet u l-infiq għall-pensjonijiet privati okkupazzjonali u personali għar-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, u data dwar il-kontribuzzjoni tal-pensjonijiet okkupazzjonali u personali għall-introjti tal-irtirar għar-Rapport dwar il-Protezzjoni Soċjali Adegwata fl-Età Anzjana tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, bl-użu ta’ definizzjonijiet, metodoloġiji u suppożizzjonijiet ekonomiċi maqbula b’mod komuni.
KAPITOLU II
AWTOREĠISTRAZZJONI
Artikolu 10
L-iffaċilitar tal-awtoreġistrazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jippermettu u jippromwovu l-introduzzjoni ta’ reġistrazzjoni awtomatika fi skemi ta’ pensjoni supplimentari, f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, filwaqt li jirrispettaw ir-rwol u l-awtonomija tas-sħab soċjali.
2. L-awtoreġistrazzjoni għandha tiġi introdotta b’mod li tiġi ppreservata l-integrità ta’ skemi tal-pensjoni pubbliċi jew supplimentari li jiffunzjonaw tajjeb. Hija ma għandhiex tkun ta’ żvantaġġ għall-parteċipanti fl-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali eżistenti, iddgħajjef il-parteċipazzjoni obbligatorja tal-ħaddiema fl-iskemi okkupazzjonali fejn teżisti tali parteċipazzjoni obbligatorja, jew iddgħajjef il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ solidarjetà.
3. Il-miżuri abilitanti, bħall-ħolqien ta’ bażi legali fil-liġi nazzjonali, għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri li jiddeterminaw min huwa eliġibbli għar-reġistrazzjoni, min jista’ jibda r-reġistrazzjoni, u liema tip ta’ fond tal-pensjoni jew prodott tal-pensjoni jista’ jintuża bħal skemi okkupazzjonali eżistenti u – taħt ċerti kundizzjonijiet – ġodda, prodotti tal-pensjoni personali disponibbli u prodotti tal-pensjoni personali pan-Ewropej (PEPPs).
4. L-Istati Membri għandhom jintroduċu wkoll salvagwardji li jiżguraw li l-iskemi tal-pensjoni supplimentari jkollhom il-potenzjal li jiġġeneraw benefiċċji fit-tul għal dawk li jfaddlu – u effettivament jagħmlu dan. Għal dak l-għan, huma għandhom iqiegħdu lill-entitajiet jew lill-fornituri ta’ prodotti tal-pensjoni taħt superviżjoni u jgħammru lis-superviżuri bil-kapaċità u s-setgħat li jimmonitorjaw il-kosteffettività tal-iskemi tal-pensjoni supplimentari rilevanti u li jintervjenu meta jkun meħtieġ biex jiżguraw li jipprovdu valur għall-flus.
Artikolu 11
L-użu ta’ prattiki tajbin għall-awtoreġistrazzjoni
1. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jużaw prattiki tajbin fil-fażi tal-introduzzjoni. Il-prattiki tajbin jinkludu konsultazzjoni estensiva mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, kampanji ta’ informazzjoni effettivi u miżuri kontinwi ta’ trasparenza. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll l-introduzzjoni gradwali tal-awtoreġistrazzjoni fi stadji, pereżempju billi jimmiraw gradwalment lejn tipi speċifiċi ta’ impjegaturi u individwi eliġibbli, jew billi jibdew b’rati ta’ kontribuzzjoni aktar baxxi li jiżdiedu sussegwentement, u b’hekk jippermettu lil individwu jibni kontribuzzjoni sinifikanti għall-introjtu tal-irtirar tiegħu mingħajr ma jipperikolaw l-affordabbiltà tar-reġistrazzjoni.
2. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jipprovdu għal possibbiltajiet ta’ nonparteċipazzjoni u ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid imfassla tajjeb, li l-frekwenza tagħhom tiġi stabbilita bil-ħsieb li jiġi bbilanċjat l-objettiv li jiġu massimizzati l-parteċipazzjoni u l-istabbiltà tas-sistema ma’ dak li jingħataw għażliet lill-individwi.
3. Sabiex jiġi evitat li n-nies ikunu ffaċċati b’piż kbir ta’ deċiżjonijiet numerużi u kumplessi fil-proċess ta’ awtoreġistrazzjoni, bħala prattika tajba l-Istati Membri għandhom jipprovdu għadd limitat ta’ għażliet għal elementi bħar-rata ta’ kontribuzzjoni, pjanijiet jew prodotti ta’ investiment eliġibbli, strateġiji ta’ investiment u arranġamenti ta’ ħlas. Il-membri u, fejn rilevanti, l-impjegaturi, għandhom jitħallew iżidu l-kontribuzzjonijiet addizzjonali fuq il-minimu. L-għażliet dwar l-istrateġiji ta’ investiment għandhom jipprovdu għal attitudnijiet differenti lejn ir-riskju, sabiex l-individwi ma jagħżlux li ma jipparteċipawx minħabba li jsibu l-għażla prestabbilita riskjuża wisq jew konservattiva wisq, filwaqt li l-individwi li jixtiequ jaċċettaw ċerti riskji jiġu offruti possibbiltajiet biex jagħmlu dan. L-istrateġiji taċ-ċiklu tal-ħajja jistgħu jiġu promossi bħala prattika tajba biex jiġi indirizzat it-tibdil fl-esponiment għar-riskju matul il-fażi ta’ akkumulazzjoni. L-arranġamenti tal-ħlas idealment ikunu jinkludu għażliet għal dawk li jfaddlu biex jiddeċiedu bejn li jirċievu jew annwalità tul il-ħajja jew ħlas ta’ darba tal-fondi akkumulati, jew kombinazzjonijiet tat-tnejn, mingħajr ma jaffettwaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nies jingħataw għażliet prestabbiliti li japplikaw jekk il-parteċipanti ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jagħmlu għażla. L-għażliet prestabbiliti għandhom ikunu ċari, u mfassla biex jiżguraw stabbiltà fit-tul u adegwatezza għall-akbar grupp ta’ parteċipanti, filwaqt li jiżguraw introjtu adegwat tal-irtirar aktar tard. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-promozzjoni ta’ strateġiji taċ-ċiklu tal-ħajja bħala l-għażla prestabbilita għall-allokazzjoni tal-assi.
5. L-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw li l-aċċess għall-awtoreġistrazzjoni jkun wiesa’ u inklużiv. L-awtoreġistrazzjoni għandha tkun adattata għal xejriet differenti fil-karriera, tinvolvi trattament ġust ta’ waqfiet fil-karriera – u b’hekk tipprovdi opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, u tkun ta’ benefiċċju għall-persuni fi stadji differenti tal-karriera tagħhom. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jadottaw prattiki tajbin bħal sussidji ta’ somma f’daqqa biex jappoġġaw l-affordabbiltà għall-persuni b’introjtu baxx, inċentivi tat-taxxa biex jinċentivaw teħid kbir ta’ krediti jew krediti tal-pensjoni tal-indokrar – u b’hekk jgħinu biex titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet, għażliet biex jiġu miżjuda l-kontribuzzjonijiet, flessibbiltà fil-livelli ta’ kontribuzzjoni jew l-interruzzjonijiet għall-persuni b’kuntratti tax-xogħol atipiċi u għall-indokraturi, u kundizzjonijiet xierqa għall-irtirar bikri ta’ flus fil-każ ta’ ħtiġijiet individwali.
Artikolu 12
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-awtoreġistrazzjoni f’kuntest ta’ impjieg
1. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu kriterji dwar l-eliġibbiltà tal-ħaddiema li jrawmu kopertura wiesgħa u jippermettu bidu bikri, filwaqt li jappoġġaw l-affordabbiltà.
2. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jintroduċu inċentivi għall-impjegaturi u appoġġ amministrattiv fil-fażi ta’ implimentazzjoni biex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tal-ħaddiema.
3. L-Istati Membri għandhom jintroduċu regoli dwar il-portabbiltà tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema awtoreġistrati, sabiex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom meta jibdlu l-impjieg jew jieqfu mix-xogħol. L-Istati Membri għandhom jevitaw sitwazzjoni fejn kull bidla fl-impjieg twassal għal reġistrazzjoni fi skema addizzjonali, peress li dan iwassal għal frammentazzjoni tal-pretensjonijiet għall-pensjoni. Dan jinkiseb l-aħjar jekk il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jikkontribwixxu għal skemi preċedenti jew ikollhom il-possibbiltà li jittrasferixxu l-pretensjonijiet dovuti għal skema okkupazzjonali ġdida.
4. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-persuni li jaħdmu għal rashom u lill-persuni b’kuntratti tax-xogħol mhux standard il-possibbiltà li jagħżlu li jidħlu fi skemi eżistenti miftuħa għall-impjegati b’kuntratti standard, jew jipprovdu għall-possibbiltà li jiġu stabbiliti skemi separati mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Tali possibbiltajiet għandhom ikunu diġà previsti fil-fażi tat-tfassil tal-awtoreġistrazzjoni, u għandhom jippermettu flessibbiltà akbar għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-persuni b’kuntratti tax-xogħol mhux standard meta mqabbla ma’ persuni b’kuntratti tax-xogħol standard.
5. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kif jamministraw is-sistema ta’ awtoreġistrazzjoni tagħhom, kemm jekk permezz ta’ korp pubbliku li jipprovdi appoġġ amministrattiv jew organizzattiv ċentralizzat, jew permezz ta’ mudell aktar deċentralizzat fejn is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet professjonali jew il-fornituri privati jfasslu l-iskemi tal-pensjoni skont il-ħtieġa tal-parteċipanti.
6. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jikkunsidraw jekk obbligu għall-impjegaturi li jirreġistraw lill-ħaddiema tagħhom ikunx xieraq għall-kuntest nazzjonali tagħhom.
Artikolu 13
Inċentivi tat-taxxa u inċentivi oħra
1. L-Istati Membri huma mħeġġa jintroduċu inċentivi tat-taxxa u inċentivi oħra biex jinkoraġġixxu l-użu ta’ prodotti tal-pensjoni supplimentari, filwaqt li jqisu kif xieraq l-implikazzjonijiet fiskali tagħhom. Dawn l-inċentivi fiskali għandhom jitfasslu b’tali mod li ma jkunux ta’ żvantaġġ għall-individwi fi skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali jew personali eżistenti, inklużi skemi sponsorjati mill-imsieħba soċjali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nies ikomplu jibbenefikaw minn inċentivi tat-taxxa offruti biex jinkoraġġixxu l-użu ta’ prodotti tal-pensjoni supplimentari anke wara bidla transfruntiera fl-impjiegi jew ir-residenza.
3. Inċentivi fiskali bħal dawn jistgħu:
|
(a) |
jippermettu lin-nies inaqqsu mill-introjtu taxxabbli tagħhom il-kontribuzzjoni magħmula għal prodott tal-pensjoni eliġibbli sa limitu massimu annwali deduċibbli; |
|
(b) |
jippermettu lill-impjegaturi jnaqqsu mill-introjtu taxxabbli tagħhom il-kontribuzzjonijiet magħmula għall-impjegati tagħhom għal prodotti tal-pensjoni eliġibbli sa limitu massimu annwali deduċibbli. |
4. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess trattament tat-taxxa għal kwalunkwe wieħed mill-prodotti tal-pensjoni supplimentari li jqisu eliġibbli għall-awtoreġistrazzjoni.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 14
Monitoraġġ u rapportar
1. L-Istati Membri huma mħeġġa jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar l-azzjonijiet imsemmija f’din ir-Rakkomandazzjoni. Jistgħu jsiru diskussjonijiet, pereżempju, dwar: sfidi komuni; esperjenzi bl-introduzzjoni ta’ awtoreġistrazzjoni; kif jiġi żgurat approċċ koordinat dwar il-konnettività futura tas-sistemi nazzjonali ta’ trekkjar tal-pensjonijiet mas-Servizz Ewropew ta’ Trekkjar; u kif l-aħjar issir ħidma lejn sottomissjonijiet komprensivi tad-data li jkopru l-pilastri kollha tal-pensjonijiet għal ħarsa ġenerali komparabbli madwar l-UE kollha lejn l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet.
2. L-Istati Membri huma mħeġġa jevalwaw regolarment l-effettività tal-miżuri stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni biex iżidu l-parteċipazzjoni fi skemi ta’ pensjonijiet supplimentari u t-trasparenza tal-pensjonijiet.
3. L-Istati Membri huma mħeġġa jirrapportaw regolarment il-miżuri meħuda biex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni permezz tal-proċessi ta’ monitoraġġ relatati mal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-qafas tal-Grupp tal-Euro għall-monitoraġġ tar-riformi nazzjonali u l-iskambju tal-aħjar prattiki, is-Semestru Ewropew u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
4. Il-Kummissjoni Ewropea se timmonitorja wkoll l-implimentazzjoni bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, li se jiġi ppubblikat fl-2027.
Artikolu 15
Destinatarji
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Maria Luís ALBUQUERQUE
Membru tal-Kummissjoni
(1) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(2) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/2102/oj).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2025/2384/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)