13.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 415/8


P9_TA(2020)0292

Fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D068779/01 – 2020/2838(RSP))

(2021/C 415/02)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D068779/01,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tal-15 ta' Settembru 2020, li matulha ma ngħatat l-ebda opinjoni,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

—

wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-28 ta' Novembru 2019, u ppubblikata fl-20 ta' Jannar 2020 (3),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) (4) ,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi, fit-8 ta' Awwissu 2012, Syngenta Crop Protection AG ressqet, permezz tal-kumpanija affiljata tagħha Syngenta Crop Protection NV/SA, applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Ġermanja (“l-applikazzjoni”) skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi l-applikazzjoni kienet tkopri t-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata, jew li jikkonsistu minnha jew huma prodotti minnha (Glycine max (L.) Merr.) SYHT0H2; billi l-applikazzjoni kienet tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jew jikkonsistu minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata (“ĠM”) SYHT0H2 għal użi oħra għajr għall-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.

billi, fit-28 ta' Novembru 2019, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, li ġiet ippubblikata fl-20 ta' Jannar 2020, fir-rigward ta' dik l-applikazzjoni;

C.

billi l-fażola tas-s-sojja SYHT0H2 ĠM ġiet żviluppata biex tagħti tolleranza għall-glufosinat-ammonju u għas-sustanzi attivi erbiċidali mesotrione u erbiċidi oħra li jinibixxu l-p-hydroxyphenylpyruvate dioxygenase (HPPD) (5);

Nuqqas ta' valutazzjoni ta' residwi ta' erbiċidi komplementari

D.

billi ntwera li l-kultivazzjoni ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi tirriżulta f'użu akbar ta' erbiċidi, fil-biċċa l-kbira dovuta għat-tfaċċar ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi (6); billi, bħala konsegwenza, huwa mistenni li l-għelejjel tal-fażola tas-sojja SYHT0H2 ĠM se jkunu esposti kemm għal dożi ogħla u ripetuti ta' erbiċidi komplementari (glufosinat u erbiċidi li jinibixxu l-HPPD) li potenzjalment se jwasslu għal kwantità ogħla ta' residwi fil-ħsad;

E.

billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-“kriterji ta' limitu” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7); billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta' Lulju 2018 (8);

F.

billi, skont l-EFSA, l-erbiċida mesotrione li jinibixxi l-HPPD “jista' jitqies li għandu proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali”, filwaqt li l-potenzjal ġenotossiku tal-AMBA, prodott ta' dekompożizzjoni tal-mesotrione, “ma jistax jiġi eskluż” (9);

G.

billi l-glufosinat u l-mesotrione biss tqiesu bħala erbiċidi komplementari għall-għan tal-valutazzjoni tar-riskju; billi, madankollu, l-erbiċidi li jinibixxu l-HPPD jinkludu firxa ta' erbiċidi, inkluż l-isoxaflutole, li għalhekk jistgħu jintużaw fi kwantitajiet kbar fuq din il-fażola tas-sojja ĠM; billi l-isoxaflutole, skont il-klassifikazzjoni armonizzata u l-ittikkettar approvat mill-Unjoni, huwa tossiku ħafna għall-ħajja akkwatika u suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li tkun għadha ma twelditx (10);

H.

billi, madankollu, il-valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċida, u tal-prodotti li jkissru l-erbiċida, li jinstabu fuq pjanti ĠM, kif ukoll l-effetti kombinati (“cocktail”) li jista' jkun hemm, hija meqjusa barra mill-mandat tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati u għalhekk mhix meħuda bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi komplementari jiġu diżintegrati mill-pjanta ĠM ikkonċernata, u l-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' diżintegrazzjoni (“metaboliti”), jistgħu jiġu stimolati mill-modifika ġenetika nnifisha;

I.

billi, skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), ir-residwi fuq l-għelejjel importati għall-ikel u l-għalf tal-erbiċidi li mhumiex awtorizzati għall-użu fl-Unjoni għandhom jiġu kkontrollati u ssorveljati bir-reqqa;

J.

billi, madankollu, skont il-programm ta' kontroll pluriennali kkoordinat tal-Unjoni għall-2020, l-2021 u l-2022, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jkejlu l-glufosinat fuq il-fażola tas-sojja importata (12); billi ma jistax jiġi eskluż li l-fażola tas-sojja SYHT0H2 ĠM jew prodotti li ġejjin minnha għall-ikel u l-għalf jaqbżu l-livelli massimi ta' residwi, li ġew stabbiliti biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;

K.

billi, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-konsum tal-fażola tas-sojja SYHT0H2 ĠM huwa sikur għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

L.

billi skont il-konklużjonijiet ta' proġett ta' riċerka internazzjonali bl-isem “Risk Assessment of genetically engineered organisms in the EU and Switzerland” (Valutazzjoni tar-Riskju ta' organiżmi ġenetikament modifikati fl-UE u fl-Iżvizzera), ippreżentati f'Jannar 2020, il-valutazzjoni tar-riskju tal-Unjoni dwar l-OĠM tonqos milli tindirizza b'mod sodisfaċenti r-riskji għas-saħħa pubblika u għall-ambjent, inkluż fir-rigward tar-riskji għas-saħħa relatati mal-konsum ta' prodotti li ġejjin minn pjanti ĠM li huma tolleranti għall-erbiċidi (13);

Kummenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

M.

billi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bagħtu kummenti lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur (14); billi l-kummenti kritiċi jinkludu n-nuqqas ta' analiżi tar-residwi tal-erbiċida fuq l-importazzjonijiet ta' fażola tas-sojja SYHT0H2 ĠM u r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-konsumaturi, li t-tagħrif tossikoloġiku mhuwiex biżżejjed u li, għalhekk, ir-riskju potenzjali assoċjat mal-konsum ta' ikel prodott mill-fażola tas-sojja SYHT0H2 ĠM ma jistax jiġi evalwat, dik l-informazzjoni meħtieġa għall-konklużjoni dwar il-valutazzjoni tas-saħħa ambjentali mhijiex kompluta, u li għandu jiġi mfassal pjan ta' monitoraġġ dettaljat qabel ma tkun tista' tingħata l-awtorizzazzjoni;

Proċess deċiżjonali antidemokratiku

N.

billi l-votazzjoni fil-15 ta' Settembru 2020 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat l-ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri;

O.

billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li hija deċiżament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM, hija problematika (15);

P.

billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, sal-lum, il-Parlament adotta tmien oġġezzjonijiet fid-disa' leġiżlatura tiegħu; billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;

Q.

billi, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell (16); billi f'dan ir-rigward ma hemm bżonn tal-ebda bidla fil-liġi;

Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

R.

billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jipprevedi li ikel jew għalf ĠM ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha; billi dawn il-fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (“SDGs”) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (“il-KDB tan-NU”);

S.

billi rapport reċenti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-Ikel sab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa (17); billi l-mira tal-SDG 3.9 għandha l-għan, li sal-2030, tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u tniġġis u kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija (18);

T.

billi l-EFSA sabet li l-esponiment tal-operatur għall-glufosinat, ikklassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni, meta jintuża għall-kontroll tal-ħaxix ħażin fil-qamħirrum ĠM huwa stmat li jaqbeż il-livell aċċettabbli ta' esponiment tal-operatur anke meta jintuża tagħmir ta' protezzjoni personali (19); billi r-riskju ta' żieda fl-esponiment tal-operaturi huwa ta' tħassib partikolari fir-rigward ta' għelejjel ĠM li huma tolleranti għall-erbiċidi, meta jitqiesu l-volumi ogħla ta' erbiċidi użati;

U.

billi d-deforestazzjoni hija kawża ewlenija għat-tnaqqis tal-bijodiversità; billi l-emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art, l-aktar minħabba d-deforestazzjoni, huma t-tieni l-akbar kawża tat-tibdil fil-klima wara l-ħruq tal-fjuwils fossili (20); billi l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Pjan Strateġiku dinji għall-Bijodiversità 2011-2020 adottat fi ħdan il-KDB tan-NU u l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi jippromwovu sforzi favur il-ġestjoni sostenibbli, il-protezzjoni u r-restawr tal-foresti (21); billi l-SDG 15 jinkludi l-mira li titwaqqaf id-deforestazzjoni sal-2020 (22); billi l-foresti għandhom rwol multifunzjonali li jappoġġja l-kisba tal-biċċa l-kbira tal-SDGs (23);

V.

billi l-produzzjoni tas-sojja hija mutur ewlieni tad-deforestazzjoni tal-foresti fl-Amażonja, f'Cerrado u fi Gran Chaco fl-Amerka t'Isfel; billi 97 % u 100 % tas-sojja kkultivata fil-Brażil u fl-Arġentina rispettivament, hija sojja ĠM (24);

W.

billi l-maġġoranza l-kbira tal-fażola tas-sojja ĠM awtorizzata għall-kultivazzjoni fil-Brażil u fl-Arġentina hija awtorizzata għall-importazzjoni fl-Unjoni wkoll (25); billi l-fażola tas-sojja SYHT0H2 ĠM diġà hija awtorizzata għall-kultivazzjoni fl-Arġentina (26);

X.

billi analiżi mill-Kummissjoni sabet li s-sojja storikament kienet il-kontributur ewlieni tal-Unjoni għad-deforestazzjoni globali u l-emissjonijiet relatati, li tirrappreżenta kważi nofs id-deforestazzjoni inkorporata fl-importazzjonijiet kollha tal-Unjoni (27);

Y.

billi studju xjentifiku reċenti rieżaminat bejn il-pari sab li l-Unjoni hija r-reġjun bl-akbar marka tal-karbonju fid-dinja assoċjata mal-importazzjonijiet tas-sojja mill-Brażil, 13,8 % akbar minn dik taċ-Ċina, l-akbar importatur tas-sojja, minħabba sehem akbar ta' emissjonijiet mid-deforestazzjoni inkorporata (28); billi studju reċenti ieħor sab li madwar waħda minn kull ħames sojja esportati lejn l-Unjoni mir-reġjuni tal-Amażonja u ta' Perrado fil-Brażil, l-aktar għall-għalf tal-annimali, jistgħu jkunu “kkontaminati bid-deforestazzjoni illegali” (29); billi n-nirien fil-foresti fl-Amażonja huma xprunati minn livelli għoljin ta' deforestazzjoni; billi f'Komunikazzjoni tal-2019, il-Kummissjoni esprimiet l-ambizzjoni tagħha li tipproteġi u treġġa' lura l-foresti tad-dinja (30); billi l-ħarsien globali tal-bijodiversità, inklużi l-foresti, huwa objettiv ewlieni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità li ġiet ippubblikata reċentement mill-Kummissjoni (31);

1.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32), li jipprovdi l-bażi għall-iżgurar ta' livell għoli ta' ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, u l-interessi ambjentali u tal-konsumatur, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni, f'ittra tal-11 ta' Settembru 2020 lill-Membri, fl-aħħar għarfet il-ħtieġa li titqies is-sostenibilità f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar l-OĠM (33); jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu, madankollu, li fit-28 ta' Settembru 2020, il-Kummissjoni awtorizzat fażola tas-sojja oħra ĠM għall-importazzjoni (34) minkejja oġġezzjonijiet mill-Parlament u mill-maġġoranza tal-Istati Membri;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem bl-akbar urġenza rigward l-iżvilupp ta' kriterji ta' sostenibilità, bl-involviment sħiħ tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif dan il-proċess se jitwettaq u f'liema perjodu ta' żmien;

6.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, għal darb'oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDGs tan-NU;

7.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tieqaf tawtorizza l-OĠM, kemm jekk għall-kultivazzjoni kif ukoll jekk għall-użu fl-ikel u fl-għalf, meta ma tingħata l-ebda opinjoni mill-Istati Membri fil-Kumitat ta' Appell, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011;

8.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax għelejjel ĠM li jittolleraw l-erbiċida sakemm ir-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, u dan jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-isprejjar ta' tali għelejjel ĠM b'erbiċidi komplementari, valutazzjoni tal-prodotti tad-degradazzjoni tal-erbiċida u kwalunkwe effett kombinatorju;

9.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, irrispettivament jekk il-pjanta ĠM tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni fl-Unjoni biex tintuża għall-ikel u l-għalf;

10.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax l-importazzjoni, għall-użu bħala ikel jew għalf, ta' kwalunkwe pjanta ĠM li saret tolleranti għal sustanza erbiċida attiva mhux awtorizzata għall-użu fl-Unjoni;

11.

Jilqa' l-fatt li l-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-proġett ewlieni tal-Kummissjoni, tressaq bħala parti integrali tal-istrateġija tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Aġenda 2030 tan-NU u l-SDGs; ifakkar li l-SDGs jistgħu jintlaħqu biss jekk il-ktajjen ta' provvista jsiru sostenibbli u jinħolqu sinerġiji bejn il-politiki (35);

12.

Itenni l-biża' qawwija tiegħu li d-dipendenza għolja tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta' għalf tal-annimali fil-forma ta' fażola tas-sojja tikkawża d-deforestazzjoni f'pajjiżi terzi (36);

13.

Jilqa' t-tħabbira ta' proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni dwar “Miżuri biex jiġi evitat jew minimizzat it-tqegħid ta' prodotti fis-suq tal-UE assoċjati mad-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti” mistennija sa Ġunju 2021; sadanittant, minħabba l-urġenza li tiġi indirizzata d-deforestazzjoni fl-Amażonja, f'Cerrado u fil-foresti ta' Gran Chaco u l-fatt li d-domanda tal-Unjoni għall-fażola tas-sojja ĠM tikkontribwixxi għad-deforestazzjoni f'dak ir-reġjun, jistieden lill-Kummissjoni tissospendi minnufih l-importazzjoni ta' fażola tas-sojja ĠM kkultivata fil-Brażil u fl-Arġentina bl-użu tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jekk meħtieġ, sakemm jiġu stabbiliti mekkaniżmi legalment vinkolanti effettivi biex jipprevjenu t-tqegħid ta' prodotti fis-suq tal-Unjoni assoċjati mad-deforestazzjoni u ksur relatat tad-drittijiet tal-bniedem;

14.

Itenni l-appell tiegħu għall-implimentazzjoni ta' strateġija (37) Ewropea għall-produzzjoni u għall-provvista ta' proteini veġetali, li tippermetti lill-Unjoni ssir inqas dipendenti mill-importazzjonijiet tal-fażola tas-sojja ĠM u biex jinħolqu katini alimentari u swieq reġjonali iqsar;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar il-valutazzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 għall-użu fl-ikel u l-għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-DE-2012-111), Ġurnal tal-EFSA 2020; 18(1):5946,

https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.5946

(4)  Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:

—

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028).

—

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029).

—

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030).

—

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0054).

—

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0055).

—

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0056).

—

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0057).

—

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha, jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0069).

(5)  Opinjoni tal-EFSA, p. 1.

(6)  Ara, pereżempju, Bonny, S., “Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides:(Għelejjel, Ħaxix Ħażin, u Erbiċidi Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi): Overview and Impact” (Ħarsa Ġenerali u Impatt) Environmental Management, Jannar 2016, 57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., “Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first 16 years” (L-Impatti tal-għelejjel ġenetikament modifikati fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel 16-il sena), Environmental Sciences Europe 24, 24 (2012), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24, u Schütte, G., Eckerstorfer, M., Rastelli, V. et al., “Herbicide resistance and biodiversity: agronomic and environmental aspects of genetically modified herbicide-resistant plants”, (Tolleranza għall-Erbiċidi u biodiversità: l-aspetti agronomiċi u ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati reżistenti għall-erbiċida) Environmental Sciences Europe 29, 5 (2017), , https://link.springer.com/article/10.1186/s12302-016-0100-y

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(8)  https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/active-substances/?event=as.details&as_id=79

(9)  Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva mesotrione. Ġurnal tal-EFSA 2016; 14(3):4419, p. 3, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2016.4419

(10)  https://echa.europa.eu/substance-information/-/substanceinfo/100.114.433

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(12)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/533 tat-28 ta' Marzu 2019 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2020, l-2021 u l-2022 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 88, 29.3.2019, p. 28).

(13)  https://www.testbiotech.org/en/content/research-project-rages

(14)  Il-kummenti tal-Istati Membri dwar il-fażola tas-sojja SYHT0H2 ĠM jistgħu jiġu aċċessati permezz tar-reġistru tal-mistoqsijiet tal-EFSA: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2012-00753

(15)  Ara, pereżempju, il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 rigward il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf ĠM fit-territorju tagħhom, u l-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(16)  Il-Kummissjoni “tista'”, u mhux “għandha”, tmexxi bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(17)  https://www.ohchr.org/EN/Issues/Environment/SRToxicsandhumanrights/Pages/Pesticidesrighttofood.aspx

(18)  https://www.un.org/sustainabledevelopment/health/

(19)  Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva tal-glufosinat, Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2005) 27, 1-81, p. 3 https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/pdf/10.2903/j.efsa.2005.27r

(20)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019, “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”, COM(2019)0352, p. 1.

(21)  Idem, p. 2.

(22)  Ara l-mira 15.2: https://www.un.org/sustainabledevelopment/biodiversity/

(23)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019, “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”, COM(2019)0352, p. 2.

(24)  Servizz Internazzjonali għall-akkwist ta' applikazzjonijiet agro-bijoteknoloġiċi, “Global status of commercialized biotech/GM crops in 2017: Biotech Crop Adoption Surges as Economic Benefits Accumulate in 22 Years” (Status globali ta' għelejjel ĠM bijoteknoloġiċi kummerċjalizzati fl-2017: L-Adozzjoni tal-Għelejjel Bijoteknoloġiċi Tiżdied hekk kif il-Benefiċċji Ekonomiċi Jakkumulaw fi 22 sena), ISAAA Nota Nru 53 (2017), pp. 16 u 21, http://www.isaaa.org/resources/publications/briefs/53/download/isaaa-brief-53-2017.pdf

(25)  Permezz ta' kontroverifika ta' żewġ bażijiet ta' data f'Ottubru 2020 (ir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ĠM (https://webgate.ec.europa.eu/dyna/gm_register/index_en.cfm) u l-bażi ta' data tal-approvazzjoni tal-ISAAA ĠM (https://www.isaaa.org/gmapprovaldatabase/)) jista' jiġi kkalkulat kemm huma awtorizzati għelejjel tal-fażola tas-sojja ĠM għall-kultivazzjoni fil-Brażil u l-Arġentina għall-importazzjoni fl-Unjoni. Għall-Brażil: minn 17-il prodott ta' għelejjel tal-fażola tas-sojja ĠM awtorizzati għall-kultivazzjoni, 12 huma attwalment awtorizzati għall-importazzjoni fl-Unjoni filwaqt li l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni hija pendenti għal tlieta mill-fażola tas-sojja ĠM. Għall-Arġentina: minn total ta' 15-il prodott ta' għelejjel tal-fażola tas-sojja ĠM awtorizzati għall-kultivazzjoni, 10 huma attwalment awtorizzati għall-importazzjoni fl-Unjoni filwaqt li l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni hija pendenti għal tlieta mill-fażola tas-sojja ĠM.

(26)  http://www.isaaa.org/gmapprovaldatabase/event/default.asp?EventID=358&Event=SYHT0H2

(27)  Rapport Tekniku – 2013 – 063 tal-Kummissjoni, “The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation”, (L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi Komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni) studju ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, DĠ ENV, u mwettaq minn VITO, IIASA, HIVA u IUCN NL, http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/1.%20Report%20analysis%20of%20impact.pdf, pp. 23-24: Bejn l-1990 u l-2008, l-Unjoni importat għelejjel u prodotti mill-bhejjem li jinkorporaw 90 000 km2 ta' deforestazzjoni. Il-prodotti tal-għelejjel kienu jammontaw għal 74 000 km2 (82 %) minn dawn, u l-għelejjel taż-żejt għandhom l-akbar sehem (52 000 km2). Il-fażola tas-sojja u l-espellent tas-sojja ammontaw għal 82 % ta' dan (42 600 km2), ekwivalenti għal 47 % tal-importazzjoni totali tal-Unjoni ta' deforestazzjoni inkorporata.

(28)  Escobar, N., Tizado, E. J., zu Ermgassen, E. K., Löfgren, P., Börner, J., Godar, J., “Spatially-explicit footprints of agricultural commodities: Mapping carbon emissions embodied in Brazil's soy exports” (Impronta ġeografikament espliċita ta' prodotti agrikoli: L-immappjar tal-emissjonijiet tal-karbonju inkorporati fl-esportazzjonijiet tas-sojja tal-Brażil), Global Environmental Change, Volum 62, Mejju 2020, 102067, https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0959378019308623

(29)  Rajão, R., Soares-Filho, B., Nunes, F., Börner, J., Machado, L., Assis, D., Oliveira, A., Pinto, L., Ribeiro, V., Rausch, L., Gibbs, H., Figueira, D., “The rotten apples of Brazil's agribusiness”, (It-tnawwir tan-negozju agrikolu tal-Brażil) Science, 17 ta' Lulju 2020, Volum 369, Ħarġa 6501, pp. 246-248, https://science.sciencemag.org/content/369/6501/246

(30)  Komunikazzjoni tal-UE dwar It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52019DC0352&from=MT

(31)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “EU Biodiversity Strategy for 2030: Bringing nature back into our lives” (Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għal-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna), Mejju 2020, https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:a3c806a6-9ab3-11ea-9d2d-01aa75ed71a1.0001.02/DOC_1&format=PDF

(32)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(33)  https://tillymetz.lu/wp-content/uploads/2020/09/Co-signed-letter-MEP-Metz.pdf

(34)  https://webgate.ec.europa.eu/dyna/gm_register/gm_register_auth.cfm?pr_id=100

(35)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: il-każ tal-foresti (ĠU C 433, 23.12.2019, p. 50), para. 67.

(36)  Idem.

(37)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (Testi adottati, P9_TA(2020)0005, para. 64.