Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

8 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Alkoħol etiliku – Eżenzjonijiet – Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83/KEE – Kunċett ta’ ‘prodotti mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem’ – Kriterji ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑381/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura

P. sp. z o.o.

vs

Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Łodzi,

fil-preżenza ta’

Prokurator Krajowy,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn M. Sampol Pucurull, President, T. Pynnä, J. Laitenberger (Relatur), M. Stancu u W. Valasidis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Ġunju 2025, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi Statut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P., minn M. Brończyk, radca prawny,

–        għad-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Łodzi, minn E. Białas-Giejbatow, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa, P. sp. z o.o., kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk, u min-naħa l-oħra, id-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Łodzi (id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Łódź, il-Polonja) dwar l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa armonizzat fir-rigward ta’ żewġ tipi ta’ dilwenti alkoħoliċi prodotti minn din il-kumpannija bejn ix-xahar ta’ Jannar u x-xahar ta’ April 2014.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

 Direttiva 92/83

3        Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 92/83:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lil alkoħol etiliku skond din id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-‘alkoħol etiliku’ jkopri:

–        - il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM.

[...]”

5        L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:

[...]

(b)      meta jkun denaturalizzat skond il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru kif ukoll użat għall-manifattura ta’ xi prodott mhux għall-konsum tal-bnedmin;

(ċ)      meta użat għall-produzzjoni tal-ħall li jaqa taħt il-kodiċi NM 2209;

[...]”

 NM

6        Il-Kapitolu 22 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li jinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1), intitolat “Xorb, spirti [likwidi alkoħoliċi] u ħall”, jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 2207, li hija fformulata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

2207

Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 80 % vol jew aktar; alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull saħħa:

[...]

[...]

2207 20 00

– Alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull saħħa


7        Il-Kapitolu 38 tan-NM, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Diversi prodotti kimiċi”, jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 3814, li hija fformulata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

3814 00

Solventi u tinners organiċi komposti, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra; neħħejja ppreparati ta’ żebgħa jew verniċ:

3814 00 10

– Ibbażati fuq aċetat butiliku

3814 00 90

– Oħrajn

 Id-dritt Pollakk

8        L-Artikolu 32(4) tal-Ustawa o podatku akcyzowym (il-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa), tas‑6 ta’ Diċembru 2008 (Dz. U. tal‑2011, Nru 108, intestatura 626), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”) tipprevedi:

“ [...]

4.      Dawn li ġejjin huma wkoll eżenti mid-dazju tas-sisa minħabba d-destinazzjoni tagħhom:

[...]

2)      l-alkoħol etiliku żnaturat minn aġenti li jiżnaturaw li l-Ministru responsabbli mill-finanzi pubbliċi inkluda fil-lista ta’ aġenti awtorizzati għall-iżnaturament tal-alkoħol etiliku skont il-leġiżlazzjoni adottata abbażi tal-Liġi tat‑2 ta’ Marzu 2001 dwar il-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku u l-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk (Dz. U. tal-2001, Nru 31, intestatura 353), kif emendata, u użat għall-manifattura ta’ prodotti li ma humiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, biss fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 jew 8 tal-paragrafu 3, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 5 sa 13 jiġu sodisfatti; fil-każ tal-utent, l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa tirrigwarda kwantitajiet li ma jeċċedux il-limiti ta’ użu awtorizzati msemmija fl-Artikolu 85(1)(2)(b) u (2)(1)(b).”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Wara kontroll fiskali fir-rigward ta’ P. għall-perijodu mix-xahar ta’ Jannar sax-xahar ta’ April 2014, in-Naczelnik Drugiego Urzędu Skarbowego L. (id-Direttur tat-Tieni Uffiċċju tat-Taxxa L., il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza”) ikkonstata li l-prodotti mmanifatturati minn P. u indikati bħala dilwenti taħt l-ismijiet “RRK 5” u “RRK 12”, li jirriżultaw miż-żieda ta’ 1 % ta’ glikol propileniku bil-massa mal-alkoħol parzjalment żnaturat, kienu jikkostitwixxu alkoħol żnaturat u, għaldaqstant, kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2207 20 00 tan-NM. L-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza għalhekk qieset li P. kienet wettqet żball meta kklassifikat dawn il-prodotti fl-intestatura 3814 00 90 tan-NM u meta qieset li dawn ma kinux intiżi għall-konsum mill-bniedem. Barra minn hekk, din l-awtorità qieset li, meta persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa armonizzat kienet tiddikjara li l-alkoħol etiliku parzjalment żnaturat inkwistjoni kien użat għall-produzzjoni ta’ prodotti li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem, filwaqt li, fir-realtà, l-alkoħol kien użat għall-manifattura ta’ prodott li kien għadu alkoħol etiliku, kif jirriżulta min-NM, din iċ-ċirkustanza kienet tippreġudika l-għan tal-eżenzjoni prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 32(4) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa.

10      Barra minn hekk, l-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza kkonstatat li kienu biss tliet partijiet kontraenti ta’ P. li kienu użaw huma stess il-prodott RRK 12 u kienu indikaw id-destinazzjoni tiegħu. Min-naħa tagħhom, is-sitt partijiet kontraenti l-oħra kienu biegħu mill-ġdid il-prodott b’mod li kien irendi impossibbli l-identifikazzjoni tad-destinatarji permezz ta’ rċevuti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija awtorità, permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Awwissu 2019, iffissat id-dazju tas-sisa li P. kienet responsabbli għall-ħlas tiegħu għax-xhur minn Jannar sa April 2014.

11      Wara l-ilment imressaq minn P, id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Łódź ikkonferma, permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2019, id-deċiżjoni tal-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza. P ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni.

12      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Łodzi (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Łódź, il-Polonja) ċaħdet dan ir-rikors.

13      Fit‑12 ta’ Mejju 2021, P. appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

14      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tippermettix li tingħata risposta univoka għall-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ eżenzjoni dwar l-użu tal-prodott inkwistjoni għall-manifattura ta’ prodotti li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem, l-imsemmija manifattura għandha tiġi kkonfermata mill-klassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti taħt kodiċi tariffarju differenti mill-intestatura 2207 tan-NM, b’tali mod li l-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-prodott taħt tali kodiċi hija biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata l-applikazzjoni tal-eżenzjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni.

15      Min-naħa l-oħra, jekk dan ma kienx il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kwistjoni jekk ir-rifjut li jiġu eżentati mid-dazju tas-sisa armonizzat il-prodotti li, skont il-manifattur, ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem jistax jiddependi miċ-ċirkustanzi madwar il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti, b’mod partikolari, id-diliġenza ta’ dan il-manifattur fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“ 1)      Sabiex tiġi rrifjutata l-applikazzjoni tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1)(b) tad-[Direttiva 92/83] huwa suffiċjenti li oġġett suġġett għad-dazju tas-sisa fil-forma ta’ alkoħol etiliku żnaturat permezz tal-glikol propileniku jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tariffarju NM 2207 20?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ir-rifjut ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni jirrikjedi li l-awtorità tat-taxxa turi li l-persuna taxxabbli li tipproduċi oġġetti suġġetti għad-dazju tas-sisa li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem tkun taf li dawn l-oġġetti jintużaw għal tali konsum jew huwa suffiċjenti li l-awtorità tat-taxxa turi ċirkustanzi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li tali persuna taxxabbli kellu jkollha tali għarfien?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ewwel domanda

17      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-issuġġettar tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku żnaturat u li jaqa’ fil-kompożizzjoni ta’ prodotti li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem b’mod partikolari għall-fatt li l-użu intenzjonat ta’ dawn il-prodotti jkun ġie stabbilit permezz tal-klassifikazzjoni tagħhom f’intestatura tan-NM differenti mill-intestatura 2207.

18      Għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, British American Tobacco (Germany), C‑550/08, EU:C:2010:349, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 jirriżulta li l-eżenzjoni prevista fl-imsemmi artikolu tiddependi mill-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-alkoħol jiġi żnaturat konformement mar-rekwiżiti ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, li jintuża għall-manifattura ta’ prodotti li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem.

20      F’dan ir-rigward, il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-prodott inkwistjoni taħt kodiċi NM partikolari ma tissemmiex fil-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi dedott minn dan tal-aħħar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddefinixxi l-klassifikazzjoni taħt kodiċi NM partikolari bħala li fih innifsu huwa kriterju għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni.

21      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83, għandu jiġi rrilevat li dan jagħmel parti minn sensiela ta’ eżenzjonijiet obbligatorji applikabbli għall-alkoħol u għax-xorb alkoħoliku li jappartjenu għal ċerti kategoriji partikolari li huma s-suġġett ta’ użi speċifiċi.

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-eżenzjoni tal-prodotti li huma koperti mill-Artikolu 27(1)(a) u (b) tad-Direttiva 92/83 hija l-prinċipju u r-rifjut tagħha hija l-eċċezzjoni. Barra minn hekk, is-setgħa rrikonoxxuta lill-Istati Membri mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ din l-eżenzjoni “għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż” ma tipprekludix in-natura inkundizzjonata tal-obbligu ta’ eżenzjoni previst minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2000, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑482/98, EU:C:2000:672, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-alkoħol etiliku li jinsab fi prodott li ma huwiex intiż għall-konsum mill-bniedem u li ġie żnaturat skont metodu approvat fi Stat Membru jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Bene Factum, C‑567/17, EU:C:2019:158, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għalhekk, fil-każ fejn l-alkoħol ikun diġà inkorporat fi prodott mhux intiż għall-konsum mill-bniedem, l-għoti jew ir-rifjut tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 jiddependi mill-metodu ta’ żnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2000, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑482/98, EU:C:2000:672, punti 40 u 41).

25      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien kuntrarju għad-Direttiva 92/83 li tiġi rrifjutata l-eżenzjoni ta’ prodott li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1)(b) tagħha għas-sempliċi raġuni li kien ġie kkonstatat li l-użu reali tiegħu ma kienx jikkorrispondi għad-denominazzjoni li kien tah l-operatur (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Bene Factum, C‑567/17, EU:C:2019:158, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tipprekludi l-applikazzjoni ta’ kriterji jew ta’ kundizzjonijiet li ma jirriżultawx, fihom infushom, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83. Għall-kuntrarju, għandu jiġi mistħarreġ, abbażi ta’ elementi konkreti, jekk il-kundizzjoni dwar l-użu tal-alkoħol etiliku għall-produzzjoni ta’ prodotti li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem hijiex oġġettivament sodisfatta, mingħajr ma dan l-eżami jista’ jkun limitat biss għall-konstatazzjoni ta’ klassifikazzjoni taħt kodiċi NM partikolari.

27      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-formulazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83. Dan l-artikolu, li jipprovdi definizzjoni tal-kunċett ta’ “alkoħol etiliku” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 92/83, jipprovdi li jaqgħu taħt dan il-kunċett, b’mod partikolari, il-prodotti kollha li jaqgħu taħt l-intestatura 2207 tan-NM u li għandhom qawwa alkoħolika ta’ iktar minn 1.2 % vol, “ anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM”. Issa, għalkemm il-fatt li l-alkoħol etiliku jiġi inkorporat fi prodott li jaqa’ taħt kapitolu ieħor tan-NM ma jipprekludix li jiġi kklassifikat bħala alkoħol etiliku fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, dan ma jfissirx, madankollu, li l-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott f’kapitolu ieħor tan-NM tikkostitwixxi kundizzjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, kif ifformulat, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 ma jeskludix li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-alkoħol etiliku jista’ jiġi inkorporat fi prodott ikklassifikat fl-istess kapitolu tan-NM, jew saħansitra fl-istess intestatura tan-NM, jiġifieri l-intestatura 2207.

28      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83. L-Artikolu 27(1)(ċ) tad-Direttiva 93/82 jipprevedi fil-fatt, min-naħa tiegħu, l-eżenzjoni tal-alkoħol etiliku użat “għall-produzzjoni tal-ħall li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2209”. Kieku l-leġiżlatur ried iżid, għall-eżenzjoni tal-prodotti żnaturati skont ir-rekwiżiti ta’ Stat Membru u użati għall-manifattura ta’ prodotti mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem, kundizzjoni relatata mal-esklużjoni ta’ kodiċi tariffarju partikolari, huwa kien jagħmel dan b’mod espliċitu fl-Artikolu 27(1)(b) tal-imsemmija direttiva.

29      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 92/83, l-eżenzjonijiet previsti minn din tal-aħħar huma intiżi, b’mod partikolari, li jinnewtralizzaw l-effett tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol bħala prodott intermedjarju li jifforma parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti kummerċjali jew industrijali oħra (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Quadrant Amroq Beverages, C‑332/21, EU:C:2022:1031, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għalhekk, mill-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83, moqri flimkien mal-għoxrin premessa tagħha, jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni minn Stat Membru tiddependi mill-użu finali tal-prodotti kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 49).

31      Issa, l-interpretazzjoni li tgħid li għandha tiġi rrifjutata l-applikazzjoni tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 għall-alkoħol etiliku żnaturat konformement mar-rekwiżiti ta’ Stat Membru u użat għall-manifattura ta’ prodotti li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem għas-sempliċi raġuni li l-prodotti li għall-manifattura tagħhom intuża jaqgħu taħt kodiċi NM partikolari tista’ tippreġudika l-għan ta’ newtralizzazzjoni tal-effett tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku bħala prodott intermedjarju li jaqa’ fil-kompożizzjoni ta’ prodotti kummerċjali jew industrijali oħra. Fil-fatt, sa fejn il-prodotti mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem jinbiegħu lil persuni bl-għan li jintużaw għal finijiet li jeskludu kull konsum mill-bniedem, l-alkoħol etiliku żnaturat konformement mar-rekwiżiti ta’ Stat Membru li jagħmlu parti mill-kompożizzjoni tal-imsemmija prodotti huwa suġġett għad-dazji tas-sisa, minkejja li huwa effettivament użat għal tali finijiet.

32      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83, moqri flimkien mat-tnejn u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u diretta tal-eżenzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni kif ukoll sabiex jevitaw kull frodi, evażjoni jew abbuż, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà, huma l-Istati Membri kkonċernati li għandhom jinvokaw elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli li jsostnu l-eżistenza ta’ riskju serju ta’ frodi, ta’ evażjoni jew ta’ abbuż u li jiżguraw li l-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu abbażi ta’ din il-fakultà ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet li fir-rigward tagħhom ma huwiex stabbilit, abbażi ta’ elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli, li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta tal-imsemmija eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati frodi, evażjonijiet jew abbużi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 53).

33      Issa, mill-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju jidher li jirriżulta li l-kundizzjoni prevista mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jiġifieri l-konferma tad-destinazzjoni tal-prodott mhux intiż għall-konsum mill-bniedem permezz tal-klassifikazzjoni tiegħu taħt kodiċi differenti mill-intestatura 2207 tan-NM, la hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 u lanqas sabiex jiġu evitati frodi, evażjonijiet jew abbużi, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, abbażi tal-elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli li hija għandha.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-issuġġettar tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku żnaturat konformement mar-rekwiżiti ta’ Stat Membru u li jinsabu fil-kompożizzjoni ta’ prodotti li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem għall-fatt li l-użu intenzjonat ta’ dawn il-prodotti jkun ġie stabbilit permezz tal-klassifikazzjoni tagħhom f’intestatura tan-NM differenti mill-intestatura 2207, ħlief jekk minn elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli jirriżulta li din il-kundizzjoni hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-imsemmija eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati frodi, evażjonijiet jew abbużi.

 Fuq it‑tieni domanda

35      Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula biss fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex jirrifjutaw il-benefiċċju tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83, l-awtoritajiet fiskali għandhomx juru li l-persuna taxxabbli li tipproduċi prodotti mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem li fihom l-alkoħol etiliku suġġett għad-dazju tas-sisa kienet taf li kienu użati għal konsum mill-bniedem, jew jekk huwiex biżżejjed li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hija kellha tkun taf b’dan l-użu.

36      Kif saret, id-domanda tirrigwarda biss iċ-ċirkustanza speċifika tal-konoxxenza jew tal-possibbiltà ta’ konoxxenza, min-naħa tal-persuna taxxabbli li tipproduċi l-prodotti inkwistjoni, ta’ eventwali konsum ulterjuri ta’ dawn il-prodotti li ma jkunx konformi mad-destinazzjoni inizjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija ma ssemmix ċirkustanzi li jaqgħu taħt każijiet ta’ frodi, ta’ evażjoni jew ta’ abbuż, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tad-Direttiva 92/83. Din id-domanda hija għalhekk ibbażata fuq il-premessa li l-konoxxenza jew il-possibbiltà ta’ konoxxenza mill-persuna taxxabbli li timmanifattura l-prodotti inkwistjoni, ta’ eventwali konsum ulterjuri ta’ dawn il-prodotti li ma huwiex konformi mal-użu oriġinali tagħhom hija raġuni suffiċjenti bħala tali sabiex jiġi rrifjutat il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 23 iktar ’il fuq, li l-alkoħol etiliku li jinsab fi prodott li ma huwiex intiż għall-konsum mill-bniedem u li ġie żnaturat skont metodu approvat fi Stat Membru jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Bene Factum, C‑567/17, EU:C:2019:158, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, mill-punt 25 iktar ’il fuq jirriżulta li huwa kuntrarju għad-Direttiva 92/83 li tiġi rrifjutata l-eżenzjoni ta’ prodott li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1)(b) tagħha għas-sempliċi raġuni li l-użu reali tiegħu ma jikkorrispondix għad-denominazzjoni mogħtija lilu mill-operatur (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Bene Factum, C‑567/17, EU:C:2019:158, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-alkoħol etiliku żnaturat konformement mar-rekwiżiti ta’ Stat Membru, li jinsab fi prodotti ppreżentati bħala dilwenti u, għaldaqstant, bħala prodotti mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem, ma jistax jiġi mċaħħad mill-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa armonizzat prevista fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 minħabba li dawn il-prodotti huma, tal-inqas parzjalment, użati għal finijiet ta’ konsum mill-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Bene Factum, C‑567/17, EU:C:2019:158, punt 23).

40      F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju tindika, essenzjalment, li l-fatt li P. uriet nuqqas ta’ diliġenza waqt il-bejgħ tal-prodotti li hija kienet timmanifattura seta’ jwassal għall-użu ta’ dawn il-prodotti għal finijiet ta’ konsum mill-bniedem, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li l-imsemmija prodotti, mibjugħa minn P. taħt l-ismijiet “RRK 5” u “RRK 12”, kienu jinbiegħu bħala dilwenti. Barra minn hekk, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, xejn ma jidher li jindika li l-persuni li xtrawhom, jekk ikun il-każ, għal finijiet ta’ konsum mill-bniedem ma kinux jafu li kienu qed jixtru prodotti kkummerċjalizzati bħala dilwenti.

41      Għalhekk, il-miżuri meħuda minn P. fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li pprekludew li dawn jiġu ppreżentati bħala dilwenti mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

42      Issa, bla ħsara għall-każijiet ta’ frodi, ta’ evażjoni jew ta’ abbuż, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tad-Direttiva 92/83, l-eventwali miżuri meħuda mill-manifattur tal-prodotti inkwistjoni f’dak li jirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, sakemm dawn ma jipprekludux il-preżentazzjoni tagħhom bħala prodotti mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem, ma jistgħux iċaħħdu lil dan il-manifattur mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1(b) tal-istess artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Bene Factum, C‑567/17, EU:C:2019:158, punt 30). Fil-fatt, huma d-dispożizzjonijiet dwar il-każijiet ta’ frodi, ta’ evażjoni jew ta’ abbuż li jippermettu li jiġu affrontati sitwazzjonijiet li fihom id-destinazzjoni reali tal-prodotti inkwistjoni tkun differenti mid-destinazzjoni prevista tagħhom.

43      Minn dan isegwi li l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa armonizzat li huwa jipprevedi ma jistax jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli li timmanifattura prodotti mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem li fihom alkoħol etiliku suġġett għad-dazju tas-sisa, bħal dilwenti, għas-sempliċi raġuni li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija prodotti kienu użati għal finijiet ta’ konsum mill-bniedem.

 Fuq l‑ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi l-issuġġettar tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku żnaturat konformement mar-rekwiżiti ta’ Stat Membru u li jinsabu fil-kompożizzjoni ta’ prodotti li ma humiex intiżi għall-konsum mill-bniedem għall-fatt li l-użu intenzjonat ta’ dawn il-prodotti jkun ġie stabbilit permezz tal-klassifikazzjoni tagħhom f’intestatura tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, differenti mill-intestatura 2207, ħlief jekk minn elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli jirriżulta li din il-kundizzjoni hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-imsemmija eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati frodi, evażjonijiet jew abbużi.

2)      L-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa armonizzat li huwa jipprevedi ma jistax jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli li timmanifattura prodotti mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem li fihom alkoħol etiliku suġġett għad-dazju tas-sisa, bħal dilwenti, għas-sempliċi raġuni li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija prodotti kienu użati għal finijiet ta’ konsum mill-bniedem.


Sampol Pucurull

Pynnä

Laitenberger

Stancu

 

      Valasidis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Lulju 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.