European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7515

17.12.2024

Notifika tal-Bidu dwar rieżami tal-funzjonament tal-miżura ta’ salvagwardja applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar

(C/2024/7515)

Fil-31 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet miżura definittiva ta’ salvagwardja fuq ċerti prodotti tal-azzar (ir-“Regolament ta’ Salvagwardja Definittiva”) (1). Il-miżura ta’ salvagwardja ġiet imposta għal perjodu inizjali ta’ tliet snin, iżda ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2024 wara investigazzjoni tar-rieżami ta’ estensjoni (2). Fl-24 ta’ Ġunju 2024, tlesta t-tieni rieżami ta’ estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja tal-azzar, li rriżulta fl-estensjoni ulterjuri tagħha sat-30 ta’ Ġunju 2026  (3).

Il-miżura attwalment fis-seħħ tikkonsisti minn kwota tar-rata tariffarja (“TRQ”), ibbażata fuq importazzjonijiet storiċi, li hija applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ kull waħda mis-26 kategorija ta’ prodotti li jinkludu l-prodott ikkonċernat. Meta t-TRQ rilevanti tiġi eżawrita, jiġi impost dazju barra mill-kwota ta’ 25 %.

1.   Talba għal rieżami tal-funzjonament

Fid-29 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba sostanzjata minn 13-il Stati Membri biex tibda rieżami tal-funzjonament skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

It-talba fiha evidenza ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi mill-aħħar rieżami tal-miżura. B’mod partikolari, it-talba fiha informazzjoni dwar it-tnaqqis fid-domanda tal-Unjoni għall-azzar, li jirriżulta f’diskrepanzi dejjem akbar mal-livell attwali ta’ volumi ta’ kwoti mingħajr dazju. Barra minn hekk, iż-żidiet fl-esportazzjoni tal-azzar taċ-Ċina lejn reġjuni ewlenin imbuttaw l-esportazzjonijiet minn swieq oħra lejn l-UE. Skont it-talba, dan jitlob valutazzjoni mill-ġdid tal-allokazzjoni u l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Fid-dawl tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159, il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni pprovduta, inklużi s-sorsi u l-evidenza ta’ sostenn, tikkostitwixxi bażi suffiċjenti biex tinbeda investigazzjoni.

2.   Kamp ta’ applikazzjoni u objettiv tal-investigazzjoni

Il-Kummissjoni se tivvaluta, abbażi tal-evidenza ppreżentata mill-partijiet interessati, jekk jistax ikun iġġustifikat xi aġġustament għall-miżura biex l-operat tagħha jinżamm adattat għall-evoluzzjoni tas-suq u f’konformità mal-interess tal-partijiet ikkonċernati kollha. Dawn l-aġġustamenti huma relatati mal-kwistjonijiet li ġejjin: (i) allokazzjoni u ġestjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji; (ii) l-esklużjoni ta’ flussi kummerċjali tradizzjonali; (iii) aġġornament tal-lista tal-Pajjiżi membri tad-WTO li qed jiżviluppaw esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri abbażi tal-aktar livell reċenti tagħhom ta’ importazzjonijiet (is-sena 2024); (iv) il-livell ta’ liberalizzazzjoni; u (v) bidliet oħra fiċ-ċirkostanzi li jistgħu jkunu jeħtieġu aġġustament fil-livell ta’ allokazzjoni tal-kwota tar-rata tariffarja.

3.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott taħt investigazzjoni jikkonsisti minn ċerti prodotti tal-azzar elenkati fl-Anness ta’ din in-Notifika.

4.   Proċedura

Wara li ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni b’dan qed tibda investigazzjoni biex tiddetermina jekk ċerti aġġustamenti għall-miżura jkunux ġustifikati.

4.1.   Kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni

Il-produtturi tal-Unjoni huma mitluba jimlew u jippreżentaw il-kwestjonarji, permezz tal-assoċjazzjonijiet tal-Unjoni rispettivi tagħhom fejn xieraq, sal-10 ta’ Jannar 2025. Mudell tal-kwestjonarju rilevanti huwa disponibbli fuq: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2772.

4.2.   Kwestjonarju għall-utenti tal-Unjoni

L-utenti tal-Unjoni huma mitluba jimlew u jippreżentaw il-kwestjonarji, permezz tal-assoċjazzjonijiet tal-Unjoni rispettivi tagħhom fejn xieraq, sat-10 ta’ Jannar 2025. Mudell tal-kwestjonarju rilevanti huwa disponibbli fuq: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2772.

4.3.   Sottomissjonijiet bil-miktub

Sabiex jiksbu l-informazzjoni rilevanti kollha meqjusa meħtieġa għall-investigazzjoni, il-partijiet interessati, jiġifieri l-partijiet li għandhom rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat, huma b’dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn bil-miktub lill-Kummissjoni. Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha għandhom isiru permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI). L-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ proposta bil-miktub hija l-10 ta’ Jannar 2025. Ara t-Taqsima 4.6 għal aktar dettalji.

Il-partijiet interessati huma mitluba jistrutturaw is-sottomissjonijiet tagħhom, filwaqt li jindikaw liema kategorija/i ta’ prodotti hija/huma kkonċernata/i, u jekk humiex relatati mal-livell ta’ TRQs, l-allokazzjoni ta’ TRQs, jew kwistjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tal-kwota.

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, u kif għamlet f’investigazzjonijiet ta’ rieżami preċedenti, il-Kummissjoni awtomatikament se testendi l-istatus ta’ parti interessata lill-partijiet ikkonċernati kollha li għandhom dan l-istatus taħt il-miżura ta’ salvagwardja attwali. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal Prokura (“PoA”).

Għal dawk il-kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew gvernijiet ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jipparteċipaw fil-proċediment mibdi mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż permezz ta’ rappreżentanti legali esterni, hija meħtieġa preżentazzjoni ta’ PoA speċifika għal dan il-proċediment.

Il-partijiet li jixtiequ jipparteċipaw fil-proċediment u li bħalissa mhumiex irreġistrati bħala partijiet interessati għall-każ huma mistiedna jispjegaw l-interess u r-rabtiet tagħhom mal-każ meta jagħmlu sottomissjoni permezz tat-TRON.

4.4.   Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, il-partijiet interessati għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni sottomessa minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss il-kwistjonijiet imqajma fis-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda. F’konfutazzjoni, il-partijiet interessati għandhom jindikaw speċifikament liema parti(jiet) qed jirribattu, u jsegwu l-istess struttura kif imsemmi taħt l-intestatura ta’ hawn fuq.

Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mill-mument li s-sottomissjonijiet imsemmija fit-taqsima 4.3 isiru disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fi TRON. Il-Kummissjoni se tinforma kif xieraq lill-partijiet interessati, permezz ta’ TRON, meta jiskatta l-istadju ta’ konfutazzjoni.

L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna sabiex ikollok aċċess.

L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

Minħabba l-ħtieġa li r-rieżami jitlesta f’perjodu ta’ żmien qasir – ara t-Taqsima 5 aktar ’l isfel – u l-fatt li l-partijiet interessati se jingħataw il-possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra, li se jiżgura opportunitajiet suffiċjenti biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, il-Kummissjoni mhix se torganizza seduti ta’ smigħ għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni li jeżiġu dan.

4.5.   Sottomissjoni tal-informazzjoni u estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jissottomettu biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika. Kwalunkwe estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tista’ tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. L-estensjonijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati tad-data tal-iskadenza biex issir sottomissjoni normalment ikunu limitati għal massimu ta’ 3 ijiem addizzjonali.

Il-partijiet interessati huma mitluba biex ma jipprovdux informazzjoni ulterjuri barra mill-perjodi stabbiliti f’din in-Notifika jew fi kwalunkwe komunikazzjoni oħra mibgħuta mill-Kummissjoni. Sabiex tiġi konkluża kif xieraq l-investigazzjoni fil-ħin, kwalunkwe sottomissjoni, konfutazzjoni jew dokument ieħor bil-miktub li ma jirrispettax l-iskadenzi speċifikati mill-Kummissjoni jista’ jiġi injorat.

4.6.   Struzzjonijiet biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u korrispondenza

L-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni għall-fini ta’ proċediment tad-difiża ta’ kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jissottomettu lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew b’data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “ Sensitive ”  (6). Il-partijiet li jissottomettu informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma meħtieġa jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-UE 2015/478 u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-UE 2015/755, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” . Dawk is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali u jridu jaslu għand il-Kummissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni “Sensitive” .

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu s-sottomissjonijiet kollha u t-talba tagħhom permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi prokuri skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew l-email, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ) ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3.Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew il-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G, unit G5

Office: CHAR 03/66

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI

Indirizz elettroniku: TRADE-SAFE009-REVIEW@ec.europa.eu

5.   Skeda tal-investigazzjoni

Il-Kummissjoni se tikkonkludi l-investigazzjoni ta’ rieżami sal-31 ta’ Marzu 2025. Kwalunkwe deċiżjoni li tirriżulta minn dan il-proċediment tista’ ssir applikabbli ssir mal-bidu ta’ trimestru ġdid (l-1 ta’ April 2025), b’volum ġdid ta’ TRQ.

6.   Nuqqas ta’ Kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755. Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

7.   Uffiċjal tas-Smigħ

L-Uffiċjal tas-Smigħ jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu intervent mill-Uffiċjal tas-Smigħ. Fil-prinċipju, dawn l-interventi għandhom ikunu limitati għall-kwistjonijiet li jkunu nqalgħu matul il-proċediment ta’ rieżami attwali.

Talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Fejn talbiet bħal dawn jiġu sottomessi barra l-iskedi ta’ żmien rilevanti fit-Taqsima 4.3 ta’ dan l-Avviż, l-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn kienu tard, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.

8.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni tinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.


(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta' Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta' salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/159/oj).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029, tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Ir-Regolament (UE) 2019/159 biex tiġi estiża l-miżura ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 225 I, 25.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1029/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1782 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, inkluż l-estensjoni tad-data ta’ skadenza tas-salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L, 2024/1782, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1782/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/478/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/755/oj).

(6)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755 u l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS

Numru tal-kategorija tal-prodott

Kategorija tal-prodott

1

Folji u Strixxi Mhux Illigati u Oħrajn Illigati Llaminati bis-Sħana

2

Folji Mhux Illigati u Oħrajn Illigati Llaminati bis-Sħana

3.A

Folji Elettriċi (għajr GOES)

3.B

4.A

Folji Miksija Metalliċi

4.B

5

Folji Miksija Organiċi

6

Prodotti Stanjati

7

Pjanċi Kwarto Mhux Illigati u Oħrajn Illigati

8

Folji u Strixxi tal-Azzar Inossidabbli Llaminati bis-Sħana

9

Folji u Strixxi tal-Azzar Inossidabbli Llaminati bil-Kesħa

10

Pjanċi Kwatro Inossidabbli Llaminata bis-Sħana

12

Forom tal-Metall u Forom Ħfief Mhux Illigati u Oħrajn Illigati

13

Vireg tar-rinforz

14

Żbarri Stainless u Forom Ħfief

15

Virga tal-Wajer Stainless

16

Virga tal-Wajer Mhux Illigat u Oħrajn Illigati

17

Angoli, Forom u Qatgħat tal-Ħadid jew tal-Azzar Mhux Illigat

18

Gzuz ta’ Pjanċi

19

Materjali tal-Ferrovija

20

Pajpijiet tal-gass

21

Pajpijiet vojta minn ġewwa

22

Tubi u Pajpijiet Inossidabbli Mingħajr Saldatura

24

Tubi Oħrajn Mingħajr Saldatura

25A

Tubi kbar iwweldjati

25B

26

Pajpijiet iwweldjati oħra

27

Żbarri mhux Illigati u oħrajn illigati b’finatura bil-kesħa

28

Wajer Mhux Illigat


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7515/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)