|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1085 |
26.5.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1085
tat-22 ta’ Mejju 2025
li jemenda l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Kanada, għar-Renju Unit u għall-Istati Uniti fil-listi tal-pajjiżi terzi, tat-territorji jew taż-żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 230(1) u 232(1) u (3) tiegħu.
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li biex jidħlu fl-Unjoni, il-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, jew minn żona jew kompartiment tiegħu, li hemm elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji, jew minn żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jkunu konformi magħhom biex jidħlu fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi tal-pajjiżi terzi, jew tat-territorji, jew taż-żoni tagħhom, li minnhom hu permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Dawk il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw dawk il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(4) |
B’mod aktar partikolari, l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxu l-listi tal-pajjiżi terzi, jew tat-territorji, jew taż-żoni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni, rispettivament, ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa. |
|
(5) |
Il-Kanada nnotifikat lill-Kummissjoni dwar żewġ tifqigħat ġodda tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) fil-pollam fil-provinċji ta’ Manitoba u Prince Edward Island, li ġew ikkonfermati fis-7 ta’ Mejju 2025 u fil-15 ta’ Mejju 2025, rispettivament, permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(6) |
L-Istati Uniti nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ħames tifqigħat ġodda tal-HPAI fil-pollam fl-istati ta’ Florida, Illinois, New Jersey, North Dakota u South Dakota li ġew ikkonfermati bejn it-2 ta’ Mejju 2025 u t-13 ta’ Mejju 2025 permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(7) |
Wara dawk it-tifqigħat reċenti tal-HPAI, l-awtoritajiet veterinarji tal-Kanada u tal-Istati Uniti stabbilew żoni ristretti ta’ mill-inqas 10 km madwar l-istabbilimenti affettwati u implimentaw politika ta’ qerda biex jikkontrollaw il-preżenza tal-HPAI u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda. |
|
(8) |
Il-Kanada u l-Istati Uniti ssottomettew informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorji rispettivi tagħhom kif ukoll dwar il-miżuri li ħadu biex jevitaw aktar tixrid tal-HPAI wara dawn it-tifqigħat riċenti tal-HPAI. |
|
(9) |
Dik l-informazzjoni ġiet evalwata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fiż-żoni bir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet veterinarji tal-Kanada u tal-Istati Uniti, id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa miż-żoni kkonċernati mit-tifqigħat riċenti jenħtieġ li jiġi sospiż biex jitħares l-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni. Għalhekk, l-entrati għall-Kanada u għall-Istati Uniti fit-tabelli stabbiliti fit-Taqsima B, il-Parti 1 u fil-Parti 2 tal-Anness V, u fit-tabella stabbilita fit-Taqsima B, il-Parti 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq. |
|
(10) |
Barra minn hekk, il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti pprovdew informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorji tagħhom fir-rigward tal-HPAI li wasslet għas-sospensjoni tad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam, tal-prodotti ġerminali tal-pollam u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa, kif stabbilit fl-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404. |
|
(11) |
Fl-24 ta’ April 2025 u fl-1 ta’ Mejju 2025, il-Kanada ssottomettiet informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika b’rabta ma’ żewġ tifqigħat tal-HPAI fil-pollam fil-provinċji ta’ Newfoundland u Labrador u ta’ Ontario, li ġew ikkonfermati fit-12 ta’ Frar 2025, u fit-28 ta’ Frar 2025, rispettivament, permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(12) |
Fl-14 ta’ Mejju 2025 u fil-15 ta’ Mejju 2025, ir-Renju Unit issottometta informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-miżuri li ħa b’rabta ma’ tmien tifqigħat tal-HPAI fil-pollam fil-kontej ta’ Devon (1), Durham (1), Hampshire (2), Norfolk (1), u North Yorkshire (3), l-Ingilterra li ġew ikkonfermati fil-31 ta’ Jannar 2025 u fl-4 ta’ April 2025, permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(13) |
Fit-13 ta’ Mejju 2025, l-Istati Uniti ssottomettew informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-miżuri li ħadu b’rabta mal-61 tifqigħa tal-HPAI fil-pollam fl-istati ta’ Arkansas (3), California (8), Delaware (1), Illinois (2), Indiana (5), Iowa (3), Maryland (4), Mississippi (1), Missouri (15), Montana (1), New York (2), North Carolina (3), North Dakota (2), Ohio (4), Pennsylvania (6), u Virginia (1), li ġew ikkonfermati bejn it-12 ta’ Novembru 2024 u l-20 ta’ Marzu 2025, permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(14) |
Il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti informaw lill-Kummissjoni li wara dawk it-tifqigħat tal-HPAI, implimentaw politika ta’ qerda biex jikkontrollaw u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda, kif ukoll lestew it-tindif u d-diżinfezzjoni meħtieġa wara l-implimentazzjoni tal-politika ta’ qerda fl-istabbilimenti tal-pollam infettati. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni evalwat l-informazzjoni sottomessa mill-Kanada, mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti, u jidhrilha li taw garanziji xierqa li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali li wasslet għas-sospensjoni tad-dħul ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa fl-Unjoni miż-żoni affettwati, kif stabbilit fl-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, ma għadhiex toħloq theddida għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni u li, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-ġdid id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-konsenji miż-żoni affettwati tal-Kanada, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti, li minnhom kien ġie sospiż id-dħul fl-Unjoni. Għalhekk, l-entrati għal dawk il-pajjiżi terzi fit-tabelli stabbiliti fit-Taqsima B, il-Parti 1 u fil-Parti 2 tal-Anness V, u fit-tabella stabbilita fit-Taqsima B, il-Parti 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq. |
|
(16) |
Filwaqt li jitqies li t-tifqigħat il-ġodda tal-HPAI fil-Kanada u fl-Istati Uniti, u biex jiġi evitat it-tfixkil bla bżonn fil-kummerċ mal-Kanada, mar-Renju Unit u mal-Istati Uniti, l-emendi li jridu jsiru fl-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 permezz ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru effettivi b’mod urġenti. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).
ANNESS
L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Anness V huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fl-Anness XIV, fil-Parti 1, it-Taqsima B hija emendata kif ġej:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1085/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)