Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 601 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Belġju

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 601 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Belġju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Il-Belġju żied kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Belġju. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk fih ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkun konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet fiskali strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fit-30 ta’ April 2021, il-Belġju ppreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju 9 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Belġju laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Fit-30 ta’ April 2024, il-Belġju ppreżenta l-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Belġju dwar il-progress li sar fl-ilħiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Belġju 11 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Dan ivvaluta l-progress tal-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Belġju fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(10)Skont id-data vvalidata mill-Eurostat 12 , il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Belġju tjieb minn defiċit ta’ 3,6 % tal-PDG fl-2022 għal defiċit ta’ 4,4 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 104,3 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 105,2 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 13 , il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 14 . Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Belġju, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f’Lulju li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra l-Belġju, billi tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta Deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li l-Belġju jiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b’mod partikolari billi jillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju 16 , filwaqt li jqis l-appoġġ temporanju u mmirat ulterjuri għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Belġju ġie rrakkomandat ukoll li jkun lest biex jaġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Belġju qiegħed ukoll jiġi rrakkomandat jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 17 kienet espansjonarja, b’0,7 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi l-kost imnaqqas tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirati għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Għalhekk, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali li taqbeż it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju ma kienx dovut għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) kien xprunat minn żidiet permanenti fil-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku li rriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ indiċjar awtomatiku, tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegaturi fl-2023, u żieda fil-kostijiet baġitarji relatati mat-tixjiħ demografiku. Fil-qosor, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 0,3 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,8 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Belġju ffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Huwa ffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-investiment fl-infrastrutturi ferrovjarji u taċ-ċikliżmu, ir-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku, u l-infrastruttura tal-idroġenu, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(12)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,4 % fl-2024 u 1,3 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tas-CPI ta’ 2,8 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 4,6 % tal-PDG fl-2024 u jonqos għal 3,6 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 106,2 % sa tmiem l-2024 u 106,8 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2026 u 2,3 % fl-2027. Għaldaqstant, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2026. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos gradwalment għal 106,6 % fl-2026, u 106 % fl-2027.

(13)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,3 % fl-2024 u 1,4 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 4 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025.

(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jibqa’ 105 % fl-2024. L-istabbilizzazzjoni tal-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2024 tirrifletti prinċipalment eċċess temporanju tal-bafer ta’ flus akkumulat fi tmiem l-2023 bħala riżultat ta’ emissjoni ta’ bonds tal-Istat. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun restrittiva b’0,1 % tal-PDG fl-2024.

(15)In-nefqa li tammonta għal 0,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Belġju.

(16)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 18 li l-Belġju jiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment 19 fl-2024 għal mhux aktar minn 2 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Belġju hija pproġettata li tiżdied b’4 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 1 % tal-PDG fl-2024. Hemm ir-riskju li dan ma jkunx konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Belġju jieħu azzjoni biex inaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza fis-seħħ, billi juża l-iffrankar relatat biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ġodda jew kontinwi ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Belġju jiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u jippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 20 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat li jkun 0,4 % tal-PDG fl-2023 u pproġettat li jkun 0 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment 21 tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma proġettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipproġettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Belġju jippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex irawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jiżdied għal 2,9 % tal-PDG fl-2024 minn 2,8 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Min-naħa l-oħra, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tibqa’ stabbli għal 0,3 % tal-PDG fl-2024.

(19)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,7 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 106,6 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda tad-defiċit u tal-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment in-nefqa kurrenti li qed tiżdied strutturalment, xprunata b’mod partikolari minn kostijiet relatati mat-tixjiħ demografiku, u minn pagamenti tal-imgħax ogħla fuq id-dejn pubbliku. 

(20)Ir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul huma għoljin fil-Belġju. Lil hinn mill-pożizzjoni baġitarja inizjali sfavorevoli, il-fattur li jixpruna l-valutazzjoni ta’ riskji għoljin huwa l-impatt taż-żieda mbassra fin-nefqa relatata mal-età fuq il-finanzi pubbliċi minħabba l-popolazzjoni tal-pajjiż li qed tixjieħ b’mod rapidu. Fir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ tal-2024 22 , in-nefqa relatata mat-tixjiħ hija pproġettata li tiżdied b’mod kostanti minn 26,8 punti perċentwali tal-PDG fl-2022 għal 31,9 punti perċentwali tal-PDG fl-2070. Iż-żieda ta’ 5,1 punti perċentwali tal-PDG sal-2070 hija dovuta l-aktar għan-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-kura fit-tul. In-nefqa fuq il-pensjonijiet hija pproġettata li tiżdied bi 3,5 punti perċentwali tal-PDG matul l-2022-2070, meta mqabbla ma’ medja ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG bħala medja fl-UE. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju jinkludi riforma tal-pensjonijiet li għandha l-għan li tgħin biex tiġi indirizzata din l-isfida, flimkien ma’ objettivi oħra bħat-titjib tas-sostenibbiltà soċjali tas-sistema, l-inċentivar tan-nies biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol wara li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-irtirar bikri u l-iżgurar ta’ konverġenza akbar bejn is-sistemi tal-pensjonijiet u fihom. Fir-rigward tal-kura fit-tul, l-infiq pubbliku ammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2022 (medja tal-UE ta’ 1,7 %), li għamel lill-Belġju wieħed mill-pajjiżi bl-ogħla nfiq fuq il-kura fit-tul fl-UE. Sal-2070, in-nefqa fuq il-kura fit-tul hija pproġettata li tiżdied b’1,7 punt perċentwali tal-PDG, kontra żieda medja ta’ 0,8 punti perċentwali fl-UE. Fl-2022, l-infiq fuq il-kura istituzzjonali ta’ 1,4 punti perċentwali tal-PDG fil-Belġju kien sostanzjalment ogħla mill-medja fl-UE (0,8 punti perċentwali tal-PDG). Id-data disponibbli tindika li l-għadd ta’ persuni anzjani li jitqiegħdu bla bżonn jew tal-anqas b’mod prematur f’faċilità ta’ kura residenzjali għadu għoli, għalkemm kien qed jonqos tul l-aħħar deċennju. B’mod partikolari, id-data indikat li s-sehem ta’ individwi li huma indipendenti jew ftit dipendenti fuq il-kura u li jgħixu f’faċilitajiet ta’ kura residenzjali kien għoli fi Brussell u f’Wallonia. L-entitajiet federati bdew riformi biex jagħmlu l-użu tal-ambjenti differenti tal-kura aktar kosteffiċjenti, b’mod partikolari biex jevitaw u jdewmu l-istituzzjonalizzazzjoni mhux meħtieġa jew prematura. Madankollu, il-livell ta’ progress li sar fl-indirizzar tal-isfida tas-sostenibbiltà fiskali jeħtieġ li jittejjeb.

(21)Il-Belġju jappartjeni għall-pajjiżi li għandhom l-ogħla livelli ta’ taxxa u nfiq fl-UE. L-infiq totali jinkludi livell għoli ta’ nefqa tat-taxxa u sussidji tal-pagi. Barra minn hekk, it-tfassil tas-sistema tat-taxxa u l-benefiċċji soċjali tiegħu joħloq diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol u jikkontribwixxi għar-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol fil-Belġju (76,1 % vs il-medja tal-UE ta’ 80,0 % fl-2023 (grupp ta’ età ta’ 20-64 sena)). It-taxxi fuq ix-xogħol (it-taxxi fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali) huma l-ogħla fl-UE għall-ħaddiema b’paga baxxa u b’paga medja, filwaqt li d-dħul mit-taxxi fuq il-konsum, inklużi t-taxxi fuq l-enerġija, huwa taħt il-medja tal-UE. Għall-ħaddiema li huma t-tieni sors ta’ dħul, karatteristiċi speċifiċi tat-taxxa bħall-“kwozjent konjugali” 23 joħolqu diżinċentivi qawwija għax-xogħol. Barra minn hekk, it-tfassil tal-benefiċċji soċjali jiskoraġġixxi lin-nies milli jibdew jaħdmu jew milli jaħdmu aktar sigħat. Ħafna benefiċċji soċjali jiddependu mill-istatus u mhux soġġetti għal test tal-mezzi, u dan ixekkel l-effiċjenza tas-sistema tal-benefiċċji. Il-benefiċċji tal-qgħad huma mingħajr limitu ta’ żmien u mhux soġġetti għal test tal-mezzi għall-persuni qiegħda fit-tul, u dan jaggrava n-nases eżistenti tal-qgħad. Iċ-ċaqliq tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal bażijiet oħra tat-taxxa u t-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji jistgħu jgħinu biex jiżdiedu l-impjiegi.

(22)F’kuntest ta’ ħtiġijiet ta’ konsolidazzjoni strutturali, tnaqqis fit-taxxa fuq ix-xogħol jeħtieġ li jiġi ffinanzjat bis-sħiħ, inkluż billi titnaqqas in-nefqa tat-taxxa u billi jitneħħew gradwalment is-sussidji tat-taxxa fuq il-fjuwils fossili. Il-piż kbir tat-taxxa fuq ix-xogħol huwa kkumpensat minn ħafna sussidji tal-pagi u t-tnaqqis tat-taxxa jintuża b’mod estensiv fil-Belġju. Analiżi mill-Kunsill Għoli tal-Finanzi 24 sabet li n-nefqiet tat-taxxa huma għaljin għall-baġit, għandhom it-tendenza li jiffavorixxu lil dawk li jaqilgħu pagi għoljin u joħolqu ineffiċjenzi. In-nefqa tat-taxxa bl-ogħla kost baġitarju tinkludi l-iskema tal-karozzi tal-kumpaniji u l-eżenzjoni mit-taxxa minn ras l-għajn għar-Riċerka u l-Iżvilupp u x-xogħol bix-xift. Is-sussidji tal-pagi u nfiq ieħor tat-taxxa wkoll jagħmlu s-sistema tat-taxxa kumplessa, u b’hekk iżidu l-piż regolatorju għoli u huma ta’ piż fuq l-ambjent tan-negozju. Barra minn hekk, l-appoġġ fiskali għar-Riċerka u l-Iżvilupp mhuwiex immirat lejn kumpaniji bl-ogħla potenzjal ta’ tkabbir 25 . Xi karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa joħolqu distorsjoni wkoll fl-għażliet ta’ investiment u jwasslu għal investiment żejjed f’ċerti assi. Fl-2021, is-sussidji diretti tal-fjuwils fossili tal-Belġju kienu stmati li jammontaw għal EUR 12-il biljun (2,4 % tal-PDG) u sussidji indiretti għal aktar minn EUR 2,6 biljun 26 . Is-sussidji diretti għall-fjuwils fossili jinkludu dazji tas-sisa baxxi fuq il-gass u ż-żejt għat-tisħin meta mqabbla mal-elettriku. Flimkien ma’ kostijiet għoljin tan-network tal-elettriku, dan joħloq differenzi għoljin fil-prezzijiet bejn il-fjuwils fossili u l-elettriku, u jfixkel il-bidla għal sistemi tat-tisħin aktar ekoloġiċi 27 . Barra minn hekk, dan l-appoġġ persistenti għaż-żejt għat-tisħin u l-gass naturali jikkontradixxi l-impenji tal-Belġju li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jtejjeb il-kwalità tal-arja. It-taxxi fuq it-trasport u t-tniġġis ma jintużawx biżżejjed (eż. l-ipprezzar intelliġenti tat-toroq japplika biss għall-vetturi tqal) u jistgħu jgħinu wkoll biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali. F’kuntest ta’ żieda fil-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis tal-arja, in-nefqa tat-taxxa, bħar-rifużjoni parzjali tad-dazji tas-sisa fuq id-diżil għal trasportaturi professjonali bit-triq, hija partikolarment għalja u ta’ ħsara għall-ambjent.

(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Belġju permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Belġju jaċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti, billi jiżgura governanza effettiva. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(24)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Belġju huwa meħtieġ jirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li jqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tiegħu għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Il-Belġju għamel progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi. Id-disparitajiet intrareġjonali f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali għadhom għoljin fil-Belġju. Huwa kruċjali li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Huwa partikolarment importanti li jkun hemm implimentazzjoni rapida tal-investimenti biex jgħinu jagħtu spinta lir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni kif ukoll dawk relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-effiċjenza enerġetika. It-titjib tal-aċċess għall-impjiegi u l-miżuri ta’ attivazzjoni, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, il-persuni qiegħda fit-tul u ż-żgħażagħ jibqa’ prijorità. L-appoġġ kontinwu għat-tagħlim tul il-ħajja biex jittejbu l-mobbiltà u l-adattabbiltà tal-ħaddiema huwa ta’ importanza ewlenija. Barra minn hekk, l-inkoraġġiment tal-inklużjoni attiva u l-impjegabbiltà ta’ gruppi żvantaġġati għadu meħtieġ. Il-Belġju jista’ wkoll jagħmel użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex jappoġġa t-trasformazzjoni industrijali, billi jiżviluppa aktar teknoloġiji u servizzi diġitali avvanzati, materjali ċirkolari u avvanzati kif ukoll kapaċitajiet relatati mal-enerġija nadifa sostenibbli, l-akkomodazzjoni reżiljenti u l-innovazzjoni għas-saħħa.

(25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Belġju qed jiffaċċja diversi sfidi ulterjuri relatati man-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet, l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistema edukattiva, il-professjoni tat-tagħlim u wkoll l-isfidi relatati mal-ambjent tan-negozju, il-piż regolatorju u l-kumplessità, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fis-settur tas-servizzi. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jista’ jgħin biex jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u l-eżiti edukattivi tal-istudenti kollha, li jirriżulta f’żieda fil-produttività tax-xogħol, u jġib l-impjiegi eqreb lejn il-mira nazzjonali tal-2030 ta’ 80 %.

(26)Ir-rata għolja ta’ postijiet tax-xogħol vakanti tindika nuqqas persistenti ta’ ħaddiema, aktar evidenti fost l-okkupazzjonijiet tekniċi li huma meħtieġa biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. L-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati, inklużi persuni li kisbu livell aktar baxx ta’ edukazzjoni, jiġu minn sfond ta’ migrazzjoni jew b’diżabilità, tkompli toħloq tħassib. L-għadd ta’ gradwati, speċjalment nisa, fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) għadu baxx (16,4 għal kull 1 000 abitant ta’ bejn l-20 u d-29 sena meta mqabbel ma’ 21,9 fl-UE). Barra minn hekk, ir-rata ta’ tranżizzjoni mill-qgħad għall-impjieg hija taħt il-medja tal-UE. Dan jissuġġerixxi li hemm ambitu biex tiżdied l-effettività tal-politiki ta’ attivazzjoni, b’mod partikolari billi tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, jiġu mmirati aħjar il-miżuri li jappoġġaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati u tal-ħaddiema fuq liv tal-mard fit-tul. Iż-żieda fl-għadd ta’ gradwati STEM u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (vocational education and training, VET) fil-professjonijiet tekniċi tista’ tgħin aktar biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema. Il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim hija baxxa, speċjalment fost persuni bi kwalifiki ta’ livell aktar baxx. Filwaqt li ġew implimentati miżuri, bħal dritt individwali ta’ 5 ijiem ta’ taħriġ fis-sena għall-impjegati u l-kontijiet individwali tal-apprendiment, biex jiżdied it-tagħlim għall-adulti, l-impatt tagħhom jeħtieġ iż-żmien biex jimmaterjalizza u dawn il-miżuri jeħtieġu evalwazzjoni.

(27)Minkejja l-infiq pubbliku għoli fuq l-edukazzjoni, l-eżiti tat-tagħlim iddeterjoraw u għad hemm tħassib dwar l-inklużività u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-riżultati tal-Programm tal-OECD tal-2022 għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti juru deterjorament fit-tul fil-qari, il-matematika u x-xjenza fost iż-żgħażagħ ta’ 15-il sena (25 % kellhom prestazzjoni baxxa fil-matematika, 25,3 % fil-qari u 22,4 % fix-xjenza). Filwaqt li l-Belġju kellu l-ogħla sehem ta’ dawk bl-aqwa prestazzjoni fil-matematika fl-UE fl-2012 (19,5 %), dan naqas drastikament matul l-10 snin ta’ wara (11,5 % fl-2022, il-Komunità Fjamminga: 15 %, il-Komunità Franċiża: 6.9 %, il-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż: 6,4 %). Barra minn hekk, id-distakk fil-kisbiet insuffiċjenti bejn studenti vantaġġati u żvantaġġati kiber mill-2018. Ir-rata ta’ nuqqas ta’ kisbiet tal-istudenti żvantaġġati żdiedet b’9,2 punti perċentwali, u laħqet 45,8 % fil-matematika (UE: 48 %, il-Komunità Fjamminga: 41.4 %, il-Komunità Franċiża: 51.1 %, il-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż: 35,6 %). It-titjib tal-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi tal-istudenti kollha huwa kruċjali biex jiffavorixxi l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż ta’ gruppi żvantaġġati. Iż-żieda fl-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim, b’mod partikolari billi tiġi żgurata l-istabbiltà tal-impjiegi u billi jiġi pprovdut taħriġ kontinwu adattat għall-ħtiġijiet li qed jevolvu, tgħin biex jitnaqqas in-nuqqas dejjem jikber ta’ għalliema kwalifikati, li jirriskja li jkompli jżid l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni 28 .

(28)L-ambjent tan-negozju tal-Belġju huwa mfixkel minn piż regolatorju għoli u livell għoli ta’ kumplessità. Il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji huwa tqil, b’mod partikolari fir-rigward tat-taxxa u l-liġi tax-xogħol. Il-kostijiet li jiffaċċjaw l-SMEs biex jikkonformaw mas-sistemi tax-xogħol u tat-taxxa huma komparattivament għoljin fil-Belġju, b’mod partikolari għall-kumpaniji li jeħtiġilhom jimmaniġġjaw sistemi reġjonali multipli. Barra minn hekk, il-Belġju għandu wieħed mill-aktar livelli baxxi ta’ dinamiżmu tan-negozju fl-UE. Minkejja żieda reċenti, ir-rata ta’ negozji ġodda li qed jibdew għadha baxxa, b’mod partikolari għal ditti b’impjegati. Is-sehem ta’ ditti b’rata għolja ta’ tkabbir fil-Belġju huwa ferm taħt il-medja tal-UE. Restrizzjonijiet kummerċjali għoljin fis-settur tas-servizzi jista’ jkollhom rwol fid-dgħufija tad-dinamiżmu tan-negozju. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-professjonijiet regolati jeħtieġ ukoll li tiġi indirizzata.

(29)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Belġju, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu jimplimentaw l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.Jissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, jillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 29 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Jindirizza ż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età, inkluż billi jagħmel is-sistema tal-kura fit-tul aktar kosteffettiva. Jirriforma s-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji biex isaħħaħ l-inċentivi għax-xogħol billi jċaqlaq il-piż tat-taxxa lil hinn mix-xogħol u billi jirrevedi t-tfassil tal-benefiċċji. Jiffinanzja t-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xogħol, inkluż billi jnaqqas in-nefqa tat-taxxa. B’mod partikolari, jieħu passi biex jelimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili, inkluż billi jittrasferixxi d-dazji tas-sisa mill-elettriku għall-fjuwils fossili.

2.Jaċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li jiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, billi jiżgura governanza effettiva. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, ikompli jiffoka fuq il-prijoritajiet miftiehma, filwaqt li jqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.Jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġi fil-ħiliet, inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika, u jsaħħaħ il-politiki ta’ attivazzjoni biex il-gruppi żvantaġġati jiġu integrati aktar fis-suq tax-xogħol. Itejjeb il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jkompli r-riformi biex isaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim.

4.Itejjeb l-ambjent tan-negozju u d-dinamika tan-negozju billi jnaqqas il-piż regolatorju u l-kumplessità, u billi jnaqqas ir-restrizzjonijiet fis-settur tas-servizzi.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
(3)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1) http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj .
(4)    COM(2023) 168 final.
(5)    COM(2024) 77 final.
(6)    COM(2023) 901 final.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
(8)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser in-nefqa tal-gvern, netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax, (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju (10161/2021).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju (15570/2023).
(11)    SWD(2024) 601 final.
(12)    Eurostat-Indikaturi Euro, 22.4.2024
(13)    COM(2023) 141 final.
(14)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 19.6.2024, COM(2024) 598 final.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Belġju għall-2022 ĠU C 334, 1.9.2022, p. 1.
(16)    Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Belġju fl-2023 huwa stmat fil-livell ta’ 5,7 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(17)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta’ żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul (u esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Belġju, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 12.
(19)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa fuq il-qgħad ċikliku, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(20)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija ta’ fornituri tal-enerġija.
(21)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, (ii) il-miżuri ta’ darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata ta’ tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(22)    Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, 2024 Ageing report, disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en
(23)    Il-Belġju japplika sistema ta’ qsim tal-introjtu (“kwozjent konjugali”) li tippermetti l-attribuzzjoni ta’ proporzjon tal-introjtu professjonali tas-sieħeb/sieħba li jaqla’ lis-sieħeb/sieħba mingħajr qligħ.
(24)    High Council of Finance, 2020, Reducing the tax burden on labour and financing options.
(25)    Schoonackers, R., 2020, Tax incentives for R&D: Are they effective? NBB Economic Review.
(26)    FPS Finance, 2024, Inventory of federal fossil fuel subsidies.
(27)    FPS Health and Finance, 2023, The landscape of carbon and energy pricing and taxation in Belgium.
(28)    Il-Kummissjoni Ewropea, 2023, Education and Training Monitor: Belgium.
(29)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.