Brussell, 20.5.2021

COM(2021) 243 final

2021/0125(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-proposti għal emendi tar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 24, 30, 41, 49, 83, 79, 95, 101, 124, 129, 134, 137 u 157, u l-proposti għal emendi tar-Regolamenti Tekniċi Globali Nri 4 u 9


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (WP.29) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi għar-Regolamenti eżistenti tan-NU u ta’ emendi għar-Regolamenti Tekniċi Globali eżistenti tan-NU.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Il-Ftehim tal-1958 u l-Ftehim tal-1998

L-għan tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (“NU/KEE”) li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim Rivedut tal-1958”) u tal-Ftehim li jistabbilixxi r-Regolamenti Tekniċi Globali għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“il-Ftehim Parallel”) huwa li jiżviluppaw rekwiżiti armonizzati maħsubin biex jeliminaw l-ostakli tekniċi għall-kummerċ fil-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti tan-NU/KEE u li jiżguraw li t-tali vetturi joffru livell għoli ta’ sikurezza u ta’ ħarsien tal-ambjent. Għall-UE, il-Ftehimiet daħlu fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 1998 u fil-15 ta’ Frar 2000 rispettivament. It-tnejn li huma jiġu amministrati mill-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tan-NU/KEE (“il-Grupp ta’ Ħidma Nru 29” jew “id-WP.29”).

2.2. Il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) - il-Grupp ta’ Ħidma Nru 29 jew id-WP. 29

Id-WP.29 joffri qafas uniku għal regolamenti dwar il-vetturi armonizzati fuq livell dinji. Id-WP.29 huwa grupp ta’ ħidma permanenti fil-qafas istituzzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti li għandu mandat speċifiku u regoli ta’ proċedura. Huwa jaħdem bħala forum globali li jippermetti diskussjonijiet miftuħin dwar ir-regolamenti dwar il-vetturi bil-mutur, u fih tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u tal-Ftehim Parallel. Kull pajjiż li huwa membru tan-Nazzjonijiet Uniti u kull organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li l-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti jwaqqfu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fl-attivitajiet tad-WP.29 u jsiru parti kontraenti tal-Ftehimiet dwar il-vetturi li d-WP.29 jamministra. L-Unjoni Ewropea hija parti għal dawn il-Ftehimiet 1 .

Il-laqgħat tad-WP.29 tan-NU/KEE jsiru tliet darbiet fis-sena, jiġifieri f’Marzu, f’Ġunju u f’Novembru. F’kull sessjoni tal-laqgħat jistgħu jiġu adottati Regolamenti ġodda tan-NU, Regolamenti Tekniċi Globali ġodda tan-NU (“GTRs tan-NU”), emendi għar-Regolamenti u għar-Riżoluzzjonijiet eżistenti tan-NU skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 u emendi għall-GTRs u għar-Riżoluzzjonijiet eżistenti tan-NU skont il-Ftehim Parallel, sabiex ikun jista’ jsir progress tekniku. Qabel kull laqgħa tad-WP.29, dawn l-emendi l-ewwel jiġu diskussi fil-livell tekniku f’korpi sussidjarji speċjalizzati tad-WP.29.

Wara dan, issir votazzjoni fil-livell tad-WP.29 (jiġifieri b’maġġoranza kwalifikata tal-Partijiet Kontraenti preżenti li jkunu qed jivvutaw għall-proposti marbutin mal-Ftehim Rivedut tal-1958 u b’vot ta’ kunsens tal-Partijiet Kontraenti preżenti li jkunu qed jivvutaw għall-proposti marbutin mal-Ftehim Parallel).

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni dwar ir-Regolamenti u l-GTRs il-ġodda, dwar l-emendi, is-supplimenti u r-rettifiki tagħhom, u dwar ir-Riżoluzzjonijiet, hija stabbilita qabel kull laqgħa tad-WP.29 b’Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2.3. L-att previst tad-WP.29

Bejn l-22 u l-24 ta’ Ġunju 2021, matul il-184 sessjoni tiegħu, id-WP.29 jista’ jadotta l-proposti għal emendi tar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 24, 30, 41, 49, 79, 83, 95, 101, 124, 129, 134, 137 u 157, u l-proposti għal emendi tar-Regolamenti Tekniċi Globali Nri 4 u 9.

3. POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI

Is-sistema tad-WP.29 issaħħaħ l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-vetturi. Il-Ftehim tal-1958 għandu rwol importanti f’dan l-objettiv minħabba li l-manifatturi tal-UE jistgħu joperaw skont sett komuni ta’ Regolamenti dwar l-approvazzjoni tat-tip bl-għarfien li l-Partijiet Kontraenti se jirrikonoxxu l-prodott bħala prodott li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Pereżempju, din l-iskema ppermettiet lir-Regolament (KE) Nru 661/2009 dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur iħassar iktar minn 50 Direttiva tal-UE u jissostitwihom bir-Regolamenti korrispondenti żviluppati fil-kuntest tal-Ftehim tal-1958.

L-istess approċċ huwa segwit fil-każ tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip u t-tqegħid fis-suq tal-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda kollha. Dan ir-Regolament jinkorpora r-regolamenti li ġew adottati skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 (“ir-Regolamenti tan-NU”) fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Ladarba d-WP.29 jadotta l-proposti għal emendi għal Regolamenti tan-NU jew għal Regolamenti ġodda tan-NU, u ladarba s-Segretarju Eżekuttiv tan-NU/KEE jgħarraf lill-Partijiet Kontraenti b’dawn l-atti, jekk il-Partijiet Kontraenti li jikkostitwixxu minoranza li timblokka ma joġġezzjonawx għalihom fi żmien sitt xhur, l-atti jkunu jistgħu finalment jidħlu fis-seħħ u jkunu jistgħu jiġu trasposti fir-regoli nazzjonali applikabbli ta’ kull Parti Kontraenti. Fl-UE, it-traspożizzjoni titlesta ladarba dawn l-atti jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, jeħtieġ li tiġi ddefinita l-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta mal-atti li ġejjin:

–il-proposti għal emendi tar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 24, 30, 41, 49, 79, 83, 95, 101, 124, 129, 134, 137 u 157, li huma relatati mal-aġġornament tad-dispożizzjonijiet dwar l-ibbrejkjar ta’ vetturi tqal, l-ibbrejkjar għal vetturi M1 u N1, is-sustanzi niġġiesa viżibbli u l-kejl tal-potenza ta’ magni ta’ tqabbid bil-kompressjoni, it-tajers għall-karozzi tal-passiġġieri u l-karrijiet tagħhom, l-emissjonijiet ta’ storbju mill-muturi, l-emissjonijiet mill-magni ta’ tqabbid bil-kompressjoni u mill-magni ta’ tqabbid bl-ispark (LPG u CNG) għal vetturi tqal, it-tagħmir tal-istering, l-emissjonijiet minn vetturi M1 u N1, il-ħbit laterali, l-emissjonijiet ta’ CO2/konsum tal-fjuwil, ir-roti ta’ sostituzzjoni għall-karozzi tal-passiġġieri, is-sistemi mtejba tat-trażżin tat-tfal, il-vetturi b’ċelluli tal-fjuwil u tal-idroġenu, il-ħbit frontali b’enfasi fuq is-sistemi tat-trażżin u s-sistema awtomatizzata taż-żamma fil-korsija;

–il-proposti għal emendi tar-Regolamenti Tekniċi Globali (UN GTR) Nri 4 u 9 relatati mal-proċedura armonizzata mad-dinja kollha ta’ ċertifikazzjoni heavy-duty u mas-sikurezza tal-persuni bil-mixi;

li se jitressqu għall-votazzjoni waqt il-laqgħa tad-WP.29 ta’ Ġunju 2021 li se ssir bejn it-22 u l-24 ta’ Ġunju 2021. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi ddefinita l-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta mal-affarijiet li ġejjin:

–il-proposta għad-dokument ewlieni għall-metodu l-ġdid ta’ valutazzjoni/ttestjar għas-sewqan awtomatizzat (NATM);

–il-proposta għal talba għall-awtorizzazzjoni biex jiġi żviluppat UN GTR ġdid dwar id-durabbiltà ta’ tagħmir ta’ posttrattament għal vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti.

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-atti msemmijin hawn fuq minħabba li dawn jikkonformaw mal-politika tas-suq intern tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-industrija tal-karozzi u minħabba li huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni dwar it-trasport, dwar il-klima u dwar l-enerġija.

Dawn l-atti kollha għandhom impatt tassew pożittiv fuq il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi tal-UE u fuq il-kummerċ internazzjonali tagħha. Il-vot favur dawn l-atti se jippromwovi l-progress teknoloġiku, se joffri vantaġġi f’termini tal-ekonomiji ta’ skala, se jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq intern u se jiżgura li l-istandards tal-karozzi jiġu applikati bl-istess mod fl-Unjoni kollha.

Il-proposta għal emendi għar-Regolament tan-NU Nru 79 3 (tagħmir tal-istering) mhux se tkun lesta għall-votazzjoni fil-laqgħa tad-WP.29 ta’ Ġunju tal-2021 u teħtieġ li tiġi diskussa aktar fil-korpi sussidjarji speċjalizzati tad-WP.29.

L-għarfien espert estern mhuwiex rilevanti fil-każ ta’ din il-proposta. Madankollu, din se tiġi eżaminata mill-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur.

4.BAŻI ĠURIDIKA

4.1.    Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.    Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 4 .

4.1.2.    Applikazzjoni għall-każ preżenti

Id-WP.29 huwa korp li fih il-Partijiet Kontraenti tan-NU/KEE jiddiskutu bejniethom l-implimentazzjoni tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u tal-Ftehim Parallel.

L-atti li d-WP.29 qed jintalab jadotta huma atti li għandhom effetti legali.

Ir-Regolamenti tan-NU fl-att previst ikunu jorbtu lill-Unjoni u flimkien mal-GTRs tan-NU u mar-Riżoluzzjonijiet tan-NU jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.    Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.    Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk waħda minn dawn il-miri jew wieħed minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-mira jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2. Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-approssimazzjoni tal-liġijiet. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 114 tat-TFUE.

4.3.    Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 114 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.

2021/0125 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-proposti għal emendi tar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 24, 30, 41, 49, 83, 79, 95, 101, 124, 129, 134, 137 u 157, u l-proposti għal emendi tar-Regolamenti Tekniċi Globali Nri 4 u 9

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE 5 , l-Unjoni aderiet mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (“in-NU/KEE”) li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim Rivedut tal-1958”). Il-Ftehim Rivedut tal-1958 daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 1998.

(2)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE 6 , l-Unjoni aderiet mal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“il-Ftehim Parallel”). Il-Ftehim Parallel daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2000.

(3)Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 jistabbilixxi dispożizzjonijiet amministrattivi u rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip u t-tqegħid fis-suq tal-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda kollha. Dan ir-Regolament jinkorpora r-regolamenti li ġew adottati skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 (“ir-Regolamenti tan-NU”) fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(4)Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim Parallel, il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tan-NU/KEE (id-WP.29 tan-NU/KEE) jista’ jadotta l-proposti għall-emendar tar-Regolamenti tan-NU, tar-Regolamenti Tekniċi Globali tan-NU (GTRs tan-NU) u tar-Riżoluzzjonijiet tan-NU, kif ukoll proposti għal Regolamenti tan-NU, għal Regolamenti Tekniċi Globali tan-NU u għal Riżoluzzjonijiet tan-NU li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi. Barra minn hekk, skont dawk id-dispożizzjonijiet, id-WP.29 tan-NU/KEE jista’ jadotta proposti għal awtorizzazzjonijiet biex jiġu żviluppati emendi għall-GTRs tan-NU jew biex jiġu żviluppati GTRs ġodda tan-NU u jista’ jadotta proposti għall-estensjoni tal-mandati għall-GTRs tan-NU.

(5)Id-WP.29 tan-NU/KEE, matul il-184 sessjoni tal-Forum Dinji li se ssir bejn it-22 u l-24 ta’ Ġunju 2021, jista’ jadotta l-proposti għal emendi tar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 24, 30, 41, 49, 79, 83, 95, 101, 124, 129, 134, 137 u 157, u l-proposti għal emendi tar-Regolamenti Tekniċi Globali Nri 4 u 9.

(6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-WP.29 tan-NU/KEE fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dawk il-proposti, minħabba li r-Regolamenti tan-NU se jorbtu lill-Unjoni u, flimkien mal-GTRs tan-NU, jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi.

(7)Fid-dawl tal-esperjenza u tal-iżviluppi tekniċi, jeħtieġ li jiġu adattati r-rekwiżiti relatati ma’ ċerti elementi jew karatteristiċi koperti bir-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 24, 30, 41, 49, 79, 83, 95, 101, 124, 129, 134, 137 u 157 jeħtieġ li jiġu emendati, kkoreġuti jew issupplimentati.

(8)Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet fil-GTRs Nri 4 u 9 tan-NU jeħtieġ li jiġu emendati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-184 sessjoni tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tan-NU/KEE li se ssir bejn it-22 u l-24 ta’ Ġunju 2021 għandha tkun li tivvota favur il-proposti elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   F'isem il-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta' Novembru 1997 bil-għan tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”) (ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78).Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“Ftehim Parallel”) (ĠU L 35, 10.2.2000, p. 12).
(2)    Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).
(3)    Proposta għal serje ta’ emendi 04 ġdida tar-Regolament Nru 79 tan-NU
(4)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta’ Novembru 1997 bil-għan tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”) (ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta' Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-istabbiliment ta' regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f'vetturi bir-roti (“Ftehim Parallel”) (ĠU L 35, 10.2.2000, p. 12).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).