3.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/79


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta' April 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2010/221/UE fir-rigward tal-approvazzjoni ta' miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μνar) f'ċerti żoni tal-Irlanda u r-Renju Unit

(notifikata bid-dokument C(2014) 2763)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/250/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE (2) tippermetti li ċerti Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta' konsenji tal-annimali akkwatiċi sabiex jevitaw l-introduzzjoni ta' ċertu mard fit-territorju tagħhom.

(2)

L-Istati Membri jistgħu japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet jekk ikunu wrew li t-territorju tagħhom, jew ċerti żoni demarkati tat-territorju tagħhom, huma ħielsa minn dan il-mard jew li dawn stabilixxew programm ta' qerda biex jiksbu t-tali ħelsien.

(3)

L-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE jelenkaw żoni fl-Irlanda u r-Renju Unit b'miżuri nazzjonali approvati biex jikkontrollaw l-ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1 μVar).

(4)

Billi l-OsHV-1 μVar kienet għadha meqjusa bħala marda emerġenti b'ħafna inċertezzi dwarha u l-programmi ta' sorveljanza approvati bid-Deċiżjoni 2010/221/UE ma kinux ġew ivvalutati għal kollox, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/213/UE (3) awtorizzat li r-restrizzjonijiet relatati mal-OsHV-1 μVar jiġu applikati għal dawk iż-żoni sat-30 ta' April 2014.

(5)

L-għarfien xjentifiku attwalment disponibbli jindika li l-OsHV-1 μVar għadu l-aġent misjub f'ħafna mill-kampjuni miġbura minn avvenimenti ta' mortalità tal-gajdri żgħar u l-larvi tal-gajdri, u li r-rata ta' mortalità globali minħabba din il-marda naqset u stabbilizzat matul l-aħħar sentejn. Barra minn hekk, il-programmi ta' sorveljanza tal-Irlanda u r-Renju Unit juru li hemm numru sinifikanti ta' żoni ta' produzzjoni għall-gajdri tal-Paċifiku li baqgħu ħielsa mill-marda. Dawk il-programmi jindikaw li l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet ta' moviment attwalment fis-seħħ kienet fil-fatt effettiva. Madankollu, għad baqa' xi inċertezzi fir-rigward tal-epidemjoloġija tal-marda, u fir-rigward tal-aktar miżuri adegwati meħtieġa biex jiżguraw kontroll effettiv. Għalhekk, hija meħtieġa evalwazzjoni xjentifika aktar komprensiva tas-sitwazzjoni, inkluża opinjoni xjentifika ġdida mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (European Food Safety Authority — EFSA).

(6)

Fuq bażi tal-evidenza xjentifika u epidemjoloġika disponibbli dwar l-evoluzzjoni tal-OsHV-1 μVar fl-Unjoni, u sakemm tingħata opinjoni xjentifika ġdida mill-EFSA, huwa xieraq li jittawwal il-perjodu ta' validità tal-miżuri attwalment fis-seħħ li bihom l-Istati Membri jistgħu japplikaw restrizzjonijiet speċifiċi relatati ma' din il-marda. Dan il-perjodu għandu jkun limitat għal sentejn oħra sat-30 ta' April 2016.

(7)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/12/UE (4) kkonfermat l-istatus ta' ħelsien mill-marda tal-OsHV-1 μVar tat-territorji tar-Renju Unit li ġejjin, elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE: (i) it-territorju tal-Gran Brittanja ħlief il-Bajja ta' Whitstable f'Kent, l-Estwarju ta' Blackwater f'Essex u l-Port ta' Poole f'Dorset; (ii) iż-żona ta' Larne Lough fit-territorju tal-Irlanda ta' Fuq; u (iii) it-territorju ta' Guernsey.

(8)

Skont id-dikjarazzjoni notifikata lill-Kummissjoni mir-Renju Unit, il-programm ta' sorveljanza għall-OsHV-1 μVar juri status ta' ħelsien mill-marda bl-eċċezzjoni taż-żoni infettati u mhux se jibqa' jiġi applikat kif indikat fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE.

(9)

L-annotazzjoni tar-Renju Unit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE għandha għalhekk titneħħa.

(10)

Id-Deċiżjoni 2010/221/UE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(11)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 2010/221/UE, id-data “30 ta' April 2014” għandha tiġi sostitwita bid-data “30 ta' April 2016”.

Artikolu 2

Fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE l-annotazzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1μVar) titneħħa.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Mejju 2014.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta' April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta' ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi b'konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (ĠU L 98, 24.4.2010, p. 7).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/213/UE tad-29 ta' April 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2010/221/UE fir-rigward tal-approvazzjoni ta' miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-ostreid herpesvirus 1μvar (OsHV-1 μvar) f'ċerti żoni fl-Irlanda u fir-Renju Unit (ĠU L 120, 1.5.2013, p. 16).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/12/UE tal-14 ta' Jannar 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2010/221/UE fir-rigward ta' miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi f'partijiet tal-Irlanda, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit (ĠU L 11, 16.1.2014, p. 6).