European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2626

23.12.2025

Il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook

(2025–2032)


WARA li kkunsidraw il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet, b’mod partikolari fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) u l-Unjoni Ewropea, u x-xewqa komuni tagħhom li jintensifikaw din ir-relazzjoni,

WARA li kkunsidraw il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook,

IL-PARTIJIET TA’ DAN IL-PROTOKOLL JAQBLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Perjodu ta’ applikazzjoni u opportunitajiet tas-sajd

1.   Minkejja l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (il-“Ftehim”), dan il-Protokoll għandu japplika għal perjodu ta’ 6 snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu. Dan għandu jiġġedded b’mod taċitu għal perjodu addizzjonali ta’ sena, sakemm ma jingħatax avviż ta’ terminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan il-Protokoll, u ma għandux jiġi estiż wara t-13 ta’ Ottubru 2032.

2.   Mid-data tal-applikazzjoni proviżorja ta' dan il-Protokoll, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim għandhom ikunu kif ġej:

(a)

4 bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża biex jistadu għall-ispeċijiet migratorji ħafna kif elenkati fl-Anness I tal-Konvenzjoni tal-1982 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar;

(b)

40 jum ta’ sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook fis-sena.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika soġġett għall-Artikolu 3 ta’ dan il-Protokoll. Il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jixtru jiem addizzjonali skont il-Kapitolu 2 tal-Anness.

4.   Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim, il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook dment li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li tkun inħarġet skont dan il-Protokoll u f’konformità mal-Anness tiegħu.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni finanzjarja – Metodi tal-pagamenti

1.   Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għandha tkun ta’ EUR 460 000. Il-paragrafu 1 għandu japplika soġġett għall-Artikoli 4 u 7.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun magħmula minn żewġ elementi li ma humiex assoċjati ma’ xulxin:

(a)

ammont annwali ta’ EUR 165 000 għall-aċċess għaż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook; u

(b)

ammont annwali ta’ EUR 295 000 għall-appoġġ u għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd u tal-politika marittima tal-Gżejjer Cook.

3.   L-Unjoni għandha tħallas l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a) sa mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll għall-ewwel sena. Għal kull sena sussegwenti, il-ħlas għandu jsir mhux aktar tard mid-data li tikkorrispondi għad-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll.

4.   L-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook u tal-Unjoni għandhom jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni biex jiżguraw ġestjoni xierqa tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni, filwaqt li jqisu l-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni rilevanti.

5.   L-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook għandu jkollhom diskrezzjoni sħiħa fir-rigward tal-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a).

6.   Kull element tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2 għandu jitħallas ġo kont tal-bank iddeżinjat tal-gvern miftuħ fil-Gżejjer Cook. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b) għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-entità rilevanti li tkun qiegħda timplimenta l-appoġġ settorjali tas-sajd. L-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook għandhom jipprovdu fi żmien dovut lill-awtoritajiet tal-Unjoni d-dettalji tal-kont tal-bank u informazzjoni dwar il-linja rilevanti tal-liġi baġitarja nazzjonali. Id-dettalji tal-kont tal-bank għandhom jinkludu tal-inqas dan li ġej: (i) l-isem tal-entità benefiċjarja; (ii) l-isem tad-detentur tal-kont tal-bank; (iii) l-indirizz tad-detentur tal-kont tal-bank; (iv) l-isem tal-bank; (v) il-kodiċi SWIFT; u (vi) in-numru IBAN.

Artikolu 3

Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-opportunitajiet tas-sajd

F’nofs it-terminu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Kumitat Konġunt għandu jivvaluta u, fejn ikun hemm qbil, jirrevedi: (i) l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1, sa fejn il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali jappoġġaw tali reviżjoni; u (ii) il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali msemmija fl-Artikolu 2(2) ta' dan il-Protokoll u fil-paragrafu 31 tal-Anness tiegħu.

Artikolu 4

Appoġġ settorjali

1.   L-objettiv ewlieni tal-appoġġ settorjali huwa li jikkontribwixxi għall-promozzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ sajd responsabbli fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook, biex jiggarantixxi l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd b’tali mod li jiżdied il-kontribut tas-settur tas-sajd għas-sigurtà alimentari, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp ekonomiku.

2.   Il-komponent ta’ appoġġ settorjali se jgħin biex titwettaq il-wegħda li għamlu l-Gżejjer Cook fl-Aġenda Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020+ tagħhom, b’mod partikolari l-Għan 11 tagħhom “Il-Bijodiversità u l-Ambjent Naturali Tagħna”.

3.   L-appoġġ settorjali jirrappreżenta ammont addizzjonali u komplementari għall-baġit operazzjonali domestiku allokat lill-Ministeru għar-Riżorsi tal-Baħar tal-Gżejjer Cook.

4.   Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għall-appoġġ settorjali huma stabbiliti fl-Appendiċi 3.

Artikolu 5

Kooperazzjoni dwar sajd responsabbli

1.   Tul il-perjodu kopert minn dan il-Protokoll, filwaqt li jirrikonoxxu s-sovranità u d-drittijiet sovrani tal-Gżejjer Cook fejn jidħlu r-riżorsi tas-sajd tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll, skont il-bżonn, biex jiskambjaw bejniethom l-informazzjoni statistika, bijoloġika, ekonomika, ta’ konservazzjoni u ambjentali relatata mal-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook għall-fini tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-kooperazzjoni dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni responsabbli tas-sajd fi ħdan il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali, l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku, il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan, u kwalunkwe organizzazzjoni subreġjonali, reġjonali u internazzjonali rilevanti oħra.

4.   Il-Partijiet jistgħu jippromwovu wkoll il-kooperazzjoni f’oqsma addizzjonali relatati mal-ġestjoni effettiva u responsabbli tas-sajd. Dan jinkludi l-kooperazzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, l-aċċess għas-suq u l-appoġġ għall-kummerċ, u kooperazzjoni usa’ fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd.

Artikolu 6

Prinċipji li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg

1.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tas-sajjieda abbord il-bastimenti tal-Unjoni ma għandhomx imorru kontra l-istrumenti applikabbli għas-sajjieda tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO, International Labour Organisation) u tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) , b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol (1998), kif emendata fl-2022, u l-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO dwar ix-Xogħol fis-Sajd. Dan jinkludi: (i) ir-rispett għal-libertà ta’ assoċjazzjoni; (ii) rikonoxximent effettiv tad-dritt tal-ħaddiema għal negozjar kollettiv; (iii) l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal; (iv) l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjieg u l-okkupazzjoni; u (v) ambjent tax-xogħol sikur u tajjeb għas-saħħa u kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol deċenti abbord bastimenti tal-Unjoni.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jippromwovu taħriġ adegwat għas-sajjieda, inkluż taħriġ kif previst fil-Konvenzjoni Internazzjonali tal-OMI dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd.

3.   Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għall-kundizzjonijiet tal-impjieg huma stipulati fid-dettall fil-Kapitolu 5 tal-Anness.

Artikolu 7

Eżami mill-ġdid min-naħa tal-Kumitat Konġunt tal-opportunitajiet tas-sajd u tad-dispożizzjonijiet tekniċi

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jivvaluta u jiddeċiedi li jirrevedi l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1, dment li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali jappoġġaw il-fatt li tali reviżjoni se tgħin biex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tat-tonn u tal-ispeċijiet simili għat-tonn fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent.

2.   Meta l-Kumitat Konġunt jiddeċiedi li jirrevedi l-opportunitajiet tas-sajd, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (a) għandha tiġi aġġustata b’mod proporzjonali għall-għadd ta’ jiem ta’ sajd li l-Gżejjer Cook se jagħmlu disponibbli għall-bastimenti tal-Unjoni. Madankollu, l-ammont annwali totali mħallas mill-Unjoni ma għandux jaqbeż id-doppju tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (a).

3.   Il-Kumitat Konġunt jista’ wkoll, kif ikun neċessarju, jeżamina kwalunkwe dispożizzjoni teknika ta’ dan il-Protokoll u tal-Anness u l-Appendiċi tiegħu u jiddeċiedi li jadattahom bi ftehim komuni.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data

1.   Il-Gżejjer Cook u l-Unjoni għandhom jiżguraw li d-data skambjata skont il-Ftehim tintuża mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-liġijiet nazzjonali u għal finijiet ta’ ġestjoni u monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tas-sajd.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li d-data kollha kummerċjalment sensittiva u d-data personali relatata mal-bastimenti tal-Unjoni u mal-attivitajiet tas-sajd tagħhom miksuba skont il-Ftehim, kif ukoll l-informazzjoni kollha kummerċjalment sensittiva relatata mas-sistemi ta’ komunikazzjoni użati mill-Unjoni, jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-data aggregata relatata mal-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd biss issir pubblika.

3.   Id-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data.

4.   Id-data personali skambjata skont il-Ftehim għandha tiġi pproċessata f’konformità mal-Appendiċi 4. Il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel dwar aktar salvagwardji u rimedji legali fir-rigward tad-data personali u tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

5.   Id-data skambjata skont il-Ftehim għandha tkompli tiġi pproċessata f’konformità ma’ dan l-Artikolu u l-Appendiċi 4 anke wara l-iskadenza ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 9

Skambji elettroniċi tad-data

1.   Il-Gżejjer Cook u l-Unjoni għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxu sistemi, kif stabbilit fl-Anness, għall-monitoraġġ u għall-iskambju elettroniku tad-data u tad-dokumenti kollha relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll fir-rigward tal-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni.

2.   Il-verżjoni elettronika ta’ dokument għandha titqies li hija ekwivalenti għall-verżjoni stampata f’kull rigward.

3.   Il-Gżejjer Cook u l-Unjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin mingħajr dewmien dwar kwalunkwe ħsara fis-sistema elettronika għall-iskambju tad-data użata għall-implimentazzjoni tal-Ftehim. Konsegwentement, l-informazzjoni u d-dokumenti relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jintbagħtu awtomatikament b’mod alternattiv ta’ komunikazzjoni.

4.   Ir-regoli dwar it-trażmissjoni tad-data, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tal-operat, huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 10

Sospensjoni

1.   Dan il-Protokoll, inkluż il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (a) u (b) jista’ jiġi sospiż fuq l-inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet fil-każijiet u bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta’ dan il-Protokoll, il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ terġa’ tibda titħallas minnufih malli s-sitwazzjoni titreġġa’ lura għal kif kienet qabel ma ġara dak li jissemma fl-Artikolu 13 tal-Ftehim jew malli tinstab soluzzjoni f’konformità mal-Ftehim.

Artikolu 11

Terminazzjoni

Dan il-Protokoll jista’ jiġi tterminat fuq l-inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet fil-każijiet u bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tal-Ftehim.

Artikolu 12

Obbligi meta jiskadi jew jintemm dan il-Protokoll

1.   Wara li dan il-Protokoll jiskadi jew jiġi tterminat f’konformità mal-Artikolu 14 tal-Ftehim, is-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikomplu jkunu responsabbli għal kwalunkwe ksur tal-Ftehim jew ta’ dan il-Protokoll jew ta’ kwalunkwe liġi tal-Gżejjer Cook li jkun seħħ qabel ma dan il-Protokoll skada jew ġie tterminat, u għal kwalunkwe tariffa tal-liċenzja jew kwalunkwe ħlas dovut li ma jkunx tħallas fil-mument ta’ tali skadenza jew terminazzjoni.

2.   Meta jkun neċessarju, il-Partijiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali previst skont l-Artikolu 2(2), il-punt (b), f’konformità mal-Artikolu 3(1) u r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.

Artikolu 13

Applikazzjoni proviżorja

Malli l-Partijiet jiffirmaw dan il-Protokoll tibda l-applikazzjoni proviżorja tiegħu qabel jidħol fis-seħħ.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri neċessarji għal dak l-iskop.

2.   In-notifika li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat, f’dak li jirrigwarda lill-Unjoni, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 15

Testi awtentiċi

1.   Dan il-Protokoll huwa mfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, b’kull test awtentiku b’mod ugwali.

2.   F’każ ta’ diverġenza bejn it-testi ta’ dan il-Protokoll, il-verżjoni bl-Ingliż għandha tipprevali għall-finijiet tal-implimentazzjoni u tal-interpretazzjoni tiegħu.

Image 1

Image 2


ANNESS

TERMINI U KUNDIZZJONIJIET GĦALL-BASTIMENTI TAL-UNJONI AWTORIZZATI JISTADU FL-ILMIJIET TAS-SAJD TAL-GŻEJJER COOK

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Definizzjonijiet

1.

“Awtorità kompetenti” tfisser:

(a)

fil-każ tal-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”): il-Kummissjoni Ewropea;

(b)

fil-każ tal-Gżejjer Cook: il-Ministeru tar-Riżorsi tal-Baħar.

2.

“Awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser dritt validu jew liċenzja biex jitwettqu attivitajiet tas-sajd, għal speċijiet speċifiċi, bl-użu ta’ rkaptu speċifiku, fiż-żoni tas-sajd speċifikati f’konformità ma’ dan l-Anness.

3.

“Force majeure” tfisser it-telfien jew l-immobilizzazzjoni fit-tul ta’ bastiment minħabba ħsara teknika serja.

4.

“Jum ta’ sajd” tfisser meta bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni jwettaq kwalunkwe sajd matul jum kalendarju, jew f’parti mill-perjodu ta’ 24 siegħa (00:00–24:00) ta’ dak il-jum kalendarju, li matulu bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tal-Unjoni jkun fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook, iżda ma jinkludix jum kalendarju, jew parti mill-jum kalendarju, iddeżinjat bħala jum mhux ta’ sajd.

Kuntatti

5.

Qabel ma jibda japplika b’mod proviżorju dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jiskambjaw id-dettalji ta’ kuntatt kollha rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

6.

Id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Paċifiku għandha tiġi kkupjata fl-iskambji ta’ komunikazzjoni kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness.

7.

Qabel ma jibda japplika b’mod proviżorju dan il-Protokoll, il-Gżejjer Cook għandhom jinnotifikaw lill-Unjoni bid-dettalji tal-kontijiet tat-Teżor Pubbliku tal-Gżejjer Cook li fihom iridu jitħallsu t-tariffi pagabbli mill-bastimentital-Unjoni skont dan il-Protokoll. Is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu l-kostijiet tat-trasferimenti bankarji assoċjati.

KAPITOLU II

AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD

Bastimenti eliġibbli tal-Unjoni

8.

Sabiex bastiment tal-Unjoni jkun eliġibbli biex jikseb awtorizzazzjoni tas-sajd, la s-sid tal-bastiment, il-kaptan u l-bastiment innifsu ma għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook. Huma għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Gżejjer Cook, u għandhom ikunu ssodisfaw kull obbligu preċedenti li jkun ġej mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-Gżejjer Cook skont il-ftehimiet dwar is-sajd konklużi mal-Unjoni. Barra minn hekk, huma għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, jiġu elenkati fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC, Western and Central Pacific Fisheries Commission) u fir-reġistru tal-bastimenti tal-Aġenzija tas-Sajd tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (FFA, Forum Fisheries Agency), u ma jkunux fuq lista tal-bastimenti illegali, mhux regolati u mhux irrapportati (IUU, Illegal, Unregulated and Unreported) ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

Aġent tal-bastiment

9.

Il-bastimenti kollha tal-Unjoni li japplikaw għal awtorizzazzjoni tas-sajd jistgħu jkunu rrappreżentati minn aġent (kumpanija jew individwu) residenti fil-Gżejjer Cook, u li l-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook tkun ġiet mgħarrfa bih kif xieraq.

Żoni tas-sajd

10.

Il-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li jkunu ħarġuha l-Gżejjer Cook għandhom ikunu awtorizzati jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook ħlief għaż-żoni protetti jew ipprojbiti.

11.

Il-Gżejjer Cook għandhom jikkomunikaw lill-Unjoni kwalunkwe modifika fil-koordinati tal-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook u taż-żoni protetti jew taż-żoni tas-sajd magħluqa f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Ftehim.

Perjodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd

12.

Awtorizzazzjoni tas-sajd hija valida għal sena, u dan jissejjaħ “il-perjodu annwali ta’ validità”. Id-data tal-bidu ta’ dan il-perjodu tiġi ddeterminata mid-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd sussegwenti kollha għandhom jintemmu fid-data li tikkorrispondi għad-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll.

13.

Jekk, għal kwalunkwe ċirkostanza mhux prevista, il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd jiġi ttardjat, il-validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha xorta waħda tintemm fid-data li tikkorrispondi għad-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll. L-għadd totali ta’ jiem ta’ sajd għall-perjodu ta’ validità annwali affettwat għandu jiġi aġġustat b’mod proporzjonali għall-għadd validu ta’ jiem skont l-awtorizzazzjoni tas-sajd. Il-Gżejjer Cook għandhom jirrimborżaw il-porzjon mhux użat tat-tariffi bil-quddiem imħallsa mis-sidien tal-bastimenti, ikkalkolati pro rata temporis, sakemm is-sidien tal-bastimenti ma jiddeċidux li jżommu l-għadd ta’ jiem ta’ sajd għall-perjodu ta’ validità annwali affettwat.

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

14.

Bastimenti eliġibbli tal-Unjoni biss jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd skont dan il-Protokoll.

15.

L-Unjoni għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għal kull bastiment tal-Unjoni li jkun jixtieq iwettaq attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook mill-inqas 20 jum tax-xogħol qabel id-data tal-bidu mistennija tal-attivitajiet tas-sajd. Il-Gżejjer Cook għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar il-proċess tal-liċenzjar lill-Unjoni xahar qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll u sussegwentement kull sena. L-isem tas-sidien benefiċjarji tal-bastiment għandu jkun disponibbli fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd.

16.

Is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu t-tariffa bil-quddiem dovuta għall-perjodu ta’ validità annwali.

17.

L-Unjoni għandha tippreżenta b’mod elettroniku kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook billi tuża l-formola pprovduta, jew is-sistema elettronika implimentata, mill-Ministeru tar-Riżorsi tal-Baħar u billi tehmeż id-dokumenti li ġejjin:

(a)

evidenza li tħallset it-tariffa bil-quddiem għall-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd;

(b)

ritratti reċenti diġitali bil-kulur tal-bastiment (li jkunu ttieħdu sa 12-il xahar qabel), li jkollhom id-data fuqhom u li jkollhom riżoluzzjoni suffiċjenti li turi l-ġenb tal-bastiment, inkluż l-isem tal-bastiment u l-marki tal-bastiment;

(c)

kopja taċ-ċertifikat tat-tagħmir ta’ sikurezza tal-bastiment;

(d)

kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment;

(e)

kopja taċ-ċertifikat ta’ kontroll tal-faċilitajiet sanitarji tal-bastiment;

(f)

kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-FFA;

(g)

il-pjan ta’ stivar.

18.

Il-pagamenti mill-bastimenti tal-Unjoni għandhom jinkludu l-imposti nazzjonali u lokali kollha minbarra t-taxxi tal-portijiet u l-imposti tas-servizzi.

19.

Jekk applikazzjoni ma tkunx kompluta jew ma tissodisfax ir-rekwiżiti skont il-paragrafu 17, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook għandhom, fi żmien 7 ijiem tax-xogħol minn meta jirċievu l-applikazzjoni, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni bir-raġunijiet li għalihom l-applikazzjoni titqies mhux kompluta jew ma tissodisfax ir-rekwiżiti skont il-paragrafu 17.

Ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

20.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ mill-Gżejjer Cook fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jirċievu l-applikazzjoni sħiħa.

21.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tiġi trażmessa minnufih b’mezzi elettroniċi mill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook lis-sid tal-bastiment u lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni. Fl-istess ħin, l-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook għandha tibgħat awtorizzazzjoni tas-sajd f’forma stampata lis-sid tal-bastiment.

22.

Malli toħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd, l-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook għandha tinkludi l-bastiment f’lista ta’ bastimenti tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook. Dik il-lista għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-entitajiet kollha rilevanti tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tal-Gżejjer Cook u tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni.

23.

Il-verżjoni elettronika tal-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tiġi ssostitwita minn forma stampata malli dan ikun possibbli.

24.

Għandha tinħareġ awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment speċifiku u din ma għandhiex tkun tista’ tiġi trasferita.

25.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd (f’forma elettronika jew stampata meta din tkun disponibbli) għandha tinżamm abbord il-bastiment il-ħin kollu.

Trasferiment tal-jiem ta’ sajd

26.

Il-jiem ta’ sajd mixtrija jistgħu jiġu ttrasferiti bejn l-operaturi tal-bastimenti tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, l-operaturi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Cook u lill-Unjoni mill-inqas 72 siegħa qabel u jinnotifikawhom, fost affarijiet oħra, bl-għadd ta’ jiem ta’ sajd li għandhom jinqasmu bejn il-bastimenti kkonċernati. Il-Gżejjer Cook għandhom jirrikonoxxu l-wasla tan-notifika tat-trasferiment. It-trasferiment għandu jsir operattiv biss wara din il-konferma.

Force majeure

27.

Meta jkun hemm prova ta’ force majeure, u l-Unjoni titlob dan, l-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment tista’ tiġi sospiża u ttrasferita għal bastiment ieħor eliġibbli li jkollu karatteristiċi simili għall-perjodu ta’ validità li jkun għad fadal tiegħu u li għalih tista’ tinħareġ awtorizzazzjoni tas-sajd ġdida.

28.

Għandha tinħareġ awtorizzazzjoni tas-sajd lill-bastiment eliġibbli l-ġdid f’konformità mal-paragrafi 14 sa 25, mingħajr ir-rekwiżit ta’ pagamenti bil-quddiem ġdid.

Tariffi għall-awtorizzazzjoni tas-sajd

29.

Awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ biss wara li l-bastiment tal-Unjoni kkonċernat ikun ħallas pagament annwali ta’ EUR 90 000. Dan għandu jagħti lill-bastiment tas-sajd id-dritt li jistad għal 10 ijiem ta’ sajd.

30.

Jekk ikunu disponibbli, is-sidien tal-bastimenti jistgħu jixtru jiem ta’ sajd addizzjonali lil hinn minn dawk mixtrija skont il-paragrafu 29 mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook. Il-prezz li għandu jitħallas mis-sidien tal-bastimenti għall-jiem addizzjonali għandu jkun ta’ EUR 14 850 kull jum.

31.

It-tariffi pagabbli skont il-paragrafi 29 u 30 għandhom jiġu vvalutati u, meta jintlaħaq qbil, riveduti mill-Kumitat Konġunt fl-implimentazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ dan il-Protokoll.

32.

Jekk fl-aħħar sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-aċċess għall-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook għall-bastimenti tal-Unjoni jkun inqas minn sena, it-tariffi pagabbli skont il-paragrafu 29 għandhom jiġu aġġustati pro rata temporis. Ma għandu jkun hemm l-ebda aġġustament tat-tariffi pagabbli jekk is-sidien tal-bastimenti jagħtu parir lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook li jridu jżommu d-drittijiet għas-sajd f’konformità mal-paragrafu 29.

KAPITOLU III

MONITORAĠĠ TAS-SAJD

Ġestjoni tal-isforzi

33.

Il-Gżejjer Cook għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni meta jintlaħaq 85 % tal-isforz totali tal-jiem ta’ sajd. Malli jirċievu dik in-notifika, l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Istati Membri b’dan.

34.

L-użu annwali tal-jiem ta’ sajd mill-bastimenti tal-Unjoni għandu jiġi rieżaminat mill-Kumitat Konġunt matul il-laqgħa annwali tiegħu.

Jiem mhux ta’ sajd

35.

Is-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni huma meħtieġa jippreżentaw talbiet għal jiem mhux ta’ sajd bl-użu tal-formola fl-Appendiċi 1. L-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ jum mhux ta’ sajd għandha tkun ta’ 7 ijiem kalendarji mid-data li fiha jkun seħħ il-jum mhux ta’ sajd, altrimenti din ma għandhiex tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook. L-iskadenza għall-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook biex tipproċessa t-talba għal jiem mhux ta’ sajd għandha tkun ta’ 7 ijiem kalendarji minn meta is-sid tal-bastiment tal-Unjoni jkun ippreżenta t-talba għal jiem mhux ta’ sajd.

36.

Meta l-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook tirrifjuta talba għal jiem mhux ta’ sajd mingħand sid tal-bastiment tal-Unjoni, u s-sid tal-bastiment ma jaqbilx ma’ din id-deċiżjoni, is-sid tal-bastiment jista’ jitlob lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni biex jikkonsultaw mal-istituzzjonijiet rilevanti bil-għan li tinstab soluzzjoni għat-tilwima.

Rapportar elettroniku

37.

Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jippreżentaw rapporti speċifiċi dwar l-attivitajiet tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook, sakemm is-sistemi ta’ rapportar elettroniċi jiġu implimentati miż-żewġ Partijiet.

38.

Meta jiġu implimentati sistemi ta’ rapportar elettroniku, u sseħħ ħsara teknika, il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jkomplu jwettqu attivitajiet tas-sajd biss jekk jiġu implimentati minnufih proċessi ta’ rapportar manwali. Dawn il-proċessi ta’ rapportar manwali huma deskritti fil-paragrafi 40 sa 53 u l-Appendiċi 1 u 2.

39.

Il-Gżejjer Cook jistgħu jirrevedu kwalunkwe formola, standard, speċifikazzjoni u proċedura tad-data li tinsab f’dan il-Protokoll biex tissodisfa r-rekwiżiti nazzjonali u internazzjonali. Jekk tiġi ppjanata kwalunkwe bidla, l-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook għandha tikkonsulta u tagħti pariri lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni dwar kwalunkwe reviżjoni ppjanata minbarra dawk adottati mid-WCPFC.

Ġurnali tas-sajd

40.

Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jimlew il-ġurnali tas-sajd tat-tartarun tal-borża reġjonali tal-Komunità tal-Paċifiku / tal-FFA disponibbli fuq is-sit web tal-Komunità tal-Paċifiku għal kull jum matul vjaġġ tas-sajd, inkluż fin-nuqqas ta’ qabda jew meta jkunu qegħdin jagħmlu tranżitu. Il-formola għandha timtela b’mod li jinqara u l-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jiffirmaha. Il-ġurnali tas-sajd għandhom jintużaw sakemm jiġu implimentati arranġamenti elettroniċi ta’ rapportar kompatibbli.

41.

Il-kliem “żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook” għandhom jiddaħħlu fil-ġurnali tas-sajd tat-tartarun tal-borża reġjonali tal-Komunità tal-Paċifiku /tal-FFA għall-perjodi li matulhom il-bastiment ikun jinsab fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.

42.

Waqt li jkunu fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jippreżentaw sommarju tar-rapport tal-qbid kull 7 ijiem permezz tal-mudell tar-rapport Nru 1 (CAT) fl-Appendiċi 2.

43.

Il-kopji tal-ġurnali tas-sajd għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook fi żmien 14-il jum minn meta jitilqu miż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.

44.

Il-ġurnali tas-sajd oriġinali għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook fi żmien 7 ijiem tax-xogħol wara l-ewwel waqfa f’port wara li jitilqu miż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.

45.

Kopji tal-ġurnali tas-sajd għandhom jintbagħtu simultanjament lill-istituti xjentifiċi rilevanti tal-Unjoni.

Rapporti dwar id-dħul u l-ħruġ

46.

Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jibagħtu bil-posta elettronika rapporti dwar id-dħul u l-ħruġ lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook mill-inqas 24 siegħa qabel id-dħul jew il-ħruġ intenzjonat tagħhom miż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook, permezz tal-mudell tar-rapport Nru 2 (ZENT) u Nru 3 (ZEXT) fl-Appendiċi 2.

Ħatt l-art

47.

Il-port iddeżinjat għall-attivitajiet ta’ ħatt l-art fil-Gżejjer Cook huwa l-port ta’ Avatiu. L-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook tista’ tawtorizza attivitajiet ta’ ħatt l-art f’portijiet oħra fil-Gżejjer Cook. L-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tiġi infurmata kif xieraq.

48.

Il-bastimenti tal-Unjoni li jkunu jridu jħottu l-qabdiet fil-port(ijiet) iddeżinjat(i) tal-Gżejjer Cook għandhom jippreżentaw l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook mill-inqas 72 siegħa qabel:

(a)

il-port tal-ħatt l-art;

(b)

l-isem u s-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (IRCS, International Radio Call Sign) tal-bastiment tas-sajd;

(c)

id-data u l-ħin tal-ħatt l-art;

(d)

il-kwantità f’kg, imqarrba għall-eqreb 100 kg, skont l-ispeċijiet li għandhom jinħattu l-art;

(e)

l-istat ipproċessat tal-prodotti.

49.

Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jimlew formola tal-ħatt l-art u jissottomettuha lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li jitlesta l-ħatt l-art u, fi kwalunkwe każ, qabel ma l-bastiment iħalli l-port.

Trażbord

50.

Il-bastimenti tal-Unjoni li jkunu jridu jittrażbordaw il-ħut għandhom jagħmlu dan biss fil-portijiet deżinjati mill-Gżejjer Cook, jew f’żona ddeterminata mill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook. Ma jistax isir trażbord fuq il-baħar u kwalunkwe persuna li tikser din id-dispożizzjoni għandha tkun soġġetta għall-penali previsti mil-liġi tal-Gżejjer Cook.

51.

Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jippreżentaw l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook mill-inqas 72 siegħa qabel kwalunkwe attività ta’ trażbord:

(a)

il-port jew iż-żona fejn se jsir it-trażbord;

(b)

l-isem u l-IRCS tal-bastiment tas-sajd donatur;

(c)

l-isem u l-IRCS tal-bastiment tas-sajd riċevitur;

(d)

id-data u l-ħin tat-trażbord;

(e)

il-kwantità f’kg, imqarrba għall-eqreb 100 kg, skont l-ispeċijiet li għandhom jiġu ttrażbordati;

(f)

l-istat ipproċessat tal-prodott.

52.

Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni tat-trażbord lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li jitlesta t-trażbord u, fi kwalunkwe każ, qabel ma l-bastiment donatur iħalli l-port jew iż-żona tat-trażbord.

Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti

53.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istat tal-bandiera u għall-obbligi tal-bastimenti tal-Unjoni fil-konfront taċ-ċentru tal-monitoraġġ tas-sajd tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, kull bastiment tal-Unjoni għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti tal-FFA li japplikaw fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.

Osservaturi

54.

Waqt li jkunu qegħdin joperaw fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jiżguraw kopertura tal-osservaturi f’konformità mal-miżuri rilevanti ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tad-WCPFC u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Gżejjer Cook.

55.

Il-bastimenti tal-Unjoni għandu jkollhom abbord osservatur awtorizzat mill-Programm tal-Osservaturi Reġjonali tad-WCPFC jew osservatur tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC, Inter-American Tropical Tuna Commission) awtorizzat permezz tal-memorandum ta’ qbil maqbul bejn id-WCPFC u l-IATTC dwar l-approvazzjoni reċiproka tal-osservaturi.

KAPITOLU IV

KONTROLL

56.

Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Gżejjer Cook dwar l-attivitajiet tas-sajd, kif ukoll mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mid-WCPFC.

57.

Proċeduri ta’ kontroll

(a)

Il-kaptani tal-bastimenti tal-Unjoni għandhom jikkooperaw ma’ kwalunkwe uffiċjal awtorizzat u identifikat kif xieraq tal-Gżejjer Cook li jwettaq attivitajiet ta’ imbark u ta’ spezzjoni, u ta’ kontroll tas-sajd.

(b)

Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Gżejjer Cook, l-imbark u l-ispezzjoni għandhom jitwettqu b’tali mod li l-pjattaforma ta’ spezzjoni u l-ispetturi jkunu jistgħu jiġu identifikati bħala uffiċjali awtorizzati tal-Gżejjer Cook.

(c)

Il-Gżejjer Cook għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni l-lista tal-pjattaformi kollha tal-ispezzjoni użati għall-ispezzjonijiet fuq il-baħar. Dik il-lista għandu jkun fiha tal-inqas dawn li ġejjin:(i) l-ismijiet tal-bastimenti tal-għassa tas-sajd (FPV, Fisheries Patrol Vessels) użati; (ii). id-dettalji tal-FPVs użati; u (iii). ritratti tal-FPVs użati.

(d)

Il-Gżejjer Cook jistgħu, fuq talba tal-Unjoni jew ta’ korp maħtur minnha, jippermettu lill-ispetturi tal-Unjoni josservaw l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni, inkluż it-trażbord, matul l-ispezzjonijiet fil-port jew fuq l-art.

(e)

Ladarba titlesta spezzjoni u r-rapport tal-ispezzjoni jkun ġie ffirmat mill-ispettur, ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-kaptan tal-bastiment għal kummenti u firma. Din il-firma ma għandhiex tippreġudika d-drittijiet tal-Partijiet fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ allegat ksur. Qabel ma l-ispettur jinżel mill-bastiment, il-kaptan tal-bastiment għandu jingħata kopja tar-rapport tal-ispezzjoni.

(f)

L-ispetturi ma għandhomx iqattgħu iżjed ħin abbord il-bastiment milli jkollhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom.

58.

Il-kaptani tal-bastimenti tal-Unjoni involuti f’operazzjonijiet ta’ ħatt l-art jew ta’ trażbord għandhom jippermettu u jiffaċilitaw l-ispezzjoni ta’ tali operazzjonijiet minn uffiċjali awtorizzati tal-Gżejjer Cook.

59.

Meta d-dispożizzjonijiet f’dan l-Anness dwar il-monitoraġġ tas-sajd, is-sistema ta’ monitoraġġ u l-kontroll tal-bastimenti ma jiġux irrispettati, l-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook tirriżerva d-dritt li tissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment li jkun wettaq ir-reat sakemm jitlestew il-proċeduri rilevanti u jiġu applikati penali. L-Istat Membru tal-bandiera u l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandhom jiġu infurmati minnufih u jirċievu rapport dwar l-avveniment u dwar kwalunkwe penali applikata għall-bastiment tal-Unjoni.

Infurzar

60.

Penali

(a)

In-nuqqas ta’ konformità ma’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Protokoll, mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti, jew tal-liġijiet nazzjonali tal-Gżejjer Cook, għandu jkun soġġett għall-penali stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali tal-Gżejjer Cook.

(b)

L-Istat Membru tal-bandiera u l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandhom jiġu infurmati minnufih u bis-sħiħ b’kwalunkwe penali applikata u bil-fatti relatati kollha.

(c)

Meta l-penali tieħu l-għamla ta’ sospensjoni jew revoka ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd matul il-perjodu li jkun għad fadal li għalih tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tista’ titlob awtorizzazzjoni tas-sajd oħra, li kieku kienet tkun applikabbli, għal bastiment minn sid ta’ bastiment ieħor.

61.

Arrest u detenzjoni ta’ bastimenti tal-Unjoni

(a)

Il-Gżejjer Cook għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni u lill-Istat Membru tal-bandiera minnufih bl-arrest u/jew bid-detenzjoni ta’ kwalunkwe bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd skont il-Ftehim.

(b)

Il-Gżejjer Cook għandhom jibagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni, filwaqt li jispjegaw fid-dettall iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għall-arrest u/jew id-detenzjoni, meta prattikabbli fi żmien 48 siegħa, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni u lill-Istat Membru tal-bandiera.

62.

Proċedura għall-iskambju tal-informazzjoni fil-każ ta’ arrest u/jew ta’ detenzjoni

(a)

Filwaqt li jiġu rrispettati l-iskadenzi u l-proċedimenti legali kif previsti mil-liġijiet nazzjonali tal-Gżejjer Cook relatati mal-arrest u/jew id-detenzjoni, għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni, hekk kif tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 61, punti (a) u (b), bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u tal-Gżejjer Cook. Dan jista’ jinkludi l-parteċipazzjoni minn rappreżentant tal-Istat Membru kkonċernat.

(b)

Fil-laqgħa ta’ konsultazzjoni, il-Partijiet għandhom jiskambjaw kwalunkwe dokument jew informazzjoni rilevanti li tista’ tgħin biex jiġu ċċarati l-fatti. Sid il-bastiment jew l-aġent tiegħu għandu jiġi infurmat bl-eżitu tal-laqgħa u bi kwalunkwe miżura li tirriżulta mill-arrest u/jew mid-detenzjoni.

63.

Soluzzjoni għall-arrest u/jew għad-detenzjoni

(a)

Għandhom isiru sforzi raġonevoli biex l-allegat ksur jissolva bla dewmien.

(b)

F’każ li tinstab soluzzjoni, l-ammont li għandu jitħallas għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Gżejjer Cook. Jekk ma jkunx possibbli li tinstab tali soluzzjoni, għandhom jinbdew il-proċedimenti legali.

(c)

Il-bastiment tal-Unjoni għandu jiġi rrilaxxat u l-kaptan tiegħu jinħeles hekk kif ikunu ġew issodisfati l-obbligi li jkunu ġejjin mis-soluzzjoni amikevoli jew ikunu tlestew il-proċedimenti legali.

64.

L-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tinżamm infurmata bi kwalunkwe proċediment li jkun inbeda u bil-penali li jkunu ġew imposti.

Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd IUU

65.

Sabiex jissaħħu l-monitoraġġ u s-sorveljanza tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-kaptani tal-bastimenti tal-Unjoni għandhom jagħmlu ħilithom biex jirrapportaw il-preżenza ta’ kwalunkwe bastiment ieħor tas-sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.

66.

Meta l-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni josserva bastiment tas-sajd iwettaq attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu attivitajiet tas-sajd IUU, huwa għandu jiġbor kemm jista’ jkun informazzjoni dwar il-bastiment u dwar l-attività tiegħu x’ħin ikun lemħu. Ir-rapporti ta’ osservazzjoni għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook, b’kopja liċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd tal-Istat Membru tal-bandiera.

67.

L-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook għandha tibgħat lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni, malajr kemm jista’ jkun, kwalunkwe rapport tal-osservazzjoni li jkollha relatata mal-bastimenti tas-sajd li jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu attività tas-sajd IUU fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.

KAPITOLU V

PRINĊIPJI LI JIRREGOLAW IL-KUNDIZZJONIJIET TAL-IMPJIEG TAS-SAJJIEDA ABBORD BASTIMENTI TAL-UNJONI

68.

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, “sid ta’ bastiment tas-sajd” tfisser is-sid tal-bastiment tas-sajd jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer, l-aġent jew in-nolleġġatur ta’ bastiment mingħajr ekwipaġġ, li jkun assuma r-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment mis-sid u li, malli jassumi tali responsabbiltà, ikun qabel li jieħu f’idejh id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet imposti fuq is-sidien ta’ bastiment tas-sajd skont it-termini ta’ dan il-Protokoll, irrispettivament minn jekk kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra tissodisfax uħud minn dawk id-dmirijiet jew ir-responsabbiltajiet f’isem is-sid tal-bastiment tas-sajd.

69.

Is-sajjieda li għandhom jiġu imbarkati abbord il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 (1), inkluż f’dak li jirrigwarda l-passaporti, il-kotba tal-baħħara, iċ-ċertifikati mediċi u ċ-ċertifikati ta’ taħriġ bażiku.

70.

Is-sajjieda li għandhom jiġu imbarkati skont il-paragrafu 69 għandhom ikunu jistgħu jifhmu l-lingwa ta’ ħidma użata abbord il-bastiment tas-sajd u jagħtu ordnijiet u struzzjonijiet u jirrapportaw b’dik il-lingwa.

71.

Il-kaptan għandu jfassal, jaġġorna u jiffirma lista tal-ekwipaġġ li tikkonforma mal-Formola 5 tal-Konvenzjoni tal-OMI dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali.

72.

Is-sid tal-bastiment tas-sajd, jew il-kaptan f’isem is-sid tal-bastiment tas-sajd, għandu jirrifjuta li jippermetti lis-sajjieda jiġu mbarkati fuq il-bastiment jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 69.

73.

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol li bihom is-sajjieda jiġu imbarkati għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2017/159, inkluż fir-rigward tas-sigħat tax-xogħol u tal-mistrieħ, id-drittijiet ta’ ripatrijazzjoni u s-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali.

74.

Għal kull sajjied li jaħdem abbord bastiment tal-Unjoni, għandu jiġi nnegozjat u ffirmat ftehim ta’ xogħol bil-miktub kemm mis-sajjied kif ukoll mill-impjegatur. Dak il-ftehim tax-xogħol għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera li tittrasponi l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2017/159.

75.

Il-kost tar-remunerazzjoni u kwalunkwe kost lavorattiv addizzjonali għandhom jitħallsu direttament jew, jekk is-sajjied ikun impjegat minn servizz tas-suq tax-xogħol privat, indirettament mis-sid tal-bastiment tas-sajd.

76.

Is-sajjieda għandhom jitħallsu remunerazzjoni garantita ta’ kull xahar jew regolari, preferibbilment permezz ta’ trasferiment bankarju, irrispettivament mill-ammont effettiv tal-ħut maqbud u/jew mibjugħ. Din għandha tiġi stabbilita bi ftehim reċiproku bejn is-sid tal-bastiment tas-sajd jew l-aġent tiegħu u s-sajjieda u/jew it-trade unions jew ir-rappreżentanti tagħhom. Meta ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ negozjar kollettiv, it-termini tar-remunerazzjoni mogħtija lis-sajjieda ma għandhomx ikunu inqas minn dawk applikati għall-ekwipaġġ mill-pajjiżi rispettivi tagħhom u, fl-ebda ċirkostanza, ma għandhom ikunu inqas mit-termini stabbiliti mis-Sottokumitat dwar is-Salarji tal-Baħħara tal-Kumitat Marittimu Konġunt tal-ILO, fin-nuqqas ta’ tali standard għas-sajjieda mfassal biex jipprovdi xibka ta’ sikurezza internazzjonali biex jipproteġi u jgħin jiżgura xogħol deċenti għas-sajjieda.

77.

Is-sajjieda ma għandhom iġarrbu l-ebda kost assoċjat mal-pagamenti li jirċievu. Is-sajjieda għandhom jingħataw il-mezzi biex jibagħtu lill-familji tagħhom mingħajr ħlas il-pagamenti kollha li jirċievu jew parti minnhom, inklużi pagamenti bil-quddiem.

78.

Is-sajjieda għandhom jirċievu rendikont tal-paga għal kull ħlas tar-remunerazzjoni u, jekk jitolbu dan, prova li s-salarji tagħhom tħallsu.

(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol konkluż fil-21 ta’ Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) (ĠU UE L 25, 31.1.2017, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/159/oj).

Appendiċi 1

Jiem tas-sajd u jiem mingħajr sajd

Kalkolu ta’ jiem ta’ sajd u ta’ jiem mhux ta’ sajd

Il-kalkolu, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-jiem ta’ sajd u tal-jiem mhux ta’ sajd għandhom jiġu amministrati mill-Gżejjer Cook permezz tas-Sistema Integrata għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni dwar is-Sajd tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Nauru, jew kwalunkwe sistema oħra għall-ġestjoni tal-informazzjoni kif iddeterminata mill-Gżejjer Cook, f’konformità ma’ dan l-Appendiċi.

1.

“Jum ta’ sajd” tfisser jum kalendarju, jew parti minnu, meta bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni jwettaq kwalunkwe sajd matul dak il-jum kalendarju, jew f’parti mill-perjodu ta’ 24 siegħa (00:00–24:00) ta’ dak il-jum kalendarju, li matulu bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni jkun fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook, iżda ma jinkludix jum kalendarju, jew parti mill-jum kalendarju, definit bħala “jum mhux ta’ sajd”.

2.

Kalkolu ta’ jum ta’ sajd

(a)

Jekk bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jirrapporta matul kwalunkwe jum ta’ sajd mill-pożizzjonijiet fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook, dak il-jum ta’ sajd għandu jiġi ddeżinjat f’konformità mal-ħin effettiv li l-bastiment għamel fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.

(b)

Meta bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jirrapporta li jkun fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook għall-perjodu kollu (00:00–24:00) ta’ jum kalendarju:

(i)

dak il-jum kalendarju kollu għandu jingħadd bħala jum ta’ sajd jekk tkun twettqet kwalunkwe attività tas-sajd matul dak il-jum kalendarju;

(ii)

dak il-jum kalendarju (kollu) ma għandux jingħadd bħala jum ta’ sajd jekk il-bastiment jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ jum mhux ta’ sajd stipulat fil-paragrafi 3 sa 6.

(c)

Meta bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jirrapporta li jkun fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook għal inqas mill-perjodu kollu (00:00–24:00) ta’ jum kalendarju:

(i)

dik il-parti ta’ jum kalendarju għandha tingħadd bħala jum ta’ sajd parzjali jekk tkun twettqet kwalunkwe attività tas-sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook matul dak il-perjodu;

(ii)

dik il-parti ta’ jum kalendarju ma għandhiex tingħadd bħala jum ta’ sajd jekk il-bastiment jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ jum mhux ta’ sajd stipulat fil-paragrafi 3 sa 6.

(d)

Ma għandu jkun hemm l-ebda tnaqqas fil-jiem ta’ sajd fir-rigward ta’ kwalunkwe perjodu li bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jkun għamel fil-port tal-Gżejjer Cook.

3.

“Jum mhux ta’ sajd” (NFD, Non-Fishing Day) tfisser, għal bastimenti awtorizzati, kwalunkwe jum jew parti minn jum li bastiment ikun għamel fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook li matulhom il-bastiment ma jkun wettaq l-ebda sajd għal xi waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu 5.

4.

Il-bastimenti awtorizzati tal-Unjoni għandhom jissottomettu talba tal-NFD lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook. Kull talba tal-NFD irid ikollha:

(a)

l-isem tal-bastiment;

(b)

is-sinjal tas-sejħa internazzjonali bir-radju;

(c)

id-data, il-ħin u l-pożizzjoni (latitudni/lonġitudni) tad-dħul fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook;

(d)

id-data, il-ħin u l-pożizzjoni (latitudni/lonġitudni) tal-ħruġ mill-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook;

(e)

id-data, il-ħin u l-pożizzjoni (latitudni/lonġitudni) tal-waqfien tal-attività tas-sajd;

(f)

id-data, il-ħin u l-pożizzjoni (latitudni/lonġitudni) tal-bidu mill-ġdid tal-attività tas-sajd;

(g)

raġuni speċifika għall-NFD kif deskritta fil-paragrafu 5.

5.

Raġunijiet speċifiċi għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd

(a)

Tranżitu (1) jiġi kkwalifikat biss bħala NFD jekk tkun intbagħtet notifika preċedenti lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook li l-bastiment se jkun qiegħed fi tranżitu, filwaqt li tiġi speċifikata d-destinazzjoni tat-tranżitu, il-punt tad-dħul u l-punt tal-ħruġ.

(b)

Tranżitu ta’ qabda sħiħa: jikkwalifika bħala NFD jekk tkun intbagħtet notifika preċedenti lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook li l-bastiment waqqaf l-attivitajiet tas-sajd. Jekk l-attivitajiet tas-sajd ikunu waqfu, l-irkaptu tas-sajd kollu għandu jiġi stivat, u l-bastiment għandu jkompli jżomm rotta dritta u veloċità stabbli lejn il-port tad-destinazzjoni. In-notifika tal-waqfien tal-attivitajiet tas-sajd għandha tinkludi:(i) l-isem tal-bastiment; (ii) is-sinjal tas-sejħa internazzjonali bir-radju; (iii) il-pożizzjoni kurrenti (latitudni/lonġitudni); u (iv) isem il-port tad-destinazzjoni.

(c)

Temp ħażin. Jikkwalifika biss bħala NFD jekk il-bastiment ma jkunx kapaċi jagħmel kalata jew kwalunkwe attività tas-sajd oħra matul il-perjodu ta’ 24 siegħa. Il-kaptan tal-bastiment għandu jispeċifika t-tip ta’ temp ħażin:(i) irjieħ qawwija (skala …); (ii) baħar imqalleb; u (iii) relatati mal-kurrent.

(d)

L-użu jew l-irkupru ta’ rkaptu biex jinġema’ l-ħut. Jikkwalifika biss bħala NFD jekk ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, soġġett għal verifika mar-rapport tal-osservatur.

(e)

Bunkering. Jikkwalifika biss bħala NFD jekk ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, soġġett għal verifika mar-rapport tal-osservatur.

(f)

Is-servizz ta’ manutenzjoni tax-xbieki. Jikkwalifika biss bħala NFD jekk il-bastiment ikun qiegħed jagħmel biss servizz ta’ manutenzjoni tax-xbieki matul il-perjodu ta’ 24 siegħa.

(g)

Kalata ta’ tindif tax-xibka (fuq prova). Jikkwalifika biss bħala NFD jekk ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, ix-xibka tkun f’linja dritta u mingħajr il-vajjina mwaħħla, soġġett għal verifika mar-rapport tal-osservatur.

(h)

Ħsarat. Jikkwalifika biss bħala NFD jekk il-bastiment ikun ġralu l-ħsara, u ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, u l-ħsarat jipprevjenu lill-bastiment mis-sajd.

(i)

Emerġenza. Jikkwalifika biss bħala NFD jekk ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, soġġett għal verifika mar-rapport tal-osservatur, u l-emerġenza tinvolvi: (i) is-saħħa u s-sikurezza tal-ekwipaġġ; u (ii) is-sikurezza tal-bastiment.

(j)

Tfittxija u salvataġġ. Jikkwalifika biss bħala NFD soġġett għal verifika mar-rapport tal-osservatur u mill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook. Jekk it-tfittxija u s-salvataġġ iwasslu biex il-bastiment jirritorna lejn il-port, il-kaptan jeħtieġ li jinforma minn qabel lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook, billi jispeċifika:(i) il-pożizzjoni tal-bastiment; u (ii) il-port tad-destinazzjoni.

Il-bastimenti li jirritornaw lejn il-port għandhom jiżguraw li:(i) l-irkaptu tas-sajd kollu huwa stivat; (ii) il-bastiment jipproċedi direttament mill-pożizzjoni tiegħu lejn il-port tad-destinazzjoni tiegħu; u(iii) il-bastiment iżomm rotta dritta u veloċità stabbli.

Jekk titwettaq kwalunkwe attività tas-sajd mar-ritorn tal-bastiment lejn il-port, jew jekk kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti speċifikati fil-punti (a) sa (j) ma jiġix rispettat, allura l-jiem kollha tal-vjaġġ tar-ritorn għandhom jiġu trattati bħala jiem ta’ sajd.

6.

Ir-rapporti kollha għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook permezz tal-indirizz elettroniku li ġej: licensing@mmr.gov.ck.

(1)  L-irkaptu tas-sajd kollha tal-bastiment għandu jiġi stivat b’mod li ma jkunx faċilment disponibbli għas-sajd; b’mod partikolari, it-tanguni għandhom jitbaxxew kemm jista’ jkun sabiex il-bastiment ma jkunx jista’ jintuża għas-sajd, iżda b’tali mod li l-iskiff ikun aċċessibbli għall-użu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza; il-ħelikopter, jekk ikun hemm, għandu jkun marbut; u l-istess il-laneċ. Il-bastiment għandu jżomm rotta dritta u veloċità stabbli. Jekk titwettaq kwalunkwe attività tas-sajd, jew jekk kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti ta’ hawn fuq ma jiġix rispettat, allura l-jiem kollha mqatta’ fi tranżitu għandhom jiġu ttrattati bħala jiem ta’ sajd.

Appendiċi 2

Mudelli tar-rapporti

1.   Sommarju tar-rapport tal-qbid (CAT)

Kontenut

Trażmissjoni

Destinazzjoni tal-messaġġ

 

Kodiċi ta’ azzjoni

CAT

Isem il-bastiment

 

Sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju

 

Data u ħin (UTC) tar-rapport

JJ/XX/SSSS – SS:MM

Kwantità (Mt) ta’ ħut abbord għal kull speċi:

 

Tonn isfar (YFT)

(Mt)

Tonn obeż (BET) (BET)

(Mt)

Plamtu (SKJ)

(Mt)

Oħrajn (speċifika)

(Mt)

Għadd ta’ kalati li ntefgħu mill-aħħar rapport

 

2.   Rapport tad-dħul (ZENT)

Kontenut

Trażmissjoni

Destinazzjoni tal-messaġġ

 

Kodiċi ta’ azzjoni

ZENT

Isem il-bastiment

 

Sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju

 

Pożizzjoni tad-dħul

LT/LG

Data u ħin (UTC) tad-dħul

JJ/XX/SSSS – SS:MM

Kwantità (Mt) ta’ ħut abbord għal kull speċi:

 

Tonn isfar (YFT)

(Mt)

Tonn obeż (BET)

(Mt)

Plamtu (SKJ)

(Mt)

Oħrajn (speċifika)

(Mt)

3.   Rapport tal-ħruġ (ZEXT)

Kontenut

Trażmissjoni

Destinazzjoni tal-messaġġ

 

Kodiċi ta’ azzjoni

ZEXT

Isem il-bastiment

 

Sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju

 

Pożizzjoni tal-ħruġ

LT/LG

Data u ħin (UTC) tal-ħruġ

JJ/XX/SSSS – SS:MM

Kwantità (Mt) ta’ ħut abbord għal kull speċi:

 

Tonn isfar (YFT)

(Mt)

Tonn obeż (BET)

(Mt)

Plamtu (SKJ)

(Mt)

Oħrajn (speċifika)

(Mt)

4.   Ir-rapporti kollha għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook permezz tal-indirizz elettroniku li ġej: licensing@mmr.gov.ck.

Appendiċi 3

Regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati għall-fondi ta’ appoġġ settorjali

Trasparenza u traċċabbiltà tal-fondi ta’ appoġġ settorjali

1.

Il-Gżejjer Cook għandhom jidentifikaw l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja relatat mal-appoġġ settorjali ttrasferit mill-Unjoni lill-Gżejjer Cook skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli fil-baġit annwali adottat tagħhom. Meta jagħmlu dan, il-Gżejjer Cook għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom rigward id-dixxiplina u l-ġestjoni finanzjarji.

Il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ fondi ta’ appoġġ settorjali

2.

Il-Gżejjer Cook għandhom jiżviluppaw proposta għal programm settorjali pluriennali għall-użu tal-fondi ta’ appoġġ settorjali li jkopru d-durata tal-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll. Il-Gżejjer Cook għandhom jiżviluppaw wkoll proposta dettaljata għal programm settorjali annwali għall-użu tal-fondi ta’ appoġġ settorjali għall-ewwel sena tal-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll.

3.

Il-programmi settorjali għandhom jiffukaw fuq għadd ta’ azzjonijiet li huma allinjati mal-prijoritajiet nazzjonali. Dawn għandhom iqisu l-kapaċità tal-Gżejjer Cook li jimmaniġġjaw, jimplimentaw u jirrapportaw dwar l-użu tal-fondi ta’ appoġġ settorjali.

4.

Il-programmi settorjali għandhom jidentifikaw: (i) l-għanijiet strateġiċi; (ii) l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati; (iii) l-indikaturi; (iv) il-miri annwali; (v) il-fondi allokati għal kull azzjoni; u (vi) is-sorsi ta’ verifika.

5.

Il-Kumitat Konġunt għandu jiddiskuti, jemenda, jekk ikun xieraq, u jadotta l-proposti għall-programm settorjali pluriennali u għall-ewwel programm settorjali annwali matul l-ewwel laqgħa tiegħu wara l-bidu tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll. Dik l-ewwel laqgħa għandha ssir mhux aktar tard minn 120 jum mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll.

6.

Għal kull waħda mit-tieni sena u s-snin ta’ wara, il-Gżejjer Cook għandhom jippreżentaw programm settorjali annwali lill-Unjoni mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt.

7.

Il-Gżejjer Cook għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi settorjali pluriennali u annwali adottati.

Monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni tal-fondi ta’ appoġġ settorjali

8.

Il-Gżejjer Cook għandhom jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tal-programm settorjali.

9.

L-Attaché tas-Sajd tal-Unjoni responsabbli għall-Gżejjer Cook għandu jżur regolarment il-Gżejjer Cook sabiex jivvaluta, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm settorjali pluriennali. Matul dawk iż-żjarat, l-Attaché tas-Sajd tal-Unjoni għandu jkollu aċċess f’waqtu għal kwalunkwe dokument li l-Attaché tas-Sajd tal-Unjoni jqis li jkun neċessarju biex jiġi vverifikat il-progress. L-aċċess għad-dokumenti ma għandux jinkludi informazzjoni li hija kunfidenzjali jew li tikkonċerna l-interessi nazzjonali.

10.

Il-Gżejjer Cook għandhom iħejju rapporti ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm settorjali pluriennali. Huma għandhom jissottomettuhom lill-Unjoni mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt.

11.

Ir-rapporti ta’ progress annwali għandhom jiddeskrivu l-azzjonijiet li ġew implimentati u l-progress li jkun sar fl-ilħuq tal-miri annwali għal kull wieħed mill-indikaturi magħżula. Dawn għandhom jiddeskrivu wkoll kwalunkwe diffikultà li tkun ġiet esperjenzata, kif ukoll kwalunkwe miżura korrettiva li tkun ittieħdet u r-riżultati ta’ tali miżuri korrettivi. Is-sorsi ta’ verifika elenkati fil-programm settorjali pluriennali għandhom jiġu kondiviżi mal-Kumitat Konġuntfejn ikun prattiku u rilevanti.

12.

Ir-rapporti ta’ progress annwali għandu jkun fihom il-livell ta’ eżekuzzjoni finanzjarja tal-fondi ta’ appoġġ settorjali. F’dak ir-rigward, l-informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit relatata mal-użu tal-fondi ta’ appoġġ settorjali tal-Unjoni għandha ssir disponibbli.

13.

Ir-rapporti ta’ progress annwali għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li l-Kumitat Konġunt jeħtieġ sabiex jieħu deċiżjonijiet infurmati dwar l-iżborż ta’ pagamenti parzjali annwali sussegwenti ta’ fondi ta’ appoġġ settorjali.

14.

Il-Gżejjer Cook għandhom jissottomettu wkoll lill-Kumitat Konġunt, fi żmien 90 jum mill-iskadenza ta’ dan il-Protokoll, rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali previst minn dan il-Protokoll, flimkien mar-rapport ta’ progress annwali finali.

15.

Meta jkun neċessarju, il-Partijiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali wara li jiskadi jew jiġi sospiż dan il-Protokoll. Huma għandhom iwettqu kwalunkwe tali monitoraġġ f’konformità ma’ dan il-Protokoll.

16.

Meta jkun neċessarju, il-Kumitat Konġuntjista’ jaqbel li l-Gżejjer Cook iwettqu evalwazzjoni indipendenti esterna ffinanzjata mill-fondi ta’ appoġġ settorjali biex jivvalutaw ir-riżultati tal-programm settorjali pluriennali skont it-termini ta’ referenza approvati mill-Kumitat Konġunt.

Kriterji u proċess għall-iżborż, is-sospensjoni u l-irkupru ta’ fondi ta’ appoġġ settorjali

17.

L-Unjoni għandha tħallas il-fondi ta’ appoġġ settorjali lill-Gżejjer Cook f’pagamenti parzjali annwali.

18.

Il-fondi ta’ appoġġ settorjali għall-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-l-Protokoll għandhom jitħallsu bis-sħiħ mhux aktar tard minn 45 jum mid-data meta l-Kumitat Konġuntjadotta l-programm settorjali pluriennali.

19.

Il-fondi ta’ appoġġ settorjali għat-tieni sena u għas-snin sussegwenti tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandhom jitħallsu biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin.

—

Kwalunkwe awditu finanzjarju indipendenti estern miftiehem mill-Kumitat Konġunt u ffinanzjat mill-fondi ta’ appoġġ settorjali jkun tlesta.

—

L-aħħar informazzjoni disponibbli dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tiddikjara eżekuzzjoni finanzjarja u impenn ta’ 75 % jew aktar tal-finanzjament riċevut sal-lum.

—

L-azzjonijiet ta’ appoġġ settorjali jiġu implimentati f’konformità mal-programm settorjali pluriennali. L-indikaturi miftiehma għandhom iservu bħala l-parametru referenzjarju biex jiġi ddeterminat jekk azzjoni ġietx implimentata jew hijiex fil-proċess li tiġi implimentata.

—

Il-Kumitat Konġunt ikun approva l-programm ta’ appoġġ settorjali annwali li jmiss, f’konformità mal-programm settorjali pluriennali, inkluża l-kunsiderazzjoni taż-żieda tal-kwantum ta’ kwalunkwe pagament parzjali annwali ekwivalenti għad-doppju tas-somma tal-ammont annwali ta’ appoġġ settorjali skont l-Artikolu 2(2), il-punt (b) tal-Protokoll.

20.

Il-pagament parzjali finali tal-fondi ta’ appoġġ settorjali għandu jitħallas biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 19. Kwalunkwe ammont mhux żborżat jew impenjat mill-Gżejjer Cook qabel l-iskadenza ta’ dan il-Protokoll għandu jintilef.

21.

L-Unjoni tirriżerva d-dritt li tirrevedi u/jew tissospendi, parzjalment jew kompletament, l-iżborż tal-fondi ta’ appoġġ settorjali jekk l-evalwazzjoni annwali mill-Kumitat Konġunt turi li r-riżultati miksuba jvarjaw b’mod sinifikanti mill-programm settorjali jew jekk il-fondi ta’ appoġġ settorjali ma jiġux implimentati kif iddeterminat mill-Kumitat Konġunt.

22.

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja relatata mal-appoġġ settorjali għandu jerġa’ jibda wara konsultazzjoni bejn il-Partijiet u ftehim mill-Kumitat Konġunt meta jkun iġġustifikat abbażi tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-programmazzjoni pluriennali miftiehma. Madankollu, il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 2(2), il-punti (b) ma tistax titħallas wara l-iskadenza ta’ dan il-Protokoll.

23.

Il-fondi ta’ appoġġ settorjali għandhom jiġu żborżati f’konformità mas-sistemi ta’ ġestjoni finanzjarja pubblika tal-Gżejjer Cook. Il-ġestjoni tar-riżorsi ttrasferiti għandha tkun ir-responsabbiltà unika tal-Gżejjer Cook.

24.

Il-Gżejjer Cook jistgħu jiffaċilitaw il-kofinanzjament ta’ azzjonijiet stabbiliti taħt il-programm settorjali pluriennali. Huma għandhom jirrapportaw dwar kwalunkwe kofinanzjament fir-rapporti ta’ progress annwali.

25.

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ twettaq proċedura ta’ rkupru tal-fondi ta’ appoġġ settorjali mħallsa lill-Gżejjer Cook, meta l-attivitajiet ta’ appoġġ settorjali ma jiġux implimentati jew ma jiġux implimentati f’konformità ma’ dan il-Protokoll u meta ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim mill-Kumitat Konġunt . Il-proċedura ta’ rkupru hija stabbilita fil-punti (a) sa (d) hawn taħt.

(a)

L-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tinnotifika formalment lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook bl-intenzjoni tagħha li tirkupra ammont speċifikat u għandha tistabbilixxi r-raġunijiet tagħha għall-irkupru tiegħu. Il-Gżejjer Cook għandhom ikunu jistgħu jissottomettu kummenti, osservazzjonijiet u/jew talbiet għal kjarifika dwar l-irkupru propost fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tan-notifika.

(b)

Wara kwalunkwe sottomissjoni mill-Gżejjer Cook, il-Partijiet għandhom jidħlu f’negozjati bona fide sabiex isolvu kwalunkwe tilwima jew nuqqas ta’ qbil rigward l-irkupru propost u sabiex jaqblu dwar kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju jew skeda ta’ żmien estiża.

(c)

Jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tipproċedi bil-proċedura ta’ rkupru, hija għandha tinnotifika formalment lill-Gżejjer Cook b’din id-deċiżjoni u l-bażi għaliha. Hija għandha toħroġ ukoll nota ta’ debitu uffiċjali, bi ħlas dovut fi żmien 30 jum. Jekk il-Gżejjer Cook jonqsu milli jħallsu sad-data ta’ skadenza speċifikata, l-Unjoni għandha tirkupra l-ammont dovut billi tpaċih ma’ kwalunkwe ammont dovut lill-Gżejjer Cook mill-Unjoni.

(d)

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, jew fil-każ ta’ żball, li l-Unjoni tista’ timmodifika l-ammont jew l-iskadenza tal-pagament, jew tirrinunzja l-irkupru, dment li tali modifiki jkunu konsistenti mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ta’ proporzjonalità. Kwalunkwe modifika skont din id-dispożizzjoni għandha tiġi ddokumentata u kkomunikata lill-Gżejjer Cook, flimkien mar-raġunament għal tali bidliet.

Reviżjoni tal-programm ta’ appoġġ settorjali

26.

Ladarba l-Kumitat Konġunt ikun approva l-programm settorjali pluriennali, kwalunkwe emenda proposta għalih tista’ titqies biss jekk tkun debitament ġustifikata. Emendi sostanzjali li jħassru, jemendaw jew iżidu għanijiet strateġiċi għandhom jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Kumitat Konġunt. Proposti għal tali emendi sostanzjali għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat Konġunt bil-miktub sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa tiegħu.

27.

Meta l-emendi proposti jinvolvu l-eliminazzjoni jew iż-żieda ta’ azzjoni fi ħdan l-għanijiet strateġiċi stabbiliti jew jinvolvu t-trasferiment ta’ fondi minn azzjoni għal oħra li tirrappreżenta aktar minn 10 % tal-fondi inizjali allokati għal dik l-azzjoni, il-Gżejjer Cook għandhom jikkonsultaw lill-Unjoni bil-miktub. L-Unjoni għandha tirrispondi għal din it-talba fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tat-talba. Wara konsultazzjonijiet abbażi tat-talba, il-Partijiet għandhom jiddeċiedu dwar il-ħtieġa li tissejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kumitat Konġunt. Jekk il-partijiet jiddeċiedu li ma jkunx neċessarju li ssir laqgħa straordinarja tal-Kumitat Konġunt, l-emenda miftiehma għandha tiġi rreġistrata formalment fil-minuti tal-laqgħa ordinarja li jmiss tal-Kumitat Konġunt.

Viżibbiltà tal-programm ta’ appoġġ settorjali

28.

Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-Gżejjer Cook għandhom jiżguraw li kull azzjoni implimentata taħt il-programm ta’ appoġġ settorjali tkun soġġetta għall-miżuri xierqa ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà. Il-Gżejjer Cook għandhom jiddefinixxu dawn il-miżuri bi qbil mal-Unjoni.

29.

Baġit iddedikat għall-miżuri ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà għandu jiġi allokat taħt il-programm settorjali pluriennali.

30.

Il-modi li bihom għandhom isiru viżibbli l-azzjonijiet taħt il-programm ta’ appoġġ settorjali tal-Unjoni għandhom jinkludu:

—

avviż pubbliku tal-proġetti u tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu;

—

rapporti fuq it-televiżjoni u r-radju kif ukoll stqarrijiet għall-istampa dwar it-tlestija ta’ proġetti u attivitajiet;

—

id-distribuzzjoni pubblika ta’ rapporti u studji li jkunu tlestew;

—

l-użu ta’ sinjali ta’ viżibbiltà tal-Unjoni;

—

il-parteċipazzjoni mill-persunal tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Paċifiku f’ċeremonji tal-ftuħ, f’konferenzi u f’avvenimenti oħra;

—

żjarat konġunti minn rappreżentanti tal-Gżejjer Cook u tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti u attivitajiet fuq il-post.

Appendiċi 4

Proċessar ta’ data personali

Definizzjonijiet

1.

Għall-finijiet ta’ dan l-Appendiċi, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, jew data ta’ lokalizzazzjoni;

(b)

“ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq id-data personali jew fuq settijiet tad-data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew l-interkonnessjoni, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(c)

“awtorità trasferenti” tfisser awtorità pubblika li tibgħat data personali;

(d)

“awtorità riċeventi” tfisser awtorità pubblika li lilha tintbagħat data personali;

(e)

“ksur tad-data” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf, l-alterazzjoni, id-divulgazzjoni mhux awtorizzata tad-data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor, jew l-aċċess għaliha;

(f)

“trasferiment ulterjuri” tfisser it-trasferiment ta’ data personali minn parti riċeventi lil entità li ma hijiex firmatarja ta’ dan il-Protokoll (“parti terza”);

(g)

“awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan l-Appendiċi sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

Kamp ta’ applikazzjoni

2.

Il-persuni kkonċernati minn dan il-Protokoll huma, b’mod partikolari, persuni fiżiċi li huma sidien ta’ bastimenti tas-sajd u l-aġenti tagħhom, il-kaptan u l-ekwipaġġ li jservu abbord bastimenti tas-sajd li joperaw skont dan il-Protokoll.

3.

Bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd IUU, id-data li ġejja tista’ tiġi skambjata u pproċessata ulterjorment:

(a)

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-bastiment;

(b)

l-attivitajiet ta’ bastiment jew relatati ma’ bastiment, il-pożizzjoni u l-movimenti tiegħu, u l-attività tas-sajd tiegħu jew l-attività relatata mas-sajd, miġbura permezz ta’ kontrolli, spezzjonijiet jew osservaturi;

(c)

data relatata mas-sidien tal-bastiment jew l-aġenti tagħhom, bħall-isem, in-nazzjonalità, id-dettalji ta’ kuntatt professjonali u l-kont bankarju professjonali;

(d)

data relatata ma’ aġent lokali, bħall-isem, in-nazzjonalità u d-dettalji ta’ kuntatt professjonali tiegħu;

(e)

data relatata mal-kaptani u l-membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment, bħall-ismijiet, in-nazzjonalità, il-pożizzjoni tagħhom u, fil-każ tal-kaptan, id-dettalji ta’ kuntatt;

(f)

data relatata mas-sajjieda imbarkati, bħall-ismijiet, id-dettalji ta’ kuntatt, it-taħriġ, iċ-ċertifikat tas-saħħa tagħhom.

Awtoritajiet responsabbli

4.

L-awtorità responsabbli għall-ipproċessar tad-data hija l-Kummissjoni Ewropea u l-awtorità tal-Istat Membru tal-bandiera, għall-Unjoni, u l-Ministeru għar-Riżorsi tal-Baħar, għall-Gżejjer Cook.

Limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data

5.

Id-data personali mitluba u trasferita skont dan il-Protokoll għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw data personali skont dan il-Protokoll biss għall-finijiet speċifiċi stabbiliti f’dan il-Protokoll.

6.

Id-data personali li tasal ma għandhiex tiġi pproċessata għal skopijiet oħra għajr għal dawk imsemmija fil-paragrafu 5, jew inkella għandha tiġi anonimizzata.

7.

Fuq talba, l-awtorità riċeventi għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità trasferenti dwar kif tintuża d-data personali pprovduta.

Akkuratezza

8.

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-data personali ttrasferita skont dan il-Protokoll tkun akkurata u pertinenti u li tiġi aġġornata regolarment kif meħtieġ abbażi tal-għarfien tal-awtorità trasferenti. Jekk waħda mill-Partijiet issib li d-data personali trasferita jew riċevuta ma tkunx akkurata, hija għandha tinforma lill-Parti l-oħra mingħajr dewmien u għandha tipproteġiha u taġġornaha kif neċessarju.

Limitazzjoni tal-ħżin

9.

Id-data personali ma għandhiex tinżamm aktar żmien milli jkun neċessarju għall-iskop li għalih tkun ġiet skambjata. Din għandha tinżamm għal perjodu massimu f’konformità mal-liġijiet nazzjonali.

Sigurtà u kunfidenzjalità

10.

Id-data personali għandha tiġi pproċessata b’tali mod li tiġi żgurata s-sigurtà xierqa tagħha, filwaqt li jitqiesu r-riskji speċifiċi tal-ipproċessar, inkluż il-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali. L-awtoritajiet responsabbli mill-ipproċessar għandhom jindirizzaw kwalunkwe ksur tad-data personali u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jirrimedjaw jew jimmitigaw kwalunkwe effett negattiv ta’ tali ksur. L-awtorità riċeventi għandha tinnotifika tali ksur lill-awtorità trasferenti malajr kemm jista’ jkun, u ż-żewġ awtoritajiet għandhom jikkooperaw kif meħtieġ ma’ xulxin u fil-ħin sabiex kull Parti tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi tagħha li jirriżultaw minn ksur tad-data personali skont il-qafas legali nazzjonali tagħha.

11.

Il-Partijiet jintrabtu li jimplimentaw il-miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex jiżguraw li l-ipproċessar jkun jikkonforma ma' dan il-Protokoll.

Rettifika jew tħassir

12.

L-awtoritajiet trasferenti għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li d-data personali, kif xieraq, tiġi rettifikata jew imħassra malajr jekk l-ipproċessar ma jkunx konformi ma dan il-Protokoll, b’mod partikolari minħabba li din id-data ma tkunx adegwata, rilevanti, jew akkurata jew jekk tkun eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar.

13.

L-awtoritajiet trasferenti għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet riċeventi bi kwalunkwe rettifika jew tħassir.

Trasparenza

14.

L-Unjoni għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu infurmati, permezz ta’ notifika individwali u tal-pubblikazzjoni ta’ dan il-Protokoll fuq is-siti web tagħhom, dwar it-tipi ta’ data trasferita u pproċessata ulterjorment, il-mod kif tiġi pproċessata d-data personali, l-għodda rilevanti użata għat-trasferiment, l-iskop tal-ipproċessar, il-partijiet terzi jew il-kategoriji ta’ partijiet terzi li lilhom, ulterjorment, tista’ tiġi ttrasferita l-informazzjoni, id-drittijiet individwali u l-mekkaniżmi li għandhom disponibbli biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu rimedju, u d-dettalji rigward fejn jistgħu jiftħu proċedimenti jew iressqu lment.

Trasferiment ulterjuri

15.

L-awtorità riċeventi għandha tittrasferixxi data personali li tasal skont dan il-Protokoll lil parti terza biss jekk dan ikun iġġustifikat minn objettiv importanti ta’ interess pubbliku u jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħra stabbiliti f’dan l-Appendiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data.

Drittijiet tas-suġġetti tad-data

16.

Is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jitolbu aċċess, jikkoreġu jew ineħħu data personali f’konformità mal-liġijiet rilevanti ta’ kull Parti.

Superviżjoni

17.

Għall-Unjoni, is-superviżjoni tal-konformità tal-ipproċessar tad-data personali għandha tiġi eżerċitata mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, meta l-ipproċessar jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni, jew mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, meta jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tal-bandiera.

18.

Għall-Gżejjer Cook, l-awtorità responsabbli hija l-Ministeru għar-Riżorsi tal-Baħar.

19.

L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafi 17 u 18għandhom jittrattaw u jsolvu l-ilmenti relatati mal-ipproċessar tad-data personali skont dan il-Protokoll b’mod effettiv u f’waqtu.

20.

Is-suġġetti tad-data jistgħu jfittxu rimedju għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mas-salvagwardji stabbiliti fl-Artikolu 12 u f’dan l-Appendiċi sa fejn ikun permess mil-liġijiet rilevanti ta’ kull Parti.

Skambju ta’ informazzjoni

21.

Il-Partijiet għandhom iżommu lil xulxin infurmati dwar kwalunkwe lment li jirċievu dwar l-ipproċessar tad-data personali skont dan il-Protokoll u dwar ir-riżoluzzjoni tagħhom.

Reviżjoni

22.

Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bi kwalunkwe bidla fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jkollha effett fuq l-ipproċessar tad-data personali.

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2626/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)