SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Artikolu 26(1) u (3) – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa – Kriterji għall-istabbiliment tal-ammont tas-sanzjoni – Applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità”

Fil-Kawża C‑152/23,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258(3) TFUE, imressaq fit‑13 ta’ Marzu 2023,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u M. Salyková, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn T. Müller, J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Belġju,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tikkonstata li, billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17), u billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva;

–

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla ammont mit-tnejn li ġejjin:

–

ammont f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 4900 mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet li ddekorrew bejn id-data ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 stabbilit minnha u d-data li fiha ntemm il-ksur, jew, fil-każ fejn is-sitwazzjoni ma tkunx ġiet irregolarizzata, id-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża;

–

is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 1372000;

–

fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fl-ewwel inċiż ikompli jippersisti sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika Ċeka tħallas lill-Kummissjoni pagament ta’ penalità ta’ EUR 19110 għal kull jum ta’ dewmien ikkalkolat mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data li fiha r-Repubblika Ċeka twettaq l-obbligi imposti fuqha mid-Direttiva 2019/1937;

–

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2019/1937

2

Il-premessi 1 tad-Direttiva 2019/1937 tipprovdi:

“[…] Madankollu, l-informaturi potenzjali spiss jiġu skoraġġuti milli jirrapportaw it-tħassib jew is-suspetti tagħhom għax jibżgħu minn xi ritaljazzjoni. F’dan il-kuntest, l-importanza li tiġi pprovduta protezzjoni bbilanċjata u effettiva lill-informaturi hija dejjem aktar rikonoxxuta kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak internazzjonali.”

3

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi billi jiġu stabbiliti standards minimi komuni li jipprevedu protezzjoni ta’ livell għoli għal persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-Unjoni.”

4

L-Artikolu 26 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑17 ta’ Diċembru 2021.

[…]

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.”

Il-Komunikazzjoni tal‑2023

5

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”), tiddedika l-punti 3 u 4 tagħha rispettivament għall-“Pagament ta’ penali” u għal “Ħlas ta’ somma f’daqqa”.

6

Il-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, dwar l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità fil-kuntest tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, jipprovdi:

“Ksur li jikkonċerna n-nuqqas […] ta’ Stat Membru […] li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva dejjem jitqies bħala serju. Biex tadatta l-ammont tal-penali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni tiddetermina l-koeffiċjent għas-serjetà fuq il-bażi ta’ żewġ parametri: l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li nkisru jew li ma ġewx trasposti u l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari.

[…]”

7

Il-punt 3.2.2 ta’ din il-komunikazzjoni jipprovdi:

“Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tapplika sistematikament koeffiċjent għas-serjetà ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. F’Unjoni bbażata fuq ir-rispett tal-[I]stat tad-dritt, id-direttivi leġiżlattivi kollha għandhom jitqiesu ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fl-iskadenzi li jistabbilixxu.

Fil-każ ta’ nuqqas parzjali ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, għandha titqies l-importanza tad-diskrepanza fit-traspożizzjoni meta jiġi stabbilit il-koeffiċjent għas-serjetà li jkun anqas minn 10. Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari […].”

8

Skont il-punt 3.3 tal-imsemmija komunikazzjoni, intitolat “Applikazzjoni tal-koeffiċjent għal kemm idum”:

“[…]

Il-koeffiċjent għal kemm idum huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3. Dan jiġi kkalkolat b’rata ta’ 0,10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza jew mill-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni.

[…]”

9

Il-punt 3.4 tal-istess komunikazzjoni, intitolat “Il-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas”, jipprevedi:

“[…]

Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent se jvarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-prodott domestiku gross (PDG) […] tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, b’piż ta’ tnejn, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri, b’piż ta’ wieħed. Dan jirrappreżenta l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas meta mqabbel mal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu:

Image

[…]

il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-fattur n, li issa jibbaża l-aktar fuq il-PDG tal-Istati Membri u t-tieni fuq il-popolazzjoni tagħhom bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. Meta titqies il-popolazzjoni tal-Istati Membri għal terz tal-kalkolu tal-fattur n, il-varjazzjoni tal-fatturi n tal-Istati Membri titnaqqas b’mod raġonevoli, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Dan iżid ukoll element ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur n, billi l-popolazzjoni x’aktarx li ma hijiex se tvarja b’mod sinifikanti fuq bażi annwali. B’kuntrast għal dan, il-PDG ta’ Stat Membru jista’ jesperjenza varjazzjonijiet annwali ogħla, b’mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika. Fl-istess ħin, billi l-PDG tal-Istat Membru għadu jammonta għal żewġ terzi tal-kalkolu, jibqa’ l-fattur predominanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas.

[…]”

10

Il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tas-somma f’daqqa kif ġej:

“Is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata b’mod ġeneralment simili għall-metodu għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, jiġifieri:

–

il-multiplikazzjoni ta’ ammont b’rata fissa b’koeffiċjent għas-serjetà,

–

il-multiplikazzjoni tar-riżultat bil-fattur n,

–

il-multiplikazzjoni tar-riżultat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti […]

[…]”

11

Il-punt 4.2.1 ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi:

“Biex tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti. Dan tal-aħħar huwa ddefinit kif ġej:

[…]

–

għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, dan huwa n-numru ta’ jiem bejn il-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni stabbilita fid-direttiva inkwistjoni u d-data li fiha jintemm il-ksur, jew, fin-nuqqas ta’ konformità, id-data li fiha tingħata s-sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE.

[…]”

12

Skont il-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni:

“Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali […]

L-ammont b’rata fissa għas-somma f’daqqa huwa anqas minn dak għall-pagamenti ta’ penali. […]

L-ammont b’rata fissa applikabbli għas-somma f’daqqa huwa stabbilit fil-punt 2 tal-Anness I.

[…]”

13

L-Anness I tal-istess komunikazzjoni, intitolat “Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti” jipprevedi, fil-punt 2 tiegħu, li l-ammont tas-somma f’daqqa msemmi fil-punt 4.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 huwa stabbilit għal EUR 1000 għal kuljum, li jikkorrispondi għal terz tal-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità, u, fil-punt 3 tiegħu, li l-fattur “n” għar-Repubblika Ċeka huwa stabbilit għal 0.49. Fil-punt 5 ta’ dan l-Anness I, huwa ppreċiżat li s-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika Ċeka tammonta għal EUR 1372000.

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14

Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka, fejn ilmentat li ma kkomunikatilhiex il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien skada fis‑17 ta’ Diċembru 2021. Fir-risposta tagħha tal‑21 ta’ Marzu 2022, ir-Repubblika Ċeka kkomunikat diversi miżuri li hija allegat li kienu jippermettu traspożizzjoni parzjali ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2022, dan l-Istat Membru indika li żewġ miżuri li kienu qegħdin jitħejjew kienu ser itemmu l-proċess ta’ traspożizzjoni fi tmiem l-ewwel semestru tas-sena 2023. Dawn ir-risposti kienu akkumpanjati minn dokument ta’ spjega li kien jindika b’mod partikolari, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha.

15

Fl-assenza ta’ komunikazzjoni sussegwenti dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, fil‑15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ċeka, li fiha talbet lil din tal-aħħar twettaq l-obbligi tagħha skont l-imsemmija direttiva fi żmien xahrejn, li jibdew jiddekorru mid-data li fiha tirċievi din l-opinjoni.

16

Fit-tweġiba tagħha għall-imsemmija opinjoni tad‑9 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika Ċeka enfasizzat li hija kienet tqis d-Direttiva 2019/1937 bħala parzjalment trasposta permezz tal-miżuri li hija kienet ikkomunikat sa dak iż-żmien lill-Kummissjoni, kif ukoll permezz tal-prattika amministrattiva tal-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru indika li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fi kwalunkwe każ ma kinux jeħtieġu miżuri speċifiċi ta’ traspożizzjoni. Hija fakkret ukoll li l-liġi ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva kienet ser tiġi adottata fi tmiem l-ewwel semestru tas-sena 2023.

17

Fl‑14 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika Ċeka kkomunikat miżuri ta’ traspożizzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni kif ukoll verżjoni aġġornata tad-dokument ta’ spjega. Fit-tweġiba addizzjonali tagħha għall-opinjoni motivata tal‑1 ta’ Diċembru 2022, hija informatha wkoll li l-abbozzi ta’ liġi neċessarji għal traspożizzjoni kompleta u effettiva kienu ġew sottomessi lil-leġiżlatur nazzjonali fit‑30 ta’ Novembru 2022.

18

Peress li qieset li dan l-Istat Membru kien għadu ma wettaqx l-obbligi tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet, fit‑13 ta’ Marzu 2023, li tressaq dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Fl‑20 u fil‑21 ta’ Ġunju 2023, ir-Repubblika Ċeka kkomunikat lill-Kummissjoni miżuri addizzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, b’mod partikolari ż-zákon č. 171/2023 Sb., o ochraně oznamovatelà (il-Liġi 171/2023 dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi) kif ukoll iż-zákon č. 172/2023 Sb., kterým se mění některé zákony v souvislosti s přijetím zákona o ochraně oznamovatelà (il-Liġi 172/2023 li temenda ċerti liġijiet fil-kuntest tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi). Dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2023.

20

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2023, ir-Renju tal-Belġju ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Diċembru 2023, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑147/23. Wara l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346), il-proċedura f’din il-kawża tkompliet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess ġurnata.

22

Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 mir-Repubblika Ċeka setgħet titqies bħala li ntemmet fl‑1 ta’ Awwissu 2023. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni, minn naħa, irrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, filwaqt li rrinunzjat għat-talba tagħha għall-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità, u, min-naħa l-oħra, adattat it-talbiet tagħha intiżi għall-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, fejn talbet f’dan ir-rigward ammont ta’ EUR 2895900.

Fuq ir-rikors

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

23

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-direttivi fis-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom, fit-termini stabbiliti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

24

Din l-istituzzjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li hija bagħtitilha.

25

Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka la adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 u lanqas ma informat lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022.

26

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet ikkomunikati mir-Repubblika Ċeka matul il-proċedura prekontenzjuża, li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/1937, ma jistgħux jikkostitwixxu traspożizzjoni adegwata ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-portata ġenerali tagħhom u tal-assenza ta’ riferiment, fihom, għal din id-direttiva. Għalhekk, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ikkomunikati ma tinkludi miżuri speċifiċi intiżi sabiex jipproteġu lill-informaturi kif teżiġi l-imsemmija direttiva.

27

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li prattika amministrattiva ma tistax titqies bħala traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ stabbiltà u ta’ ċertezza legali li jikkaratterizzaw l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri.

28

Ir-Repubblika Ċeka tirrikonoxxi li t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937 ma kinitx żgurata fid-dritt nazzjonali fl-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, filwaqt li tippreċiża li l-liġi li tippermetti tali traspożizzjoni kellha tiġi adottata fil-ġranet sussegwenti għall-preżentata tar-risposta.

29

Madankollu, dan l-Istat Membru jikkontesta kemm l-ammissibbiltà tar-rikors kif ukoll il-fondatezza tiegħu.

30

Għalhekk, l-ewwel nett, il-Kummissjoni allegatament biddlet is-suġġett tal-kawża fl-istadju tar-rikors. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat f’dan ir-rikors huwa allegatament differenti minn dak li kien ġie ddefinit fl-opinjoni motivata, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni parzjali mibgħuta qabel il-komunikazzjoni tal-opinjoni motivata, minkejja li hija ma kkontestatx ir-rilevanza tagħhom, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-opinjoni motivata. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx bi preċiżjoni l-portata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u kisret id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Ċeka.

31

It-tieni nett, ir-rikors huwa allegatament infondat f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937 li ġew trasposti mid-dispożizzjonijiet ikkomunikati mir-Repubblika Ċeka kif ukoll minn ċerti prattiki amministrattivi. Fil-fatt, in-natura ġenerali ta’ wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet ikkomunikati, li dan l-Istat Membru ma jikkontestax, ma tfissirx li huma ma setgħux jimplimentaw, b’mod adegwat, din id-direttiva. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li hija identifikat, minn numru totali ta’ 29 artikolu tal-imsemmija direttiva, 102 dispożizzjoni li kellhom jiġu evalwati fir-rigward tan-neċessità ta’ traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali. Hija tesponi li 49 minnhom huma trasposti permezz ta’ leġiżlazzjoni eżistenti u li 23 ġew ikkunsidrati bħala irrilevanti mill-perspettiva tat-traspożizzjoni. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu għalhekk ikun limitat għal 30 dispożizzjoni.

32

Qabel kollox, in-nařízení vlády č. 145/2015 Sb., o opatřeních souvisejících s oznamováním podezření ze spáchání protiprávního jednání ve služebním úřadu (ir-Regolament tal-Gvern 145/2015 dwar id-dispożizzjonijiet relatati mas-senjalazzjoni ta’ suspetti ta’ aġir illegali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet), trażmessa lill-Kummissjoni mir-Repubblika Ċeka, tippermetti l-implimentazzjoni ta’ 28 dispożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 fir-rigward tal-informaturi li jaqgħu taħt l-istatus tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 6 kif ukoll il-punt 11 tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva.

33

Sussegwentement, fir-rigward tal-informaturi li ma jaqgħux taħt l-istatus tas-servizz pubbliku, protezzjoni minima hija ggarantita mill-qafas legali ġenerali kkostitwit, b’mod partikolari, mill-Kodiċi Kriminali, mill-Kodiċi Ċivili, mill-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva u mill-Kodiċi Industrijali. Ir-Repubblika Ċeka tqis li d-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-qafas legali jippermettu t-traspożizzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(1), tal-punti 5, 7 u 9 tal-Artikolu 5, tal-Artikolu 11(6), tal-Artikolu 12(1) sa (3) u (5), tal-Artikolu 16(2) u (4), tal-Artikolu 20(1) u (2), tal-Artikolu 21(5), (6) u (8), tal-Artikolu 22, kif ukoll tal-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva 2019/1937.

34

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 8(7) u (8) u it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(3) sa (5), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 17, l-Artikolu 21(4), l-Artikolu 25), l-Artikolu 26(1), l-Artikoli 27 sa 29, kif ukoll il-Partijiet I u II tal-Anness tad-Direttiva 2019/1937 ma għandhom ebda rilevanza mill-perspettiva tat-traspożizzjoni, b’tali mod li t-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali ma hijiex neċessarja.

35

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża, qabel kollox, li kemm mill-opinjoni motivata kif ukoll mir-rikors jirriżulta li hija tilmenta li r-Repubblika Ċeka ma adottatx att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937. Għaldaqstant, hija ma biddlitx is-suġġett tal-kawża fl-istadju tar-rikors.

36

Sussegwentement, il-Kummissjoni tfakkar li l-adozzjoni ta’ att pożittiv ta’ traspożizzjoni, li jirreferi għad-direttiva li għandha tiġi trasposta, hija rekwiżit li jippermetti liċ-ċittadini u lill-persuni ġuridiċi jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom li jirriżultaw minn din id-direttiva.

37

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li ma huwiex eskluż li l-att pożittiv ta’ traspożizzjoni jagħmel riferiment għal leġiżlazzjoni eżistenti. Madankollu, fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuq l-Istati Membri, ma jkunx aċċettabbli li Stat Membru, li jirrikonoxxi dewmien fit-traspożizzjoni ta’ direttiva, jikkomunika lill-Kummissjoni, fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, diversi atti nazzjonali ta’ natura ġenerali, li ma jirrigwardawx speċifikament id-direttiva li għandha tiġi trasposta. Il-Kummissjoni tirrileva li l-effettività tal-azzjoni tagħha neċessarjament tbati minn tali aġir.

38

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka, filwaqt li tirreferi għall-opinjoni motivata, ittenni, l-ewwel nett, il-kritika tagħha dwar il-bidla fis-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li minn din l-opinjoni kif ukoll mill-proċedura li ppreċedietha jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kienet qieset li dan l-Istat Membru kien wettaq traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2019/1937. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma indikatx fl-imsemmija opinjoni r-raġunijiet għalfejn hija qieset li d-dispożizzjonijiet ikkomunikati ma kinux rilevanti.

39

It-tieni nett, ir-Repubblika Ċeka, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju ((Artikolu 260(3) TFUE) – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573)), tfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi n-nuqqas ta’ traspożizzjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE, obbligu li hija ma tissodisfax billi tindika li d-dispożizzjonijiet ikkomunikati ma jinkludux riferiment għad-Direttiva 2019/1937.

40

Barra minn hekk, il-piż amministrattiv li jinvolvi l-eżami tad-dispożizzjonijiet ikkomunikati ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tipproduċi l-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

41

Ir-Repubblika Ċeka tqis, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni estendiet is-suġġett tar-rikors fl-istadju tar-rikors, billi rrilevat fih assenza sħiħa ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 fid-dritt nazzjonali, filwaqt li hija semmiet, fl-opinjoni motivata, traspożizzjoni inkompleta ta’ din id-direttiva.

42

Għandu jitfakkar li l-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka l-eċċezzjonijiet tad-difiża tiegħu b’mod utli kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni) (C‑552/15, EU:C:2017:698), punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 258 TFUE, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax iwassal sabiex tkun meħtieġa, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn id-dikjarazzjoni tal-ilmenti li tinsab fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tat-tilwima, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma jkunx ġie estiż jew mibdul. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tispeċifika l-ilmenti inizjali tagħha, bil-kundizzjoni madankollu li ma tibdilx is-suġġett tat-tilwima (sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑591/13, EU:C:2015:230, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, mill-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022 jirriżulta li l-Kummissjoni lmentat lir-Repubblika Ċeka talli ma adottatx u lanqas ma kkomunikat id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, fatt li dan l-Istat Membru ma jikkontestax. F’dan ir-rigward, l-imsemmi Stat Membru jippreċiża li, bi tweġiba għall-imsemmija opinjoni motivata, huwa bagħat lill-Kummissjoni elementi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tiegħu li huwa allega li kienu jippermettu li jiġu trasposti ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

44

Issa, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li tfakkar li hija tqis li t-traspożizzjoni ta’ direttiva teħtieġ l-adozzjoni ta’ att pożittiv li jinkludi riferiment għal din id-direttiva, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Ċeka ma pproċedietx bl-adozzjoni ta’ tali att u lanqas ma kkomunikat tali att u, konsegwentement, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(1) u (3) tad-Direttiva 2019/1937.

45

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni estendiet is-suġġett tar-rikors meta mqabbel ma’ dak iddefinit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022.

46

It-tieni nett, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni ma indikatx, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza neċessarji, ir-raġunijiet għalfejn id-dispożizzjonijiet li hija kkomunikatilha matul il-proċedura prekontenzjuża bħala miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2019/1937 ma kinux jippermettu li jitnaqqas is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

47

Kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, kemm mill-opinjoni motivata kif ukoll minn dan ir-rikors jirriżulta li l-Kummissjoni tilmenta lir-Repubblika Ċeka talli ma adottatx att pożittiv li jippermetti t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 li jinkludi riferiment għal din id-direttiva, u lanqas ma kkomunikat tali att.

48

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja (Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi)), C‑454/22, EU:C:2024:235, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Issa, f’dan il-każ, peress li r-Repubblika Ċeka ppreċiżat kemm matul il-proċedura prekontenzjuża kif ukoll fir-risposta tagħha li att pożittiv ta’ traspożizzjoni li jagħmel riferiment espressament għad-Direttiva 2019/1937 kien fil-proċess li jiġi adottat, huwa paċifiku li tali att kien nieqes fid-data tal-preżentata tar-rikors.

50

Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors minħabba li ma kienx f’pożizzjoni li jkun jaf il-portata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kien akkużat bih, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, huwa stess beda l-proċedura leġiżlattiva nazzjonali sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2019/1937 u, min-naħa l-oħra, li l-att pożittiv ta’ traspożizzjoni li huwa kien ħabbar l-adozzjoni tiegħu kellu jidħol fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Awwissu 2023, jiġifieri kważi 5 xhur wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors u iktar minn 19-il xahar wara s‑17 ta’ Diċembru 2021, data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937.

51

Minn dan isegwi li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

– Fuq il-mertu

52

Skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, l-Istati Membri għandhom, mhux iktar tard mis‑17 ta’ Diċembru 2021, idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(3) ta’ din id-direttiva jispeċifika li, meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, dawn għandhom jinkludi riferiment għal din id-direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Minbarra dan, skont l-Artikolu 26(3), huma l-Istati Membri li għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

53

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, jekk direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja (Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), C‑454/22, EU:C:2024:235, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, wara li kkonstatat li r-Repubblika Ċeka ma kinitx ikkomunikatilha d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fil‑15 ta’ Lulju 2022, opinjoni motivata, fejn talbitu jwettaq l-obbligi msemmija f’din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn, mid-data li fiha jkun irċeviha.

56

Issa, kif jirriżulta mir-risposta u mir-replika ppreżentati mir-Repubblika Ċeka f’din il-proċedura, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, dan l-Istat Membru ma kienx adotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2019/1937 u, għaldaqstant, dan l-Istat lanqas ma kien ikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

57

Madankollu, mit-tweġiba tagħha tad‑9 ta’ Settembru 2022 u mill-komunikazzjoni li hija għamlet fl‑14 ta’ Settembru 2022 jirriżulta li, f’din l-aħħar data, il-Kummissjoni kienet destinatarja tad-dispożizzjonijiet li jinsabu, b’mod partikolari, fil-Kodiċi Ċivili, fil-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, fil-Kodiċi Industrijali kif ukoll fir-Regolament tal-Gvern Nru 145/2015, bħala miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2019/1937. L-imsemmi Stat Membru kien indika wkoll lill-Kummissjoni li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kienu diġà trasposti minħabba l-konformità ma’ dawn tal-aħħar tal-prattika amministrattiva nazzjonali u li diversi dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva ma kinux jeħtieġu, fi kwalunkwe każ, traspożizzjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka kienet ippreċiżat li d-dħul fis-seħħ ta’ att pożittiv ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva kien previst fi tmiem l-ewwel semestru tas-sena 2023.

58

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, billi tindika li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 kellha titlesta matul is-sena 2023, ir-Repubblika Ċeka tirrikonoxxi li traspożizzjoni sħiħa fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva la kienet twettqet fl-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 26(1) tagħha, u lanqas fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fil‑15 ta’ Settembru 2022.

59

It-tieni nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, minn naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-fatt li d-dritt ta’ Stat Membru fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/1937 jkun, skont dan l-Istat Membru, diġà konformi ma’ din id-direttiva, ma huwiex suffiċjenti sabiex jeskludi l-obbligu, għall-imsemmi Stat Membru, li jittrasponi l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku tiegħu u, għaldaqstant, sabiex jiġġustifika tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja (Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), C‑454/22, EU:C:2024:235, punt 42).

60

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu, kif tenfasizza r-Repubblika Ċeka, li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jiffaċilitaw lill-Kummissjoni t-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17(1) TUE, fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tiegħu (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (Impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi), C‑22/20, EU:C:2021:669, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Issa, kien biss wara l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-ittra ta’ intimazzjoni li r-Repubblika Ċeka bdiet tikkomunika lil din l-istituzzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li jittrasponu ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937.

62

Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kompliet matul il-proċedura kollha, sal‑14 ta’ Settembru 2022, jiġifieri ġurnata biss qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet kienu fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku Ċek qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva.

63

It-tielet nett, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli u bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jeħtieġ li, meta d-direttiva jkollha l-għan li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jafu dawn id-drittijiet kollha (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, U.I. (Rappreżentant doganali indirett), C‑714/20, EU:C:2022:374, punt 59).

64

Issa, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kkomunikati mir-Repubblika Ċeka ma jinkludu ebda riferiment għad-Direttiva 2019/1937, dawn ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ppreċiżati fil-punt preċedenti.

65

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prattiki amministrattivi mressqa mir-Repubblika Ċeka bħala miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, għandu jiġi rrilevat li prattika nieqsa minn pubbliċità adegwata hija min-natura tagħha modifikabbli skont ir-rieda tal-amministrazzjoni, b’tali mod li ma tistax titqies li tikkostitwixxi eżekuzzjoni valida tal-obbligi li għandu Stat Membru skont it-Trattat FUE (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-natura mhux rilevanti ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937 li r-Repubblika Ċeka ssostni li t-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali ma hijiex neċessarja, huwa biżżejjed li jitfakkar li tali evalwazzjoni magħmula minn Stat Membru ma tistax manifestament tkun biżżejjed sabiex dan l-Istat Membru jinħeles mill-obbligu tiegħu li jadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ direttiva jew mill-obbligu tiegħu li jikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 88).

67

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937 u, għalhekk, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva.

Fuq it-talba mressqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE

L-argumenti tal-partijiet

68

Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ġenerali msemmija fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 kif ukoll fuq il-metodu ta’ kalkolu li jinsab fil-punti 3 u 4 ta’ din il-komunikazzjoni. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni tindika li d-determinazzjoni tal-imsemmi ammont tas-somma f’daqqa għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji fundamentali li huma l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u n-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex jiġu evitati r-reċidivi.

69

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li l-koeffiċjent applikabbli skont il-Kommunikazzjoni tal‑2023 huwa bejn minimu ta’ 1 u massimu ta’ 20. Din l-istituzzjoni tippreċiża li, skont il-punt 3.2.2 ta’ din il-kommunikazzjoni, hija tapplika sistematikament koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-traspożizzjoni ta’ direttiva, peress li kull nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva u ta’ kommunikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-istess grad ta’ gravità, indipendentement min-natura tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkonċernata.

70

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tesponi li dan huwa ekwivalenti, fir-rigward tal-kalkolu tas-somma f’daqqa, għan-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur. Dan it-tul huwa kkalkolat skont il-punt 4.2.1 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 u jikkorrispondi għan-numru ta’ ġranet bejn il-ġurnata ta’ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u l-ġurnata li fih il-ksur intemm.

71

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kriterju relatat man-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tindika li dan huwa espress bil-fattur “n” stabbilit għal kull Stat Membru fil-punt 3 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023. Il-kalkolu tiegħu huwa bbażat fuq ir-relazzjoni bejn il-PDG tal-Istat ikkonċernat u l-PDG medju nazzjonali tal-Unjoni mmultiplikat bir-relazzjoni ta’ bejn il-popolazzjoni ta’ dak l-Istat u l-popolazzjoni medja nazzjonali tal-Unjoni. L-ewwel relazzjoni hija peżata b’żewġ terzi filwaqt li t-tieni relazzjoni hija peżata b’terz. Skont dan il-punt 3, il-fattur “n” tar-Repubblika Ċeka huwa ta’ 0.49.

72

Konsegwentement, il-Kummissjoni tipproponi, skont il-punt 4.2 tal-Kommunikazzjoni tal‑2023, li jintuża koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 u li jiġi applikat l-fattur “n” ta’ 0.49. Il-prodott ta’ dawn iż-żewġ elementi għandu jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-somma f’daqqa stabbilita fil-punt 2 tal-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni, jiġifieri EUR 1000, li jikkorrispondi għas-somma ta’ EUR 4900, liema somma għandha tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ ġranet li waqthom in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista, konformement mal-punt 4.2.1 tal-imsemmija kommunikazzjoni. Il-Kummissjoni tindika li l-ħlas ta’ din is-somma f’daqqa għandu jiġi impost bil-kundizzjoni li jkun ogħla minn EUR 1372000, ammont tas-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika Ċeka fil-punt 5 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023.

73

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fl-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti. Peress li d-dispożizzjonijiet ikkomunikati matul il-proċedura prekontenzjuża jippermettu, skont dan l-Istat Membru, li jiġu trasposti ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tas-somma f’daqqa huwa meħtieġ skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn il-każijiet ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni sħiħa u l-każijiet ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni parzjali. Minn dan jirriżulta li l-koeffiċjent ta’ gravità ma jistax jaqbeż 4.

74

Fit-talbiet addizzjonali tagħha tat‑28 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni tipproponi, wara l-komunikazzjoni mir-Repubblika Ċeka tad-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Awwissu 2023, tal-Liġijiet 171/2023 u 172/2023, li jiġi kkunsidrat li n-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur huwa inkluż bejn it‑18 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri l-ġurnata ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, u l‑31 ta’ Lulju 2023, jiġifieri l-ġurnata ta’ qabel dik tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li tippermetti t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li l-ammont ta’ kuljum propost huwa ta’ EUR 4900 (10×0.49×1000), li għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur, jiġifieri 591 ġurnata. L-ammont tas-somma f’daqqa mitluba huwa għalhekk ta’ EUR 2895900.

75

Ir-Repubblika Ċeka ppreżentat, fis‑17 ta’ Ġunju 2024, osservazzjonijiet li permezz tagħhom dan l-Istat Membru jqis li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2019/1937, trażmessi lill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, kif ukoll tal-kooperazzjoni li huwa wera, il-koeffiċjent ta’ gravità adottat ma għandux ikun ogħla minn 3.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE peress li tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha xieraq, tindika l-ammont ta’ pagament ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru, li hija tkun tqis xieraq għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tkun tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penalità li ma jkunx jaqbeż l-ammont indikat mill-Kummissjoni u l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

77

Peress li, kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022 ir-Repubblika Ċeka la kienet adottat u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat lill-Kummissjoni il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni fid-dritt intern tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE.

78

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, ikollu t-tendenza li jippersisti, iżda wkoll li jtaffi u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi l-impożizzjoni, b’mod partikolari, ta’ somma f’daqqa bħala sanzjoni pekunjarja.

80

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-interessi privati u pubbliċi inkwistjoni, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal perijodu twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mitluba, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li hija adottat, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tagħha, li, filwaqt li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Fir-rigward tal-opportunità li timponi somma f’daqqa, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li tiddeċiedi dwar s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dan il-każ, għandu jitqies li, minkejja l-fatt li r-Repubblika Ċeka kkooperat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża u bagħtitilha dispożizzjonijiet tad-dritt eżistenti tagħha li jistgħu jikkostitwixxu traspożizzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Qabel kollox, kien biss wara l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-ittra ta’ intimazzjoni tas‑27 ta’ Jannar 2022 li r-Repubblika Ċeka kkomunikat lil din l-istituzzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li hija kienet tqis li jittrasponu wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937. Sussegwentement, il-komunikazzjonijiet komplew sal‑14 ta’ Settembru 2022, jiġifieri ġurnata biss qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022, minkejja li d-dispożizzjonijiet ikkomunikati kienu fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku nazzjonali qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/1937. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, sad-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Awwissu 2023, tal-Liġijiet 171/2023 u 172/2023, id-dispożizzjonijiet ikkomunikati ma kinux jippermettu traspożizzjoni effettiva, speċifika u sħiħa ta’ din id-direttiva, kif tfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza.

84

F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tas-somma f’daqqa, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru. Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa ta’ evalwazzjoni limitata, peress li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn din tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ tagħti (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam, kif inkwadrat mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa li jista’ jiġi imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE b’tali mod li dan l-ammont ikun, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 68 u 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86

Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, linji gwida, bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta dik l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal‑2023 sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għall-kundanna tar-Repubblika Ċeka għall-ħlas ta’ pagament ta’ somma f’daqqa, kif ukoll sabiex tistabbilixxi l-ammont tagħha.

88

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, mill-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva titqies dejjem bħala gravi. Għaldaqstant, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġġustifika l-applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10.

89

Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-livell ta’ dan il-koeffiċjent u l-awtomatiċità tal-applikazzjoni tiegħu fiċ-ċirkustanzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat.

90

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jiżguraw t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2019/1937 hija strument kruċjali tad-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, regoli minimi komuni li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni bbilanċjata u effettiva tal-persuni li jirrapportaw ksur ta’ dan id-dritt f’oqsma li fihom tali ksur jista’ jippreġudika b’mod partikolari l-interess ġenerali. Fil-fatt, billi tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest professjonali, din id-direttiva tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku, f’oqsma partikolarment sensittivi, bħal dawk tal-kuntratti pubbliċi, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jipprevedu l-obbligu, kemm għall-entitajiet tas-settur pubbliku kif ukoll għal dawk tas-settur privat, li jistabbilixxu kanali ta’ senjalazzjoni interna, proċeduri ta’ riċeviment u ta’ segwitu tas-senjalazzjonijiet, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni hekk prevista (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 73).

92

Issa, l-assenza ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937 fit-terminu mogħti neċessarjament tikser id-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tiegħu, peress li ksur ta’ dan id-dritt jista’ ma jkunx is-suġġett ta’ senjalazzjoni jekk il-persuni li jkunu jafu b’tali ksur ma jibbenefikawx minn protezzjoni kontra eventwali ritaljazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 74).

93

Madankollu, l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandu jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat mal-ksur imwettaq (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 75), kif tfakkar fil-punt 85 ta’ din is-sentenza.

94

Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni awtomatika tal-istess koeffiċjent ta’ gravità fil-każijiet kollha ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u, għaldaqstant, ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva neċessarjament tostakola l-adattament tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-ksur u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 76).

95

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, billi tippreżumi li l-ksur tal-obbligu li jiġu kkomunikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva għandu jitqies li għandu l-istess gravità tkun liema tkun id-direttiva kkonċernata, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tadatta s-sanzjonijiet pekunjarji skont il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif previst mill-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 77).

96

F’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka sostniet, fir-risposta tagħha, li d-Direttiva 2019/1937 kienet diġà parzjalment trasposta fil-leġiżlazzjoni Ċeka.

97

Permezz ta’ żewġ komunikazzjonijiet, waħda tal‑21 ta’ Marzu 2022 u l-oħra tal‑14 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika Ċeka kkomunikat lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet li jinsabu, b’mod partikolari, fil-Kodiċi Ċivili, fil-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, fil-Kodiċi Industrijali kif ukoll fir-Regolament tal-Gvern 145/2015 li dan l-Istat Membru jallega li kienu jippermettu t-traspożizzjoni ta’ 49 dispożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937.

98

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma ġiex stabbilit li l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’dan il-każ fuq l-interessi privati u pubbliċi kienu negattivi daqs il-każ ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2019/1937 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 92).

99

Xorta jibqa’ l-fatt li r-Repubblika Ċeka stess irrikonoxxiet, fir-risposta tagħha, li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġijiet 171/2023 u 172/2023, ir-regoli li jipproteġu l-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt kienu mifruxa fl-ordinament ġuridiku Ċek u ma kinux jinkludu, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2019/1937, riferiment espliċitu għall-protezzjoni ta’ dawn il-persuni.

100

Issa, l-assenza ta’ regoli speċifiċi u ċari dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bil-mod kif din il-protezzjoni hija prevista mid-Direttiva 2019/1937, tipprekludi protezzjoni effettiva ta’ dawn il-persuni u għalhekk tista’ tqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni uniformi u effettiva ta’ dan id-dritt fl-oqsma koperti minn din id-direttiva (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 94).

101

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, billi tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni li jirraportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest professjonali, id-Direttiva 2019/1937 tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku, f’oqsma partikolarment sensittivi, bħal dawk tal-kuntratti pubbliċi, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 95).

102

Madankollu, kif indikat fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ protezzjoni effettiva, il-persuni li jkunu jafu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni f’dawn l-oqsma jistgħu jiġu dissważi milli jindikawhom peress li, meta jagħmlu dan, huma jistgħu jesponu ruħhom għal ritaljazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 96).

103

Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/1937, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, l-assenza ta’ adozzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni sħiħa u preċiża tal-imsemmija direttiva hija ta’ gravità partikolarment serja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 97).

104

Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

Huwa paċifiku li r-Repubblika Ċeka ma kinitx, fl-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, jiġifieri fis‑17 ta’ Diċembru 2021, adottat il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tiżgura t-traspożizzjoni, speċifika u sħiħa, ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, lanqas ma kienet ikkomunikat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak previst fl-Artikolu 26(3) tal-imsemmija direttiva. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ntemm biss fl‑1 ta’ Awwissu 2023, bid-dħul fis-seħħ tal-Liġijiet 171/2023 u 172/2023, baqa’ għaddej għal kważi sena u nofs.

106

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bla ħsara għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji bbażati fuq diversi kriterji, sabiex tippermetti, b’mod partikolari, li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat bħala fattur predominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tiegħu u tal-iffissar ta’ sanzjonijiet suffiċjentement dissważivi u proporzjonati, sabiex tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet b’mod ripetut li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD tal-Istat Membru kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

F’dan il-każ, il-fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri l-oħra, applikat mill-Kummissjoni skont il-punti 3.4. u 4.2. tal-Komunikazzjoni tal‑2023, huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, li tgħodd għal żewġ terzi tal-kalkolu tal-fattur “n”, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjoni tal-Istati Membri, li tgħodd għal terz tal-kalkolu tal-fattur “n”, kif jirriżulta mill-ekwazzjoni msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni tiġġustifika dan il-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” kemm bl-għan li tinżamm differenza raġonevoli tal-fatturi “n” tal-Istati Membri, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri kif ukoll l-għan li tiġi żgurata ċerta stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur “n”, peress li huwa improbabbli li l-popolazzjoni tvarja b’mod sinjifikattiv fuq bażi annwali (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku skont il-modalitajiet previsti fil-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 84 sa 86).

110

Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 106 ta’ din is-sentenza u fin-nuqqas ta’ kriterju rilevanti, imressaq mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi stabbiltà fil-kalkolu u żżomm differenza raġonevoli fil-fatturi “n” tal-Istati Membri, huwa billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-medja tal-PGD tar-Repubblika Ċeka tal-aħħar tliet snin li għandu jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa.

111

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li din tal-aħħar ma tistax, fir-rigward tas-somma f’daqqa, tiffissa ammont li jeċċedi dak indikat mill-Kummissjoni, għandu jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 26(1) u (3) tad-Direttiva 2019/1937 u li jippreġudika l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 2300000.

Fuq l-ispejjeż

112

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

113

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli tadotta, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni Ewropea tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva.

 

2)

Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa li tammonta għal EUR 2300000.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

4)

Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.