European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1450

16.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1450

tal-15 ta’ Lulju 2025

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2080

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33, flimkien mal-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Lulju 2003, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia.

(2)

Fis-26 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2080 (1), li ħatret lis-Sa Magdalena GRONO bħala r-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2025.

(3)

Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perjodu ta’ 24 xahar u li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Awwissu 2027.

(4)

Ir-RSUE ser timplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/2080 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sa Magdalena GRONO hija b’dan maħtura bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2025.

Il-mandat tas-Sa Magdalena GRONO bħala RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia huwa estiż sal-31 ta’ Awwissu 2027.

Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm aktar kmieni, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).”

;

(2)

fl-Artikolu 5(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Awwissu 2027 għandu jkun ta’ EUR 5 330 208.”

;

(3)

fl-Artikolu 14, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-RSUE għandha, sal-31 ta’ Mejju 2027, tippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti regolari ta’ progress u rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2080 tas-26 ta’ Lulju 2024 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L, 2024/2080, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2080/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1450/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)