29.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 896/2009

tal-25 ta’ Settembru 2009

dwar l-awtorizzazzjoni ta' użu ġdid ta' Saccharomyces cerevisiae MUCL 39885 bħala addittiv fl-għalf għall-ħniezer nisa (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Prosol S.p.A.)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, intbagħtet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni stipulata fl-Anness ma' dan ir-Regolament. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta' użu ġdid tal-preparazzjoni tal-mikro organiżmi Saccharomyces cerevisiae MUCL 39885 bħala addittiv fl-għalf għall-ħnieżer nisa, li trid tiġi kklassifikata fil-kategorija ta’ addittivi “addittivi żootekniċi”.

(4)

L-użu tal-preparazzjoni tal-mikro-organiżmu Saccharomyces cerevisiae MUCL 39885 ġie awtorizzat mingħajr skadenza għall-friegħ tal-ħnieżer miftuma bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1200/2005 (2), għall-ifrat għas-simna bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 492/2006 (3) u għall-baqar tal-ħalib bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1520/2007 (4).

(5)

Tressqet dejta ġdida bħala sostenn tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-ħnieżer nisa. L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (‘l-Awtorità’) tikkonkludi fl-opinjoni tagħha tat-3 ta' Frar 2009 (5) li Saccharomyces cerevisiae MUCL 39885 tista' titqies bħala bla periklu għall-ispeċi fil-mira, għall-konsumaturi u għall-ambjent aktar wiesa'. Skont din l-opinjoni, il-preparazzjoni tista' ġġib effett ta' benefiċċju sinifikanti fuq il-piż tal-btan u l-ħnieżer żgħar individwali. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf imressaq mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

L-evalwazzjoni ta’ dik il-preparazzjoni turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma sodisfatti. Għaldaqstant, l-użu ta' din il-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat, kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi ‘addittivi żootekniċi’ u mill-grupp funzjonali “stabilizzanti għall-batterja li tinsab fil-musrana”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)   ĠU L 195, 27.7.2005, p. 6.

(3)   ĠU L 89, 28.3.2006, p. 6.

(4)   ĠU L 335, 20.12.2007, p. 17.

(5)  Il-Ġurnal EFSA (2009) 970, 1-9.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

CFU/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' umdità ta' 12 %

Kategorija ta’ addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: stabilizzanti għall-batterja li tinsab fil-musrana.

4b1710

Prosol S.p.A.

Saccharomyces cerevisiae

MUCL 39885

 

Kompożizzjoni tal-addittiv:

Preparazzjoni ta' Saccharomyces cerevisiae MUCL 39885

li fiha minimu ta':

addittiv CFU/g 1 × 109 taħt forma ta' trab u mrammel.

 

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

 

Saccharomyces cerevisiae

 

MUCL 39885.

 

Metodu analitiku (1):

 

Enumerazzjoni: metodu pour plate bl-użu tal-chloramphenicol glucose yeast extract agar.

 

Identifikazzjoni Metodu tar-reazzjoni katina tal-Polymerase (PCR)

Ħnieżer nisa

—

6,4 × 109

—

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u t-taħlita minn qabel, indika t-temperatura li fiha ssir il-ħażna, it-tul ta' żmien fil-ħażna u l-istabilità għall-pelleting.

19 ta’ Ottubru 2019


(1)  Dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza Komunitarj li ġej: www.irmm.jrc.be/crl-feed-additives