|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1185 |
23.2.2024 |
P9_TA(2023)0349
Id-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, b'mod partikolari l-persekuzzjoni ta' ex uffiċjali tal-gvern
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2023 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, b’mod partikolari l-persekuzzjoni ta’ ex uffiċjali tal-gvern (2023/2881(RSP))
(C/2024/1185)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi wara li t-Talibani ħatfu l-kontroll tal-Afganistan f’idejhom, tħabbret amnestija għall-ex uffiċjali tal-gvern u għall-ex membri tal-forzi armati (ANDSF, il-forzi ta’ difiża u ta’ sigurtà nazzjonali Afgani); billi l-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan iddokumentat mill-anqas 800 każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi każijiet ta’ detenzjoni arbitarja, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, għajbien furzat u torturi, fil-konfront ta’ ex uffiċjali u membri tal-ANDSF min-naħa tal-awtoritajiet de facto; |
|
B. |
billi ex uffiċjali tal-gvern u membri tal-ANDSF inqatlu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, f’postijiet mhux magħrufa u f’postijiet pubbliċi; billi l-familji spiss ma jkunux jafu x’xorti messet lill-qraba miżmuma f’detenzjoni jew fejn jinsabu għal ġranet jew ġimgħat sħaħ sakemm ma jintbagħtulhom il-katavri tagħhom; |
|
1. |
Jiddeplora l-livell tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, li żdied esponenzjalment minn mindu ħatfu l-kontroll f’idejhom it-Talibani; jiddenunzja bl-aktar mod qawwi l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inklużi l-persekuzzjoni mifruxa ta’ ex uffiċjali tal-gvern u membri tal-ANDSF, l-oppressjoni xokkanti tan-nisa u tal-bniet u l-politika ta’ apartheid tal-ġeneru kif ukoll l-immirar lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
2. |
Jistieden lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan japplikaw bis-sħiħ l-impenn li ħadu pubblikament favur l-amnestija ġenerali tal-ex uffiċjali tal-gvern u tal-ex membri tal-ANDSF; |
|
3. |
Jitlob li jinħoloq b’urġenza mekkaniżmu ta’ aċċertament tar-responsabbiltajiet immexxi min-Nazzjonijiet Uniti biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkużi dawk fil-konfront tal-ex uffiċjali tal-gvern u tal-ex membri tal-ANDSF, u l-ksur tad-dritt internazzjonali; |
|
4. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto jannullaw ir-restrizzjonijiet severi tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, bi qbil mal-obbligi internazzjonali tal-Afganistan; |
|
5. |
Itenni l-appell tiegħu lill-Afganistan biex jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Matiullah Wesa, Zholia Parsi, Neda Parwani, Murtaza Behboudi, Rasul Parsi u lill-persuni impriġunati inġustament l-oħra u jagħmel investigazzjoni bir-reqqa dwar l-għajbien furzat ta’ Alia Azizi; |
|
6. |
Jinsisti li r-relazzjonijiet mat-Talibani jkunu subordinati għal kundizzjonijiet rigorużi, abbażi tal-ħames punti ta’ riferiment stabbiliti mill-Kunsill fir-rigward tal-impenn mal-awtoritajiet de facto tal-Afganistan; |
|
7. |
Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw l-appoġġ tagħhom favur is-soċjetà ċivili Afgana, anki billi jiffinanzjaw programmi speċifiċi ta’ assistenza u protezzjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u billi joħorġu viżi umanitarji għan-nisa u għall-bniet ippersegwitati; |
|
8. |
Jiddeplora l-fatt li l-libertà reliġjuża fl-Afganistan iddeterjorat b’mod drammatiku taħt il-ħakma tat-Talibani; jikkundanna lit-Talibani talli ppersegwitaw brutalment lill-Insara u minoranzi reliġjużi oħra sabiex jeqirduhom mill-pajjiż; |
|
9. |
Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Afgan u l-impenn fil-konfront tiegħu, inkluż l-appell tiegħu għall-ġustizzja, għall-obbligu ta’ rendikont u għar-riparazzjoni tal-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan; jistieden lill-UE ssostni l-investigazzjoni li qiegħda tagħmel bħalissa l-Qorti Kriminali Internazzjonali f’dan ir-rigward; |
|
10. |
Jerġa’ jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni umanitarja fl-Afganistan u dwar in-nuqqas ta’ fondi biex jingħata l-ikel lil dawk li qed ibatu minn ġuħ estrem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna umanitarja kif ukoll il-finanzjamenti għall-bżonnijiet bażiċi u l-appoġġ għall-mezzi ta’ sussistenza; |
|
11. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1185/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)