Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
18 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Dritt għal appell – Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 – Rimbors jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni – Artikolu 116 tar-Regolament Nru 952/2013 – Sospensjoni tat-terminu għat-tressiq ta’ talba għal rimbors jew għal maħfra fil-każ ta’ appell min-notifika tad-dejn doganali – Artikolu 121(3) tar-Regolament Nru 952/2013 – Talba għal maħfra mressqa wara sentenza tal-ewwel istanza li tikkonferma d-dejn doganali – Relazzjoni bejn id-dritt għal appell u d-dritt għal tressiq ta’ talba għal maħfra quddiem l-awtoritajiet doganali – Trażmissjoni tat-talba għal maħfra lill-Kummissjoni”
Fil-Kawża T‑670/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Settembru 2025, fil-proċedura
Elvada Company SRL
vs
Ministerul Finanţelor – Autoritatea Vamală Română,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn M. Sampol Pucurull (Relatur), President, T. Pynnä, J. Laitenberger, M. Stancu u W. Valasidis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,
Reġistratur: T. Henze, li qiegħed jaġixxi bħala Reġistratur,
wara li rat it-trasferiment mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Settembru 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat li l-qasam inkwistjoni jaqa’ taħt il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li ma tqumx kwistjoni awtonoma ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b ta’ dan l-Istatut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Elvada Company, minn G. Covrig, avocată,
– għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Ghiță u A. Wellman, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u E. Stamate, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 44 u 116 kif ukoll tal-Artikolu 121(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Elvada Company SRL (iktar ’il quddiem “Elvada”), kumpannija rregolata mid-dritt Rumen, u l-Ministerul Finanţelor – Autoritatea Vamală Română (il-Ministeru għall-Finanzi — Awtorità Doganali Rumena) dwar żewġ talbiet għal maħfra ppreżentati minn Elvada dwar dazji doganali relatati mal-importazzjoni ta’ roti elettriċi.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Id-dritt ta’ appell”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali marbuta mal-applikazzjoni ta’ legislazzjoni doganali li tikkonċernaha direttament u individwalment.
[...]”
4 Skont l-Artikolu 108 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Il-limiti ta’ żmien ġenerali għal ħlas u s-sospensjoni tal-iskadenza tal-ħlas”:
“[...]
3. Il-limitu taż-żmien għall-ħlas tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali għandu jkun sospiż fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:
a) fejn applikazzjoni għal maħfra ta’ dazju ssir skont l-Artikolu 121;
[...]”
5 L-Artikolu 116 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Provvedimenti ġenerali”, jipprevedi:
“1. Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima, l-ammonti tad-dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jinħafru għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
a) ammonti ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni mitluba żejda;
b) merkanzija difettuża jew merkanzija li ma tikkonformax mat-termini tal-kuntratt;
c) żball mill-awtoritajiet kompetenti;
d) ekwità.
[...]
3. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-ħlas lura jew il-maħfra għandhom jingħataw abbażi tal-Artikolu 119 jew 120, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat id-dokumentazzjoni lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni fil-każijiet li ġejjin:
a) fejn l-awtoritajiet doganali jqisu li ċ-ċirkostanzi speċjali huma r-riżultat tal-fatt li l-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha;
b) fejn l-awtoritajiet doganali jqisu li l-Kummissjoni tkun għamlet żball fis-sens tal-Artikolu 119;
c) fejn iċ-ċirkostanzi tal-każ huma marbutin mal-konklużjonijiet minn investigazzjoni tal-Unjoni magħmula taħt ir-Regolament tal-Kunsill(KE) Nru 515/97 tat‑13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli jew skont kwalunkwe leġislazzjoni oħra tal-Unjoni jew skont xi ftehim milħuq mill-Unjoni ma’ pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi li fih isir provvediment għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet bħal dawn tal-Unjoni;
d) fejn l-ammont li għalih il-persuna kkonċernata tista’ tkun responsabbli fir-rigward ta’ operazzjoni waħda jew aktar ta’ importazzjoni jew esportazzjoni jkun daqs jew aktar minn EUR 500 000 b’riżultat ta’ żball jew ta’ ċirkostanzi speċjali;
Minkejja l-ewwel subparagrafu, m’għandhiex tintbagħat dokumentazzjoni f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
a) fejn il-Kummissjoni tkun diġà adottat deċiżjoni dwar każ li jinvolvi kwistjonijiet paragunabbli ta’ fatt u ta’ dritt;
b) fejn il-Kummissjoni tkun diġà qed tikkunsidra każ li jinvolvi kwistjonijiet paragunabbli ta’ fatt u ta’ dritt.
[...]”
6 Skont l-Artikolu 119 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Żball mill-awtoritajiet kompetenti”:
“1. F’każijiet barra dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 116(1) u fl-Artikoli 117, 118 u 120, ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandu jitħallas lura jew jinħafer fejn, minħabba żball min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, l-ammont li jikkorrispondi għad-dejn doganali li kien notifikat fil-bidu kien aktar baxx mill-ammont li jrid jitħallas, sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
a) id-debitur raġonevolment ma setax induna b’dak l-iżball; u
b) id-debitur kien qed jaġixxi b’intenzjoni tajba.
[...]
3. Fejn it-trattament preferenzjali tal-merkanzija huwa mogħti abbażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju barra t-territorju doganali tal-Unjoni, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawk l-awtoritajiet, jekk ikollu jirriżulta li mhux korrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma setax raġonevolment jkun osservat fis-sens tal-punt (a) tal-paragrafu 1.
Il-ħruġ ta’ ċertifikat mhux korrett m’għandux, madankollu, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat hu bbażat fuq resokont mhux korrett tal-fatti mogħti mill-esportatur, ħlief fejn ikun evidenti li l-awtoritajiet li ħarġuh kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma ssodisfatx il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-jedd ta’ trattatment preferenzjali.
Id-debitur għandu jkun kkunsidrat bħala li kellu intenzjoni tajba jekk jista’ juri li, matul il-perijodu li matulu kienu qed isiru l-operazzjonijiet ta’ kummerċ ikkonċernati, hu jkun ħa ħsieb biżżejjed sabiex jiżgura li l-kondizzjonijiet kollha għat-trattament preferenzjali kienu sodisfatti.
Id-debitur ma jistax jiddipendi fuq l-eċċezzjoni li kellu intenzjoni tajba jekk il-Kummissjoni tkun ippubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn jingħad li jkun hemm lok ta’ dubbju dwar l-applikazzjoni xierqa tal-arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż jew territorju benefiċjarju.”
7 L-Artikolu 120 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Ekwità”, jipprevedi:
“1. F’ każijiet oħrajn barra dawk imsemmijin fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 116(1) u fl-Artikoli 117, 118 u 119 ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandu jitħallas lura jew jinħafer fl-interess tal-ekwità fejn dejn doganali jinħoloq taħt ċirkostanzi speċjali li fihom id-debitur ma jistax ikun mixli b’qerq jew b’negliġenza ċara.
2. Iċ-ċirkostanzi speċjali imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li jeżistu fejn ikun ċar miċ-ċirkostanzi tal-każ li d-debitur jinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel ma’ operaturi oħra impenjati fl-istess negozju, u li, fin-nuqqas ta’ tali ċirkostanzi, ma kienx ibgħati minn żvantaġġ ikkawżat mill-ġbir tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni.”
8 L-Artikolu 121 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Proċedura għal ħlas lura u maħfra”, jipprovdi:
“1. L-applikazzjonijiet għal ħlas lura jew maħfra skont l-Artikolu 116 għandhom jkunu ippreżentati lill-awtoritajiet doganali fil-perijodi li ġejjin:
a) fil-każ ta’ ammonti ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni fejn intalab ħlas żejjed, żball mill-awtoritajiet kompetenti jew ekwità, fi żmien tliet snin mid-data tan-notifika tad-dejn doganali;
[...]
2. Fejn l-awtoritajiet doganali ma jkunux f’pożizzjoni, abbażi tar-raġunijiet mogħtija, li jagħtu l-ħlas lura jew il-maħfra ta’ ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni, hu meħtieġ li dawn jeżaminaw il-merti ta’ applikazzjoni għall-ħlas lura jew il-maħfra fid-dawl tar-raġunijiet l-oħra għall-ħlas lura jew il-maħfra msemmija fl-Artikolu 116.
3. Fejn ikun ġie ppreżentat appell permezz tal-Artikolu 44 kontra n-notifika tad-dejn doganali, il-perijodu rilevanti speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jkun sospiż, mid-data li fiha jkun ppreżentat l-appell, sakemm idumu l-proċedimenti tal-appell.
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Elvada hija kumpannija rregolata mid-dritt Rumen li teżerċita attivitajiet ta’ trasport marittimu, ta’ trasport bit-triq, ta’ aġenzija u ta’ ħażna.
10 Elvada importat roti elettriċi fir-Rumanija li hija ddikjarat abbażi ta’ ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija A.TR, bħala li joriġinaw mit-Turkija. Hija bbenefikat, f’dan ir-rigward, minn trattament preferenzjali li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ dazju doganali żero.
11 Fil‑31 ta’ Mejju 2023, id-dipartimenti tad-Direcția Regională Vamală București (id-Direttorat tad-Dwana Reġjonali ta’ Bukarest, ir-Rumanija) wettaq kontroll doganali ta’ Elvada. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, id-dipartimenti tad-Direttorat tad-Dwana Reġjonali ta’ Bukarest, filwaqt li bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq investigazzjoni mwettqa fl‑2022 mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward ta’ żewġ esportaturi Torok ta’ roti elettriċi, qiesu li r-roti elettriċi importati fir-Rumanija minn Elvada kellhom jitqiesu, għall-finijiet tal-formalitajiet doganali, bħala li joriġinaw miċ-Ċina u mhux mit-Turkija.
12 Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal‑31 ta’ Mejju 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni”), id-Direttorat tad-Dwana Reġjonali ta’ Bukarest impona fuq Elvada, fir-rigward tal-importazzjonijiet tar-roti elettriċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dazji doganali bir-rata applikabbli għar-roti elettriċi li joriġinaw miċ-Ċina, kif ukoll dazji antidumping ta’ 62.1 % u dazji kumpensatorji ta’ 17.2 %, konformement mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas‑17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2019, L 16, p. 5) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas‑17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2019, L 16, p. 108, rettifika fil-ĠU 2019, L 161, p. 1).
13 Elvada appellat mid-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni quddiem il-Curtea de Apel Constanța (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanța, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija invokat b’mod partikolari, insostenn ta’ dan l-appell, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 116 sa 120 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u sostniet li hija kienet in bona fide u li kienet żgurat ruħha mill-oriġini tagħhom ma’ wieħed mill-esportaturi tar-roti elettriċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
14 Il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-appell permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2024. Fir-rigward tal-kwistjoni sostantiva, li kienet dwar jekk ir-roti elettriċi importati minn Elvada kellhomx jitqiesu li joriġinaw miċ-Ċina jew mit-Turkija, hija ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni kienet legali. Fir-rigward tal-motiv imqajjem minn Elvada bbażat fuq il-bona fide tagħha u fuq l-Artikoli 116 sa 120 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, hija rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jirregolaw is-sitwazzjoni kuntrarja għal dik tal-kawża prinċipali, jiġifieri dik li fiha d-debitur tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni kellu jibbenefika minn rimbors jew minn maħfra tad-dazji. Elvada ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija).
15 Fil‑11 ta’ Ottubru 2024, Elvada ressqet quddiem żewġ uffiċċji doganali territorjali (iktar ’il quddiem l-“uffiċċji doganali”) talba għal maħfra totali tad-dazji imposti fuqha, ikkompletata, fl‑14 ta’ Ottubru 2024, bit-tieni talba għal maħfra (iktar ’il quddiem it-“talbiet għal maħfra”).
16 Insostenn tat-talbiet għal maħfra, Elvada invokat, prinċipalment, l-iżball tal-awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 116(1)(c) u tal-Artikolu 119 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Hija sostniet li, minkejja li l-OLAF kien innotifika sa mix-xahar ta’ Mejju 2022 is-suspetti tiegħu dwar l-oriġini ta’ roti elettriċi esportati mit-Turkija lejn l-Unjoni Ewropea, hija kompliet timporta roti elettriċi mingħajr garanzija bankarja, billi bbażat ruħha fuq id-dokumenti li hija kienet irċeviet u li kienet ivverifikat mal-awtoritajiet doganali Rumeni u Torok. Elvada talbet ukoll lill-awtoritajiet doganali, skont l-Artikolu 121(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jeżaminaw it-talbiet għal maħfra skont l-ekwità, abbażi tal-Artikolu 116(3)(d) u tal-Artikolu 120 ta’ dan il-kodiċi.
17 Barra minn hekk, Elvada talbet lill-awtoritajiet doganali jibagħtu t-talbiet għal maħfra lill-Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni u, skont l-Artikolu 108(3)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jikkonstataw is-sospensjoni ipso jure tat-terminu għall-ħlas li kien ingħatalha fid-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni.
18 L-uffiċċji doganali essenzjalment wieġbu lil Elvada li huma kienu jqisu li l-kundizzjonijiet għat-trażmissjoni tat-talbiet għal maħfra lill-Kummissjoni ma kinux issodisfatti, iżda li dawn it-talbiet kienu ser jiġu eżaminati mill-ġdid wara d-deċiżjoni definittiva dwar ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni.
19 Fir-risposti tagħhom għat-talbiet għal maħfra, l-uffiċċji doganali indikaw li dawn it-talbiet kienu ġew ippreżentati wara ċ-ċaħda fil-mertu fl-ewwel istanza tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni, li l-argumenti mressqa fl-imsemmija talbiet u dan ir-rikors kienu l-istess u li ma setgħux jissostitwixxu lill-qorti li kienet ġiet adita fl-ewwel lok. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talbiet għal maħfra ma humiex issodisfatti.
20 L-uffiċċji doganali sostnew ukoll li d-deċiżjoni finali li kellha tingħata mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) għandha l-awtorità ta’ res judicata kemm fir-rigward ta’ Elvada kif ukoll fir-rigward tal-awtoritajiet doganali. Dejjem skont dawn l-uffiċċji, mill-Artikolu 121(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni kien jirriżulta li t-terminu għall-preżentata u għall-eżami ta’ talba għal rimbors jew għal maħfra kien sospiż mill-preżentata tal-appell u sad-deċiżjoni definittiva tal-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda s-sospensjoni tat-terminu għall-ħlas stabbilit mid-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni, l-uffiċċji doganali osservaw li dan kien skada fid-data tat-tressiq tat-talbiet għal maħfra, b’tali mod li t-talba għas-sospensjoni tat-terminu ma kienx għad baqagħla skop.
21 Billi ma qablitx mal-uffiċċji tad-dwana, Elvada ressqet azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, intiża li tordna lill-Ministeru għall-Finanzi – Awtorità Doganali Rumena, minn naħa, tibgħat it-talbiet għal maħfra lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tissospendi l-pagamenti tad-dazji imposti fuqha.
22 Fid-dawl tat-talbiet magħmula minn Elvada u tal-motivi ta’ difiża mressqa mill-Ministeru għall-Finanzi – Awtorità Doganali Rumena, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk mill-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ appell minn dejn doganali, talba għal maħfra tista’ biss tiġi ppreżentata fi tmiem il-proċedura ta’ appell, it-tieni nett, jekk l-awtoritajiet doganali jibqgħux obbligati jressqu talba għal maħfra ta’ dejn doganali lill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 116(3) ta’ dan il-kodiċi fil-każ li appell minn dan id-dejn ikun ġie miċħud b’deċiżjoni ġudizzjarja li ma akkwistatx l-awtorità ta’ res judicata u, it-tielet nett, jekk il-ħlas ta’ dejn doganali jiġix sospiż meta tiġi ppreżentata talba għal maħfra, anki fejn, minħabba appell ippreżentat minn qabel, din it-talba għal maħfra tkun ġiet mressqa wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija ma identifikatx sentenzi mogħtija f’kawżi simili fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Constanța (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanța) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 44, l-Artikolu 116 l-Artikolu 121(3) tal-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għal azzjoni legali kontra l-komunikazzjoni tad-dejn doganali u t-talba għal maħfra jeskludu reċiprokament lil xulxin u fis-sens li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal azzjoni legali jwassal għall-inammissibbiltà ta’ talba għal maħfra sussegwenti mressqa qabel it-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja?
2) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 116(3) tal-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li jibagħtu l-fajl lura lill-Kummissjoni għal deċiżjoni, billi huma stess iqisu li l-kundizzjonijiet għal maħfra previsti fl-Artikolu 119 tar-Regolament ma humiex issodisfatti, b’mod partikolari meta din l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mhux definittiva, mogħtija wara l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali, li tikkonstata l-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità doganali?
3) Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun li l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jirrifjutaw li jibagħtu l-fajl lura lill-Kummissjoni għal deċiżjoni, l-Artikolu 121(3) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħlas tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondu għal dejn doganali għandu jiġi sospiż anki jekk it-talba għal maħfra titressaq wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
24 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 44 u 116 kif ukoll l-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dritt li jiġi ppreżentat appell min-notifika ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi u d-dritt li titressaq talba għal maħfra ta’ dan id-dejn quddiem l-awtoritajiet doganali skont l-Artikoli 116 u 121 tal-imsemmi kodiċi huma reċiprokament esklużivi u jekk l-eżerċizzju tad-dritt għal appell quddiem awtorità ġudizzjarja jwassalx għall-inammissibbiltà ta’ talba għal maħfra sussegwenti mressqa qabel l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja.
25 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 116(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprevedi d-dritt għal rimbors jew għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni f’ċerti ċirkustanzi, fosthom, b’mod partikolari, il-ġbir ta’ ammonti eċċessivi, l-iżball tal-awtoritajiet kompetenti u l-ekwità.
26 Kif jirriżulta mill-Artikolu 121(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fil-każ ta’ ġbir ta’ ammonti eċċessivi ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti u għal raġunijiet ta’ ekwità, it-talba għal rimbors jew għal maħfra għandha titressaq f’terminu ta’ tliet snin mid-data tan-notifika tad-dejn doganali.
27 Konformement mal-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dan it-terminu ta’ tliet snin huwa sospiż meta jiġi ppreżentat appell min-notifika tad-dejn doganali abbażi tal-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi, b’effett mid-data li jiġi ppreżentat l-appell u sakemm tintemm din il-proċedura ta’ appell.
28 Għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jagħtix id-dritt lid-debitur ta’ dejn doganali, jekk ikun għad hemm interess, li jressaq talba għal maħfra fi tmiem il-proċedura ġudizzjarja li huwa jkun ressaq abbażi tal-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi, mingħajr madankollu ma jobbligah jistenna l-eżitu ta’ din il-proċedura sabiex iressaq tali talba, jew jekk din id-dispożizzjoni tipprojbixxix li talba għal maħfra titressaq u tiġi eżaminata b’mod parallel mal-imsemmija proċedura.
29 Għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Pfeifer & Langen, C‑97/19, EU:C:2020:574, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss it-termini li matul tagħhom talba għal rimbors jew għal maħfra ta’ dejn doganali tista’ tiġi ppreżentata quddiem l-awtoritajiet doganali meta jkun ġie ppreżentat appell abbażi tal-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi sabiex jiġi kkontestat dan id-dejn. L-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jindikax li l-eżami tat-talbiet għal rimbors jew għal maħfra ta’ dejn doganali għandu jiġi sospiż fil-każ ta’ preżentata ta’ appell mill-istess dejn. Tali indikazzjoni tinsab fil-formulazzjoni tal-Artikolu 222(3) tar-Regolament (UE) 2026/2108 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2026 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L, 2026/2108). Din id-dispożizzjoni ser tissostitwixxi l-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni mill‑21 ta’ Settembru 2027, konformement mal-Artikolu 287(2) tar-Regolament 2026/2108.
31 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 44 kif ukoll dik tal-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jinkludu ebda indikazzjoni li d-dritt li jiġi ppreżentat appell min-notifika ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi u d-dritt li titressaq talba għall-maħfra ta’ dan id-dejn quddiem l-awtoritajiet doganali skont l-Artikoli 116 u 121 tal-imsemmi kodiċi huma reċiprokament esklużivi.
32 Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqgħu l-Artikoli 44 u 116 u l-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi jinsab fit-Taqsima 6, intitolata “L-Appelli”, tal-Kapitolu 2, intitolat “Drittijiet u obbligi ta’ persuni fir-rigward tal-leġislazzjoni doganali” tat-Titolu I, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Provvedimenti ġenerali”, tal-imsemmi kodiċi u jipprevedi dritt ta’ appell kontra kull deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 116 u 121 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jinsabu fit-Taqsima 3, intitolata “Il-ħlas lura u l-maħfra”, tal-Kapitolu 3, intitolat “L-irkupru, il-ħlas, il-ħlas lura u l-maħfra tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni”, tat-Titolu III, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Dejn doganali u garanziji” tal-istess kodiċi.
33 Għalhekk, mill-kuntest tal-Artikoli 116 u 121 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkonċepixxa l-proċedura ta’ rimbors jew ta’ maħfra mid-djun doganali bħala li hija indipendenti mill-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni ta’ notifika ta’ dawn id-djun.
34 Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa intiż li jiggarantixxi d-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw appell mid-deċiżjoni ta’ awtorità doganali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 26 u 27 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li tippermetti li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2026, G (Retroattività ta’ deċiżjoni BTI), T‑150/25, EU:T:2026:345, punti 37 u 38).
35 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-proċedura ta’ maħfra jew ta’ rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni għandha, b’mod partikolari, l-għan li tillimita l-ħlas ta’ dazji a posteriori għall-każijiet fejn tali ħlas kien iġġustifikat u kompatibbli mal-prinċipji fundamentali, bħall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Dan il-mekkaniżmu ta’ rimbors jew ta’ maħfra tad-dazji jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità, intiża, b’mod partikolari, li tkopri sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Għalhekk, ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt il-kundizzjonijiet u f’każijiet speċifikament previsti, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet (ara s-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Schenker Customs Agency vs Il-Kummissjoni, T‑576/11, EU:T:2015:206, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Għalhekk ma huwiex eskluż li debitur jikkontesta l-eżistenza ta’ dejn doganali fil-kuntest ta’ appell ippreżentat abbażi tal-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u sussegwentement jippreżenta, qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ appell, talba għal rimbors jew għal maħfra bbażata fuq l-Artikoli 119 u 120 ta’ dan il-kodiċi, li tista’ tintbagħat lill-Kummissjoni għal deċiżjoni, konformement mal-Artikolu 116(3) tal-imsemmi kodiċi, jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.
37 F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li, meta qorti nazzjonali, adita b’appell minn avviż għall-irkupru ta’ dazji fuq l-importazzjoni, ikollha għarfien, matul il-proċedura mibdija quddiemha, tal-fatt li l-awtoritajiet doganali ressqu talba quddiem il-Kummissjoni għal maħfra tal-istess dejn, hija għandha tevita li tieħu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni. Dan jimplika li din il-qorti, li ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, tista’ tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C‑375/07, EU:C:2008:645, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 44 u 116 kif ukoll l-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt li jiġi ppreżentat appell min-notifika ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi u d-dritt li titressaq talba għal maħfra ta’ dan id-dejn quddiem l-awtoritajiet doganali skont l-Artikoli 116 u 121 tal-imsemmi kodiċi ma humiex reċiprokament esklużivi u li l-eżerċizzju tad-dritt għal appell quddiem awtorità ġudizzjarja ma jimplikax l-inammissibbiltà ta’ talba għal maħfra sussegwenti mressqa qabel it-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja.
Fuq it-tieni domanda
39 Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li ġiet adita biha. Dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jiġu indirizzati lilha minn dawn il-qrati (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 F’din il-kawża, anki jekk, formalment, fid-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju għamlet riferiment biss għall-kundizzjonijiet ta’ maħfra previsti fl-Artikolu 119 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tali fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li ġiet adita biha, indipendentement minn jekk din il-qorti tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 26).
41 F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, minn naħa, l-Artikolu 116(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ maħfra previsti mill-Artikoli 119 u 120 ta’ dan il-kodiċi u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 121(2) tal-imsemmi kodiċi jeżiġi li l-awtoritajiet doganali jeżaminaw applikazzjoni għal maħfra fid-dawl tar-raġunijiet kollha msemmija fl-Artikolu 116 tal-istess kodiċi. Barra minn hekk, mill-punt 16 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokat kemm l-Artikolu 119 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni kif ukoll l-Artikolu 120 ta’ dan il-kodiċi insostenn tat-talba tagħha għal maħfra.
42 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 116(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mhux definittiva li tikkonferma l-legalità ta’ dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li jittrażmettu lill-Kummissjoni għal deċiżjoni talba għal maħfra ta’ dan id-dejn mressqa skont l-Artikoli 116 u 121 ta’ dan il-kodiċi, għar-raġuni li huma stess iqisu li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 119 u 120 tal-imsemmi kodiċi ma humiex issodisfatti.
43 Konformement mal-Artikolu 116(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fil-każijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, jibgħat il-fajl lill-Kummissjoni meta l-awtoritajiet doganali jqisu li hemm lok li jingħataw ir-rimbors jew il-maħfra abbażi tal-Artikoli 119 u 120 ta’ dan il-kodiċi.
44 Għalhekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 116(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma tipprevedix obbligu għall-Istati Membri li jibagħtu l-fajl lill-Kummissjoni meta l-awtoritajiet doganali jqisu li ma hemmx lok li jingħataw ir-rimbors jew il-maħfra abbażi tal-Artikoli 119 u 120 ta’ dan il-kodiċi.
45 L-attribuzzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, ta’ setgħa deċiżjonali lill-Kummissjoni fil-qasam tar-rimbors u tal-maħfra għandha l-għan li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Huwa probabbli li din l-applikazzjoni uniformi tiġi kompromessa fil-każijiet fejn tintlaqa’ talba għal rimbors jew għal maħfra, peress li l-evalwazzjoni li jista’ jibbaża ruħu fuqha Stat Membru fit-teħid ta’ deċiżjoni favorevoli tista’, fir-realtà, minħabba l-assenza probabbli ta’ appell, tiġi eskluża minn stħarriġ li jippermetti li jiżgura applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, dan ma jkunx il-każ meta l-awtoritajiet nazzjonali jirrifjutaw talba għal rimbors jew għal maħfra peress li, f’dan il-każ, jibqa’ dejjem possibbli għall-persuna kkonċernata li tikkontesta tali deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali, li, f’każ ta’ dubju, jistgħu jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C‑375/07, EU:C:2008:645, punti 62 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 116(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni kif ukoll mill-iskop tal-għoti lill-Kummissjoni tal-kompetenza prevista minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li, meta l-awtoritajiet doganali jqisu li l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rimbors jew għall-maħfra skont l-Artikoli 119 u 120 ta’ dan il-kodiċi ma humiex issodisfatti, huma ma humiex obbligati jittrażmettu t-talba għal rimbors jew għal maħfra lill-Kummissjoni.
47 Din l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet doganali għandha tkun ibbażata fuq analiżi konkreta tal-kundizzjonijiet partikolari previsti mill-Artikoli 119 u 120 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ċerti ċirkustanzi speċifiċi jistgħu jiġġustifikaw li debitur in bona fide jiġi eżentat mill-ħlas ta’ dazji li jkunu madankollu, fil-prinċipju, eżiġibbli.
48 Kif jirriżulta mill-punt 29 iktar ’il fuq, fil-każ ta’ appell minn deċiżjoni ta’ notifika ta’ dejn doganali, l-Artikolu 121(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jimponix fuq l-awtoritajiet doganali l-obbligu li jissospendu l-eżami ta’ talba għal maħfra mressqa b’mod parallel ma’ dan l-appell sakemm tintemm il-proċedura ta’ appell. Għalhekk, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex eskluż li l-awtoritajiet doganali jadottaw deċiżjoni dwar it-talba għal maħfra qabel it-tmiem ta’ din il-proċedura, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi msemmija fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, il-konstatazzjonijiet magħmula f’deċiżjoni ġudizzjarja mhux definittiva li tikkonferma l-legalità tad-deċiżjoni ta’ notifika tad-dejn doganali.
49 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 116(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mhux definittiva li tikkonferma l-legalità ta’ dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li jittrażmettu lill-Kummissjoni għal deċiżjoni talba għal maħfra ta’ dan id-dejn mressqa skont l-Artikoli 116 u 121 ta’ dan il-kodiċi, għar-raġuni li huma stess iqisu li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 119 u 120 tal-imsemmi kodiċi ma humiex issodisfatti.
Fuq it-tielet domanda
50 Peress li t-tielet domanda saret mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għaliha.
Fuq l-ispejjeż
51 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikoli 44 u 116 kif ukoll l-Artikolu 121(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
id-dritt li jiġi ppreżentat appell min-notifika ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament u d-dritt li titressaq talba għal maħfra ta’ dan id-dejn quddiem l-awtoritajiet doganali skont l-Artikoli 116 u 121 tal-imsemmi regolament ma humiex reċiprokament esklużivi u li l-eżerċizzju tad-dritt għal appell quddiem awtorità ġudizzjarja ma jimplikax l-inammissibbiltà ta’ talba għal maħfra sussegwenti mressqa qabel it-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja.
2) L-Artikolu 116(3) tar-Regolament Nru 952/2013
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
fil-każ ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mhux definittiva li tikkonferma l-legalità ta’ dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li jittrażmettu lill-Kummissjoni għal deċiżjoni talba għal maħfra ta’ dan id-dejn mressqa skont l-Artikoli 116 u 121 ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni li huma stess iqisu li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 119 u 120 tal-imsemmi regolament ma humiex issodisfatti.
|
Sampol Pucurull |
Pynnä |
Laitenberger |
|
Stancu |
Valasidis |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Novembru 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.