IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.3.2024
COM(2024) 130 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-artikolu 6 tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE)
Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastru fl-Ewropa
1.INTRODUZZJONI
Aħna qegħdin ngħixu f’xenarju ġdid ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Matul l-aħħar ftit snin, id-dinja esperjenzat temperaturi rekord u ħafna avvenimenti ta’ diżastri devastanti. Il-kontinent Ewropew u l-viċinat tiegħu ntlaqtu minn mewġiet ta’ sħana katastrofiċi, nirien fis-selvaġġ, nixfiet u għargħar. B’bidu rapidu mhux mistenni tat-tibdil fil-klima, l-avvenimenti estremi tat-temp u t-theddid għall-ħajja u għall-għajxien x’aktarx li jiżdiedu fil-futur. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tas-sigurtà globali li qed tmur għall-agħar u l-konverġenza ta’ theddid u xokkijiet oħrajn, inklużi t-theddid għas-saħħa u dak ibridu, it-terremoti u t-tfixkil għall-infrastruttura kritika, jippreżentaw riskji dejjem akbar għas-soċjetà Ewropea.
L-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (UE) jistabbilixxi li l-UE trid tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex ittejjeb l-effettività tas-sistemi għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra d-diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem. B’hekk, l-azzjoni tal-UE għandha tappoġġa u tikkomplementa l-azzjonijiet fil-livell nazzjonali fil-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons. Fl-2001, l-UE stabbiliet mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili, li jiffoka fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE dwar ir-rispons għad-diżastri. Minn dak iż-żmien’ l hawn, il-Kummissjoni Ewropea kkoordinat l-appoġġ reċiproku bejn l-Istati Membri. Fl-2013 ġiet adottata d-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) biex tikkonsolida din il-ħidma u żżid l-istat ta’ tħejjija għall-emerġenza fil-livelli kollha. Meta kriżi, ta’ kwalunkwe tip, tegħleb il-kapaċità ta’ pajjiż wieħed, dan il-Mekkaniżmu jipprovdi s-sinsla operattiva għar-rispons kollettiv tal-Ewropa kemm fl-UE (inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi), kif ukoll barra mill-UE. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC), li jopera 24 siegħa kuljum, iffaċilita operazzjonijiet kbar u differenti ħafna ta’ reazzjoni f’każ ta’ emerġenza (eż. nirien fis-selvaġġ, għargħar, pandemiji, spostament tal-popolazzjoni), xi drabi simultanjament.
Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi — il-protezzjoni tan-nies u l-prosperità”, ir-riskji klimatiċi se jkomplu jiżdiedu fid-deċennji li ġejjin, it-temperaturi medji globali diġà huma qrib l-1.5 gradi ċentigrad’ il fuq mil-livelli preindustrijali u l-Ewropa qed issaħħan darbtejn ir-rata globali. Il-ħtieġa li jissaħħaħ aktar iċ-ċiklu kollu tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri qatt ma kienet aktar urġenti — mill-valutazzjoni tar-riskju u l-azzjonijiet antiċipatorji, għalkemm il-prevenzjoni u t-tħejjija, sar-rispons u l-irkupru.
Id-domanda għall-assistenza taħt il-UCPM żdiedet b’mod drammatiku matul l-aħħar 10 snin.
Illustrazzjoni 1. L-għadd ta’ talbiet għall-assistenza (RFA) lill-UCPM mill-Istati Membri tal-UE u mill-Istati Parteċipanti meta l-kapaċitajiet ta’ rispons nazzjonali jkunu ġew megħluba. *Fl-2022, l-Ukrajna ssottomettiet 126 talba u fl-2023 issottomettiet 50 talba oħra għal assistenza lill-ERCC, wara li attivat il-UCPM ftit qabel il-bidu tal-invażjoni Russa. Sors: ERCC, Jannar 2024.
Għal aktar minn 20 sena, dan il-Mekkaniżmu appoġġa u kkomplementa wkoll il-ħidma tal-Istati Membri fuq il-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri. Minħabba ż-żieda fir-riskji u fl-isfidi tal-ġestjoni tad-diżastri, huwa kruċjali li tiġi stabbilita ġestjoni effettiva u koerenti tar-riskju ta’ diżastri, b’enfasi xierqa fuq il-prevenzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni dwar l-UCPM. Dan l-artikolu jintroduċi qafas ġenerali dwar il-prevenzjoni tad-diżastri bil-għan li jinkiseb livell ogħla ta’ protezzjoni u reżiljenza kontra d-diżastri u biex titrawwem kultura ta’ prevenzjoni li tikkunsidra wkoll l-impatti probabbli tat-tibdil fil-klima.
Skont l-Artikolu 5(1)(g) tad-deċiżjoni dwar l-UCPM, il-Kummissjoni trid tirrapporta perjodikament dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 6. Dan l-ewwel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jippreżenta l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 u jinkludi rakkomandazzjonijiet għal ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri “li tibqa’ valida fil-futur”. Dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ sostenn jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 u l-analiżi mill-Kummissjoni tar-rapporti ta’ sinteżi dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri (DRM) ipprovduti mill-Istati Membri u mill-Istati Parteċipanti bejn l-aħħar tal-2020 uSettembru2022.
2.AZZJONIJIET MEĦUDA BIEX JIĠI IMPLIMENTAT L-ARTIKOLU 6
L-Artikolu 6 jiffoka fuq il-ġestjoni tar-riskju, bl-objettiv ġenerali li jiġi promoss approċċ effettiv u koerenti għall-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija għalihom. Huwa ġie rivedut darbtejn mill-2013. Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu u tal-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-Istati Parteċipanti biex jimplimentawh. Huwa jressaq ukoll rakkomandazzjonijiet għal azzjoni futura.
L-iżvilupp ulterjuri ta’ prattiki effettivi u koerenti ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livell nazzjonali (l-Artikolu 6(1) (a-d), 6 (3))
L-Artikolu 6(1) (A-D) jiddikjara li l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti jridu jiżviluppaw valutazzjonijiet tar-riskju u valutazzjonijiet tal-kapaċità ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali xieraq. Il-pajjiżi huma meħtieġa jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni sommarju tal-elementi rilevanti ta’ dawn il-valutazzjonijiet kull tliet snin Dan jirrikjedi wkoll li l-pajjiżi jkomplu jiżviluppaw l-ippjanar nazzjonali tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
Il-pajjiżi kkondividew rapporti dwar il-valutazzjonijiet tar-riskji nazzjonali mal-Kummissjoni għall-perjodi ta’ rapportar tal-2015 u l-2018. Huma ssottomettew ukoll rapporti nazzjonali dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità tal-ġestjoni tar-riskji lill-Kummissjoni fl-2017. Is-sejbiet mir-rapporti sottomessi fl-2015 u fl-2018 ġew ippreżentati fit-tieni u t-tielet rapporti intitolati “Ħarsa ġenerali lejn ir-riskji ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem li tista’ tiffaċċja l-UE”.
Skont l-Artikolu 6(3), il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti kienu meħtieġa jiżviluppaw linji gwida biex jiffaċilitaw is-sottomissjoni tar-rapporti ta’ sinteżi dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-valutazzjoni tal-kapaċità tal-ġestjoni tar-riskju. L-Artikolu 6(1)(d) jirrikjedi wkoll li l-pajjiżi jirrapportaw dwar ir-riskji transfruntieri u r-riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatti għoljin.
Il-Kummissjoni flimkien mal-pajjiżi żviluppaw Linji Gwida ta’ Rapportar dwar il-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri. Il-Linji Gwida ġew ippubblikati fl-2019. 32 mit-33 pajjiż issottomettew rapporti għall-ewwel skadenza tar-rapportar skont dawn il-linji gwida (tmiem l-2020). Is-sejbiet minn dawn ir-rapporti huma stabbiliti fit-taqsima 3.
Rieżamijiet bejn il-pari – it-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali tal-ġestjoni tar-riskji (l-Artikolu 6(1)(e))
Il-qafas ta’ rieżami bejn il-pari huwa għodda għat-tisħiħ tat-tagħlim reċiproku bejn il-pajjiżi biex tinbena l-kapaċità ta’ prevenzjoni u tħejjija. Ir-rieżamijiet bejn il-pari huma volontarji u jinvolvu esperti nazzjonali minn madwar l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti li jirrieżaminaw bir-reqqa l-prattiki nazzjonali tal-pajjiż rieżaminat bejn il-pari.
16-il pajjiż għażlu li jkunu soġġetti għal rieżami bejn il-pari, inklużi tmien Stati Membri kurrenti tal-UE, tliet Stati Parteċipanti, u diversi pajjiżi terzi. Fl-2020, il-Kummissjoni introduċiet qafas ta’ rieżami bejn il-pari msaħħaħ u aktar flessibbli. Fl-2023, il-Kummissjoni fasslet ukoll qafas ta’ rieżami bejn il-pari mmirat għall-prevenzjoni tan-nirien fis-selvaġġ b’reazzjoni għall-istaġuni severi tan-nirien fis-selvaġġ f’dawn l-aħħar snin. Il-qafas imsaħħaħ ta’ rieżami bejn il-pari jikkomplementa ż-żieda fil-kapaċitajiet ta’ rispons fil-livell tal-UE permezz ta’ rescEU. Fl-2024, se jitwettqu tliet rieżamijiet bejn il-pari mmirati għan-nirien fis-selvaġġ fil-Greċja, fl-Italja u fil-Land ta’ Brandenburg (il-Ġermanja).
It-tisħiħ tal-fehim tad-diżastri billi jittejjeb l-għarfien dwar l-avvenimenti ta’ diżastri (l-Artikolu 6(1)(f))
Id-Deċiżjoni dwar l-UCPM ġiet emendata wkoll fl-2021, sabiex tiddikjara fl-Artikolu 6(1)(f) li l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti jridu jtejbu l-ġbir tad-data dwar it-telf minn diżastri, bil-għan li jiżguraw il-bini ta’ xenarju bbażat fuq l-evidenza.
Il-Kummissjoni żviluppat Ċentru tad-Data dwar ir-Riskji biex tiġbor data dwar ir-riskji ta’ diżastri, inkluża data dwar it-telf minn diżastri minn pajjiżi u atturi oħrajn. L-analiżi tal-prattiki nazzjonali dwar il-ġbir tad-data dwar it-telf minn diżastri rrapportata fir-rapporti ta’ sinteżi dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri għadha turi ħafna nuqqasijiet.
Mekkaniżmi għat-tisħiħ tal-prevenzjoni u tat-tħejjija (l-Artikoli 6.2 u 6.4)
L-Artikolu 6(2) jipprevedi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni speċifiku biex jittejbu l-prevenzjoni u t-tħejjija fost l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti li huma suxxettibbli għal tipi simili ta’ diżastri.
Dan il-mekkaniżmu biex jiġu kkonsultati xi pajjiżi dwar riskji speċifiċi sa issa għadu ma ntużax, favur skambji regolari u inklużivi mal-pajjiżi kollha dwar ir-riskji ta’ diżastri. Eżempji ta’ tali konsultazzjonijiet inklużivi dwar riskji speċifiċi jinkludu laqgħat ta’ tagħlimiet meħuda, tħejjija għall-istaġuni ta’ nirien fis-selvaġġ, skambji dwar l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u laqgħat dwar il-prevenzjoni tad-diżastri mal-esperti tal-pajjiżi.
L-Artikolu 6(4) jistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku biex jissaħħaħ il-livell ta’ prevenzjoni u tħejjija tal-Istati Membri li spiss jitolbu l-istess tip ta’ assistenza mill-UCPM għall-istess tip ta’ diżastru (l-Artikolu 6(4)). Fil-każ ta’ tliet talbiet għall-istess tip ta’ assistenza għall-istess tip ta’ diżastru fi żmien tliet snin konsekuttivi, il-Kummissjoni trid twettaq analiżi bir-reqqa tar-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi tal-attivazzjonijiet. Abbażi tas-sejbiet ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni tista’ tipproponi l-iskjerament ta’ esperti fuq il-post, tipprovdi pariri jew tagħmel rakkomandazzjonijiet. Hija tista’ wkoll tiddeċiedi li tali miżuri ma humiex meħtieġa.
Dan il-limitu huwa maħsub biex jiżgura li l-pajjiżi jżidu l-ħidma ta’ prevenzjoni tagħhom f’konformità mal-intensità tar-riskju.
Il-Kummissjoni qed twettaq analiżi bir-reqqa tar-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi tat-talbiet għall-assistenza li waslu bejn l-2019 u l-2023 għall-istess tip ta’ diżastru biex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 6(4) ġewx issodisfati.
Il-miri tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri (l-Artikolu 6(5))
L-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri ġew inklużi fl-Artikolu 6(5) fir-reviżjoni tal-2021 tad-Deċiżjoni dwar l-UCPM. Dawn l-għanijiet huma objettivi mhux vinkolanti f’oqsma ta’ protezzjoni ċivili li huma strateġiċi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u tal-Istati Parteċipanti biex tiġi pprovduta linja bażi komuni għall-ġestjoni aħjar tar-riskju ta’ diżastri b’impatti transkonfinali u fuq diversi pajjiżi.
L-ewwel għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri ġew żviluppati b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-Istati Parteċipanti u ġew adottati mill-Kummissjoni fi Frar 2023. Dawn isaħħu ċ-ċiklu ta’ prevenzjoni-tħejjija-rispons-irkupru fir-rigward tad-diżastri, u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għadha għaddejja.
Fid-dawl tal-iżviluppi ta’ hawn fuq, qed jitressqu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Artikolu 6:
|
Il-Kummissjoni se:
·Tkompli tippromwovi l-adozzjoni tal-qafas ta’ rieżami bejn il-pari bħala għodda li tippermetti lill-pajjiżi jivvalutaw il-kapaċità tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiżguraw li l-approċċi tagħhom għall-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija għalihom ikunu effettivi u koerenti.
·Tanalizza bir-reqqa r-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi wara l-attivazzjonijiet għall-istess tip ta’ diżastru biex tivvaluta jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat il-mekkaniżmu tal-Artikolu 6(4).
·Timmonitorja u tanalizza regolarment ir-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi tal-attivazzjonijiet għall-istess tip ta’ periklu, bl-għan li tappoġġa lill-Istati Membri u lill-Istati Parteċipanti fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-livell ta’ prevenzjoni u tħejjija tagħhom.
Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti, għandhom:
·Tirrevedi l-Linji Gwida tar-Rappurtar għall-preżentazzjoni ta’ rapporti sommarji dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri biex tinkludi l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni għar-reżiljenza għad-diżastri għaċ-ċiklu ta’ rapportar li jmiss u tfittex modi biex tissimplifika u tirrazzjonalizza l-proċess ta’ rapportar.
·Jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri.
·Jieħdu azzjoni biex itejbu l-ġbir sistematiku tad-data dwar it-telf minn diżastri.
|
3.SEJBIET EWLENIN DWAR IL-ĠESTJONI U L-PREVENZJONI TAR-RISKJU TA’ DIŻASTRI
Il-Kummissjoni identifikat sejbiet ewlenin dwar il-ġestjoni u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ diżastri abbażi tal-analiżi tar-rapporti ta’ sinteżi tal-Istati Membri u tal-Istati Parteċipanti magħmula disponibbli għall-Kummissjoni. Fejn rilevanti, dawn jirriflettu s-sejbiet mill-valutazzjonijiet tar-riskji nazzjonali preċedenti sottomessi mill-pajjiżi skont l-Artikolu 6 (2015, 2018). Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ sostenn jinkludi aktar dettalji dwar is-sejbiet ta’ dawn ir-rapporti.
Ir-rapporti nazzjonali dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni kull tliet snin skont l-Artikolu 6(1)(d). Ir-rata ta’ rapportar mill-2013 għadha relattivament stabbli u għolja, għalkemm mhux kompluta. Il-Kummissjoni rċeviet 31(minn 34) rapport fl-2015, 30 (minn 34) fl-2018 u 32 (minn 33) għall-iskadenza tal-2020Illustrazzjoni 2. L-indikatur tal-UCPM biex tiġi mmonitorjata, evalwata u vvalutata l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-UCPM jikkonċerna l-Artikolu 6, filwaqt li jsegwi “l-progress fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-prevenzjoni ta’ diżastri: mkejla mill-għadd ta’ Stati Membri li jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 6(1)”.
It-taqsimiet li ġejjin jiġbru fil-qosor is-sejbiet ewlenin ibbażati fuq l-analiżi tal-Kummissjoni tat-tweġibiet għall-24 mistoqsija dwar il-valutazzjoni tar-riskju (il-Mistoqsijiet 1-8), il-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ġestjoni tar-riskju (il-Mistoqsijiet 9-20) u l-miżuri ta’ tħejjija u prevenzjoni prijoritarji (il-Mistoqsijiet 21-24) fil-linji gwida tar-rapportar.
Dawn is-sejbiet huma miġbura fil-qosor skont tmien komponenti differenti tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, li jirfdu l-Għanijiet tal-Unjoni ta’ Reżiljenza għad-Diżastri. Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, dan ir-rapport iressaq rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-lakuni u n-nuqqasijiet, tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u titrawwem kultura ta’ prevenzjoni.
4.1 Il-fehim u l-antiċipazzjoni tar-riskju
A. Identifikazzjoni tar-riskji ewlenin tad-diżastri
Ir-riskji ewlenin ta’ tħassib irrapportati l-aktar mill-2015 huma kkonfermati. Għal mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri u tal-Istati Parteċipanti, dawn ir-riskji ewlenin relatati mas-saħħa naturali u tal-bniedem huma l-għargħar, it-temp estrem, is-saħħa tal-bniedem/il-pandemiji, in-nixfiet u n-nirien fis-selvaġġ. L-aktar riskji komuni kkawżati mill-bniedem jew teknoloġiċi huma r-riskji nukleari u radjoloġiċi, ir-riskji industrijali, it-tfixkil flinfrastruttura kritika.
L-evoluzzjoni tar-riskji identifikati mill-pajjiżi fl-2015, fl-2018 u fl-2020
Illustrazzjoni 3. L-għadd ta’ pajjiżi li identifikaw riskju speċifiku ta’ diżastri kif rilevanti fir-rapporti tal-2015, l-2018 u l-2020. Sorsi: rapporti tal-2015 (Ħarsa ġenerali tal-2017), rapporti tal-2018 (Ħarsa ġenerali tal-2020), rapporti tal-2020 (rapporti ta’ sinteżi dwar id-DRM, M3).
Qed jikber it-tħassib madwar l-Ewropa għal ċerti riskji ta’ diżastri. In-nixfa hija r-riskju li għalih żdied l-aktar it-tħassib. Id-doppju tal-Istati Membri tal-UE identifikaw in-nixfiet bħala riskju rilevanti fl-2020 milli fl-2015. Kiber ukoll it-tħassib dwar ir-riskju ta’ inċidenti nukleari u radjoloġiċi, riskji relatati mas-saħħa tal-bniedem, theddid ċibernetiku, tsunamis u movimenti tal-popolazzjoni, riskji tal-massa solida (uqigħ tal-art, valangi, waqgħa tal-blat u ċediment), riskji ġeopolitiċi u tas-soċjetà,riskji relatati mat-trasport u riskji ambjentali u kimiċi.
Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi issa qed jidentifikaw ukoll riskji ta’ diżastri inqas probabbli iżda severi ħafna, flimkien ma’ riskji emerġenti. Mill-2019, il-pajjiżi jeħtieġ li jidentifikaw riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli (HILP). Ir-riskji ta’ HILP irrapportati jvarjaw skont il-pajjiż. L-aktar riskji ta’ HILP identifikati b’mod frekwenti huma r-riskji nukleari/radjoloġiċi, ir-riskji industrijali u t-terremoti minħabba l-impatti potenzjalment severi ħafna tagħhom. Żewġ terzi tal-pajjiżi jidentifikaw ukoll riskji emerġenti (theddid jew perikli identifikati ġodda, jew riskji magħrufa li mistennija jiżdiedu maż-żmien). L-aktar riskji emerġenti rrapportati ta’ spiss huma t-temp estrem, l-għargħar, in-nirien fis-selvaġġ, il-pandemiji, ir-riskji politiċi u ġeopolitiċi, ir-riskji ċibernetiċi u t-tfixkil fl-infrastruttura kritika. Il-ħolqien ta’ ċertu riskju jista’ jirrifletti l-intensifikazzjoni ta’ ċerti fatturi ewlenin, pereżempju, dawk relatati mat-tibdil fil-klima jew maż-żieda fil-vulnerabbiltajiet. Dan jista’ wkoll jirrifletti l-perċezzjonijiet tar-riskju mibdula u l-approċċi ta’ valutazzjoni tar-riskju. Huwa importanti wkoll li tkun viġilanti għar-riskji identifikati minn ftit pajjiżi biss. Pereżempju, ftit pajjiżi jidentifikaw il-maltempati solari, li jistgħu jikkawżaw tfixkil kbir fis-sistemi tal-IT, kif ukoll ċerti riskji ambjentali u kimiċi, bħall-ispeċijiet invażivi ġodda u t-telf tal-bijodiversità.
Ftit pajjiżi biss koprew l-interazzjonijiet kumplessi bejn ir-riskji ta’ diżastri “naturali” u “dawk ikkawżati mill-bniedem” billi qiesu l-effetti kumplessi, komposti u ta’ kaskata fil-valutazzjoni tar-riskji tagħhom. Kważi l-pajjiżi kollha koprew firxa ta’ diżastri “naturali u kkawżati mill-bniedem”. Ħafna pajjiżi jirrikonoxxu wkoll l-impatti u l-effetti ta’ kaskata fis-soċjetà kollha, minħabba li rrapportaw riskji li jinkludu firxa wiesgħa ta’ servizzi kritiċi mfixkla jew tfixkil fil-provvista, bħall-enerġija, il-provvista tal-ilma u s-sistemi finanzjarji. Mhux il-pajjiżi kollha jirreferu b’mod espliċitu għal analiżi tal-interazzjonijiet ta’ tali riskji, b’mod partikolari f’termini ta’ effetti kumplessi, komposti u ta’ kaskata.
Il-pajjiżi jiffokaw l-aktar fuq ir-riskji għal żmien qasir; madankollu, il-firxa u l-kobor tat-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem u tad-degradazzjoni ambjentali jeħtieġu enfasi aktar qawwija fuq bidliet fit-tul fil-valutazzjonijiet tar-riskji. Il-pajjiżi jidentifikaw prinċipalment riskji akuti (għal żmien qasir) bħall-għargħar, in-nirien fis-selvaġġ u t-temp estrem, aktar milli perikli kroniċi (fit-tul). Pereżempju, ftit stati kostali biss irrapportaw vulnerabbiltà akbar tal-komunitajiet kostali jew tal-infrastruttura minħabba żieda fil-livell tal-baħar jew erożjoni kostali, li flimkien ma’ żidiet fil-maltempati kostali aktar estremi se jżidu r-riskju ta’ għargħar kostali. Il-perikli akuti relatati mal-ilma (għargħar, nixfiet, preċipitazzjoni qawwija) huma rrapportati l-aktar bħala riskji relatati mal-klima, iżda wkoll bħala perikli relatati mat-temperatura (nirien fis-selvaġġ, mewġiet tas-sħana), ir-riħ (maltempati) u l-massa solida (uqigħ tal-art). Mill-effetti sekondarji tat-tibdil fil-klima, madwar nofs il-pajjiżi rrapportaw riskji relatati mas-saħħa tal-bniedem (eż. epidemiji u pandemiji) u ftit identifikaw theddid akbar ta’ mard li jinġarr minn vetturi minħabba t-tibdil fil-klima. Madwar terz tagħhom irreferew għal forom differenti ta’ tfixkil fil-katina tal-provvista. Ftit pajjiżi rreferew għall-impatti fuq setturi ekonomiċi speċifiċi bħall-agrikoltura, l-enerġija, il-forestrija, il-bhejjem, l-ilma, is-sajd, il-kura tas-saħħa u t-trasport.
Il-validità fil-futur tal-valutazzjonijiet tar-riskji teħtieġ analiżi aktar bir-reqqa tal-fatturi sottostanti tar-riskju ta’ diżastri u l-interazzjonijiet potenzjali tagħhom, iżda ftit pajjiżi biss irrapportaw dwar fatturi ewlenin ta’ riskju “dinamiċi” minbarra t-tibdil fil-klima. Il-fatturi ewlenin irrapportati li jinfluwenzaw il-perikli, il-vulnerabbiltà u l-esponiment għar-riskji jinkludu t-tibdil fil-klima li għalih l-impatti huma ddokumentati sew. Ftit pajjiżi biss irreferew għal fatturi ewlenin oħrajn bħall-urbanizzazzjoni, l-iżviluppi demografiċi u d-degradazzjoni ambjentali. Huma rrapportaw ukoll il-globalizzazzjoni u l-iżviluppi internazzjonali u ġeopolitiċi, flimkien mal-iżviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni u d-diġitalizzazzjoni.
B. Il-metodoloġiji u l-prattiki nazzjonali tal-valutazzjoni tar-riskju
Il-metodoloġiji nazzjonali għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju jvarjaw f’termini tal-komprensività tagħhom. Koerenza u konsistenza akbar jagħmluha aktar faċli li jitqabblu r-rapporti bejn il-pajjiżi, u l-valutazzjonijiet tar-riskju fil-livell Ewropew, filwaqt li jibnu fuq sett solidu ta’ valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali.
Biex nifhmu l-futur, jeħtieġ li nkunu nafu l-passat. Madankollu, il-prattiki nazzjonali għall-ġbir tad-data dwar il-konsegwenzi ta’ avvenimenti ta’ diżastri tal-passat mhumiex sistematiċi u huma inkompleti ħafna. Il-ġbir tad-data dwar it-telf mid-diżastri huwa essenzjali biex jiġi żgurat il-bini ta’ xenarji bbażati fuq l-evidenza u biex tittejjeb l-analiżi kwantitattiva tar-riskju. Madankollu, ir-rapporti nazzjonali jiżvelaw li l-ġbir tad-data dwar it-telf mid-diżastri huwa frammentat ħafna u mhux strutturat fi kważi l-pajjiżi kollha, b’pajjiż wieħed biss jirrapporta approċċ koerenti fil-livell nazzjonali. L-ebda pajjiż ma jirreferi għar-rapportar tad-data dwar ir-riskju liċ-Ċentru tad-Data dwar ir-Riskju tal-Kummissjoni Ewropea, li jistħoqqlu eżami ulterjuri.
Il-metodoloġiji għall-identifikazzjoni tar-riskju u l-analiżi tar-riskju jvarjaw bejn il-pajjiżi, u skont it-tip ta’ riskju. Madwar terz tal-pajjiżi jirrapportaw analiżi ta’ xenarju ta’ periklu uniku għall-identifikazzjoni tar-riskju, b’xenarji ta’ perikli multipli li jissemmew inqas ta’ spiss. Ftit pajjiżi biss ipprovdew informazzjoni dwar il-kriterji li użaw biex jidentifikaw riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli. Il-pajjiżi jużaw ukoll sistemi differenti biex jikklassifikaw ir-riskji. Filwaqt li r-riskji ta’ diżastri naturali huma kklassifikati b’mod aktar ċar, it-tikkettar tar-riskji kkawżati mill-bniedem, teknoloġiċi u tas-soċjetà jvarja ħafna aktar. Ftit pajjiżi biss isemmu l-orizzont temporali għax-xenarji. Dan jillimita l-fehim ta’ kif u sa liema punt qed jitqiesu fatturi ewlenin importanti bħat-tibdil fil-klima.
Xi rapporti jipprovdu eżempji ta’ bini ta’ xenarji, u xi wħud jagħmlu referenzi għax-xenarji tat-tibdil fil-klima identifikati mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima. Madankollu, dan ma jsirx b’mod konsistenti, li jista’ jwassal għal sottovalutazzjoni tar-riskji. L-ispjegazzjoni tal-inċertezzi hija importanti f’termini tat-trasparenza dwar l-inċertezzi assoċjati mal-analiżi tar-riskju, pereżempju fir-rigward tal-limitazzjonijiet tad-data u l-mudelli użati. Ftit aktar minn kwart tal-pajjiżi jsemmu li huma jqisu l-inċertezzi. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tista’ tgħin biex tiġi ġġustifikata l-valutazzjoni ta’ riskju ta’ diżastru potenzjalment serju, li għalih il-probabbiltà ma tistax tiġi vvalutata b’mod akkurat; iżda inqas minn kwart tal-pajjiżi rreferew għal kunsiderazzjonijiet bħal dawn.
Il-metodoloġiji użati biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ riskju jvarjaw. Meta riskju ma jkunx jista’ jiġi vvalutat b’mezzi probabilistiċi u kwantitattivi, jintużaw approċċi kwalitattivi oħrajn. Madwar nofs il-pajjiżi applikaw approċċi semikwantitattivi jew approċċi kwalitattivi biex jiddeterminaw il-livell tal-impatti. Meta jitqiesu l-impatti, inqas minn nofs il-pajjiżi juru li dawn ikopru l-impatti umani, ekonomiċi, ambjentali u politiċi/soċjetali. Madankollu, xi pajjiżi rrapportaw eżempji tajbin ta’ firxa usa’ ta’ impatti, bħal impatti soċjetali, finanzjarji jew impatti fuq l-infrastruttura kritika. Aktar minn żewġ terzi tal-pajjiżi ppreżentaw is-sinifikat ta’ kull riskju bl-użu ta’ matriċi tar-riskju.
Mhux il-pajjiżi kollha jirrapportaw dwar mekkaniżmi ta’ rieżami regolari, minkejja li huma meħtieġa rieżamijiet regolari tal-valutazzjonijiet tar-riskji sabiex jiġu koperti l-bidliet fix-xenarju tar-riskju. Xi pajjiżi jiddikjaraw li jirrieżaminaw il-valutazzjonijiet tar-riskji regolarment, u l-aktar komuni kull 3 snin. F’xi pajjiżi r-rieżamijiet huma skattati minn avvenimenti speċifiċi ta’ diżastri jew aġġornamenti ta’ valutazzjonijiet speċifiċi għar-riskju; f’oħrajn jimmonitorjaw kontinwament l-iżviluppi relatati max-xenarju tar-riskju. F’xi pajjiżi, ir-rieżamijiet tal-valutazzjoni tar-riskju tal-frekwenza huma stabbiliti bil-liġi.
Id-disponibbiltà pubblika tas-sejbiet tal-valutazzjonijiet tar-riskji hija irregolari. It-trasparenza pubblika tgħin biex titqajjem kuxjenza dwar ir-riskju u tistimula azzjoni biex tiġi żgurata r-reżiljenza għad-diżastri. Madankollu, nofs il-pajjiżi biss jagħmlu l-valutazzjonijiet tar-riskji disponibbli għall-pubbliku u kwart jipprovdu rabtiet ma’ mapep tar-riskju disponibbli għall-pubbliku. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi pprovdew informazzjoni dwar il-prattiki tal-immappjar tar-riskji. L-aktar mapep tar-riskju rrapportati b’mod komuni jkopru l-għargħar, segwiti minn nirien fis-selvaġġ, terremoti u inċidenti nukleari/radjoloġiċi. Ma hija pprovduta ebda informazzjoni dwar il-mapep dwar ir-riskji transfruntieri.
Hemm xi eżempji tajbin ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-proċess biex jitfasslu l-valutazzjonijiet tar-riskji. L-oqfsa ta’ governanza tal-valutazzjoni tar-riskju huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Dawn jitmexxew l-aktar ta’ spiss minn ministeri jew aġenziji responsabbli għall-protezzjoni ċivili. Il-partijiet ikkonċernati jinkludu firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet fil-livelli nazzjonali u subnazzjonali minn setturi speċjalizzati differenti (bħall-infrastruttura kritika u t-trasport), l-akkademiċi, il-korpi tas-settur privat (bħall-operaturi tal-infrastruttura kritika) u s-soċjetà ċivili. Il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju nnifsu għandu rwol ewlieni biex jiżdied l-għarfien tar-riskju tal-atturi ewlenin tas-soċjetà, iżda f’xi każijiet jidher ukoll li l-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju tal-protezzjoni ċivili marbut mal-obbligi tal-UCPM jopera b’mod iżolat.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, qed jitressqu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin dwar Il-fehim u l-antiċipazzjoni tar-riskju.
|
Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti, għandhom:
·Jirrevedu d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-2010 “Linji Gwida tal-Valutazzjoni tar-Riskju u l-Immappjar għall-Ġestjoni tad-Diżastri” bil-għan li jiżviluppaw aktar il-valutazzjoni antiċipattiva tar-riskju fil-livell nazzjonali u jimmassimizzaw is-sinerġiji mal-proċessi ta’ valutazzjoni tar-riskju meħtieġa minn linji oħrajn tal-leġiżlazzjoni tal-UE (eż. l-infrastruttura kritika, is-saħħa, il-klima u l-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar).
·Iżidu l-iskambji ta’ għarfien bejn il-pajjiżi u l-esperti dwar kif jistgħu jkomplu jtejbu l-prattiki tal-valutazzjoni tar-riskju, inkluż permezz tan-Network tal-Għarfien.
L-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti huma mistiedna:
·Iżidu l-iskambji u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti dwar l-identifikazzjoni u l-antiċipazzjoni tar-riskju, inkluż dwar riskji emerġenti u ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli.
·Isaħħu l-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ diżastri biex jantiċipaw u jtaffu aħjar l-impatt ta’ riskji kroniċi (fit-tul), eż. it-tibdil fil-klima u r-riskji ġeopolitiċi, flimkien mal-impatt ta’ riskji akuti (fuq perjodu ta’ żmien qasir).
·Jimmassimizzaw is-sinerġiji mal-proċessi ta’ valutazzjoni tar-riskju meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE f’oqsma ta’ politika oħrajn (eż. l-infrastruttura kritika, is-saħħa, ir-riskju ta’ għargħar, il-politiki dwar il-klima).
·Itejbu l-ġbir sistematiku tad-data dwar it-telf u d-danni ta’ avvenimenti ta’ diżastri tal-passat, biex itejbu l-fehim tar-riskju futur, u jagħmlu din id-data disponibbli permezz taċ-Ċentru tad-Data dwar ir-Riskji.
|
4.2 It-titjib tal-governanza tar-riskju ta’ diżastri
C. L-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri
Tliet kwarti tal-Istati Membri u tal-Istati Parteċipanti jirrapportaw li għandhom fis-seħħ oqfsa legali komprensivi għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. L-oqfsa ta’ spiss jiġu kkomplementati minn leġiżlazzjoni li tistabbilixxi responsabbiltajiet subnazzjonali u settorjali. Ir-rapporti juru li l-oqfsa speċifiċi għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri (eż. atti ta’ protezzjoni ċivili) huma kkomplementati minn liġijiet oħrajn, bħal leġiżlazzjoni settorjali jew subnazzjonali. Ftit inqas minn nofs il-pajjiżi jirrapportaw ukoll li għandhom miżuri u politiki ta’ liġi mhux vinkolanti biex jikkomplementaw l-oqfsa legali. Għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-atti ewlenin tal-protezzjoni ċivili jkopru wkoll il-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ġestjoni tar-riskju, inklużi fażijiet oħrajn ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
Ir-riskji ta’ diżastri huma ġestiti fil-livell nazzjonali fil-pajjiżi kollha, bl-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fi gradi differenti. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jirrapportaw li għandhom mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni vertikali differenti bejn il-livelli nazzjonali u sottonazzjonali, u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni orizzontali li jinvolvu b’mod effettiv varjetà wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Għalkemm il-ministeri u l-awtoritajiet relatati mal-protezzjoni ċivili għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju, huma biss pajjiżi terzi li jirrapportaw li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet oħra responsabbli għal politiki oħra jew partijiet ikkonċernati mis-settur privat. Madankollu, involviment settorjali wiesa’ f’dan il-proċess jista’ jqajjem kuxjenza dwar ir-riskju u jtejjeb il-proċess.
F’żewġ terzi tal-pajjiżi, l-awtoritajiet pubbliċi b’responsabbiltà tal-protezzjoni ċivili jikkoordinaw il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju, it-tħejjija u r-rispons. Madwar terz tal-pajjiżi jirrapportaw li awtoritajiet settorjali oħrajn u s-settur privat huma atturi responsabbli għal forma differenti ta’ prevenzjoni (bħall-ministeri tal-ambjent, l-enerġija, l-ekonomija, is-saħħa, l-agrikoltura u l-forestrija). Eżempji ta’ korpi tas-settur privat responsabbli għal forom speċifiċi ta’ prevenzjoni huma dawk responsabbli għall-ġestjoni tar-riskju ta’ inċidenti industrijali u s-sikurezza nukleari.
Aktar minn terz tal-pajjiżi jirrapportaw li għandhom fis-seħħ xi forma ta’ dokument ta’ ppjanar għall-ġestjoni tar-riskju. Madwar kwart tal-pajjiżi jsemmu xi forma ta’ strateġija nazzjonali komprensiva għad-diżastri jew għas-sigurtà. Il-biċċa l-kbira jirrapportaw ukoll miżuri ta’ prevenzjoni u tħejjija għar-riskji transfruntieri u ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli (HILP) li identifikaw, iżda ħadd ma pprovda miżuri biex jiġu indirizzati r-riskji kollha ta’ HILP li kienu identifikaw. Il-miżuri jindirizzaw primarjament it-tħejjija, pereżempju, sistemi ta’ twissija bikrija, b’inqas miżuri ta’ prevenzjoni rrapportati. Pereżempju, il-miżuri ta’ prevenzjoni relatati mal-użu tal-art u mal-ippjanar tal-ispazju għall-ġestjoni tar-riskji ta’ għargħar, terremoti u żbroffi vulkaniċi u tar-riskji industrijali ġew irrapportati biss minn ftit pajjiżi.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jirrapportaw xi miżuri ta’ prevenzjoni u tħejjija, hija pprovduta informazzjoni limitata dwar kif dawn il-miżuri ġew prijoritizzati u meta se jiġu implimentati. Ir-rapporti nazzjonali għandhom rwol fundamentali biex jipprovdu informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tar-riskji u, b’hekk, jifformaw il-bażi għal deċiżjonijiet biex isir investiment fil-prevenzjoni. Il-ġestjoni tar-riskju tinvolvi wkoll il-prijoritizzazzjoni, l-ippjanar u l-finanzjament ta’ miżuri ta’ tħejjija u ta’ prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet ewlenin. Għalkemm il-pajjiżi jirrapportaw miżuri għal riskji transfruntieri u ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli, ftit li xejn jirrapportaw l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri u l-arranġamenti ta’ finanzjament relatati.
D. Ġestjoni tar-riskji transfruntieri
L-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti kollha jidentifikaw b’mod sistematiku r-riskji ewlenin li għandhom natura transfruntiera. Dan huwa essenzjali għall-ġestjoni tar-riskji fil-pajjiżi Ewropej interkonnessi ħafna. L-aktar riskji transfruntieri identifikati b’mod komuni huma l-inċidenti nukleari u radjoloġiċi, l-għargħar, in-nirien fis-selvaġġ u l-pandemiji/epidemiji. Għall-ewwel darba, il-pajjiżi ntalbu jidentifikaw proċeduri u miżuri fil-livell transfruntier, interreġjonali u internazzjonali, kif ukoll miżuri biex jindirizzaw ir-riskji transfruntieri. Ir-rapporti jipprovdu għarfien dwar il-governanza tal-ġestjoni tar-riskju, inkluż għall-kooperazzjoni transfruntiera biex jiġu ġestiti r-riskji transfruntieri u r-riskji b’impatti transkonfinali.
Għalkemm ir-rapporti tal-pajjiżi jirriflettu l-prijoritizzazzjoni tal-proċeduri u tal-miżuri għall-ġestjoni tar-riskji identifikati, jidher li hemm lakuni fl-implimentazzjoni jew fir-rapportar dwar dawn il-proċeduri u l-miżuri. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri transfruntieri rrapportati jikkonċernaw riskji nukleari u radjoloġiċi, għargħar, inċidenti industrijali, nirien fis-selvaġġ u tfixkil fl-infrastruttura. Madwar 70 % tal-pajjiżi li jidentifikaw ċerti riskji transfruntieri jipprovdu wkoll informazzjoni dwar miżuri għall-ġestjoni ta’ dawk ir-riskji transfruntieri. L-ebda pajjiż ma jirrapporta miżuri għall-ġestjoni tar-riskji transfruntieri kollha li jkun identifika. Il-kooperazzjoni transfruntiera tiffoka l-aktar fuq it-tħejjija, u sa ċertu punt fuq il-prevenzjoni u l-valutazzjonijiet tar-riskji transfruntieri. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri rrapportati għal dawk transfruntieri huma “mhux strutturali”, bħat-taħriġ u l-edukazzjoni, is-sistemi ta’ twissija bikrija u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.
L-oqfsa Ewropej u internazzjonali huma rrapportati b’mod wiesa’. Xi pajjiżi jirreferu għal leġiżlazzjoni settorjali importanti tal-UE li ssaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera biex jiġu ġestiti xi riskji, b’mod partikolari għall-għargħar, inċidenti industrijali kbar u infrastruttura kritika. Il-pajjiżi jirrapportaw ukoll dwar firxa wiesgħa ta’ kooperazzjoni transfruntiera fi proċessi jew organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Qafas ta’ Sendai tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri (UNDRR), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), imsemmija minn madwar terz tal-pajjiżi. Ftit biss jirreferu għall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) jew għall-oqfsa jew l-organizzazzjonijiet makroreġjonali (eż. id-Danubju u l-Baħar Baltiku). Terz tal-pajjiżi jinnotaw li l-UCPM innifsu jsaħħaħ il-ħidma transfruntiera kif xieraq. Xi ftit eżempji ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali huma rrapportati f’reġjuni tal-fruntieri, pereżempju, dwar twissijiet bikrija u riskji ta’ notifika, kooperazzjoni dwar valutazzjonijiet tar-riskji u protokolli għat-tħejjija, skambju ta’ informazzjoni dwar twissijiet bikrija u rispons sussegwenti.
E. Is-sistemi ta’ sensibilizzazzjoni u twissija dwar ir-riskju
Mhux l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti kollha jirrapportaw bir-reqqa dwar l-għarfien tar-riskju, anki jekk il-konsegwenzi negattivi tad-diżastri jistgħu jitnaqqsu permezz tat-tħejjija tal-popolazzjoni dwar kif taġixxi f’każ ta’ emerġenza. Madwar tliet kwarti tal-pajjiżi jirrapportaw xi attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili u minn korpi ewlenin oħrajn biex jipprovdu informazzjoni dwar ir-riskju ta’ diżastri u jżidu l-għarfien dwar ir-riskju tal-popolazzjoni, iżda informazzjoni speċifika hija skarsa. Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jużaw għodod ta’ komunikazzjoni differenti (reklamar fuq it-TV u r-radju, media soċjali, films animati qosra u fuljetti) u paġni web li jipprovdu informazzjoni dwar ir-riskji. Hemm xi eżempji tajbin ta’ kampanji edukattivi.
Il-pajjiżi jinformaw lill-pubbliku dwar ir-riskji biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar ir-riskji, iżda nofs il-pajjiżi biss jirrapportaw li l-valutazzjonijiet tar-riskji tagħhom huma disponibbli għall-pubbliku. Kampanji rikorrenti ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji spiss jindirizzaw l-aspetti kollha tar-reżiljenza u l-awtoprotezzjoni relatati mar-riskji u l-emerġenzi, iżda ftit pajjiżi biss jikkondividu d-dettalji ta’ dawn l-istrateġiji tal-kampanja. Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-għargħar u n-nirien fis-selvaġġ huma l-aktar kampanji speċifiċi għar-riskju msemmija. Terz tal-pajjiżi jirrapportaw li s-sistemi edukattivi huma mezzi importanti biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji.
L-allerti u t-twissijiet lill-popolazzjoni huma essenzjali għall-komunikazzjoni dwar l-emerġenzi u l-kriżijiet, iżda ftit aktar minn nofs il-pajjiżi biss jirrapportaw bl-użu ta’ firxa ta’ modi sabiex il-popolazzjoni tiġi allarmata f’każ ta’ emerġenza. Eżempji ta’ għodod irrapportati huma s-sireni, il-messaġġi bil-mowbajls, l-applikazzjonijiet speċjali tal-ismartphones u l-użu ta’ media tradizzjonali (radju/TV). Il-kamp ta’ applikazzjoni biex tiġi pprovduta twissija bikrija u ż-żmien meħtieġ li jista’ jingħata lill-popolazzjoni u lill-awtoritajiet responsabbli biex jaġixxu jiddependu mit-tip ta’ riskju ta’ diżastri. Xi pajjiżi jirreferu għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tirrikjedi twissijiet pubbliċi bil-mowbajls sal-2022.
Huwa essenzjali li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-aktar gruppi vulnerabbli meta jiġu ġestiti r-riskji, iżda ftit pajjiżi jirrapportaw tali attivitajiet. Ftit pajjiżi jirrapportaw linji gwida dwar kif għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u ta’ gruppi vulnerabbli oħrajn f’każ ta’ emerġenza. Ftit pajjiżi jirrapportaw inizjattivi speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju biex jappoġġaw gruppi vulnerabbli.
F. Sistemi ta’ twissija bikrija u kapaċitajiet ta’ rispons
L-identifikazzjoni bikrija ta’ avvenimenti ta’ diżastri imminenti hija kruċjali biex jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u tal-Istati Parteċipanti jirrapportaw li għandhom sistemi fis-seħħ. Madankollu, madwar nofs il-pajjiżi biss li jidentifikaw ċerti riskji, kif rilevanti, jirrapportaw li għandhom fis-seħħ sistemi ta’ twissija bikrija għal dawk ir-riskji. Hemm fis-seħħ sistemi ta’ twissija bikrija għal firxa wiesgħa ta’ diżastri, primarjament relatati mal-perikli naturali, bit-temp estrem u l-għargħar koperti l-aktar ta’ spiss, segwiti minn terremoti u nirien fis-selvaġġ. Għar-riskji teknoloġiċi, is-sistemi ta’ twissija bikrija għall-inċidenti nukleari u radjoloġiċi huma l-aktar irrapportati b’mod komuni, segwiti minn sistemi ta’ twissija bikrija għar-riskji ċibernetiċi, tfixkil fl-infrastruttura kritika u inċidenti industrijali. Għalhekk, huwa importanti li jiġi stabbilit monitoraġġ f’ħin reali tal-fatturi kontribwenti (bħall-kundizzjonijiet tal-veġetazzjoni niexfa li jżidu r-riskju ta’ nirien fis-selvaġġ, is-saturazzjoni tal-ħamrija għal riskju akbar ta’ għargħar, moviment siżmiku, propagazzjoni ta’ tifqigħat virali).
Ħafna pajjiżi jużaw sistemi internazzjonali jew Ewropej ta’ twissija bikrija, b’mod partikolari dwar ir-riskju siżmiku, il-monitoraġġ nukleari u radjoloġiku u l-monitoraġġ tat-theddid għas-saħħa, iżda ftit biss jirreferu għas-servizzi ta’ Copernicus. Il-pajjiżi jirrapportaw xi eżempji ta’ sistemi transfruntieri ta’ twissija bikrija mmirati b’notifika ta’ avvenimenti ta’ diżastri. L-atturi tas-settur privat huma rrapportati li huma responsabbli għall-monitoraġġ, id-detezzjoni u t-tbassir tar-riskji relatati mal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.
Huwa essenzjali li jkun hemm atturi pubbliċi u privati mħejjija u mgħammra sewwa inkarigati bir-rispons għall-emerġenzi. Madankollu, ftit pajjiżi biss jirrapportaw dwar l-infrastruttura kritika fis-seħħ għar-rispons għall-emerġenzi. Sabiex jimmaniġġjaw ix-xenarju ta’ riskju li qed jinbidel b’perikli intensifikati relatati mal-klima, bħall-għargħar u n-nirien fis-selvaġġ, il-pajjiżi jeħtieġ li jtejbu l-kapaċità ta’ rispons nazzjonali tagħhom. Madwar nofs il-pajjiżi jirrapportaw sistemi biex jiżguraw li l-assi jinżammu b’mod adegwat. Ġiet ipprovduta xi informazzjoni limitata dwar il-kapaċitajiet speċifiċi għar-rispons għan-nirien fis-selvaġġ, ir-rispons għall-għargħar, is-CBRN u r-rispons għas-saħħa f’każ ta’ emerġenza.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, qed jitressqu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin dwar it-titjib tal-governanza tar-riskji ta’ diżastri.
|
Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti, għandhom:
·Jiżviluppaw aktar il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin fost il-pajjiżi u l-esperti, inkluż taħt in-Network tal-Għarfien, bl-objettiv li jittejbu l-għodod tal-ippjanar u l-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex tiġi appoġġata governanza effettiva tar-riskju.
·Itejbu aktar l-għodod u s-servizzi pan-Ewropej ta’ twissija bikrija. Fejn rilevanti, iżidu l-użu ta’ għodod bħas-“Servizzi ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenza ta’ Copernicus” u s-servizz ta’ rapportar ta’ emerġenza xjentifika 24 siegħa kuljum ipprovdut mill-Faċilità ta’ Konsulenza Teknika u Xjentifika li tkopri perikli naturali kif ukoll nukleari u radjoloġiċi.
L-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti huma mistiedna:
·Irawmu approċċ tas-soċjetà kollha fl-istadji kollha tal-proċess tad-DRM, li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha: istituzzjonijiet pubbliċi, korpi akkademiċi u ta’ riċerka, is-settur privat, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet.
·Isaħħu l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, inklużi azzjonijiet għall-ġestjoni ta’ riskji ewlenin b’impatti u riskji transfruntieri relatati ma’ diżastri li jikkawżaw jew li huma kapaċi jikkawżaw effetti transkonfinali f’diversi pajjiżi.
·Jiżviluppaw aktar is-sistemi ta’ twissija bikrija għar-riskji rilevanti u, fejn possibbli, jibbażaw fuq is-sistemi transkonfinali żviluppati mill-UE, bħas-Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar ta’ Copernicus, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti u l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa.
·Jippromwovu azzjonijiet aktar b’saħħithom fil-livell nazzjonali biex iqisu l-ħtiġijiet ta’ persuni vulnerabbli meta jimmaniġġjaw ir-riskji.
|
4.3 L-integrazzjoni u l-investiment fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri
G. Ġestjoni transsettorjali tar-riskju ta’ diżastri
Ġew irrapportati eżempji tajbin dwar kif titwettaq il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri taħt politiki, għajr il-protezzjoni ċivili, u minn dipartimenti u korpi governattivi rilevanti oħrajn. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ titjib fil-ġestjoni tar-riskji transsettorjali sabiex tinkiseb reżiljenza tas-soċjetà kollha. Ir-rapporti nazzjonali jipprovdu eżempji tajbin ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni orizzontali fejn l-istrutturi ta’ governanza nazzjonali jinvolvu korpi minn setturi differenti matul iċ-ċiklu kollu tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka. B’xi lakuni fir-rapportar dwar il-koordinazzjoni orizzontali u l-koordinazzjoni transsettorjali u bi ftit li xejn strateġiji komprensivi ta’ ġestjoni tar-riskju rrapportati, jista’ jsir aktar biex jiżdied il-profil tal-għodod ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, pereżempju, billi jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet tar-riskji jkunu rilevanti għal setturi oħrajn.
Politiki oħrajn tal-UE jikkontribwixxu wkoll għar-reżiljenza għad-diżastri. Il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri jeħtieġ li tintegra regolarment għodod ta’ politika ġodda żviluppati fil-livell tal-UE, inklużi dawk żviluppati taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Xi pajjiżi jirrapportaw dwar politiki u liġijiet oħrajn tal-UE li jsaħħu r-reżiljenza għad-diżastri u l-kooperazzjoni transfruntiera, bħall-infrastruttura kritika, iċ-ċibersigurtà, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riskju ta’ nixfa u ta’ għargħar, l-inċidenti industrijali u l-kooperazzjoni fuq is-sikurezza nukleari. Dawn l-eżempji juru li l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri trid tkun koerenti u ssib sinerġiji ma’ politiki oħrajn, b’mod partikolari t-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u l-politiki ta’ finanzjament sostenibbli.
Għalkemm ir-riskji ta’ diżastri jmorru lil hinn mill-perikli relatati mal-klima u l-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima jkopru ħafna oqsma lil hinn mill-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, is-sinerġiji bejn iż-żewġ proċessi huma sostanzjali. Żewġ terzi tal-pajjiżi jirrapportaw li l-pjanijiet ta’ adattament huma disponibbli fil-livell nazzjonali. Eżempji ta’ oqsma komuni għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u għall-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima huma l-monitoraġġ, il-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni u data dwar ir-riskji ta’ diżastri relatati mal-klima. Sabiex ikunu possibbli s-sinerġiji u tiġi evitata s-sottovalutazzjoni tar-riskji ta’ diżastri, huwa essenzjali wkoll li l-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ diżastri jinkludu projezzjonijiet u xenarji tat-tibdil fil-klima.
It-tfixkil fl-infrastruttura kritika jidher b’mod qawwi fost ir-riskji ewlenin ta’ diżastri, b’mod partikolari t-tfixkil tan-netwerks tal-enerġija, tas-servizzi tal-ilma, tat-telekomunikazzjoni, tan-netwerks tat-trasport, tal-istrutturi finanzjarji, tal-provvista tal-ikel u tal-kura tas-saħħa. Dawn għandhom potenzjal għoli li jkollhom effett ta’ kaskata fuq setturi ulterjuri. Xi infrastruttura kritika marittima bħall-portijiet tista’ tirriskja li ssir aktar vulnerabbli bl-impatti tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari ż-żieda fil-livell tal-baħar. Ftit aktar minn nofs il-pajjiżi jirrapportaw li għandhom politiki fis-seħħ biex jipproteġu l-infrastruttura kritika. Terz tal-pajjiżi jirrapportaw li għandhom miżuri speċifiċi fis-seħħ, bħall-ippjanar għall-protezzjoni ċivili, il-valutazzjonijiet u l-analiżi tar-riskji u tat-theddid, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-operaturi, aspetti proċedurali u tekniċi u miżuri speċifiċi għar-riskju.
Il-politiki dwar il-finanzi sostenibbli jipprovdu opportunitajiet għall-adattament għat-tibdil fil-klima u miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskji. L-assigurazzjoni għad-diżastri li tappoġġa l-irkupru minn diżastru jista’ jkollha rwol ukoll fl-inċentivar tal-prevenzjoni u l-“bini lura b’mod aktar intelliġenti”. Ftit pajjiżi jsemmu fir-rapporti nazzjonali l-assigurazzjoni bħala sors ta’ finanzjament tar-riskju ta’ diżastri mis-settur privat. Stħarriġ dwar l-assigurazzjoni għad-diżastri mwettaq fost l-esperti nazzjonali tal-prevenzjoni tad-diżastri juri li l-assigurazzjoni tkopri ħafna diżastri minn perikli naturali madwar l-Istati Membri. Madankollu, hemm distakk konsiderevoli fil-protezzjoni tal-klima minħabba diversi ostakli bħall-kost tal-assigurazzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ limitazzjoni, il-limiti massimi fuq il-kumpens, nuqqas ta’ assigurazzjoni disponibbli f’żoni b’riskju għoli.
H. Mekkaniżmi nazzjonali ta’ finanzjament pubbliku u privat
L-investimenti fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri jeħtieġu finanzjament adegwat. Huma meħtieġa finanzi pubbliċi nazzjonali robusti biex jilqgħu kemm għar-rispons għall-impatti li qed jiżdiedu relatati mal-klima u l-irkupru minnhom, kif ukoll għall-miżuri ta’ tħejjija, ta’ prevenzjoni u ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Eżempji ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ finanzjament tar-riskju ta’ diżastri huma pprovduti f’ħafna rapporti. Dawn jinkludu riżervi ta’ kontinġenza jew fondi speċifiċi għad-diżastri (irrapportati li huma disponibbli fi ftit pajjiżi) u t-trasferiment tar-riskju finanzjarju tad-diżastri bl-għajnuna ta’ atturi privati, b’mod partikolari fil-forma ta’ assigurazzjoni għad-diżastri. Ftit aktar minn nofs il-pajjiżi jirrapportaw dispożizzjonijiet baġitarji flessibbli, fil-forma ta’ baġits ta’ riżerva u fondi ta’ kontinġenza biex jilqgħu għall-emerġenzi. Ftit pajjiżi rrapportaw dwar finanzjament iddedikat għall-prevenzjoni biex jissodisfaw il-ħtieġa dejjem tikber għall-investiment fil-prevenzjoni biex jitnaqqas it-telf permezz ta’ reżiljenza msaħħa. Aktar spiss, il-pajjiżi rrapportaw li l-baġits huma disponibbli għat-tħejjija u għar-rispons f’każ ta’ emerġenza.
Filwaqt li l-finanzjament tal-UE huwa disponibbli għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, inkluż għall-prevenzjoni, l-użu rrapportat huwa madankollu limitat. Għalkemm żewġ terzi tal-pajjiżi semmew xi fondi tal-UE, ir-rapportar la huwa koerenti u lanqas komprensiv. Pereżempju, madwar kwart biss semmew l-użu ta’ fondi tal-politika strutturali u ta’ koeżjoni (2014-2020), għalkemm madwar żewġ terzi tal-Istati Membri tal-UE użaw dawn il-fondi għan-nefqa fuq il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
Għal kull pajjiż, l-approvazzjoni tal-infiq fuq il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri taħt il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 hija kundizzjonali fuq is-sottomissjoni tar-rapporti tal-Artikolu 6 (kundizzjonijiet abilitanti). Ir-rapporti ta’ sinteżi dwar id-DRM li waslu jinkludu r-riskji ewlenin rilevanti għall-pajjiż, iżda ġiet ipprovduta biss informazzjoni limitata ħafna dwar is-sorsi ta’ finanzjament, il-prijoritizzazzjoni u l-iskeda ta’ żmien biex jiġu implimentati tali miżuri. Għalhekk, il-Kummissjoni bbażat fuq sorsi ta’ informazzjoni addizzjonali u komplementari sottomessi mill-Istati Membri, bħal strateġiji ta’ adattament u għodod u strateġiji nazzjonali oħrajn tal-ippjanar, għall-valutazzjoni tal-konformità mill-Istati Membri tal-UE ma’ dawn il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, qed jitressqu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin dwar l-integrazzjoni u l-investiment fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
|
Il-Kummissjoni se:
·Tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Istati Parteċipanti biex jagħmlu użu aktar sistematiku mill-fondi tal-UE disponibbli għall-investiment fil-prevenzjoni, fit-tħejjija u fl-adattament għat-tibdil fil-klima.
·Tikkunsidra għażliet għal approċċ transsettorjali aktar b’saħħtu biex tinċentiva l-prevenzjoni tar-riskju ta’ diżastri fil-politiki u l-fondi ewlenin.
L-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti huma mistiedna:
·Iqisu l-ħtieġa għal strateġiji transsettorjali għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri biex jiġu żviluppati aktar l-għażliet nazzjonali ta’ finanzjament tar-riskju ta’ diżastri, anki għall-prevenzjoni.
·Jikkunsidraw li jżidu l-finanzjament għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u għall-adattament għat-tibdil fil-klima fil-perjodi ta’ programmazzjoni kurrenti.
|
4.PROGRESS FUQ IL-QAFAS LEGALI TAL-UE GĦAR-REŻILJENZA GĦAD-DIŻASTRI
Firxa wiesgħa ta’ leġiżlazzjoni u politiki settorjali tal-UE jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza għad-diżastri. Il-qafas legali u ta’ politika għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri jmur lil hinn mill-protezzjoni ċivili. Dan diġà ssemma fl-Anness għal-Linji Gwida tar-Rapportar tal-2019 għall-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri, li jirreferu għall-politiki tal-UE li jkopru diversi aspetti tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Minn Diċembru 2019, l-UE żviluppat aktar il-politika u l-qafas legali tagħha, marbuta mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Eżempji ta’ żviluppi aktar reċenti li jistħoqqilhom aktar kunsiderazzjoni fl-isforzi biex tingħata spinta lill-prevenzjoni u t-tħejjija fl-Istati Membri u, fejn applikabbli, fl-Istati Parteċipanti jinkludu:
·Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima li tinkludi l-objettivi dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku tal-UE (EUCRA), rapport [li jmiss] tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tinforma l-valutazzjonijiet futuri tar-riskju tal-klima u tad-diżastri. L-informazzjoni dwar il-perikli u l-impatti ewlenin relatati mal-klima rrapportati mill-pajjiżi fir-rapporti ta’ sinteżi tad-DRM ikkontribwiet għall-EUCRA.
·Id-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi tkopri t-tħejjija, ir-rispons u l-kooperazzjoni internazzjonali fuq firxa usa’ ta’ setturi li ġew identifikati bħala vulnerabbli skont il-valutazzjoni tar-riskju tal-Artikolu 6. Hija tkopri wkoll amministrazzjonijiet pubbliċi bħal dawk inkarigati mill-protezzjoni ċivili. L-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskji filwaqt li jqisu l-valutazzjonijiet tar-riskji tal-UCPM. L-operaturi ta’ entitajiet kritiċi jeħtieġ ukoll li jiżviluppaw valutazzjoni tar-riskju u jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni. Id-Direttiva dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà tistabbilixxi mekkaniżmu għall-ġestjoni tal- kriżijiet ċibernetiċi f’koerenza sħiħa ma’ mekkaniżmi orizzontali u settorjali, inkluż l-UCPM. Id-Direttiva tirrikjedi t-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà kkoordinati ta’ ktajjen ta’ provvista kritiċi.
·L-implimentazzjoni tad-Direttivi Qafas dwar l-Għargħar u l-Ilma hija importanti għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Ġew emendati jew introdotti xi liġijiet tal-UE dwar l-ilma biex jindirizzaw l-aspetti tar-reżiljenza għad-diżastri, b’mod partikolari r-riskji fil-katina tal-provvista tal-ilma tax-xorb u l-aċċess għal ilma tax-xorb sikur u l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi għas-settur agrikolu biex jiġu indirizzati l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet li qed jiżdiedu.
·L-istrateġija tal-UE għall-Foresti għall-2030 tappella għal foresti aktar reżiljenti u ġestiti kif xieraq fiż-żoni ta’ riskju ta’ nirien. Hija tappella għall-ġestjoni u l-ippjanar tal-pajsaġġ, ir-restawr tal-ekosistema, il-ġestjoni tal-fjuwil permezz tar-ragħa u n-nirien ikkontrollati, u li l-ġestjoni integrata tar-riskju tan-nirien fil-foresti għandha tinvolvi l-għarfien espert u r-riżorsi disponibbli fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha.
·It-tħejjija għal pandemiji futuri u theddid ieħor għas-saħħa li jeħtieġ attenzjoni fil-livell tal-Unjoni żdiedet bl-adozzjoni tal-Unjoni tas-Saħħa tal-UE u bl-istabbiliment tal-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA).
·Il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi kien jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ twissija pubblika biex iwissu lill-popolazzjoni permezz ta’ mowbajls sal-2022.
·It-tassonomija għal investimenti sostenibbli tista’ tgħin biex jiġi attirat finanzjament privat għal miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u adattament għar-riskju ta’ diżastri għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ekonomiċi. L-istrateġija tal-UE dwar il-finanzi sostenibbli appellat għall-ħtieġa li jiżdiedu l-livelli tal-litteriżmu fir-riskju klimatiku tal-atturi finanzjarji biex jittejjeb il-fehim ta’ investimenti b’riskju għoli fid-dawl tar-riskji relatati mal-klima. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju ta’ diżastri jistgħu jikkontribwixxu għal tali litteriżmu.
·Il-finanzjament tal-UE huwa disponibbli għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri taħt diversi strumenti tal-UE, bħall-fondi tal-politika ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Mill-2021 sal-2027, l-ammont totali ta’ appoġġ tal-UE allokat għad-DRM u għall-adattament għat-tibdil fil-klima taħt dawn it-tliet strumenti jilħaq kważi EUR 26 biljun. Il-programm Orizzont Ewropa għar-riċerka u l-innovazzjoni jappoġġa wkoll il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Barra minn hekk, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE jkopri l-ħsara mid-diżastri sa ċertu punt. B’xejra ta’ żieda fil-ħsara ekonomika mġarrba bħala riżultat ta’ diżastri fl-Ewropa, għandha tingħata kunsiderazzjoni għat-tisħiħ ulterjuri tal-Fond.
·L-għarfien espert tekniku mfassal apposta huwa disponibbli għall-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) tal-Kummissjoni Ewropea, u jista’ jgħin lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw riformi, inkluż fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Taħt il-UCPM, l-assistenza teknika u l-proġetti fil-livell nazzjonali u l-proġetti transfruntieri li għandhom l-għan li jsaħħu l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri huma appoġġati wkoll.
·Fil-kuntest tar-Riforma tal-Governanza Ekonomika, il-Kummissjoni impenjat ruħha b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati (il-Ministeri tal-Finanzi tal-Istati Membri, istituzzjonijiet fiskali indipendenti, organizzazzjonijiet mhux governattivi u assiguraturi) dwar kif il-kost fiskali tat-tibdil fil-klima għandu jiġi rifless fl-oqfsa baġitarji nazzjonali. Ir-rieżami tal-kunċetti ewlenin tal-finanzjament tar-riskju ta’ diżastri, l-evidenza mill-Istati Membri, u l-elementi ewlenin ta’ strateġija ta’ finanzjament tar-riskju ta’ diżastri biex jiġi limitat il-kost fiskali tad-diżastri relatati mal-klima għandhom l-għan li jżidu l-għarfien u jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.
Ġestjoni tar-riskju transsettorjali effettiva u koerenti trid tqis dawn l-iżviluppi u dawk futuri fix-xenarju tal-politika tal-ġestjoni tar-riskju li qed jevolvi. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas ta’ Sendai nnota li għadd kbir ta’ politiki jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, bħall-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar u ta’ nixfa fil-politika dwar l-ilma, il-politika dwar is-sigurtà ċibernetika, il-politiki dwar il-forestrija u l-bijodiversità, il-politiki tas-saħħa, ir-riċerka u l-għodod għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, bħall-osservazzjonijiet tad-dinja.
5.IT-TRIQ ’IL QUDDIEM LEJN EWROPA REŻILJENTI GĦAD-DIŻASTRI
Il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri hija ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi u għandha rwol kruċjali fil-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti. L-għadd kbir ta’ telf ta’ ħajjiet mid-diżastri f’avvenimenti estremi tat-temp ta’ dawn l-aħħar snin ifakkarna li, irrispettivament minn kemm ikun mgħaġġel ir-rispons, il-prevenzjoni se tipprovdi l-akbar benefiċċji fit-tul. Il-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastru li jmiss huma essenzjali jekk irridu nipproteġu s-soċjetà, in-natura u l-wirt kulturali tagħna. Il-protezzjoni ċivili ma tistax taħdem b’mod iżolat; huwa essenzjali li naħdmu flimkien bejn is-setturi matul iċ-ċiklu sħiħ tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
Il-UCPM twaqqaf biex joħloq qafas tal-UE għall-assistenza biex tirrispondi għad-diżastri meta l-kapaċitajiet nazzjonali jkunu ġew megħluba. Matul is-snin, ir-reviżjonijiet tal-UCPM espandew dan il-qafas biex imorru lil hinn mir-rispons għad-diżastri u jinkludu spettru usa’ ta’ tħejjija u prevenzjoni għad-diżastri. L-Artikolu 6 jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-riskju. Dan ir-rapport juri li, filwaqt li sar progress konsiderevoli, xorta għad hemm lok biex isir aktar fuq livelli differenti.
L-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri adottati fi Frar 2023 iżidu l-interessi tal-azzjoni ta’ prevenzjoni tad-diżastri u ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livelli nazzjonali u tal-UE u jistabbilixxu aġenda komuni ambizzjuża ’l quddiem. F’konformità mal-azzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar l-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri, dan ir-Rapport identifika għadd ta’ azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet komplementari li huma meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet fil-pajjiżi tal-UCPM. L-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri huma kontribut konkret mill-komunità tal-protezzjoni ċivili biex tinbena r-reżiljenza ġenerali tagħna għad-diżastri fl-Ewropa. L-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti huma mistiedna jieħdu azzjoni biex jimplimentaw u jagħmlu progress fl-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet, inkluż fil-kuntest tal-attivitajiet differenti skont l-Artikolu 6.
Il-ħsara minn avvenimenti katastrofiċi qed tiżdied b’mod enormi, iżda l-kapaċità ġenerali tagħna li nassorbixxu u nirkupraw minn tali xokkijiet hija limitata. Għalhekk, huwa meħtieġ aktar investiment u investiment aħjar fil-prevenzjoni f’“approċċ għall-UE kollha”. Hekk kif ix- xenarju tar-riskju ta’ diżastri qed ikompli jevolvi u aħna qed naffaċċjaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, il-Kummissjoni se tkompli taħdem bla heda biex issaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-UE għar-riskji futuri.