Brussell, 18.4.2018

COM(2018) 196 final

ANNESS

għall-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore


L-ANNESS 14-A

REGOLI TA' PROĊEDIMENTI TAL-ARBITRAĠĠ

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.    Fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) u skont dan l-Anness:

–    "konsulent" tfisser persuna miżmuma minn Parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti fil-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ;

–    “arbitru” tfisser membru ta’ bord tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ);

–    "assistent" ifisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta’ arbitru, twettaq, tirriċerka jew tipprovdi assistenza lill-arbitru;

–    "ir-rikorrent" tfisser kull Parti li titlob it-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 14.4 (Bidu tal-Proċedura ta' Arbitraġġ);

–    "il-konvenut" tfisser il-Parti li jkun qiegħed jiġi allegat li tkun qiegħda tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14.2 (Kamp ta' applikazzjoni);



–    “bord tal-arbitraġġ” tfisser bord stabbilit skont l-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ);

–    “rappreżentant ta’ Parti” jfisser impjegat jew kull persuna maħtura minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew xi entità pubblika oħra ta’ Parti, li tirrappreżenta l-Parti għall-għanijiet ta’ tilwim skont dan il-Ftehim.

2.    Dan l-Anness għandu japplika għall-proċedimenti tas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

3.    Il-Parti li jkun sar ilment kontriha għandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, b’mod partikolari l-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ tal-każ, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor. Il-Partijiet għandhom jaqsmu l-ispejjeż b'mod ekwu li jirriżultaw minn kwistjonijiet organizzattivi, inklużi l-ispejjeż tal-arbitri.

In-Notifiki

4.    Il-Partijiet u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jibagħtu kwalunkwe talba, avviż, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor permezz ta’ posta elettronika, b’kopja mibgħuta dakinhar stess permezz ta’ trasmissjoni bil-faks, posta rreġistrata, kurjer, kunsinna b’irċevuta jew xi mezz ieħor ta’ telekomunikazzjoni li jipprovdi evidenza li l-oġġett ikun intbagħat. Sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor, messaġġ bil-posta elettronika għandu jitqies li wasal fl-istess jum li jintbagħat.



5.    Parti għandha tipprovdi kopja elettronika ta’ kull sottomissjoni bil-miktub u rifjuti lil kull wieħed mill-arbitri u fl-istess ħin lill-Parti l-oħra. Għandha tkun provduta wkoll kopja stampata tad-dokument.

6.    In-notifiki kollha għandhom ikunu indirizzati lid-Direttur, id-Diviżjoni tal-Amerika ta’ Fuq u tal-Ewropa, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija ta' Singapore u lid-Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea tal-Unjoni, rispettivament.

7.    Żbalji żgħar ta’ natura klerikali li jsiru fi kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċeduri tal-bord tal-arbitraġġ, sakemm il-Parti l-oħra toġġezzjona, jistgħu jitranġaw permezz tal-kunsinna ta’ dokument ġdid li jindika l-bidliet b’mod ċar.

8.    Jekk l-aħħar jum għall-kunsinna ta’ dokument jaħbat jum ta’ btala uffiċjali jew jum ta’ mistrieħ fis-Singapore jew fl-Unjoni, id-dokument għandu jkun ikkunsinnat fil-jum tan-negozju li jkun imiss.

9.    Skont l-oġġett tad-dispożizzjonijiet disputati, it-talbiet u n-notifiki kollha indirizzati lill-Kumitat tal-Kummerċ skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) għandhom ikunu kkupjati wkoll lis-sottokumitati rilevanti l-oħra stabbiliti skont il-Ftehim.

Il-bidu tal-arbitraġġ

10.    a)    Jekk skont l-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ) jew tar-Regoli 22, 24 jew 51 ta’ dan l-Anness, l-arbitri jintgħażlu bix-xorti, ir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet huma intitolati li jkunu preżenti meta ssir l-għażla bix-xorti.


(b)    Sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor, huma għandhom jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ fi żmien sebat ijiem mit-twaqqif tiegħu biex jistabbilixxu dawk il-kwistjonijiet li l-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ iqisu xierqa, inklużi r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri. L-arbitri u r-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem f'din il-laqgħa permezz tat-telefown jew ta' konferenza awdjoviżiva.

11.    (a)    Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor fi żmien sebat ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord ta’ arbitraġġ, it-termini ta’ referenza tal-bord ta’ arbitraġġ għandhom ikunu:

“biex jeżaminaw, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim, il-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif tal-bord ta’ arbitraġġ magħmula skont l-Artikolu 14.4; biex jiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tal-miżura kkonċernata mal-provvedimenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 14.2 bil-kisbiet ta' liġi u/jew fatti, flimkien mar-raġunijiet għal dan; u għall-ħruġ ta' deċiżjoni skont l-Artikoli 14.7 u 14.8."

(b)    Jekk il-Partijiet ikunu qablu fuq it-termini ta’ referenza tal-bord tal-arbitraġġ, huma għandhon jinnotifikaw tali ftehim lill-bord tal-arbitraġġ minnufih.

Sottomissjonijiet inizjali

12.    Ir-rikorrent għandu jagħti s-sottomissjoni inizjali tiegħu bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara l-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti li jkun sar ilment kontriha għandha tgħaddi l-kontrosottomissjoni tiegħu bil-miktub sa mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tal-kunsinna tas-sottomissjoni inizjali bil-miktub.


Il-ħidma tal-bordijiet tal-arbitraġġ

13.    Il-president tal-bord tal-arbitraġġ għandu jippresjedi fil-laqgħat kollha tiegħu. Bord ta' arbitraġġ jista' jiddelega l-awtorità lill-president biex jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

14.    Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim), il-bord tal-arbitraġġ jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkluż b’komunikazzjoni bit-telefown, faks jew kollegamenti bil-kompjuter.

15.    L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, iżda l-bord tal-arbitraġġ jista' jippermetti lill-assistenti tiegħu jkunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

16.    L-abbozzar ta’ kull deċiżjoni għandha tibqa’ r-responsabbiltà esklussiva tal-bord tal-arbitraġġ u ma tistax tiġi delegata.

17.    Jekk tqum xi kwistjoni proċedurali li mhix koperta mill-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) u l-Annessi tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta l-Partijiet, jista' jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

18.    Jekk il-bord tal-arbitraġġ iqis li hemm il-ħtieġa li jimmodifika xi limitu taż-żmien applikabbli fil-proċedimenti jew li jagħmel xi aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, huwa għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet bir-raġunijiet għall-bidla jew l-aġġustament u bil-perjodu jew l-aġġustament meħtieġ.


Sostituzzjoni

19.    Jekk arbitru ma jkunx jista’ jipparteċipa fil-proċediment, jirtira ruħu, jew ikollu jinbidel, għandu jintgħażel sostitut f’konformità mal-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ).

20.    Jekk Parti tqis li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta skont l-Anness 14-B (minn hawn 'il quddiem “il-Kodiċi ta’ Kondotta”) u li minħabba f’hekk ikun jinħtieġ li jinbidel, din il-Parti jinħtieġ li tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum minn meta tkun saret taf biċ-ċirkostanzi sottostanti għan-nuqqas tal-konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta mill-arbitru.

21.    Jekk Parti tqis li xi arbitru għajr il-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-arbitru u jagħżlu sostitut skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ).

22.    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel arbitru, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord tal-arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun waħda finali.

Jekk, b'segwitu għal talba bħal din, il-president isib li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta, għandu jintgħażel arbitru ġdid.


Il-Parti li tkun għażlet l-arbitru li jeħtieġ li jiġi sostitwit, għandha tagħżel arbitru wieħed minn fost il-bqija tal-individwi rilevanti fuq il-lista stabbilita skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.20 (Listi ta’ Arbitri). Jekk Parti tonqos milli tagħżel arbitru fi żmien ħamest ijiem mis-sejba tal-president tal-bord tal-arbitraġġ, il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ jew id-delegat tal-President għandu jagħżel arbitru, bix-xorti minn fost il-bqija tal-individwi rilevanti fuq il-lista stabbilita skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.20 (Listi ta’ Arbitri), fi żmien għaxart ijiem mis-sejba tal-president tal-bord tal-arbitraġġ.

Jekk il-lista li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 4.20 (Listi ta’ Arbitri) ma tkunx ġiet stabbilita fiż-żmien meħtieġ skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ), il-Parti li kienet għażlet l-arbitru li jrid jiġi sostitwit jew, jekk dik il-Parti ma tirnexxix, il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ jew id-delegat tal-President għandu jagħżel arbitru fi żmien ħamest ijiem minn meta jinstab il-President tal-bord tal-arbitraġġ:

(a)    jekk il-Parti naqset milli tipproponi individwi, minn fost l-individwi proposti mill-Parti l-oħra li jkun għad fadal skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.20 (Listi tal-Arbitri);

(b)    jekk il-Partijiet naqsu milli jaqblu dwar lista ta’ ismijiet skont l-Artikolu l-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.20 (Listi tal-Arbitri), minn fost l-individwi l-Parti kienet ipproponiet skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.20 (Listi tal-Arbitri).


23.    Jekk Parti tqis li l-president tal-bord tal-arbitraġġ ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu lill-president u jagħżlu sostitut billi jsegwu l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ).

24.    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-bżonn li jinbidel il-president, kwalunkwe Parti tista’ titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lil parti terza newtrali. Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar terza persuna newtrali, din il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lil wieħed mill-membri li jifdal fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 14.20 (Listi tal-Arbitri). Ismu jew isimha għandu jittella’ bil-polza mill-president tal-Kumitat għall-Kummerċ, jew mid-delegat tal-president. Id-deċiżjoni ta’ din il-persuna dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president għandha tkun finali.

Jekk din il-persuna tiddeċiedi li l-president oriġinali ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar is-sostituzzjoni. Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar president ġdid, il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ, jew id-delegat tiegħu, għandu jagħżel bix-xorti minn fost il-membri li għad baqa' fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 14.20 (Listi tal-Arbitri). Il-membri l-oħra fil-lista għandhom jeskludu, fejn rilevanti, il-persuna li ddeċidew li l-president oriġinali ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta. L-għażla tal-arbitru l-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem mis-sejba tal-ħtieġa ta' bidla tal-president.

25.    Il-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jiġu sospiżi matul il-perjodu ta' żmien li jittieħed sabiex jitwettqu l-proċeduri msemmija fil-Regoli 19, 20, 21, 22, 23 u 24 ta' dan l-Anness.


Seduti ta' smigħ

26.    Il-president għandu jiffissa d-data u l-ħin tas-seduta ta' smigħ f'konsultazzjoni mal-Partijiet u l-arbitri l-oħrajn, u jikkonferma dan bil-miktub lill-Partijiet. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli pubblikament ukoll mill-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti, sakemm is-seduta ma tkunx magħluqa għall-pubbliku. Sakemm ma jkunx hemm Parti li ma taqbilx, il-bord ta' arbitraġġ jista' jiddeċiedi li ma jlaqqax seduta ta’ smigħ.

27.    Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta ta' smigħ għandha ssir fi Brussell jekk ir-rikorrent ikun Singapore u u f'Singapore jekk ir-rikorrent tkun l-Unjoni.

28.    Il-bord ta' arbitraġġ jista' jitlob li jkun hemm aktar minn seduta ta' smigħ waħda jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

29.    L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti fil-ħin kollu ta' kull seduta ta’ smigħ.

30.    Il-persuni li ġejjin jistgħu jkunu preżenti għas-seduta ta’ smigħ, irrespettivament minn jekk il-proċedimenti jkunux miftuħin għall-pubbliku jew le:

(a)    ir-rappreżentanti tal-Partijiet;

(b)    il-konsulenti tal-Partijiet;

(c)    persunal amministrattiv, interpreti, tradutturi u korrispondenti tal-qrati; kif ukoll

(d)    l-assistenti tal-arbitri.

Ir-rappreżentanti u l-konsulenti tal-Partijiet biss jistgħu jindirizzaw lill-bord tal-arbitraġġ.


31.    Mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data ta’ seduta, kull Parti għandha tagħti lista lill-bord tal-arbitraġġ bl-ismijiet, u fl-istess ħin lill-Parti l-oħra, ta’ dawk il-persuni li jkunu sejrin itellgħu l-argumenti orali jew jagħmlu preżentazzjonijiet matul is-seduta f’isem dik il-Parti, u ta’ rappreżentanti jew konsulenti oħra li jkunu sejrin jattendu s-seduta.

32.    Is-seduti ta’ smigħ tal-bordijiet tal-arbitraġġ għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux li s-seduti ta’ smigħ għandhom ikunu parzjalment jew kompletament magħluqa għall-pubbliku. Is-seduti ta’ smigħ ikunu miftuħin għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor:

(a)    l-aċċess pubbliku għandu jsir permezz ta' xandir simultanju televiżiv b’ċirkwit magħluq lejn kamra ta’ osservazzjoni separata fil-post tal-arbitraġġ;

(b)    għandha tkun meħtieġa reġistrazzjoni biex is-seduti ta’ smigħ jintwerew fil-pubbliku;

(c)    l-ebda reġistrazzjoni tal-awdjo jew tal-vidjow jew fotografija ma għandha titħalla fil-kamra ta’ osservazzjoni;

(d)    il-Bord għandu jkollu d-dritt li jitlob għal sessjoni magħluqa ta’ kwalunkwe mis-seduti ta’ smigħ sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati ma’ kwalunkwe mill-informazzjoni kunfidenzjali.

Il-bord ta' arbitraġġ għandu jiltaqa' f'seduta magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta' xi Parti jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali. Eċċezzjonalment, il-bord għandu jkollu d-dritt li jmexxi s-seduti ta’ smigħ fil-magħluq f’kull ħin bl-inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-Parti jew mill-Parti l-oħra.


33.    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta b'dan il-mod, filwaqt li jiżgura li r-rikorrent u l-konvenut jingħataw l-istess ħin:

Sottomissjonijiet

(a)    is-sottomissjoni tal-Parti li qed tilmenta;

(b)    il-kontrosottomissjoni tal-Parti li kontriha qed isir l-ilment;

Tweġibiet

(a)    it-tweġiba tal-Parti li qed tilmenta;

(b)    il-kontrotweġiba tal-Parti li kontriha qed isir l-ilment.

34.    Il-bord tal-arbitraġġ jista' jindirizza direttament mistoqsijiet liż-żewġ Partijiet f'kull ħin matul is-seduta ta' smigħ.

35.    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti, mill-aktar fis possibbli, għat-tlestija u l-kunsinna lill-Partijiet tat-traskrizzjoni ta’ kull seduta.

36.    Kull Parti tista’ tibgħat lill-bord ta' arbitraġġ u b'mod simultanju lill-Parti l-oħra sottomissjoni supplimentari bil-miktub li tikkonċerna kwalunkwe kwistjoni li qamet matul is-seduta fi żmien għaxart ijiem wara d-data tas-seduta.


Mistoqsijiet bil-miktub

37.    Il-bord tal-arbitraġġ jista' fi kwalunkwe waqt tal-proċedimenti jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil xi waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kull waħda mill-Partijiet għandha tirċievi kopja ta' kwalunkwe mistoqsija magħmula mill-bord tal-arbitraġġ.

38.    Kull Parti għandha wkoll tipprovdi kopja tat-tweġiba tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-bord lill-bord tal-arbitraġġ u fl-istess ħin tibgħatha lill-Parti l-oħra. Kull Parti għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġiba tal-Parti l-oħra fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-wasla.


Il-kunfidenzjalità

39.    Il-Partijiet u l-konsulenti tagħhom għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti tal-bord tal-arbitraġġ fejn is-seduti jinżammu f’sessjoni magħluqa, b’konformità mar-Regola 32 ta’ dan l-Anness, id-deliberazzjonijiet u r-rapport interim tal-bord, u s-sottomissjonijiet kollha bil-miktub lil, u l-komunikazzjonijiet mal-Bord. Kull Parti u l-konsulenti tagħha għandhom jittrattaw bħala kunfidenzjali l-informazzjoni ppreżentata mill-Parti l-oħra lill-bord tal-arbitraġġ u li dik il-Parti tkun indikat bħala kunfidenzjali. Jekk sottomissjoni ta’ Parti lill-bord tal-arbitraġġ ikun fiha informazzjoni kunfidenzjali, din il-Parti għandha tipprovdi wkoll, wara talba tal-Parti l-oħra, fi żmien 15-il ġurnata, verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni li tista’ tiġi ddivulgata lill-pubbliku. Ma hemm xejn f’dawn ir-regoli li għandu jipprekludi Parti milli xxandar stqarrijiet biex turi l-pożizzjoni tagħha lill-pubbliku, diment li meta tirreferi għal informazzjoni ppreżentata mill-Parti l-oħra, ma tikxifx informazzjoni mmarkata mill-Parti l-oħra bħala kunfidenzjali.

Kuntatti ex parte

40.    Il-bord tal-arbitraġġ ma għandux jiltaqa’, jisma' jew b'xi mod ieħor jagħmel kunttat ma’ Parti fin-nuqqas tal-Parti l-oħra.

41.    L-ebda arbitru ma għandu jiddiskuti xi aspett tal-kontenut tal-proċedimenti ma’ Parti jew mal-Partijiet fin-nuqqas tal-arbitri l-oħra.


Sottomissjonijiet amicus curiae

42.    Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor fi żmien tlett ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mingħajr ma jkun talab għalihom minn persuni naturali jew legali interessati tal-Partijiet, sakemm ikunu saru fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, u li jkunu konċiżi u fl-ebda każ ma jkunu itwal minn 15-il faċċata ttajpjata, inklużi kwalunkwe anness, u li jkunu direttament rilevanti għall-kwistjonijiet fattwali li jkunu qed jiġu kkunsidrati mill-bord tal-arbitraġġ.

43.    Is-sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, sew fiżika jew ġuridika, inklużi n-nazzjonalità u l-post ta’ stabbiliment tagħha, in-natura tal-attivitajiet tagħha u s-sorsi tal-finanzjament tagħha, u tispeċifika n-natura tal-interess li dik l-istess persuna għandha fil-proċediment tal-arbitraġġ. Is-sottomissjoni għandha ssir fil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont ir-Regola 46 ta' dan l-Anness.

44.    Fid-deċiżjonijiet tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva u li jkunu konformi mar-Regoli 42 u 43 ta' dan l-Anness. Il-bord tal-arbitraġġ ma għandux ikun obbligat jindirizza, fid-deċiżjoni tiegħu, l-argumenti li saru f'dawn is-sottomissjonijiet. Kull sottomissjoni miksuba mill-bord tal-arbitraġġ skont dan l-Anness għandha tkun ippreżentata lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom.


Każijiet urġenti

45.    F'każijiet ta' urġenza msemmija fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim), il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, għandu jaġġusta l-limiti ta' żmien imsemmija f'dawn ir-regoli skont kif ikun jixraq u għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar aġġustamenti bħal dawn.

It-traduzzjoni u l-interpretazzjoni

46.    Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14.3 (Konsultazzjonijiet), u mhux iktar tard mil-laqgħa li hemm referenza għaliha fir-Regola 10(b) ta’ dan l-Anness, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jaqblu fuq lingwa tax-xogħol komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord tal-arbitraġġ.

47.    Kwalunkwe Parti tista’ tipprovdi kummenti dwar kwalunkwe verżjoni tradotta ta’ dokument imfassal skont dan l-Anness.

48.    F’każ ta’ xi diverġenza dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-bord ta’ arbitraġġ għandu jqis il-fatt li dan il-Ftehim kien innegozjat bl-Ingliż.

Kalkolu tal-limiti ta’ żmien

49.    Jekk, minħabba l-applikazzjoni tar-Regola 8 ta’ dan l-Anness, Parti tirċievi dokument f’data differenti minn dik ta’ meta l-Parti l-oħra tkun irċeviet l-istess dokument, kull perjodu ta’ żmien li jkun ikkalkulat fuq il-bażi tad-data meta jasal dak id-dokument għandu jkun ikkalkulat mill-aħħar jum tal-wasla ta’ dak id-dokument.


Proċeduri oħrajn

50.    Dan l-Anness huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri stabbiliti skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.10 (Perjodu ta’ Żmien Raġonevoli għall-Konformità), il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.11 (Rieżami ta’ Kwalunkwe Miżura Meħuda sabiex Tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ), il-paragrafu 3 tal-Artikolu 14.12 (Rimedji Temporanji f’Każ ta’ Nuqqas ta’ Konformità), il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.13 (Rieżami ta’ Kwalunkwe Miżura Meħuda sabiex Tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ Wara s-Sospensjoni ta’ Obbligu). Madankollu, il-limiti taż-żmien stabbiliti f’dan l-Anness għandhom ikunu aġġustati f’konformità mal-limiti taż-żmien speċjali previsti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-bord tal-arbitraġġ f’dawk il-proċeduri l-oħrajn.

51.    Fil-każ tal-bord oriġinali, jew ta' xi ftit mill-membri tiegħu, li ma jkunux jistgħu jiltaqgħu għall-proċeduri stabbiliti skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.10 (Perjodu ta’ Żmien Raġonevoli għall-Konformità), il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.11 (Rieżami ta’ Kwalunkwe Miżura Meħuda sabiex Tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ), il-paragrafu 3 tal-Artikolu 14.12 (Rimedji Temporanji f’Każ ta’ Nuqqas ta’ Konformità), il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14.13 (Rieżami ta’ Kwalunkwe Miżura Meħuda sabiex Tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ Wara s-Sospensjoni ta’ Obbligu), il-proċeduri mwaqqfa skont l-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ) japplikaw. Il-limitu taż-żmien għan-notifika tad-deċiżjoni għandha tiġi estiża bi 15-il jum.

________________

L-ANNESS 14-B

kodiċi ta' kondotta għall-ARBITRI u l-medjaturi

Definizzjonijiet

1.    F'dan il-Kodiċi ta' Kondotta:

–    “arbitru” tfisser membru ta’ bord tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ);

–    "kandidat" tfisser individwu li ismu jkun fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 14.20 (Lista tal-Arbitri) li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala arbitru skont l-Artikolu 14.5 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ);

–    "assistent" tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta’ arbitru, twettaq, tirriċerka jew tipprovdi assistenza lill-arbitru;

–    "proċediment", meta mhux speċifikat mod ieħor, tfisser proċediment ta’ bord tal-arbitraġġ skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim);

–    "persunal", fir-rigward ta’ arbitru, tfisser persuni taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-arbitru, minbarra l-assistenti.


Responsabilitajiet għall-proċess

2.    Matul il-proċedimenti, kull kandidat u arbitru għandu jevita kondotta skorretta u l-impressjoni ta’ kondotta skorretta, għandu jkun indipendenti u imparzjali, għandu jevita kunflitti ta’ interess diretti jew indiretti u għandu josserva l-ogħla standards ta’ kondotta sabiex jinżammu sħaħ l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim. L-arbitri ma għandhomx jieħdu struzzjonijiet mingħand kwalunkwe organizzazzjoni jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet quddiem Bord. Arbitri preċedenti jridu jkunu konformi mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 15, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta.

Obbligi ta’ divulgazzjoni

3.    Qabel ma tkun ikkonfermata l-għażla tiegħu bħala arbitru skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim), kandidat għandu jiddikjara kull interess, relazzjoni jew kwistjoni li x’aktarx li taffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu, jew li tista’ toħloq b’mod raġonevoli dehra ta’ mġiba mhux xierqa jew preġudizzju fil-proċedura. Għal dan il-għan, kandidat għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex isir konxju ta’ kwalunkwe interess, relazzjoni u kwistjoni bħal din.

4.    Kandidat jew arbitru għandu jikkomunika biss affarijiet relatati mal-ksur attwali jew potenzjal ta’ ksur ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta lill-Kumitat tal-Kummerċ biex ikunu kkunsidrati mill-Partijiet.


5.    Ladarba jintgħażel, arbitru għandu jibqa’ jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex isir konxju minn kull interess, relazzjoni jew kwistjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan il-Kodiċi ta' Kondotta u għandu jiddivulgahom. L-obbligu ta’ divulgazzjoni huwa dmir kontinwu li jitlob li arbitru jiddivulga kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni bħal dawn li jistgħu jitfaċċaw matul kwalunkwe stadju tal-proċediment, fl-iqsar żmien possibbli meta jsir konxju ta’ dan. L-arbitru għandu jiżvela interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet bħal dawn billi jinforma lill-Kumitat għall-Kummerċ, bil-miktub, biex ikunu kkunsidrati mill-Partijiet.

Doveri tal-arbitri

6.    Mal-għażla, arbitru għandu jwettaq id-doveri tiegħu jew tagħha b’mod sħiħ u bla dewmien matul il-proċedura, u b’mod ġust u serju.

7.    Arbitru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu waqt il-proċedimenti u li jitqiesu bħala meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni u ma għandux jiddelega dan id-dmir lil ebda persuna oħra.

8.    Arbitru għandu jwettaq il-passi kollha xierqa biex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jkunu konxji tal-paragrafi 2, 3, 4, 5, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi ta' Kondotta u jikkonformaw magħhom.

9.    Arbitru ma għandux jieħu sehem f'kuntatti ex parte li jikkonċernaw il-proċedimenti.


L-indipendenza u l-imparzjalità tal-arbitri

10.    Arbitru jrid ikun indipendenti u imparzjali u jevita li joħloq dehra ta’ kondotta mhux xierqa jew preġudizzju u ma għandux ikun influwenzat minn interess personali, pressjoni esterna, kunsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, u lealtà lejn xi Parti jew biża’ mill-kritika.

11.    Arbitru ma għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal obbligi jew jaċċetta kwalunkwe benefiċċju li jista’ bi kwalunkwe mod jindaħal, jew jidher li jindaħal, fil-prestazzjoni xierqa ta’ dmirijietu.

12.    Arbitru ma jistax jinqeda bil-pożizzjoni tiegħu jew tagħha fuq il-bord tal-arbitraġġ biex jaġevola xi interessi personali jew privati u għandu/għandha j/tevita azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li oħrajn jinsabu f'pożizzjoni speċjali biex jinfluwenzawh/ha.

13.    Arbitru jista' ma jippermettix relazzjonijiet jew responsabbiltajiet finanzjarji, tan-negozju, professjonali, familjari jew soċjali biex jinfluwenzaw il-kondotta jew il-ġudizzju tiegħu jew tagħha.

14.    Arbitru għandu jevita li jidħol fi kwalunkwe relazzjoni jew li jakkwista xi interess finanzjarju, li x’aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista’ raġonevolment joħloq dehra ta’ kondotta skorretta jew ta’ preġudizzju.

L-obbligi tal-arbitri preċedenti

15.    L-arbitri kollha preċedenti jridu jevitaw azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li kienu jxaqilbu lejn xi naħa jew oħra fit-twettiq ta' dmirijiethom jew li bbenefikaw mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.


Il-kunfidenzjalità

16.    L-ebda arbitru jew arbitru preċedenti ma għandu fl-ebda mument jiżvela jew juża informazzjoni mhux pubblika li tikkonċerna proċediment jew akkwistata waqt proċediment ħlief għall-finijiet ta’ dak il-proċediment u ma għandu, fl-ebda każ, jiżvela jew juża l-ebda informazzjoni bħal din biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jaffettwa ħażin l-interessi ta’ oħrajn.

17.    Arbitru qatt ma għandu jiżvela deċiżjoni ta’ bord tal-arbitraġġ jew partijiet minnha qabel ma din tiġi ppubblikata skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwima).

18.    Arbitru jew arbitru preċedenti qatt ma għandu jiżvela d-deliberazzjonijiet ta’ bord tal-arbitraġġ, jew l-opinjoni ta’ xi arbitru rigward id-deliberazzjonijiet.

Spejjeż

19.    Kull arbitru għandu jżomm rekord u jagħti rendikont finali tal-ħin iddedikat għall-proċedura u l-ispejjeż tiegħu jew tagħha, kif ukoll iż-żmien u l-ispejjeż tal-assistenti tiegħu jew tagħha.

Medjaturi

20.    Id-dixxiplini mfissra f’din il-Kodiċi tal-Kondotta kif japplikaw għall-arbitri jew arbitri preċedenti għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-medjaturi.

________________