Brussell, 18.4.2018

COM(2018) 196 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore


ANNESS 11-A

PRINĊIPJI APPLIKABBLI GĦAL SUSSIDJI OĦRA

1.    Fil-prinċipju, sussidji oħrajn relatati ma’ kummerċ ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, li mhumiex koperti mill-Artikolu 12.7 (Sussidji Projbiti), ma għandhomx jingħataw minn Parti meta dawn jaffettwaw, jew x’aktarx li jaffettwaw, il-kummerċ ta’ xi waħda mill-Partijiet.

2.    Minkejja l-paragrafu 1, dawn li ġejjin jistgħu jingħataw sussidji minn Parti meta jkunu meħtieġa biex jintlaħaq objettiv ta’ interess pubbliku, u meta l-ammonti tas-sussidji involuti huma limitati għall-minimu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv u l-effett tagħhom fuq il-kummerċ tal-Parti l-oħra huwa limitat:

(a)    sussidji ta’ karatteristika soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, jekk dawn is-sussidji jingħataw mingħajr diskriminazzjoni relatata mal-oriġini tal-prodotti konċernati,

(b)    sussidji li jagħmlu tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew ġrajjiet mhux mistennija;

(c)    sussidji biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn il-livell ta’ għajxien huwa baxx b'mod anormali jew fejn hemm nuqqas serju ta’ impjiegi;



(d)    sussidji biex jirrimedjaw diffikultajiet serji fl-ekonomija ta’ waħda mill-Partijiet;

(e)    sussidji maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ reġjuni ekonomiċi, sakemm din l-għajnuna ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u l-kompetizzjoni tal-Partijiet 1 ;

(f)    sussidji lill-kumpaniji fdati bit-tħaddim ta’ servizzi definiti b’mod ċar ta’ interess ekonomiku ġenerali, sakemm is-sussidji huma limitati għall-ispejjeż biex jiġu pprovduti tali servizzi;

(g)    sussidji biex tiġi promossa l-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta dawn is-sussidji ma jaffettwawx il-kundizzjonijiet kummerċjali u l-kompetizzjoni bejn il-Partijiet; jew

(h)    sussidji biex jippromwovu l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess reġjonali jew bilaterali.

________________

(1)    Din il-kategorija tista’ tinkludi iżda mhijiex limitata għal, sussidji għal riċerka definita b’mod ċar, żvilupp u skopijiet ta' innovazzjoni, sussidji għal taħriġ jew ħolqien ta’ impjiegi, sussidji għal raġunijiet ambjentali, u sussidji favur kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, definiti bħala kumpaniji li jimpjegaw inqas minn 250 persuna.