Brussell, 18.4.2018

COM(2018) 196 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore


ANNESS 5-A

AWTORITAJIET KOMPETENTI

ARTIKOLU 1

Awtoritajiet Kompetenti tal-Unjoni

L-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jinkludu l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea. F'dan ir-rigward japplika dan li ġej:

(a)    fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn Singapor, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma responsabbli għall-kontroll taċ-ċirkostanzi u r-rekwiżiti tal-produzzjoni, inklużi tal-ispezzjonijiet statutorji u tal-ħruġ ta' ċertifikazzjonijiet tas-saħħa (jew tal-benessri tal-annimali) li jaċċertaw l-istandards u r-rekwiżiti li jkun intlaħaq qbil dwarhom;

(b)    fir-rigward tal-importazzjonijiet minn Singapor, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma responsabbli mill-kontroll tal-konformità tal-importazzjonijiet mal-kundizzjonijiet dwar l-importazzjoni tal-Unjoni.

(c)    il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali, għall-ispezzjoni u l-awditjar tas-sistemi ta’ spezzjoni u għall-azzjoni leġiżlattiva meħtieġa biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-istandards u r-rekwiżiti fis-Suq Intern Ewropew.



ARTIKOLU 2

Awtoritajiet Kompetenti ta' Singapor

L-Awtorità Agroalimentari u Veterinarja (minn hawn ’il quddiem imsejħa bħala “AVA”) hija responsabbli biex tiżgura li provvista reżiljenti ta’ ikel sikur u bnin, li tissalvagwardja s-saħħa tal-annimali, il-ħut u l-pjanti, u tiffaċilita l-kummerċ fil-prodotti agrikoli u tal-ikel.

F'dan ir-rigward japplika dan li ġej:

(a)    l-AVA hija l-awtorità kompetenti responsabbli għall-ispezzjoni u l-kwarantina tal-importazzjoni u l-esportazzjoni;

(b)    l-AVA hija l-awtorità nazzjonali responsabbli għas-sikurezza fl-ikel għal kemm ikel primarju kif ukoll ipproċessat. l-AVA tiżgura s-sikurezza tal-ikel kollu mill-produzzjoni għal ftit qabel il-bejgħ bl-imnut. l-AVA tadotta analiżi tar-riskju bbażata fuq ix-xjenza u approċċ ta’ ġestjoni bbażata fuq standards internazzjonali biex tevalwa u tiżgura s-sikurezza tal-ikel;

(c)    l-AVA hija l-awtorità nazzjonali responsabbli għas-saħħa tal-annimali u l-pjanti. Din tamministra programm komprensiv biex tipprevjeni l-introduzzjoni tal-mard tal-annimali ta’ importanza agrikola, għall-ekonomija u għas-saħħa pubblika kif ukoll programm komprensiv biex jiġi kkontrollat u evitat dħul ta’ mard u organiżmi ta’ ħsara ta’ importanza ekonomika u tas-saħħa tal-pjanti.

________________

ANNESS 5-B

REKWIŻITI U DISPOŻIZZJONIJIET GĦALL-APPROVAZZJONI TA' STABBILIMENTI TAL-PRODOTTI LI ĠEJJIN MILL-ANNIMALI

1.    L-awtorità kompetenti tal-Parti importatriċi tħejji l-listi tal-istabbilimenti approvati u tagħmel dawn il-listi disponibbli għall-pubbliku.

2.    Ir-rekwiżiti u l-proċeduri għall-approvazzjoni ta’ stabbilimenti mill-Parti importatriċi huma:

(a)    il-prodott tal-annimal li l-istabbiliment qed jesporta lejn il-Parti importatriċi jkun ġie awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Parti importatriċi. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi r-rekwiżiti tal-importazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni;

(b)    l-awtorità kompetenti tal-Parti esportatriċi tkun approvat l-istabbilimenti maħsuba għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat li ġej mill-annimali u tipprovdi lill-Parti importatriċi bil-garanziji sanitarji mitluba mill-Parti importatriċi, li l-istabbilimenti jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Parti importatriċi;

(c)    l-awtorità kompetenti tal-Parti esportatriċi jkollha s-setgħa li, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, tissospendi jew tirtira l-approvazzjoni tal-esportazzjoni tal-istabbiliment; u



(d)    il-Parti importatriċi tista' twettaq verifiki skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5.8 (Verifiki) bħala parti mill-proċedura ta' approvazzjoni.

Dawn il-verifiki bħala parti mill-proċedura tal-approvazzjoni jikkonċernaw l-istruttura, l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-awtorità kompetenti responsabbli mill-approvazzjoni tal-istabbiliment u mill-garanziji sanitarji dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Parti importatriċi.

Il-verifiki mmwettqa jistgħu jinkludu spezzjoni fuq il-post ta' għadd rappreżentattiv ta' stabbilimenti li jidhru fuq il-lista jew il-listi pprovduti mill-Parti esportatriċi.

Filwaqt li titqies l-istruttura speċifika u r-responsabbiltajiet tal-Unjoni, tali verifika fl-Unjoni tista’ tikkonċerna lill-Istati Membri individwali.

(e)    Il-Parti importatriċi tista' twettaq verifiki skont l-Artikolu 5.8 (Verifiki) kull ħin. Abbażi tar-riżultati tal-verifiki, il-Parti importatriċi tista’ temenda l-listi ta’ stabbilimenti approvati li l-Parti importatriċi fformulat kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Anness.



3.    Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għall-ewwel ikunu limitati għall-kategoriji ta' stabbilimenti li ġejjin:

(a)    l-istabbilimenti kollha għal-laħam frisk ta' speċijiet domestiċi;

(b)    l-istabbilimenti għal-laħam frisk ta' tjur selvaġġ u tjur domestiku;

(c)    l-istabbilimenti kollha għal-laħam tat-tjur;

(d)    l-istabbilimenti kollha għall-prodotti tal-laħam tal-ispeċijiet kollha;

(e)    l-istabbilimenti kollha għal prodotti oħra li ġejjin mill-annimali għall-konsum mill-bniedem (pereż. ġlud, preparazzjonijiet tal-laħam, kapuljat);

(f)    l-istabbilimenti kollha għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib għall-konsum mill-bniedem; u

(g)    stabbilimenti ta' pproċessar u bastimenti bil-fabbriki/friża għall-prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem inklużi molluski bivalvi u krustaċji.

________________