Brussell, 18.4.2018

COM(2018) 196 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore


ANNESS 4-A

ELETTRONIKA

ARTIKOLU 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.    Il-Partijiet jikkonfermaw l-għanijiet u l-prinċipji kondiviżi li ġejjin:

(a)    jeliminaw u jevitaw ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ bilaterali;

(b)    jibbażaw l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom, fejn xieraq, fuq standards internazzjonali rilevanti;

(c)    jeliminaw proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità doppji u ta' piż żejjed; u

(d)    isaħħu l-kooperazzjoni sabiex irawmu żvilupp fil-kummerċ bilaterali tagħhom fl-elettronika.

2.    Dan l-Anness japplika biss għal standards, regolamenti tekniċi u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità ta' kull Parti fir-rigward tas-sigurtà u l-kompatibbiltà elettromanjetika (minn hawn ’il quddiem imsejħa “KEM”) tat-tagħmir elettriku jew elettroniku, apparat elettrodomestiku u elettronika għall-konsumatur kif definit fl-Appendiċi 4-A-1 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “prodotti koperti”).



ARTIKOLU 2

Standards Internazzjonali u Korpi li Jistabbilixxu l-Istandards

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (minn hawn ’il quddiem l-“ISO”), il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“IEC”) u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“ITU”) huma l-entitajiet internazzjonali rilevanti li jistabbilixxu l-istandards għall-KEM u għas-sigurtà tal-prodotti koperti b'dan l-Anness. 1  

2.    Fil-każ li jeżistu standards internazzjonali rilevanti stabbiliti bl-ISO, l-IEC u l-ITU, il-Partijiet jużaw dawn l-istandards internazzjonali jew il-partijiet rilevanti tagħhom bħala bażi għal kull standard, regolament tekniku jew proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, ħlief għal każijiet fejn dawn l-istandards internazzjonali jew partijiet rilevanti ma jkunux mezz effettiv jew xieraq għat-twettiq tal-objettivi leġittimi segwiti. F’dawn il-każijiet, jekk tintalab mill-Parti l-oħra, il-Parti tidentifika l-partijiet tal-istandard rispettiv, ir-regolament tekniku jew il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li sostanzjalment imorru lil hinn mill-istandard internazzjonali rilevanti u jipprovdu ġustifikazzjoni rigward ir-raġunijiet għad-devjazzjoni.



3.    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2.3 tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK), sakemm Parti żżomm regolamenti tekniċi li jmorru lil hinn minn standards internazzjonali eżistenti rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2, din il-Parti teżamina mill-ġdid dawn ir-regolamenti tekniċi f’intervalli regolari, li ma jaqbżux il-ħames snin, sabiex tivvaluta jekk iċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għad-devjazzjoni mill-istandard internazzjonali rilevanti għadhomx jeżistu. Ir-riżultat ta’ dawn ir-rieżamijiet jiġi kkomunikat lill-Parti l-oħra wara talba.

4.    Il-Partijiet jinkoraġġixxu lill-korpi tagħhom li jistabbilixxu l-istandards biex jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-istandards internazzjonali fl-ISO, l-IEC u l-ITU, u jikkonsultaw fil-qafas ta' dawn il-korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards bil-għan li jistabbilixxu approċċi komuni.

ARTIKOLU 3

Innovazzjoni

1.    L-ebda Parti ma tfixkel jew iddewwem bla bżonn it-tqegħid fis-suq tagħha ta’ prodott fuq il-bażi li dan jinkorpora teknoloġija ġdida jew element ġdid li jkun għadu ma ġiex regolat.

2.    Il-paragrafu 1 ma jippreġudikax d-dritt tal-Parti importatriċi, jekk din turi tħassib debitament sostanzjat lill-fornitur, biex titlob evidenza li t-teknoloġija l-ġdida jew l-element il-ġdid ikkonċernat ma joħolqux riskju għas-sikurezza jew il-KEM jew kull objettiv leġittimu ieħor kif elenkat fl-Artikolu 2.2 tal-Ftehim tal-OTK.



ARTIKOLU 4

Proċeduri ta’ Valutazzjoni tal-Konformità

1.    Il-Partijiet ma jħejjux, jadottaw jew japplikaw proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità bil-għan li jew bl-effett li joħolqu ostakli mhux meħtieġa għall-kummerċ mal-Parti l-oħra. Bħala prinċipju, il-Partijiet għandhom jevitaw li jeħtieġu valutazzjoni tal-konformità mandatorja minn terza persuna sabiex jagħtu prova tal-konformità mar-regolamenti tekniċi applikabbli dwar is-sikurezza u / jew il-KEM ta' prodotti koperti, u minflok jikkunsidraw l-użu ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur u / jew mekkaniżmi ta’ sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq biex jiġi żgurat li l-prodotti jikkonformaw mal-istandards rilevanti jew ir-rekwiżiti tekniċi.

2.    Ħlief kif stipulat fl-Artikoli 5 (Miżuri ta’ Salvagwardja) u 6 (Eċċezzjonijiet) u fl-Appendiċi 4-A-2, sa fejn Parti teħtieġ assigurazzjoni pożittiva tal-konformità mar-regolamenti tekniċi lokali dwar is-sikurezza u / jew il-KEM tal-prodotti koperti, kull Parti taċċetta prodotti fis-suq tagħha fuq il-bażi ta’ waħda jew aktar mill-proċeduri li ġejjin:

(a)    dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur fejn l-intervent ta’ korp responsabbli mill-valutazzjoni tal-konformità jew l-ittestjar tal-prodott permezz ta' laboratorju tal-ittestjar rikonoxxut mhijiex obbligatorja u, jekk isir l-ittestjar, dawn it-testijiet jistgħu jitwettqu mill-manifattur stess jew korp kompetenti tal-għażla tiegħu; jew



(b)    dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur ibbażata fuq rapport tat-test maħruġ minn Korp ta' Ċertifikazzjoni (Certification Body - "CB") Laboratorju tal-Ittestjar tal-Parti l-oħra fl-iskema CB tas-Sistema Dinjija għall-Ittestjar tal-Konformità u ċ-Ċertifikazzjoni ta’ Tagħmir u Komponenti Elettrotekniċi (IECEE) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “IECEE CB Scheme”), akkumpanjata b’Ċertifikat tat-Test validu mill-korp ta' ċertifikazzjoni, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-“IECEE CB Scheme” u l-impenji mill-Partijiet taħt din; jew

(c)    dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur ibbażata fuq rapport tat-test maħruġ minn kull laboratorju tal-ittestjar jew ċertifikat maħruġ minn kull korp ta' ċertifikazzjoni fil-Parti l-oħra li kkonkluda arranġamenti volontarji għall-aċċettazzjoni reċiproka tar-rapporti tat-test jew ċertifikati b’wieħed jew iktar korpi tal-valutazzjoni tal-konformità maħtura mill-Parti importatriċi.

L-għażla bejn il-proċeduri f’dan il-paragrafu  tkun f’idejn il-fornitur.

3.    Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur tkun skont l-ISO/IEC 17050. Il-Partijiet jaċċettaw lill-fornitur bħala responsabbli biss għall-ħruġ, it-tibdil jew l-irtirar tad-dikjarazzjoni ta’ konformità, biex jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika li tippermetti l-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti koperti b’regolamenti tekniċi applikabbli u għat-twaħħil ta kull marka meħtieġa. Il-Partijiet jistgħu jeħtieġu li d-dikjarazzjoni ta’ konformità tkun datata u tidentifika lill-fornitur jew lir-rappreżentant awtorizzat tal-fornitur fit-territorji tagħhom, il-persuna li jkollha l-awtorizzazzjoni mingħand il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha biex jiffirma d-dikjarazzjoni, il-prodotti koperti bid-dikjarazzjoni, kif ukoll ir-regolamenti tekniċi applikati li għalihom il-konformità tiġi ddikjarata.



4.    Minbarra l-paragrafi minn 1 sa 3, Parti ma tinħtieġ l-ebda forma ta’ reġistrazzjoni ta’ prodotti jew tal-fornituri li tista' tipprevjeni jew inkella ddewwem it-tqegħid tal-prodotti fis-suq li jkunu konformi mar-regolamenti tekniċi tal-Parti. Sakemm Parti teżamina mill-ġdid id-dikjarazzjoni tal-fornitur, ir-rieżami jkun ristrett biss biex jivverifika, fuq il-bażi tad-dokumenti ppreżentati, li t-test ikun sar skont ir-regolamenti tekniċi rilevanti tal-Parti u li l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni tkun kompluta. L-ebda rieżami bħal dan ma jikkawża dewmien bla bżonn għat-tqegħid tal-prodott fis-suq tal-Parti u d-dikjarazzjoni tiġi aċċettata, mingħajr l-ebda eċċezzjoni, jekk il-prodotti jkunu konformi mar-regolamenti tekniċi tal-Parti u jekk id-dokumentazzjoni li tiġi sottomessa tkun kompluta. F’każ li dikjarazzjoni tiġi miċħuda, il-Parti tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-fornitur, flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunijiet għaċ-ċaħda. Mat-talba tal-fornitur, il-Parti tipprovdi informazzjoni jew gwida, kif xieraq, dwar kif in-nuqqasijiet jistgħu jiġu rettifikati, kif ukoll bħala spegazzjoni tal-possibilitajiet tal-appell tad-deċiżjoni.

ARTIKOLU 5

Miżuri ta’ Salvagwardja

Minkejja l-Artikolu 4 (Proċedura ta' Valutazzjoni tal-Konformità), kull Parti tista’ tintroduċi rekwiżiti għal testijiet mandatorji minn terza persuna jew ċertifikazzjoni tal-KEM jew tas-sikurezza tal-prodotti koperti, jew inkella tintroduċi proċeduri amministrattivi biex tapprova jew teżamina mill-ġdid ir-rapporti tat-test, b'mod partikolari għall-prodotti koperti bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)    ikun hemm raġunijiet sodi relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem li jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti jew proċeduri, appoġġati minn informazzjoni teknika u xjentifika;



(b)    kull rekwiżit jew proċedura bħal dawn ma jkunux aktar ristrettivi għas-suq minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu tal-Parti, waqt li jiġu kkunsidrati r-riskji li n-nuqqas ta’ twettiq jista’ jikkaġuna; u

(c)    il-Parti ma setgħetx tipprevedi b’mod raġonevoli l-ħtieġa għall-introduzzjoni ta’ rekwiżiti jew proċeduri bħal dawn meta dan il-Ftehim ikun daħal fis-seħħ.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2.10 tal-Ftehim dwar l-OTK, qabel ma tintroduċi r-rekwiżiti jew il-proċeduri, il-Parti tinnotifika lill-Parti l-oħra u, wara l-konsultazzjonijiet, tikkunsidra l-kummenti tal-Parti l-oħra, safejn ikun possibbli, sabiex tfassal dawn ir-rekwiżiti jew proċeduri. Kull rekwiżit introdott, safejn ikun possibbli, ikun konformi ma’ dan l-Anness. Ladarba jiġu adottati, ir-rekwiżit jew il-proċedura jiġu eżaminati mill-ġdid regolarment u jiġu revokati jekk ir-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom ma jkunux għadhom jeżistu.

ARTIKOLU 6

Eċċezzjonijiet

1.    Skont il-Ftehim ta' Singapore sabiex titnaqqas b’mod sostanzjali l-lista ta’ prodotti li għalihom jeħtieġ assigurazzjoni pożittiva ta’ konformità flimkien mar-rekwiżiti tas-sikurezza u / jew tal-KEM obbligatorji fil-forma ta’ ċertifikazzjoni minn terza persuna, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, Singapore jirrikjedi biss tali ċertifikazzjoni ta' terza persuna għall-prodotti elenkati fl-Appendiċi 4-A-2.



2.    Sad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, Singapore jkun wettaq rieżami tal-Iskema ta’ Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Rekwiżiti tas-Sikurezza) tiegħu, bil-ħsieb li jnaqqas l-għadd ta’ prodotti koperti mill-iskema u elenkati fl-Appendiċi 4-A-2. Ir-rieżami jeżamina l-ħtieġa li tinżamm l-iskema fil-forma eżistenti tagħha, jew jekk ir-riżultati mixtieqa tal-iskema li jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem f’Singapore jistgħu jintlaħqu bi proċeduri ssimplifikati u li jiffaċilitaw aktar il-kummerċ. 2

3.    Ir-rieżami jinkludi wkoll valutazzjoni tar-riskju għal kull prodott kopert bl-Iskema ta’ Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Rekwiżiti tas-Sikurezza), biex jiġi aċċertat jekk passi lejn sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq f’konformità mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 (Proċeduri ta’ Valutazzjoni tal-Konformità) jew l-aċċettazzjoni ta’ assigurazzjoni pożittiva ta’ konformità skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 (Proċeduri ta’ Valutazzjoni tal-Konformità) joħolqu riskji eċċessivi għas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem. Din il-valutazzjoni tar-riskju ssir fuq il-bażi tal-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, bħalma huma r-rapporti tal-konsumatur dwar inċidenti ta’ sigurtà u r-rata ta’ nuqqas ta' konformità li tinkiseb minn spezzjoni tal-prodott. Il-valutazzjoni tar-riskju tikkunsidra wkoll jekk il-prodotti jkunux intużaw għall-użi finali maħsuba tagħhom u bl-attenzjoni raġonevoli tas-soltu.



4.    Skont ir-riżultat tar-rieżami, Singapore tista' żżomm ir-rekwiżiti tiegħu għal assigurazzjoni pożittiva ta’ konformità permezz ta’ ċertifikazzjoni ta’ terza persuna għal dawk il-prodotti koperti mill-Iskema ta’ Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Rekwiżiti tas-Sikurezza) u elenkati fl-Appendiċi 4-A-2 li għalihom ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 3 juru li bl-adozzjoni tal-proċeduri fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 (Proċeduri ta’ Valutazzjoni tal-Konformità) jinħolqu riskji eċċessivi għas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, u / jew is-sistema ta sorveljanza ta’ wara t-tqegħid ta' prodott fis-suq ma tistax tindirizza dawn ir-riskji b'mod effettiv.

5.    Singapore jħejji l-valutazzjoni tar-riskju għad-diskussjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kummerċ fi Prodotti. Bħala riżultat tar-rieżami mwettaq minn Singapore, il-Partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fi Prodotti, jemendaw l-Appendiċi 4-A-2, kif xieraq.

6.    Sakemm Singapore jkompli jeħtieġ assigurazzjoni pożittiva ta’ konformità mas-sikurezza obbligatorja tiegħu u / jew ir-rekwiżiti tal-KEM fil-forma ta’ ċertifikazzjoni ta’ terza persuna għal prodotti koperti, Singapore jaċċetta ċertifikat ta’ konformità mar-regolamenti tekniċi tiegħu maħruġ minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità fl-Unjoni li kien innominat minn Singapore. 3 Singapore jiżgura wkoll li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità nnominati minn Singapore jaċċettaw, għall-finijiet tal-ħruġ ta' ċertifikazzjoni bħal din, rapporti ta’ testijiet maħruġa:

(a)    permezz ta’ wieħed mil-Laboratorji tal-Ittestjar Rikonoxxuti tal-korpi ta' ċertifikazzjoni jew Laboratorji tal-Ittestjar tal-Manifattur Rikonoxxuti tal-korpi ta' ċertifikazzjoni tal-Unjoni f’konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-IECEE CB Scheme u l-impenji tal-Partijiet fiha;



(b)    skont l-istandards internazzjonali rilevanti, gwidi u rakkomandazzjonijiet (inkluż l-ISO/IEC 17025), minn kull laboratorju tal-ittestjar tal-Unjoni li jkun ġie akkreditat minn korp ta’ akkreditazzjoni li jkun firmatarju tal-Arranġament ta’ Għarfien Multilaterali tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Akkreditazzjoni ta' Laboratorji jew wieħed mill-arranġamenti ta’ għarfien multilaterali tagħha tal-korpi reġjonali li Singapore huwa Parti minnu; jew

(c)    permezz ta' laboratorju tal-ittestjar fl-Unjoni li jkun ikkonkluda arranġamenti volontarji għall-aċċettazzjoni reċiproka tar-rapporti tat-testijiet ma’ korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità wieħed jew aktar maħtura minn Singapore.

7.    Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u sussegwentement f’intervalli regolari li ma jaqbżux il-ħames snin, Singapore jeżamina mill-ġdid l-Appendiċi 4-A-2 mill-ġdid, bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ prodotti elenkati fih. Dan u r-rieżamijiet sussegwenti oħra jsiru skont il-valutazzjoni tar-riskju stipulata fil-paragrafu 3. Singapore jippreżenta l-valutazzjoni tar-riskju għad-diskussjoni fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fi Prodotti.

8.    Bħala riżultat tar-rieżami mwettaq minn Singapore, il-Partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fi Prodotti, jemendaw l-Appendiċi 4-A-2, kif xieraq.



ARTIKOLU 7

Kooperazzjoni Konġunta

1.    Il-Partijiet jikkooperaw mill-qrib sabiex jippromwovu fehim komuni dwar kwistjonijiet regolatorji u jikkunsidraw kull talba li ssir mill-Parti l-oħra rigward l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness.

2.    Din il-koperazzjoni sseħħ fil-qafas tal-Kumitat dwar il-Kummerċ fi Prodotti. 



Appendiċi 4-A-1

IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

1.    L-Anness 4-A jkopri dawk il-prodotti elenkati fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 (Dispożizzjonijiet Ġenerali) tal-Anness 4-A li:

(a)    fil-każ tal-obbligi tal-Unjoni, jkunu, fid-data li fiha jiġi ffirmat dan il-Ftehim, fl-ambitu tad-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu f'ċertu limitu ta' voltaġġ (verżjoni kodifikata), jew id-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-kompatibilità elettromanjetika u li tħassar id-Direttiva 89/336/KEE, jew tad-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza jew il-kompatibbiltà elettromanjetika tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 (verżjoni kodifikata) dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom;



Għal prodotti li jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva 1999/5/KE, l-Unjoni tkun tista’ tinħtieġ rekwiżiti addizzjonali, ħlief is-sikurezza u l-KEM, skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva.

Jekk fornitur ma jkunx applika jew ikun applika parti mill-istandards armonizzati msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/5/KE, tagħmir tar-radju fl-ambitu tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/5/KE jkun suġġett għall-proċeduri deskritti f’Anness IV jew V tad-Direttiva 1999/5/KE, skont l-għażla tal-fornitur. Jekk id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur għandha tkun akkumpanjata minn rapporti tat-testijiet, il-fornitur jista’ juża l-proċeduri deskritti fis-subparagrafi 2(b) u 2(c) tal-Artikolu 4 (Proċeduri ta’ Valutazzjoni tal-Konformità) fl-Anness 4-A.

u

(b)    fil-każ li l-obbligi ta' Singapore, ikunu, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, fl-ambitu tar-Regolamenti tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Rekwiżiti tas-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumatur) 2011, ir-Regolamenti tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Rekwiżiti tas-Sikurezza) 2004, l-Att dwar it-Telekomunikazzjoniiet, Kap. 323 u r-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet (Negozjanti) 2004.

Għall-prodotti skont l-Att dwar it-Telekomunikazzjoniiet, il-Kapitlu 323 u r-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet (Negozjanti) 2004, Singapore jkun jista' jinħtieġ rekwiżiti addizzjonali, ħlief is-sikurezza u l-KEM.



2.    Il-Partijiet jifhmu li l-prodotti koperti bil-liġijiet nazzjonali elenkati f’dan l-Appendiċi, li jinkludu l-prodotti kollha li għalihom japplika l-Anness 4-A, huma maħsuba sabiex ikopru t-totalità tal-prodotti tal-elettronika. Huwa mifhum li, f’każ li prodott ma jkunx kopert bl-Anness 4-A għal Parti iżda jkun kopert għall-Parti l-oħra, jew meta jiġi ffirmat dan il-Ftehim jew wara, ikun suġġett għal ċertifikazzjoni obbligatorja minn terza persuna minn Parti iżda mhux mill-Parti l-oħra, il-Parti l-oħra tista’ tissottometti dan il-prodott għal trattament simili kif ikun meħtieġ għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza. Qabel ma jkunu implimentati dawn il-miżuri, il-Parti li tkun tixtieq tintroduċihom tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar l-intenzjonijiet tagħha u tipprovdi għal perjodu ta’ tliet xhur għall-konsultazzjonijiet. 



Appendiċi 4-A-2

KATEGORIJI TAL-PRODOTTI

Firxa ta' prodotti għat-tisjir maħsuba għall-użu domestiku jiġifieri apparat għat-tisjir u jinkludi fran stazzjonarju separat u gradilji għax-xiwi, kukers tal-mejda għat-tisjir, elementi għall-hobs, gradilji għax-xiwi u pjanċi tal-metall li jifformaw parti minn prodotti għat-tisjir, u fran u gradilji għax-xiwi għall-installazzjoni fil-ħitan ħlief għal firxa ta' prodotti għat-tisjir li għandhom massa ta’ inqas minn 18 kg.

Nixxiefa tax-xagħar jiġifieri tagħmir li jaħdem bl-elettriku maħsub biex inixxef ix-xagħar tal-persuni u li jinkorpora elementi tat-tisħin.

Sett bi preċiżjoni perfetta jiġifieri apparat elettroniku għar-riproduzzjoni ta’ ħsejjes, bi ftit distorsjoni, konness mal-mejnijiet tas-sors bħala l-uniku sors ta’ enerġija maħsub għall-użu domestiku u ġenerali simili li jintuża fuq ġewwa b'voltaġġ stmat ta’ provvista mhux akbar minn 250 volt rms.



Prodott awdjo (ħlief Sett bi Preċiżjoni Perfetta) jiġifieri apparat elettroniku għar-riproduzzjoni tal-ħoss, konness mal-mejnijiet tas-sors, jew direttament inkella indirettament.

Ħadid jiġifieri apparat li jaħdem bl-elettriku u bi pjanċa msaħħna għall-mogħdija tal-ħwejjeġ, għall-skopijiet domestiċi u oħrajn simili.

Kittla jiġifieri apparat tad-dar li jaħdem bl-elettriku għat-tisħin tal-ilma għall-konsum, b’kapaċità nominali ta’ mhux aktar minn 10 litri.

Microwave jiġifieri apparat li jaħdem bl-elettriku għat-tisħin tal-ikel u x-xorb li juża enerġija elettromanjetika (microwaves) minn banda ta' frekwenzi I.S.M.waħda jew aktar bejn 300 MHz u 30 GHz u maħsub għall-użu domestiku. Dan it-tip ta' apparat jista' jinkorpora wkoll funzjoni ta' xiwi.

Kuker tar-ross jiġifieri apparat tad-dar li jaħdem bl-elettriku domestiku għat-tisjir tar-ross.

Friġġ jiġifieri apparat immuntat awtonomu li jikkonsisti f’kabinett insulat għas-sħana għall-ħażna u l-preservazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel 'il fuq minn 0°C (32°F) u ta’ unità ta’ tkessiħ li taħdem fuq il-prinċipju tal-kompressjoni tal-fwar u rranġat biex jiġbed is-sħana mill-kabinett, kemm jekk b’kompartiment wieħed ta’ friża jew aktar.

Kundizzjonatur tal-arja tal-kamra jiġifieri apparat immuntat awtonomu bħala unità, primarjament għall-immuntar f’tieqa jew mal-ħajt jew bħala konsol. Huwa ddisinjat primarjament biex iwassal arja kundizzjonata għal spazju magħluq, kamra jew żona (spazju kkundizzjonat). Dan jinkludi sors ewlieni ta’ refriġerazzjoni għat-tkessiħ u deumidifikazzjoni u mezz għaċ-ċirkolazzjoni u t-tindif tal-arja, u sistema tat-tbattil biex jinġabar jew jitneħħa l-kondensat. Dan jista’ jinkludi wkoll mezz ta' deumidifikazzjoni, ventilazzjoni jew tibdil tal-arja.



Fann wieqaf fl-art jew fann għal fuq il-mejda jiġifieri apparat li jaħdem bl-elettriku biex ibiddel l-arja u r-regolatur assoċjat tiegħu huwa maħsub għall-użu fuq ċirkwiti ta' fażi waħda a.c. u d.c. mhux aktar minn 250 volts u maħsub għall-użu domestiku u għal skopijiet simili.

Televiżjoni jew unità tal-wiri tal-vidjo jiġifieri apparat elettroniku biex jirċievi u juri informazzjoni minn stazzjon tat-trasmissjoni jew sors lokali, konness mal-mejnijiet tas-sors, direttament jew indirettament, u li huwa maħsub għall-użu domestiku u ġenerali simili għal ġewwa, minbarra riċevitur tat-televiżjoni b'tubu tar-raġġi bil-katowd.

Vacuum cleaner jiġifieri magna li tiġbed il-ħmieġ u t-trab permezz ta' pompa tal-arja li taħdem b'mutur u maħsuba għall-użu domestiku u għal skopijiet simili.

Magna tal-ħasil jiġifieri apparat li jaħdem bl-elettriku maħsub għall-ħasil ta’ ħwejjeġ u t-tessuti (kemm b’mezz għat-tisħin tal-ilma kif ukoll mingħajr), għall-estrazzjoni tal-ilma jew għat-tnixxif.

Lampa tal-mejda jew lampa wieqfa fl-art jiġifieri luminarja għal skopijiet ġenerali portabbli, minbarra lampa tal-idejn, għal użu mal-filament tat-tungstenu, tubi fluworexxenti u lampi oħra bi skariku elettriku konness mal-mejnijiet tas-sors, kemm direttament jew indirettament.

Towsters, gradilji għax-xiwi, fran tax-xiwi, hotplate u apparat simili jiġifieri apparat li jaħdem bl-elettriku konness mal-mejnijiet ta-sosrs, li jagħmel użu dirett jew indirett (pereż. tisħin medju bħall-arja u ż-żejt għat-tisjir) tas-sħana għall-preparazzjoni tal-ikel u maħsub għall-użu domestiku.

Fann tal-ħajt jew tas-saqaf jiġifieri fann tal-elettriku u r-regolatur assoċjat tiegħu maħsub għall-immuntar għal mal-ħajt jew mas-saqaf u għall-użu fuq ċirkwit ta' fażi waħda a.c. u d.c. mhux aktar minn 250 volts għal skopijiet domestiċi u oħrajn simili.



Adapter jiġifieri apparat maħsub biex iforni enerġija elettrika a.c. jew d.c. minn sors ta’ a.c. jew d.c., jew waħdu inkella bħala parti minn aċċessorju, għal applikazzjonijiet bħal kompjuters, apparat tat-telekomunikazzjoni, apparat tad-dar għad-divertiment jew ġugarelli.

Magna tal-kafè, kuker għal tisjir bil-mod, steam cooker u apparat simili jiġifieri apparat li jaħdem bl-elettriku u li jsaħħan l-ilma għal temperaturi għolja matul il-preparazzjoni tal-ikel u x-xorb.

Set ta' diska laser jiġifieri apparat elettroniku li jirrekordja l-vidjo u play-back jew għal play-back biss, konness mal-mejnijiet tas-sors, direttament jew indirettament, u li huwa maħsub għal użu domestiku u użu ġenerali simili għal fuq ġewwa, minbarra diska laser (LD) jew vidjo player.

Mikser, blender, magna tal-kapuljat u apparat simili jiġifieri magni li jaħdmu bl-elettriku għall-preparazzjoni tal-ikel u x-xorb u maħsub għall-użu domestiku.

Apparat għat-tkessiħ tal-arja jiġifieri apparat li jaħdem bl-elettriku, apparat biex ibiddel l-arja li tuża l-ilma bħala mezz ta’ tkessiħ u r-regolatur assoċjat tiegħu maħsub għall-użu fuq ċirkwiti b'fażi waħda a.c. u d.c. mhux aktar minn 250 volts għal skopijiet domestiċi u oħrajn simili.

Sistema tal-kompjuters tad-dar (inklużi moniter, stampatur, spiker u aċċessorji oħrajn li jaħdmu fuq il-mejnijiet) jiġifieri sistema ta' dejta bbażata fuq mikroproċessur b'qawwa ta' kalkolu u komputazzjoni kompatta u lokali bi grafika ta' definizzjoni għolja u interfaċċa tal-komunikazzjoni tad-dejta flessibbli.

Fanal dekorattiv jiġifieri sett ta' bozoz b’għadd ta' bozoz inkandexxenti ħdejn xulxin jew paralleli għall-użu jew ġewwa inkella barra b'voltaġġ ta' mhux aktar minn 250 volts.



Plakka rettangolari ta' 3-pinnijiet 13-amp jiġifieri apparat bil-fjus portabbli b'pinnijiet projettati ddisinjati biex jakkoppjaw mal-kuntatti tas-sokit ta' sors korrispondenti. Plakka li tinkorpora wkoll mezzi għall-konnessjoni elettrika u ritenzjoni mekkanika ta' wajer flessibbli adattat.

Fjus (13-amp jew inqas) għall-użu fi plakka jiġifieri apparat li bil-fużjoni ta’ komponent wieħed jew aktar iddisinjati apposta u proporzjonati jiftaħ iċ-ċirkwit fejn ikun u jaqta' l-kurrent meta jaqbeż ċertu limitu għal ħin speċifiku. Il-fjus jinkludi l-partijiet kollha li jiffurmaw l-apparat komplut.

Plakka tonda ta' 3-pinnijiet 15-amp jiġifieri apparat li jkollu tliet pinnijiet tal-metall tal-plakka normalment b'forma ċilindrika maħsub biex jakkoppja mal-kuntatti ta' sokit korrispondenti u għal konnessjoni ma’ wajer flessibbli adattat.

Multiadapter jiġifieri adapter li għandu aktar minn sett wieħed ta’ kuntatti tas-sokit (il-kuntatti tas-sokit jistgħu jew ma jistgħux ikunu tal-istess tip jew grad bħall-parti tal-pinnijiet tal-plakka).

Sokit ta' sors ta' 3-pinnijiet portabbli jiġifieri aċċessorju li għandu sett ta’ tliet kuntatti tas-sokits iddisinjati biex jakkoppjaw mal-pinnijiet tal-plakka korrispondenti u għall-konnessjoni elettrika ta’ kejbils adattati jew wajers flessibbli, biex jikkonnettjaw ma’, jew ikunu integrali ma’, wajer flessibbli, u li jista’ jiċċaqlaq faċilment minn post għal ieħor meta jkun konness mal-elettriku.

Rukkell tal-kejbil portabbli jiġifieri apparat li jikkonsisti f’kejbil flessibbli jew wajer imqabbad ma’ rukkell mfassla b’tali mod li l-kejbil jista’ jkun kompletament imdawwar mar-rukkell, u pprovdut bi plakka u sokit wieħed jew aktar.



Giżer elettriku istantanju jiġifieri apparat stazzjonarju li jaħdem bl-elettriku għall-użu tad-dar u skopijiet simili u maħsub għat-tisħin tal-ilma taħt temperatura f'punt tat-togħlija bil-voltaġġ nominali mhux iktar minn 250 V għal apparat b'fażi waħda u 480 V għal apparat ieħor.

Giżer elettriku b'tank għall-ħżin ibbażat fuq il-pressa tal-grilja elettrika jiġifieri apparat stazzjonarju li jaħdem bl-elettriku għall-użu tad-dar u skopijiet simili u maħsuba għat-tisħin tal-ilma taħt temperatura f'punt tat-togħlija bil-voltaġġ nominali mhux iktar minn 250 V għal apparat b'fażi waħda u 480 V għal apparat ieħor.

Interruttur taċ-Ċirkwit tal-Kurrent Reżidwu (Residual Current Circuit Breaker, RCCB) jiġifieri apparat maħsub biex jipproteġi l-persuni kontra kuntatt indirett, il-partijiet konduttivi esposti tal-installazzjoni li tkun konnessa ma' elettrodu tal-ert adattat.

Sokit ta' sors tonda ta' 3-pinnijiet 13-amp jiġifieri sokit ta' 13-amp b'għatu f’arranġament wieħed jew multiplu ma' swiċċijiet tal-kontroll assoċjati, għall-immuntar fil-ħajt f’kaxxa adattata jew immuntar fuq barra tal-ħajt jew fil-ħajt tal-kompartimenti. Is-sokit ta' sors huwa adattat għall-konnessjoni ta’ apparat portabbli, tagħmir sound-vision, luminarji, eċċ., f’ċirkwiti a.c. biss li jopera b’voltaġġ ta' mhux aktar minn 250 V r.m.s. b'50 Hz.

Sokit ta' sors tonda ta' 3-pinnijiet 15-amp jiġifieri sokit ta' sors 15-amp b'għatu li fih swiċċ konness bejn il-kuntatt li jġorr il-kurrent tas-sokit ta' sors u t-terminal tas-sors tal-elettriku rilevanti għall-immuntar fil-ħajt f’kaxxa adattata jew immuntar fuq barra tal-ħajt jew fil-ħajt tal-kompartimenti.

Is-sokit huwa adattat għall-konnessjoni ta’ apparat tal-elettriku f’ċirkwiti a.c. biss li joperaw b’voltaġġ ta' mhux aktar minn 250 V r.m.s. b'50 Hz.



Swiċċ tal-ħajt domestiku tal-elettriku jiġifieri swiċċ għal skop ġenerali li jaħdem b’mod manwali għal a.c. biss b’voltaġġ nominali li ma jaqbiżx l-440V u kurrent nominali mhux ogħla minn 63A, maħsub għal installazzjonijiet domestiċi u dawk elettriċi fissi simili, ġewwa kif ukoll barra.

Ballast għal lampi fluworexxenti tubulari jiġifieri unità mdaħħla bejn il-provvista u lampa fluworexxenti waħda jew aktar li, permezz ta’ induttanza, kapaċitanza jew kombinazzjoni ta’ induttanza u kapaċitanza jew ta’ ċirkwiti elettroniċi, isservi l-aktar biex tillimita l-kurrent tal-lampa sal-ammont meħtieġ.

Transformer iżolanti għal lampi li jarmu d-dawl 'l isfel jiġifieri transformer b’koljaturi ta’ input u output li huma separati fl-elettriku biex jillimitaw il-perikli f'każ ta' kuntatt aċċidentali simultanju mal-ert u l-parti li fiha l-kurrent jew partijiet tal-metall li jistgħu jsiru partijiet li fihom il-kurrent f’każ ta’ xi nuqqas ta' insulazzjoni.



Appendiċi 4-A-3

ID-DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet tal-Anness 4-A, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“sikurezza tat-tagħmir elettriku” tfisser tagħmir, mibni skont prattika ta’ inġinerija xierqa fir-rigward tas-sikurezza, li ma jpoġġix fil-periklu s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-proprjetà meta jiġi installat kif suppost, u li jinżamm u jintuża f’dawk l-applikazzjonijiet li għalihom kien maħsub;

“kompatibbilità elettromanjetika” tfisser li t-tagħmir jiġi ddisinjat u mmanifatturat, b’kunsiderazzjoni għat-teknoloġija l-aktar avvanzata, b’mod li jiġi żgurat li:

(a)    l-interferenza elettromanjetika ġġenerata ma taqbiżx il-livell 'il fuq minn dak fejn tagħmir tar-radju u tat-telekomunikazzjoni jew tagħmir ieħor ma jkunx jista' jopera kif maħsub; u

(b)    ikollu livell ta' immunità għall-interferenza elettromanjetika li huwa mistenni fl-użu maħsub tiegħu li jippermettilu li jopera mingħajr degradazzjoni inaċċettabbli tal-użu maħsub tiegħu.

“interferenza elettromanjetika” tfisser kull fenomenu elettromanjetiku li jista' jnaqqas il-prestazzjoni tat-tagħmir, inkluż, ħoss elettromanjetiku, sinjal mhux mixtieq jew bidla fil-mezz tal-propagazzjoni nnifsu;



“immunità” tfisser il-kapaċità ta' tagħmir li jaħdem kif suppost mingħajr degradazzjoni fil-preżenza ta' interferenza elettromanjetika;

“dikjarazzjoni ta’ konformità” tfisser il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni, ibbażata fuq deċiżjoni li ssegwi rieżami, li juri li r-rekwiżiti speċifikati ntlaħqu;

“fornitur” tfisser manifattur, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fit-territorju tal-Parti importatriċi. Jekk l-ebda wieħed minn dawn ma jkun preżenti fit-terrtorju tal-Parti importatriċi, ir-responsabbiltà għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-fornitur tibqa’ f’idejn l-importatur;

“laboratorju tal-ittesjar” tfisser korp ta' valutazzjoni tal-konformità li jwettaq servizzi ta’ ttestjar u li jkun irċieva dikjarazzjoni li turi d-dimostrazzjoni formali tal-kompetenza tiegħu sabiex iwettaq dawn il-kompiti speċifiċi.

Id-definizzjonijiet ta’ “standard”, “regolament tekniku” u “proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità” huma dawk ipprovduti fl-Anness I tal-Ftehim dwar l-OTK.

________________

(1)    Il-Partijiet jistgħu jiftiehmu permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ tal-Oġġetti dwar kull entità internazzjonali ġdida li tistabbilixxi l-istandards li huma jikkunsidraw bħala rilevanti sabiex jimplimentaw dan l-Anness.
(2)    Pereżempju, Singapore se jeżamina mill-ġdid il-proċeduri amministrattivi assoċjati mal-Iskema ta’ Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Rekwiżiti tas-Sikurezza), inklużi l-proċeduri biex jiġu aċċettati u eżaminati mill-ġdid ir-rapporti tat-testijiet u ċ-ċertifikati ta’ konformità.
(3)    Singapore jikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.