Brussell, 18.4.2018

COM(2018) 196 final

2018/0093(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-ekonomiji li qed jikbru b’mod dinamiku tax-Xlokk tal-Asja, b’aktar minn 600 miljun konsumatur u klassi medja li dejjem qiegħda tikber, huma swieq ewlenin għall-esportaturi u għall-investituri tal-Unjoni Ewropea. B’total ta’ EUR 208 biljun ta’ kummerċ f’merkanzija u EUR 77 biljun ta’ kummerċ f’servizzi (2016), l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) meħuda b’mod kumplessiv hija t-tielet l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-UE barra mill-Ewropa, wara l-Istati Uniti tal-Amerka u ċ-Ċina. Fl-istess ħin, stokk ta’ investiment dirett barrani totali ta’ EUR 263 biljun (2016) fl-ASEAN jagħmel lill-UE l-ewwel investitur dirett barrani fl-ASEAN, filwaqt li min-naħa tagħha l-ASEAN b’mod kumplessiv hija t-tieni l-akbar investitur dirett barrani Asjatiku fl-UE – bi stokk ta’ investiment dirett barrani totali ta’ EUR 116-il biljun (2016).

Fi ħdan l-ASEAN, Singapor huwa bil-bosta l-akbar sieħeb tal-UE, u jirrappreżenta ftit inqas minn terz tal-kummerċ f’oġġetti u f’servizzi bejn l-UE u l-ASEAN, u bejn wieħed u ieħor żewġ terzi tal-investimenti bejn iż-żewġ reġjuni. Aktar minn 10,000 kumpanija tal-UE huma stabbiliti f’Singapor u jużawh bħala ċentru biex jaqdu l-pajjiżi ta’ madwar il-Paċifiku.

Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tidħol f’negozjati għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn reġjun u ieħor mal-Istati Membri tal-ASEAN. Huwa mifhum li l-objettiv kien li jiġi negozjat FTA bejn reġjun u ieħor, madankollu l-awtorizzazzjoni pprevediet il-possibbiltà ta’ negozjati bilaterali fil-każ li ma jkunx possibbli jintlaħaq ftehim dwar negozjati konġunti ma’ grupp ta’ Stati Membri tal-ASEAN. Fid-dawl tad-diffikultajiet li nqalgħu fin-negozjati bejn ir-reġjuni, iż-żewġ naħat irrikonoxxew li kien intlaħaq impass u qablu li dawn jitwaqqfu.

Fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill qabel dwar il-prinċipju tat-tnedija ta’ negozjati bilaterali ma’ Stati Membri individwali tal-ASEAN, abbażi tad-direttivi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ negozjati tal-2007, filwaqt li jiġi ppreservat l-objettiv strateġiku ta’ ftehim bejn reġjun u ieħor. Il-Kunsill awtorizza wkoll lill-Kummissjoni biex tibda negozjati bilaterali dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor, li għandu jservi bħala l-ewwel pass lejn l-objettiv tat-tnedija f’waqtha ta’ tali negozjati ma’ Stati Membri rilevanti oħra tal-ASEAN. In-negozjati bilaterali ma’ Singapor bdew f’Marzu 2010 u minn dakinhar l-UE fetħet negozjati bilaterali dwar FTA ma’ Stati Membri oħra tal-ASEAN: il-Malasja (2010), il-Vjetnam (2012), it-Tajlandja (2013), il-Filippini (2015) u l-Indoneżja (2016).

Fit-12 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex testendi n-negozjati li kienu għaddejjin ma’ Singapor biex ikopru wkoll il-protezzjoni tal-investiment, abbażi ta’ kompetenza ġdida tal-UE skont it-Trattat ta’ Lisbona.

Fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill fl-2007, u supplimentati fl-2011 biex jinkludu l-protezzjoni tal-investiment, il-Kummissjoni nnegozjat FTA ambizzjuż u komprensiv u Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti (IPA) mar-Repubblika ta’ Singapor, bil-għan li jinħolqu opportunitajiet ġodda u ċertezza legali għall-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ sħab. It-testi legalment riveduti tal-ftehimiet ġew ippubblikati u jistgħu jinstabu fuq il-link li ġejja:

http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/countries/singapore/

Il-Kummissjoni qed tressaq il-proposti li ġejjin għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill:

–Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor;

–Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor;

–Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapor fuq in-naħa l-oħra;

–Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapor fuq in-naħa l-oħra.

B’mod parallel ma’ dawn il-proposti, il-Kummissjoni se tressaq proposta għal regolament orizzontali ta’ salvagwardja li jkopri l-FTA bejn l-UE u Singapor fost ftehimiet oħra.

Il-Kummissjoni Ewropea se tivverifika li ntlaħaq riżultat sodisfaċenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE f’Singapor qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim skont il-prinċipji stabbiliti fl-ittra tal-Ministru tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Singapor tal-21 ta’ Jannar 2013 1 u fid-dawl tar-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika informali li saret mill-awtoritajiet tas-Singapor fl-2012.

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor.

•Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

In-negozjar tal-FTA u tal-IPA kien akkumpanjat min-negozjati paralleli, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ta’ Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika ta’ Singapor, li bdew f’Ottubru 2013. Ladarba fis-seħħ, l-FSK se jipprovdi l-qafas legali biex tkompli tiġi żviluppata s-sħubija b’saħħitha u li ilha teżisti bejn l-UE u Singapor, f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, inkluż id-djalogu politiku, il-kummerċ, l-enerġija, it-trasport, id-drittijiet tal-bniedem, l-edukazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, il-ġustizzja, l-asil u l-migrazzjoni.

Ir-relazzjoni kummerċjali u ekonomika li ilha teżisti bejn l-UE u Singapor s’issa żviluppat fin-nuqqas ta’ qafas legali speċifiku. L-FTA u l-IPA li ġew negozjati se jikkostitwixxu ftehimiet speċifiċi li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-investiment tal-FSK u se jkunu parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali bejn l-UE u Singapor.

Mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, l-IPA bejn l-UE-Singapor se jieħu post u jissostitwixxi t-trattati bilaterali fuq l-investiment bejn ir-Repubblika ta’ Singapor u l-Istati Membri tal-UE li huma elenkati fl-Anness 5 (il-Ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 4.12) tal-IPA.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-FTA u l-IPA bejn l-UE u Singapor huma kompletament konsistenti mal-politiki tal-Unjoni u mhumiex se jeħtieġu li l-UE temenda r-regoli, ir-regolamenti jew l-istandards tagħha f’xi qasam regolat (eż. regoli tekniċi u standards tal-prodotti, regoli sanitarji jew fitosanitarji, regolamenti dwar l-ikel u s-sigurtà, standards dwar is-saħħa u s-sigurtà, regoli dwar OĠMs, il-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, eċċ.).

Barra minn hekk, bħall-ftehimiet l-oħra kollha li l-Kummissjoni nnegozjat dwar il-kummerċ u l-investiment, l-FTA u l-IPA bejn l-UE u Singapor jissalvagwardjaw b’mod sħiħ is-servizzi pubbliċi u jiżguraw li l-ftehimiet jippreservaw b’mod sħiħ id-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku u jikkostitwixxi prinċipju sottostanti bażiku tagħhom.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

F’Lulju 2015, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għal Opinjoni skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE dwar jekk l-Unjoni kellhiex il-kompetenza meħtieġa biex tiffirma u tikkonkludi waħedha l-ftehim li kien ġie nnegozjat ma’ Singapor, jew jekk il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-UE kinitx meħtieġa, jew talanqas possibbli, fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet.

Fl-Opinjoni 2/15 tagħha tas-16 ta’ Mejju 2017, il-Qorti kkonfermat il-kompetenza esklussiva tal-UE fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha koperti mill-ftehim li kien ġie nnegozjat ma’ Singapor, ħlief fil-każ ta’ investimenti mhux diretti u s-soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u stati fejn l-Istati Membri jkunu l-konvenuti fejn il-Qorti qieset li dawn jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża tal-UE u tal-Istati Membri. It-test dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u stati ġie sussegwentement sostitwit mis-Sistema ta’ Qorti tal-Investiment fl-IPA. Il-Qorti dderivat il-kompetenza esklussiva tal-UE mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni skont l-Artikolu 207(1) tat-TFUE u mill-Artikolu 3(2) tat-TFUE (abbażi tal-effett fuq ir-regoli komuni eżistenti li jinsabu fil-leġiżlazzjoni sekondarja).

Fid-dawl tal-Opinjoni tal-Qorti, u fid-dawl tad-diskussjonijiet wesgħin dwar l-arkitettura mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew wara l-Opinjoni, it-test inizjalment negozjat ġie aġġustat biex inħolqu żewġ ftehimiet awtonomi: FTA u IPA.

Skont l-Opinjoni 2/15, l-oqsma kollha koperti mill-FTA bejn l-UE u Singapor huma fil-kompetenza tal-UE u, b’mod partikolari, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 91, 100(2) u 207 tat-TFUE. Id-dispożizzjonijiet sostantivi kollha dwar il-protezzjoni tal-investiment skont l-IPA, sakemm dawn japplikaw għall-investiment dirett barrani, huma koperti mill-Artikolu 207 tat-TFUE.

L-FTA bejn l-UE u Singapor se jiġi ffirmat mill-Unjoni wara deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) tat-TFUE u se jiġi konkluż mill-Unjoni wara deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(6) tat-TFUE, wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Barra minn hekk, l-Artikolu 218(7) tat-TFUE ġie miżjud bħala bażi ġuridika peress li huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar ċerti modifiki għall-FTA minħabba li l-FTA jipprovdi għal proċeduri mħaffa u/jew simplifikati għall-approvazzjoni ta’ tali modifiki. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun awtorizzata li tapprova modifiki jew rettifiki li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat tal-Kummerċ skont l-Artikolu 9.18 (Modifika u Rettifika tal-Kopertura) fir-rigward tal-Annessi 9-A sa 9-I u skont l-Artikolu 10.17 (Sistema ta’ Protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi) u 10.18 (Emenda tal-Lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi) tal-FTA fir-rigward tal-Annessi 10-A u 10-B.

L-IPA bejn l-UE-Singapor se jiġi ffirmat mill-Unjoni wara deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) tat-TFUE u se jiġi konkluż mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(6) tat-TFUE, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u r-ratifika mill-Istati Membri skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Kif ikkonfermat mill-Opinjoni 2/15, l-FTA bejn l-UE u Singapor kif ippreżentat lill-Kunsill ma jkoprix kwistjonijiet li huma barra mill-kompetenza esklużiva tal-UE.

Fir-rigward tal-IPA, il-Qorti kkonfermat li, skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, l-UE għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tad-dispożizzjonijiet sostantivi kollha dwar il-protezzjoni tal-investiment, sakemm dawn japplikaw għal investiment dirett barrani. Il-Qorti kompliet tikkonferma l-kompetenza esklużiva tal-UE fir-rigward tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u ieħor fir-rigward tal-protezzjoni tal-investiment. Fl-aħħar nett, il-Qorti ddikjarat li l-UE għandha kompetenza kondiviża fir-rigward tal-investiment mhux dirett u fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u stati (li aktar tard ġiet sostitwita mis-Sistema ta’ Qorti tal-Investiment fl-IPA), fejn l-Istati Membri jaġixxu bħala konvenuti 2 . Dawn l-elementi bl-ebda mod ma jistgħu jiġu separati b’mod koerenti mid-dispożizzjonijiet sostantivi jew mis-soluzzjoni ta’ tilwim bejn stat u ieħor u għalhekk jenħtieġ li jiġu inklużi fil-ftehimiet fil-livell tal-UE.

•Proporzjonalità

Din il-proposta hija konformi mal-viżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u tikkontribwixxi għall-objettivi kummerċjali u ta’ żvilupp tal-Unjoni.

•Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 218 tat-TFUE, li jipprevedi li l-Kunsill jadotta deċiżjonijiet dwar ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Wara li tlestew il-parti l-kbira tan-negozjati ma’ Singapor, tim intern immexxi mill-Ekonomista Prinċipali tad-DĠ Kummerċ wettaq studju dwar il-benefiċċji ekonomiċi li jistgħu jkunu mistennija mill-ftehim. L-analiżi tbassar li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn Singapor jistgħu jiżdiedu b’madwar EUR 1,4 biljun fuq perjodu ta’ 10 snin, filwaqt li l-esportazzjonijiet ta’ Singapor lejn l-UE jistgħu jikbru b’EUR 3,5 biljun – ċifra li tinkludi konsenji mill-ħafna sussidjarji tal-UE f’Singapor lura lejn l-UE.

Minħabba d-differenza kbira fid-daqs taż-żewġ ekonomiji, kif ukoll il-ftuħ relattiv tal-ekonomija ta’ Singapor, huwa inevitabbli li se jkun hemm differenza fil-benefiċċji tal-ftehim għas-sħab. L-analiżi tbassar li l-prodott domestiku gross reali fi prezzijiet kostanti tal-UE jista’ jikber b’madwar EUR 550 miljun fuq perjodu ta’ 10 snin, filwaqt li l-ekonomija ta’ Singapor tista’ tikber bi EUR 2,7 biljun matul l-istess perjodu.

Dawn l-istimi dwar l-impatt ekonomiku possibbli huma meqjusa konservattivi minħabba d-diffikultà biex jiġu kkwantifikati b’mod preċiż l-effetti tat-tneħħija ta’ ostakli nontariffarji, li hija komponent ewlieni tal-ftehim.

Fid-dawl tar-rwol ta’ Singapor bħala ċ-ċentru għall-kummerċ f’oġġetti u f’servizzi bejn l-Ewropa u x-Xlokk tal-Asja, huwa probabbli wkoll li l-benefiċċji mill-ftehim ikomplu jikbru jekk u meta l-UE tikkonkludi ftehimiet ma’ Stati Membri oħra tal-ASEAN.

Barra minn hekk, stimi bbażati fuq immudellar ekonomiku ma jistgħux jirriflettu l-valur strateġiku tal-FTA u tal-IPA bejn l-UE u Singapor għall-UE bħala ftehimiet kruċjali għall-aġenda usa’ tal-UE fir-reġjun tal-ASEAN, u fl-Asja kollha kemm hi. Wara l-FTA bejn l-UE u l-Korea, l-FTA bejn l-UE u Singapor se jkun it-tieni ftehim kummerċjali ta’ kalibru għoli tal-UE ma’ sieħeb Asjatiku ewlieni, filwaqt li min-naħa tiegħu l-IPA bejn l-UE u Singapor se jkun l-ewwel ftehim dwar il-protezzjoni tal-investimenti tal-UE ma’ sieħeb Asjatiku.

•Konsultazzjonijiet ma’ partijiet interessati

Qabel it-tnedija ta’ negozjati bilaterali ma’ Singapor, saret Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà Kummerċjali (TSIA) tal-FTA bejn l-UE u l-ASEAN 3 minn kuntrattur estern biex jiġi studjat l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali potenzjali ta’ sħubija ekonomika aktar mill-qrib bejn iż-żewġ reġjuni.

Fil-qafas tat-tħejjija tat-TSIA, il-kuntrattur ikkonsulta esperti interni u esterni, organizza konsultazzjonijiet pubbliċi fi Brussell u f’Bangkok, u kellu laqgħat u intervisti bilaterali mas-soċjetà ċivili fl-UE u fl-ASEAN. Il-konsultazzjonijiet fil-qafas tat-TSIA pprovdew pjattaforma għall-involviment ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin u tas-soċjetà ċivili fi djalogu dwar il-politika kummerċjali fir-rigward tax-Xlokk tal-Asja.

Kemm ir-rapport tat-TSIA u kif ukoll il-konsultazzjonijiet li saru fil-kuntest tat-tħejjija tiegħu, ipprovdew lill-Kummissjoni b’kontribut li kien ta’ valur kbir fin-negozjati bilaterali kollha dwar il-kummerċ u l-investiment li minn dak iż-żmien ġew imnedija ma’ Stati Membri individwali tal-ASEAN.

Barra minn hekk, qabel it-tnedija tan-negozjati bilaterali ma’ Singapor, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar il-ftehim futur li kienet tinkludi kwestjonarju mħejji biex tinkiseb informazzjoni mill-partijiet interessati li aktar tard għenet lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet u tieħu deċiżjonijiet matul il-proċess tan-negozjati. Sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni ġie ppubblikat 4 .

Barra minn hekk, qabel u matul in-negozjati, il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali tal-Kunsill żamm lill-Istati Membri tal-UE mgħarrfa u kkonsulta magħhom b’mod regolari bil-fomm u bil-miktub dwar l-aspetti differenti tan-negozjati. Anke l-Parlament Ewropew inżamm mgħarraf u kkonsultat fuq bażi regolari permezz tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) tiegħu, u notevolment permezz tal-Grupp ta’ Monitoraġġ tal-FTA bejn l-UE u Singapor tiegħu. Matul il-proċess it-testi li progressivament ħarġu min-negozjati ġew iċċirkolati liż-żewġ istituzzjonijiet.

•Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Il-kuntrattur estern “Ecorys” wettaq Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà Kummerċjali tal-FTA bejn l-UE u l-ASEAN.

•Valutazzjoni tal-impatt

It-TSIA, li saret minn kuntrattur estern u li ġiet iffinalizzata fl-2009, ikkonkludiet li FTA ambizzjuż bejn l-UE u l-ASEAN se jkollu impatti pożittivi importanti (f’termini ta’ PDG, introjtu, kummerċ u impjiegi) kemm għall-UE kif ukoll għal Singapor. L-effetti fuq l-introjtu nazzjonali fuq in-naħa tal-UE ġew stmati li jlaħħqu t-EUR 13-il biljun u s-EUR 7,5 biljuni għal Singapor. Dawn iċ-ċifri jistgħu jissottovalutaw l-impatt, minħabba li kienu bbażati fuq ix-xejriet kummerċjali fl-2007, u minn dak iż-żmien il-kummerċ kiber b’mod sostanzjali (+32%).

•Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

L-FTA u l-IPA bejn l-UE u Singapor mhumiex soġġetti għal proċeduri REFIT. Madankollu, fihom għadd ta’ dispożizzjonijiet li se jissimplifikaw il-proċeduri marbuta mal-kummerċ u mal-investiment, inaqqsu l-kostijiet relatati mal-esportazzjoni u mal-investiment u għalhekk se jippermettu lil aktar ditti żgħar jagħmlu negozju fiż-żewġt iswieq. Fost il-benefiċċji mistennija hemm: regoli tekniċi, rekwiżiti ta’ konformità, proċeduri doganali u regoli tal-oriġini inqas onerużi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew it-tnaqqis fil-kost tal-litigazzjoni taħt is-Sistema tal-Qorti tal-Investiment għal pretendenti li huma SMEs.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-FTA bejn l-UE u Singapor se jkollu impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE mill-aspett tal-introjtu. Huwa stmat li d-dazji rrinunzjati jistgħu jlaħħqu ammont ta’ EUR 248,8 miljun mal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim. L-istima hija bbażata fuq l-importazzjonijiet medji previsti għall-2025 fin-nuqqas ta’ ftehim u tirrappreżenta t-telf annwali fl-introjtu li jirriżulta mill-eliminazzjoni tat-tariffi tal-UE fuq importazzjonijiet minn Singapor.

L-IPA bejn l-UE u Singapor huwa mistenni jkollu impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE mill-aspett tan-nefqa. Il-ftehim se jkun it-tieni wieħed tal-UE (wara l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada) li jinkorpora s-Sistema tal-Qorti tal-Investiment (ICS) għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u stati. Mill-2018 ’il quddiem l-ammont tan-nefqa addizzjonali annwali previst ilaħħaq il-EUR 200 000 (soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim) għall-finanzjament ta’ struttura permanenti li tinkludi Tribunal tal-Prim’Istanza u tal-Appell. Fl-istess ħin, il-ftehim jinvolvi l-użu ta’ riżorsi amministrattivi taħt il-linja baġitarja XX 01 01 01 (Nefqa relatata ma’ uffiċjali u persunal temporanju li jaħdmu mal-Istituzzjoni), peress li huwa stmat li se jkun hemm Amministratur wieħed iddedikat bħala ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time għall-kompiti inerenti għal dan il-ftehim. Dan huwa indikat fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva u soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fiha.

5.ELEMENTI OĦRAJN

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ valutazzjoni u ta’ rapportar

L-FTA u l-IPA bejn l-UE u Singapor jinkludu dispożizzjonijiet istituzzjonali li jistabbilixxu struttura tal-korpi ta’ implimentazzjoni għall-monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni, tal-operat u tal-impatt tal-ftehimiet. Minħabba li l-ftehimiet huma parti integrali mir-relazzjoni bilaterali ġenerali bejn l-UE u Singapor kif irregolat mill-FSK, l-istrutturi msemmija se jagħmlu parti minn qafas istituzzjonali komuni mal-FSK.

Il-kapitolu istituzzjonali tal-FTA jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ li l-kompitu ewlieni tiegħu huwa li jissorvelja u jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim. Il-Kumitat tal-Kummerċ huwa magħmul minn rappreżentanti tal-UE u ta’ Singapor li se jiltaqgħu kull sentejn jew fuq talba ta’ xi waħda mill-partijiet. Il-Kumitat tal-Kummerċ se jkun inkarigat mis-sorveljanza tal-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha stabbiliti skont il-ftehim (il-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Oġġetti; il-Kumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji; il-Kumitat dwar id-Dwana; u l-Kumitat dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, l-Investimenti u l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern).

Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu wkoll il-kompitu li jikkomunika mal-partijiet interessati kollha, inkluż mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-ftehim. Fil-ftehim, iż-żewġ partijiet jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza u tal-onestà u jimpenjaw ruħhom li jqisu l-opinjonijiet tal-membri tal-pubbliku bil-għan li jibbażaw fuq firxa wiesgħa ta’ perspettivi fl-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Il-kapitolu istituzzjonali tal-IPA jistabbilixxi Kumitat bil-kompitu ewlieni li jissorvelja u jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim. Fost ħidmiet oħra, il-Kumitat jista’, soġġett għat-twettiq tar-rekwiżiti u tal-proċeduri legali rispettivi ta’ kull naħa, jiddeċiedi li jaħtar il-Membri tat-Tribunali tal-ICS, jiffissa l-onorarji u t-tariffi mensili tagħhom u jadotta interpretazzjonijiet vinkolanti tal-ftehim.

Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni “Kummerċ għal Kulħadd”, il-Kummissjoni qed tiddedika riżorsi dejjem akbar għall-implimentazzjoni u għall-infurzar effettivi tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment. Fl-2017, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel Rapport ta’ Implimentazzjoni annwali dwar l-FTA. L-għan ewlieni tar-rapport huwa li jippreżenta stampa oġġettiva dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs tal-UE, li jenfasizza l-progress li sar u n-nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati. L-għan huwa li r-rapport iservi ta’ bażi għal dibattitu u skambju miftuħ mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew u mas-soċjetà ċivili inġenerali dwar il-funzjonament tal-FTAs u l-implimentazzjoni tagħhom. Bħala eżerċizzju annwali, il-pubblikazzjoni tar-rapport se tippermetti monitoraġġ regolari tal-iżviluppi, u tirreġistra wkoll kif ikunu ġew indirizzati l-kwistjonijiet prijoritarji identifikati. Ir-rapport se jkopri l-FTA bejn l-UE u Singapor mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-FTA bejn l-UE u Singapor jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi tal-UE biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet maħluqa f’Singapor bħala ċ-ċentru kummerċjali u tat-trasport tax-Xlokk tal-Asja.

Fin-negozjar ta’ dan il-ftehim, il-Kummissjoni segwiet żewġ objettivi ewlenin: l-ewwel nett, li jiġu stabbiliti l-aħjar termini possibbli ta’ aċċess għall-operaturi tal-UE fis-suq ta’ Singapor; u, it-tieni nett, li jiġi stabbilit punt ta’ referenza siewi għan-negozjati l-oħra tal-UE fir-reġjun.

Iż-żewġ objettivi ntlaħqu kompletament: il-ftehim imur lil hinn mill-impenji eżistenti tad-WTO f’ħafna oqsma, bħas-servizzi, l-akkwist, l-ostakli nontariffarji u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ). F’dawn l-oqsma kollha, Singapor qabel ukoll dwar impenji ġodda li jmorru ferm lil hinn minn dak li s’issa Singapor kien lest jaċċetta, inkluż fl-FTA tiegħu mal-Istati Uniti.

Il-ftehim jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu XXIV tal-GATT (l-eliminazzjoni tad-dazji u regolamenti restrittivi oħra tal-kummerċ fir-rigward ta’ sostanzjalment il-kummerċ kollu bejn il-partijiet) kif ukoll tal-Artikolu V tal-GATS, li jipprovdi għal test simili fir-rigward tas-servizzi.

F’konformità mal-objettivi stabbiliti mid-direttivi ta’ negozjati, il-Kummissjoni kisbet:

(1)il-liberalizzazzjoni komprensiva tas-swieq tas-servizzi u tal-investimenti, inklużi regoli trażversali dwar il-liċenzjar u għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, u regoli settorjali speċifiċi mfassla biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE;

(2)opportunitajiet ġodda ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt għall-offerenti tal-UE, u speċjalment fis-suq tal-utilitajiet fejn hemm ħafna fornituri importanti tal-UE;

(3)it-tneħħija ta’ ostakli kummerċjali tekniċi u regolatorji għall-kummerċ ta’ oġġetti, bħal ittestjar doppju, b’mod partikolari billi jiġi promoss l-użu ta’ standards tekniċi u regolatorji familjari fl-UE fis-settur tal-vetturi bil-mutur, tal-elettronika, tal-farmaċewtika u tal-apparat mediku kif ukoll tat-teknoloġiji ekoloġiċi;

(4)abbażi ta’ standards internazzjonali, reġim li jiffaċilita aktar il-kummerċ għall-approvazzjoni ta’ esportazzjonijiet tal-laħam Ewropej lejn Singapor;

(5)l-impenn ta’ Singapor li ma jgħollix it-tariffi tiegħu (li attwalment fil-biċċa l-kbira mhumiex applikati fuq bażi volontarja) fuq importazzjonijiet mill-UE, kif ukoll aċċess irħas għan-negozji u għall-konsumaturi Ewropej għal prodotti magħmula f’Singapor;

(6)protezzjoni ta’ livell għoli tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inkluż fir-rigward tal-infurzar ta’ dawn id-drittijiet, inkluż fil-fruntiera;

(7)livell ta’ protezzjoni TRIPs-plus lill-IĠs tal-UE wara r-reġistrazzjoni tagħhom f’Singapor ladarba Singapor ikun waqqaf reġistru ta’ IĠs (li ntrabat li jagħmel wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-FTA);

(8)kapitolu komprensiv dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, li l-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat li l-kummerċ jappoġġja l-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp soċjali u jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u s-sajd. Il-kapitolu jistabbilixxi wkoll il-mod ta’ involviment tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tiegħu;

(9)mekkaniżmi rapidi għas-soluzzjoni tat-tilwim permezz ta’ arbitraġġ minn bord jew bl-għajnuna ta’ medjatur; u

(10)kapitolu komprensiv u ġdid biex jiġu promossi opportunitajiet ġodda fis-“settur tat-tkabbir ekoloġiku”, f’konformità mal-istrateġija tal-UE għall-2020.

L-IPA bejn l-UE u Singapor se jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-investiment, filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet tal-UE u ta’ Singapor li jirregolaw u jsegwu objettivi leġittimi ta’ politika pubblika bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sikurezza u l-ambjent.

Il-ftehim fih l-innovazzjonijiet kollha tal-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmi ta’ infurzar tiegħu li mhumiex preżenti fit-12-il trattat bilaterali fuq l-investiment eżistenti bejn Singapor u l-Istati Membri tal-UE. Huwa karatteristika importanti ħafna tal-IPA li jissostitwixxi u għalhekk itejjeb it-12-il trattat bilaterali fuq l-investiment eżistenti.

F’konformità mal-objettivi stabbiliti mid-direttivi ta’ negozjati, il-Kummissjoni żgurat li l-investituri tal-UE u l-investimenti tagħhom f’Singapor jingħataw trattament ġust u ekwu u ma jiġux iddiskriminati meta mqabbla ma’ investimenti minn Singapor f’sitwazzjonijiet simili. Fl-istess ħin, l-IPA jipproteġi l-investituri tal-UE u l-investimenti tagħhom f’Singapor minn esproprjazzjoni, sakemm ma jkunx għal skopijiet pubbliċi, skont il-proċess ġust, fuq bażi nondiskriminatorja u bi ħlas ta’ kumpens immedjat, adegwat u effettiv skont il-valur tas-suq ġust tal-investiment esproprjat.

Ukoll f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati, l-IPA nnegozjat mill-Kummissjoni se joffri lill-investituri l-għażla ta’ mekkaniżmu modern u rivedut għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment. Din is-sistema tiżgura li jiġu mħarsa r-regoli dwar il-protezzjoni tal-investiment u tipprova toħloq bilanċ bejn il-protezzjoni tal-investituri b’mod trasparenti u s-salvagwardja tad-dritt ta’ Stat li jirregola fl-insegwiment ta’ objettivi ta’ politika pubblika. Il-ftehim jistabbilixxi sistema internazzjonali u kompletament indipendenti permanenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, li tikkonsisti minn Tribunal tal-Prim’Istanza u tal-Appelli li għandhom imexxu proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim b’mod trasparenti u imparzjali.

Il-Kummissjoni hija konxja tal-bilanċ li jrid jintlaħaq bejn il-progress fil-ħidma dwar il-politika riformata tal-investiment tal-UE u s-sensittivitajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-eżerċizzju possibbli ta’ kompetenza kondiviża dwar dawn il-kwistjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għamlitx proposta għall-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim dwar il-protezzjoni tal-investiment. Madankollu, jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ jaraw proposta għall-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim dwar il-protezzjoni tal-investiment, il-Kummissjoni hija lesta li tagħmel tali proposta.

2018/0093 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, 100(2), u 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru [XX], il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor (“Singapor”), minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”, ġie ffirmat fi [XX XXX 2018].

(2)Skont l-Artikolu 218(7) tat-TFUE, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova, f’isem l-Unjoni, il-pożizzjoni li trid tiġi adottata fil-Kumitat tal-Kummerċ dwar ċerti modifiki għall-Ftehim li jridu jiġu adottati bi proċedura simplifikata. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova modifiki li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat tal-Kummerċ skont l-Artikolu 9.18 (Modifika u Rettifika tal-Kopertura) fir-rigward tal-Annessi 9-A sa 9-I tal-Ftehim, u skont l-Artikolu 10.17 (Sistema tal-Protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi) u 10.18 (Emenda tal-Lista tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi) fir-rigward tal-Annessi 10-A u 10-B tal-Ftehim.

(3)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

(4)Skont l-Artikolu 16.16 (Ebda Effett Dirett) tal-Ftehim, jenħtieġ li ma jagħtix drittijiet jew jimponi obbligi fuq persuni, għajr dawk maħluqa bejn il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor huwa b’dan konkluż.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 9.18 (Modifika u Rettifika tal-Kopertura), il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki jew ir-rettifiki tal-Annessi 9-A sa 9-I tal-Ftehim għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Għall-finijiet tal-Artikolu 10.17 (Sistema ta’ Protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi) u 10.18 (Emenda tal-Lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi) tal-Ftehim, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki tal-Annessi 10-A u 10-B tal-Ftehim għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna awtorizzata li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, biex tibgħat in-notifika prevista fl-Artikolu 16.13(2) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim 5 .

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2013/september/tradoc_151779.pdf  
(2)    Ara l-kjarifika fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-600/14 Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017) il-paragrafu 69.
(3)     http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/145989.htm
(4)     http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/153666.htm
(5)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.