Brussell, 18.4.2018

COM(2018) 196 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore


ANNESS XI

FEHIMIET MINN 1 SA 5 U DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
RIGWARD L-UNJONIJIET DOGANALI

Fehim 1

fir-rigward tal-Artikolu 16.6 (it-Tassazzjoni)

Il-Partijiet jikkondividu fehim li t-terminu "id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim" li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 16.6 (it-Tassazzjoni) ifisser id-dispożizzjonijiet li:

(a)    joffru trattament mhux diskriminatorju għall-oġġetti, bil-mod u sal-punt previsti fil-Kapitolu Tnejn (Trattament Nazzjonali u Aċċess għas-Suq f'dak li jirrigwarda l-Oġġetti);

(b)    jipprevjenu milli jinżammu jew jiġu istitwiti dazji jew taxxi doganali fir-rigward tal-oġġetti, bil-mod u sal-punt previsti fil-Kapitolu Tnejn (Trattament Nazzjonali u Aċċess għas-Suq f'dak li jirrigwarda l-Oġġetti); u

(c)    joffru trattament mhux diskriminatorju għall-fornituri ta' servizzi u għall-investituri, bil-mod u sal-punt previsti fit-Taqsima A (Dispożizzjonijiet Ġenerali), it-Taqsima B (Fornitura Transfruntiera ta' Servizzi), it-Taqsima C (Stabbiliment) u s-Subtaqsima 6 (Servizzi Finanzjarji) tat-Taqsima E (Qafas Regolatorju) tal-Kapitolu Tmienja (Servizzi, Stabbiliment u Kummerċ Elettroniku).



Fehim 2

fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-arbitri

F'dak li jirrigwarda r-Regola 10 tal-Anness 14-A, iż-żewġ Partijiet jikkonfermaw il-fehim tagħhom segwenti:

1.    Ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri għamdhom ikunu bbażati fuq l-istandards ta' mekkaniżmi internazzjonali komparabbli ta' soluzzjoni ta' tilwim fi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.

2.    Il-Partijiet għandhom jiftiehmu bejniethom dwar l-ammont eżatt tar-remunerazzjoni u tal-ispejjeż qabel ma jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ, skont ir-Regola 10 tal-Anness 14-A.

3.    Iż-żewġ Partijiet għandhom japplikaw dan il-fehim in bona fede bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-funzjonament tal-bord tal-arbitraġġ.



Fehim 3

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mad-dwana

ARTIKOLU 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Fehim:

(a)    "leġiżlazzjoni doganali" għandha tfisser kull dispożizzjoni ġuridika jew regolatorja li tapplika fit-territorji tal-Partijiet u li tirregola l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-oġġetti u s-sottomissjoni tagħhom għal kwalunkwe reġim jew proċedura doganali oħra;

(b)    "awtorità applikanti" għandha tfisser awtorità doganali kompetenti maħtura minn waħda mill-Partijiet għal dan il-għan u li tagħmel talba għall-assistenza abbażi ta' dan il-Fehim;

(c)    "awtorità interpellata" għandha tfisser awtorità doganali kompetenti maħtura minn waħda mill-Partijiet għal dan il-għan u li tirċievi talba għall-assistenza abbażi ta' dan il-Fehim;

(d)    "dejta personali" għandha tfisser kull informazzjoni li għandha x'taqsam ma' individwu identifikat jew identifikabbli;

(e)    "operazzjoni li tikser il-leġiżlazzjoni doganali" għandha tfisser kwalunkwe ksur jew attentat ta' ksur tal-leġiżlazzjoni doganali; u



(f)    "awtorità doganali" għandha tfisser, kif xieraq, l-awtoritajiet doganali ta' Singapor, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u/jew is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea.

ARTIKOLU 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.    Il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin, permezz tal-awtoritajiet doganali tagħhom, fi kwistjonijiet doganali relatati mal-kummerċ, hekk kif stipulat f’dan il-Fehim u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fih, sabiex jassiguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari billi jipprevjenu, jinvestigaw u jiġġieldu l-operazzjonijiet li jiksru din il-leġiżlazzjoni rigward:

(a)    oġġetti li, mal-importazzjoni fil-Parti rikjedenti, jiġu ddikjarati bħala li ġew esportati jew riesportati mill-Parti l-oħra u mhux li oriġinaw f'dik il-Parti; 

(b)    oġġetti li, mal-importazzjoni fil-Parti rikjedenti, jiġu ddikjarati bħala li oriġinaw fil-Parti l-oħra għal finijiet li jeskludu l-applikazzjoni tal-preferenzi tariffarji skont dan il-Ftehim.

2.    L-assistenza fi kwistjonijiet doganali relatati mal-kummerċ, kif previst f'dan il-Fehim, għandha tkun tikkumplimenta dik prevista fl-Artikolu 29 (Inkjesti Amministrattivi) tal-Protokoll 1 (li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva). 



3.    Minkejja l-paragrafu 2, l-assistenza fi kwistjonijiet doganali relatati mal-kummerċ li jirrigwardaw oġġetti li jkunu fi tranżitu jew li jkunu trasbordati mit-territorju ta' waħda mill-Partijiet u li jkunu ddestinati għat-territorju tal-Parti l-oħra, għandha, għall-ewwel tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, trid tingħata biss bil-mod u sal-punt previsti fl-Artikolu 27 (Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Kompetenti), fl-Artikolu 28 (Verifika tad-Dikjarazzjonijiet ta' Oriġini) u fl-Artikolu 29 (Inkjesti Amministrattivi) tal-Protokoll 1 (li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta' "Prodotti Oriġinarji" u l-Metodi ta' Kooperazzjoni Amministrattiva). Il-Partijiet se jeżaminaw mill-ġdid il-modalitajiet tal-assistenza li jirrigwardaw l-oġġetti li jkunu fi tranżitu jew li jkunu trasbordati mit-territorju ta' waħda mill-Partijiet u li jkunu ddestinati għat-territorju tal-Parti l-oħra, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim

4.    L-assistenza fi kwistjonijiet doganali relatati mal-kummerċ ma għandhiex tippreġudika r-regoli li jirregolaw l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali u lanqas ma għandha tkopri informazzjoni miksuba permezz ta' setgħat eżerċitati meta mitluba minn awtorità ġudizzjarja, ħlief meta din l-awtorità tawtorizza li tali informazzjoni tiġi kkomunikata.

5.    L-assistenza biex jiġu rkuprati dazji, taxxi jew multi mhijiex koperta minn dan il-Fehim.

6.    Kwalunkwe assistenza li tingħata fil-qafas ta' dan il-Fehim għandha tikkonċerna biss it-tranżazzjonijiet kummerċjali rilevanti għal operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali li jkunu seħħew mhux aktar minn tliet snin qabel id-data tat-talba għall-assistenza.

7.    Il-Partijiet ma għandhomx jintalbu jimmodifikaw ir-reġim jew il-proċedura doganali tagħhom sabiex jissodisfaw l-obbligi skont dan il-Fehim.



ARTIKOLU 3

Assistenza fuq Talba

1.    Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, abbażi ta' suspett raġonevoli ta' operazzjoni li tikser il-leġiżlazzjoni doganali ta' kwalunkwe kategorija ta' oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 (Kamp ta' Applikazzjoni), l-awtorità interpellata għandha tipprovdi lill-awtorità applikanti b'tip wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin ta' informazzjoni, li jistgħu jippermettu lill-awtorità applikanti tiggarantixxi li l-leġiżlazzjoni doganali hija applikata b'mod korrett:

(a)    l-isem u l-indirizz tal-esportatur jew tal-aġent;

(b)    informazzjoni dwar it-trasport bil-baħar li tikkonċerna n-numru tal-kontejner, id-daqs, l-isem tal-bastiment u tat-trasportatur, il-pajjiż ta' oriġini, il-post tal-esportazzjoni u d-deskrizzjoni tal-merkanzija;

(c)    in-numru tal-klassifika, il-kwantità u l-valur iddikjarat; u

(d)    kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Partijiet jaqblu li tkun meħtieġa biex jiġi ddeterminat tkunx seħħet operazzjoni li tikser il-leġiżlazzjoni doganali jew le.

2.    Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità interpellata għandha tipprovdi l-informazzjoni segwenti:

(a)    jekk l-oġġetti esportati mit-territorju ta' Parti kinux importati kif suppost fit-territorju tal-Parti l-oħra, u tispeċifika, fejn jixraq, il-proċedura doganali applikata għal dawn l-oġġetti; jew jew



(b)    jekk l-oġġetti importati fit-territorju ta' Parti kinux esportati kif suppost mit-territorju tal-Parti l-oħra, u tispeċifika, fejn jixraq, il-proċedura doganali applikata għal dawn l-oġġetti.

3.    L-awtorità interpellata ma għandhiex tintalab tipprovdi informazzjoni li ma tinsabx diġà għad-dispożizzjoni tagħha.

4.    Għall-finijiet tal-paragrafu 1, "suspett raġonevoli ta' operazzjoni li tikser il-leġiżlazzjoni doganali" tfisser suspett ibbażat fuq tip wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin, ta' informazzjoni fattwali rilevanti miksuba minn sorsi pubbliċi jew privati:

(a)    evidenza storika li importatur, esportatur, manifattur jew produttur speċifiku jew kwalunkwe kumpanija oħra involuta fiċ-ċirkolazzjoni tal-oġġetti mit-territorju ta' Parti lejn it-territorju tal-Parti l-oħra, ma kkonformax / ma kkonformatx mal-leġiżlazzjoni doganali ta' xi waħda mill-Partijiet;

(b)    evidenza storika li l-intrapriżi kollha, jew xi uħud minnhom, involuti fiċ-ċirkolazzjoni mit-territorju ta' Parti lejn it-territorju tal-Parti l-oħra, tal-oġġetti koperti minn settur speċifiku ta' prodotti, fejn l-oġġetti jkunu qed jiċċaqilqu mit-territorju ta' waħda mill-Partijiet lejn it-territorju tal-Parti l-oħra, ma kkonformawx mal-leġiżlazzjoni doganali ta' xi waħda mill-Partijiet; jew

(c)    informazzjoni oħra li l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet jaqblu li tkun suffiċjenti fil-kuntest ta' talba partikolari.



ARTIKOLU 4

Assistenza Spontanja

Il-Partijiet jistgħu jassistu lil xulxin, permezz tal-awtoritajiet doganali rispettivi tagħhom, fuq inizjattiva tagħhom stess u skont id-dispożizzjonijiet ġuridiċi jew regolatorji tagħhom, jekk iqisu li dan ikun meħtieġ għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni miksuba li tirrigwarda:

(a)    l-attivitajiet li jkunu jew li jidhru li jkunu operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u li jistgħu jkunu ta’ interess għall-awtoritajiet doganali tal-Parti l-oħra; 

(b)    il-mezzi jew il-metodi ġodda użati sabiex jitwettqu operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali;

(c)    l-oġġetti magħrufa li jkunu soġġetti għal operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali;

(d)    il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom ikun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li dawn kienu involuti f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali; jew

(e)    il-mezzi tat-trasport li fir-rigward tagħhom ikun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li dawn intużaw, jew qed jintużaw, jew jistgħu jintużaw, f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali.



ARTIKOLU 5

Kif ikunu t-Talbiet għall-Assistenza u s-Sustanza tagħhom

1.    Kwalunkwe talba skont dan il-Fehim għandha issir bil-miktub. Din għandha tiġi akkumpanjata mid-dokumenti meħtieġa biex l-awtorità interpellata tkun tista' tirrispondi għat-talba. Fil-każ ta' sitwazzjoni urġenti, jistgħu jiġu aċċettati talbiet verbali, iżda dawn għandhom jiġu kkonfermati bil-miktub minnufih wara.

2.    Kwalunkwe talba skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)    l-awtorità applikanti;

(b)    il-miżura mitluba;

(c)    l-għan u r-raġuni għat-talba;

(d)    id-dispożizzjonijiet ġuridiċi jew regolatorji u l-elementi ġuridiċi l-oħra involuti;

(e)    indikazzjonijiet kemm jista’ jkun eżatti u komprensivi dwar il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu qed jiġu investigati;

(f)    sommarju tal-fatti rilevanti u tal-istħarriġiet li diġà jkunu twettqu; u

(g)    bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li operazzjoni tkun qed tikser il-leġiżlazzjoni doganalli.



3.    Kwalunkwe talba għandha tintbagħat bil-lingwa uffiċjali tal-awtorità interpellata jew b'lingwa meqjusa aċċettabbli minn dik l-awtorità. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal kull dokument li jakkumpanja t-talba skont il-paragrafu 1.

4.    Jekk talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti formali stipulati hawn fuq, jista’ jintalab li tiġi korretta jew li titkompla. Sadanittant jistgħu jiġu ordnati miżuri ta' prekawzjoni.

ARTIKOLU 6

Eżekuzzjoni tat-Talbiet

1.    Bil-għan li tikkonforma ma' talba għall-assistenza, l-awtorità interpellata tipproċedi, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, billi tipprovdi l-informazzjoni li tkun diġà fil-pussess tagħha. L-awtorità interpellata tista', fuq inizjattiva tagħha stess, tipprovdi assistenza ulterjuri billi twettaq stħarriġiet xierqa jew billi tagħmel il-preparamenti meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jsiru.

2.    Kwalunkwe talba għall-assistenza tiġi eżegwita f'konformità mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi jew regolatorji tal-Parti interpellata.

3.    L-uffiċjali debitament awtorizzati ta’ Parti jistgħu, bil-qbil tal-Parti l-oħra u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati minn din tal-aħħar, ikunu preżenti fl-uffiċċji tal-awtorità interpellata jew ta' kwalunkwe awtorità oħra rilevanti skont il-paragrafu 1, biex jiksbu informazzjoni relatata ma’ attivitajiet li jkunu jew li jistgħu jkunu operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali li l-awtorità applikanti jkollha bżonn għall-finijiet ta’ dan il-Fehim.



4.    L-uffiċjali debitament awtorizzati ta’ Parti jistgħu, bil-qbil tal-Parti l-oħra u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati minn din tal-aħħar, ikunu preżenti waqt l-istħarriġiet imwettqa fit-territorju ta’ din il-Parti.

ARTIKOLU 7

Kif għandha tiġi Kkomunikata l-Informazzjoni

1.    L-awtorità interpellata għandha tikkomunika r-riżultati tal-istaħarriġiet lill-awtorità applikanti bil-miktub u tista' tipprovdi dokumenti ta' prova rilevanti jew materjal ieħor.

2.    Din l-informazzjoni tista’ tkun f’forma kompjuterizzata.

ARTIKOLU 8

Eċċezzjonijiet għall-Obbligu li tiġi Pprovduta l-Assistenza

1.    L-assistenza tista' tkun miċħuda jew tista' tkun soġġetta li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti, f'każijiet fejn il-Parti li tintalab tipprovdi l-assistenza skont dan il-Fehim, tkun tal-fehma li l-assistenza:

(a)    aktarx tkun tippreġudika s-sovranità tagħha;

(b)    aktarx tkun tippreġudika l-politika pubblika, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħra, b'mod partikulari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2) (Skambju ta' Informazzjoni u Kunfidenzjalità); jew



(c)    tikser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali. 

2.    L-assistenza tista' tiġi posposta mill-awtorità interpellata minħabba li tista' tinterferixxi ma' xi investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċediment li tkun / jkun għaddej(ja) dak il-ħin. F'każ bħal dan, l-awtorità interpellata tikkonsulta mal-awtorità applikanti biex tiddeċiedi jekk l-assistenza tkunx tista' tingħata soġġetta għat-termini jew għall-kundizzjonijiet li tista' tirrikjedi l-awtorità interpellata.

3.    Meta l-awtorità applikanti tfittex assistenza li hija stess ma tkunx tista' tipprovdi jekk tintalab tagħmel dan, hija tiġbed l-attenzjoni għal dan il-fatt fit-talba tagħha. Imbagħad ikun f'idejn l-awtorità interpellata li tiddeċiedi kif twieġeb għal talba bħal din.

4.    Għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjoni tal-awtorità interpellata u r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien.

ARTIKOLU 9

Skambju ta’ Informazzjoni u Kunfidenzjalità

1.    Kull informazzjoni kkomunikata fi kwalunkwe forma skont dan il-Fehim għandha tkun ta’ natura kunfidenzjali jew ristretta, skont ir-regoli applikabbli f’kull waħda mill-Partijiet. Hija għandha tkun koperta bl-obbligu tas-segretezza uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili skont il-liġijiet rilevanti tal-Parti li tkun irċevietha. Il-Parti li tirċievi l-informazzjoni għandha tippreserva n-natura kunfidenzjali tagħha.

2.    Id-dejta personali tista’ tiġi skambjata biss meta l-Parti li tista' tirċeviha tintrabat li tipproteġi tali dejta b’tali mod li jitqies xieraq mill-Parti li tista' tipprovdiha.



3.    Kull Parti għandha żżomm proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat li l-informazzjoni kunfidenzjali, inkluża informazzjoni li d-divulgazzjoni tagħha tista' tippreġudika l-pożizzjoni ġeografika tal-persuna li tkun qed tipprovdi l-informazzjoni, ippreżentata b'rabta mal-amministrazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Parti, tiġi ttrattata bħala informazzjoni kunfidenzjali u tiġi protetta minn kwalunkwe divulgazzjoni mhux awtorizzata.

4.    Il-Parti li tirċievi l-informazzjoni, għandha tużaha biss għall-finijiet iddikjarati fit-talba. Meta waħda mill-Partijiet tkun tixtieq tuża tali informazzjoni għal finijiet oħra, hija għandha tikseb il-kunsens tal-awtorità li tkun ipprovdiet l-informazzjoni, minn qabel u bil-miktub.

5.    Il-Parti li tirċievi l-informazzjoni tista' tuża l-informazzjoni fil-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji tagħha, skont kif ikun applikabbli, bil-kundizzjoni li dik l-informazzjoni li tkun ġiet indikata bħala sensittiva mill-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni ma għandhiex tintuża mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni.

6.    Soġġett għall-paragrafu 5, kwalunkwe informazzjoni pprovduta minn Parti għall-Parti l-oħra ma għandhiex tiġi ddivulgata lill-mezzi tal-massa jew lil kwalunkwe persuna jew entità oħra għajr l-awtoritajiet doganali tal-Parti li tkun qed tagħmel it-talba, ippubblikata jew mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni.

7.    Meta l-użu tal-informazzjoni miksuba minn Parti jkun soġġett għall-kunsens tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni skont il-paragrafi 4, 5 u 6, tali użu għandu jkun soġġett għal kwalunkwe restrizzjonijiet stipulati minn dik il-Parti.



ARTIKOLU 10

Spejjeż tal-Assistenza

1.    Il-Parti li tirċievi t-talba għandha tieħu fuqha l-ispejjeż ordinarji kollha mġarrba minħabba l-eżekuzzjoni tat-talba. Il-Parti li tagħmel it-talba għandha tieħu fuqha l-ispejjeż marbuta mal-esperti u max-xhieda, u mal-interpreti u t-tradutturi, fejn dan ikun applikabbli.

2.    Jekk, matul l-eżekuzzjoni tat-talba, ikun jidher biċ-ċar li biex din tiġi ssodisfata jkunu jridu jiġġarrbu spejjeż ta' natura straordinarja jew sostanzjali, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom titwettaq jew titkompla l-eżekuzzjoni tat-talba.

ARTIKOLU 11

Implimentazzjoni

1.    L-implimentazzjoni ta’ dan il-Fehim, fil-każ ta' Singapor, għandha taqa' f'idejn l-awtoritajiet doganali ta' Singapor u, fil-każ tal-Unjoni, taqa' f'idejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, kif ikun xieraq. Huma għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri u l-arranġamenti prattiċi kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu filwaqt li jqisu r-regoli fis-seħħ, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta.

2.    Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin u sussegwentement iżommu lil xulxin infurmati dwar ir-regoli dettaljati tal-implimentazzjoni li jiġu adottati f'konformità ma' dan il-Fehim.



3.    Minħabba r-riżorsi limitati tal-awtoritajiet doganali tagħhom, il-Partijiet jaqblu li l-ammont ta' talbiet għandu jinżamm għall-inqas possibbli.

ARTIKOLU 12

Ftehimiet Oħra

Sabiex jiġu kkunsidrati r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, dan il-Fehim għandu:

(a)    ma jaffettwax l-obbligi tal-Partijiet stabbiliti f’xi ftehimiet jew konvenzjonijiet internazzjonali oħra;

(b)    jitqies li jikkumplimenta lil kwalunkwe ftehim ieħor dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali li kienu jew li jistgħu jkunu konklużi bejn l-Istati Membri individwali u Singapor, filwaqt li jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim li jkunu inkompatibbli ma' dan il-Fehim; u

(c)    ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw il-komunikazzjoni, bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, ta' kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan il-Fehim li tista' tkun ta' interess għall-Unjoni.



ARTIKOLU 13

Konsultazzjonijiet

1.    Fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-applikabbiltà ta' dan il-Fehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin, fil-Kumitat dwar id-Dwana stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati), sabiex isolvu dawn il-kwistjonijiet.

2.    Il-Kapitolu Erbatax (Soluzzjoni ta' Tilwim) u l-Kapitolu Ħmistax (Mekkaniżmu ta' Medjazzjoni) ma għandhomx japplikaw għal kwistjonijiet li jirriżultaw minn dan il-Fehim.



Fehim 4

Rikonoxximent Reċiproku
tal-programmi ta' operatur ekonomiku awtorizzat (authorised economic operator, AEO)

B'referenza għall-paragrafu 2(d) tal-Artikolu 6.3 (Kooperazzjoni Doganali) u għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 6.17 (Kumitat dwar id-Dwana), il-Partijiet waslu għall-fehim segwenti:

Il-Partijiet jaqblu li l-kollaborazzjoni ta' bejniethom biex isaħħu s-sigurtà tal-katina tal-provvista u biex jiffaċilitaw kummerċ leġittimu se tkun ta' benefiċċju reċiproku.

Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex jiksbu rikonoxximent reċiproku tal-programmi dwar l-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "AEO") rispettivi tagħhom. Huma għandhom jaqblu, permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat dwar id-Dwana stabbilita skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati), fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tal-programmi ta' AEO rispettivi.

Il-Partijiet jaqblu li jibdew bil-ħidma li twassal għar-rikonoxximent reċiproku tal-programmi AEO rispettivi tagħhom.

Il-Partijiet se jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli u għandhom l-għan li jilħqu ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-programmi AEO rispettivi tagħhom, idealment wara sena, iżda sa mhux aktar tard minn sentejn, mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

________________

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Rigward l-Unjonijiet Doganali

1.    L-Unjoni tfakkar li dawk il-pajjiżi li kkonkludew unjoni doganali mal-Unjoni għandhom l-obbligu li jallinjaw ruħhom mat-tariffa doganali komuni u progressivament, mar-reġim doganali preferenzjali tal-Unjoni, billi jieħdu l-miżuri meħtieġa u billi jinnegozjaw ftehimiet dwar bażi reċiprokament vantaġġuża mal-pajjiżi terzi kkonċernati. Konsegwentement, l-Unjoni stiednet lil Singapor biex jidħol f'negozjati ma' dawk l-istati li stabbilixxew unjoni doganali mal-Unjoni u li l-prodotti tagħhom ma jibbenefikawx minn konċessjonijiet tariffarji skont dan il-Ftehim, biex jikkonkludi ftehimiet bilaterali li jistabbilixxu żona ta' kummerċ ħieles f'konformità mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994.

2.    Singapor informa lill-Unjoni li Singapor se jidħol f'negozjati mal-pajjiżi rilevanti f'dan ir-rigward fid-data meta jiġi ffirmat dan il-Ftehim, sabiex jiġu konklużi ftehimiet bilaterali li jistabbilixxu żona ta' kummerċ ħieles f'konformità mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994.

_________________