41997D0035



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0444 - 0451


Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv

tal-15 ta' Diċembru 1997

li temenda r-Regolament Finanzjarju dwar is-C.SIS

(SCH/Com-ex (97) 35)

IL-KUMITAT EŻEKUTTIV,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 132 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 92 u 119 ta' l-imsemmija Konvenzjoni,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ta' Schengen u l-Konvenzjoni ta' Schengen minn parti waħda u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja mill-parti l-oħra,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Il-verżjoni tar-Regolament Finanzjarju dwar l-ispejjeż ta' l-istallazzjoni u t-tħaddim ta' Schengen C.SIS (SCH/Com-ex (93) 16 rev.), iddatata l-20 ta' Diċembru 1996, hija emendata kif ġej.

Vjenna, il-15 ta' Diċembru 1997.

Il-President

K. Schlögl

--------------------------------------------------

SCH/Com-ex (93)16 Rev. 2

IL-KUMITAT EŻEKUTTIV,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 132 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 92 u 119 ta' l-imsemmija Konvenzjoni,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ta' Schengen minn parti waħda u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja mill-parti l-oħra,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Ir-Regolament Finanzjarju għall-ispejjeż dwar l-ispejjeż ta' l-istallazzjoni u t-tħaddim tal-funzjoni ta' l-appoġġ tekniku għas-Sistema ta' Informazzjoni Schengen (C.SIS), mehmuż hawnhekk, huwa adottat.

REGOLAMENT FINANZJARJU

GĦALL-ISTALLAZZJONI U T-TĦADDIM TAS-C.SIS SCHENGEN

TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Il-budget għall-iffunzjonar ta' l-appoġġ tekniku għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fi Strasburg, li hemm maħsub għalih fl-Artikoli 92 u 119 tal-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, minn issa ‘l quddiem irreferit bħala s-"C.SIS", għandu jkun magħmul minn:

- il-budget għall-istallazzjoni tas-sistema ta' informazzjoni ċentrali, li l-ispiża għaliha għandha tiġi approvata mill-Kumitat Eżekuttiv, wara li jirċievi l-opinjoni tal-Grupp Ċentrali,

- il-budget għat-tħaddim, li għalih l-ammont annwali ta' l-ispiża għandu jiġi approvat mill-Kumitat Eżekuttiv, wara li jirċievi l-opinjoni tal-Grupp Ċentrali.

Il-budgets għall-istallazzjoni u t-tħaddim tas-C.SIS, għandu kemm jista' jkun possibbli, jikkunsidra t-tabella multiannwali għall-budgets ta' l-istallazzjoni u t-tħaddim tas-C.SIS.

It-tabella multiannwali tal-budgets għall-istallazzjoni u għat-tħaddim tas-SIS, li tkopri ta' lanqas tliet snin, għandha jkollha stima ta' l-ispiża prevista.

It-tabella multiannwali tal-budgets għall-istallazzjoni u għat-tħaddim tas-SIS, għandhom jiġu aġġornati kull sena mill-Kumitat tat-Tmexxija tas-SIS u għandhom jiġu approvati mill-Grupp Ċentrali matul l-ewwel kwart tas-sena kalendarja.

1. Ir-riżorsi tas-C.SIS innifisha

Ir-riżorsi tas-C.SIS innifisha kemm għall-budgets ta' l-istallazzjoni u t-tħaddim, għandhom ikunu magħmula mill-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti u l-Istati tal-Ftehim ta' Koperazzjoni, minn issa 'l quddiem magħrufa bħala "l-Istati li jikkoperaw". Il-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati li jikkoperaw għandhom jiġu ddeterminati a bażi ta' l-ishma tagħhom fil-PGD aggregat tal-Partijiet Kontraenti ta' l-Istati li jikkoperaw. Il-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti, għandhom jiġu ddeterminati a bażi tas-sehem ta' kull Parti Kontraenti fuq il-bażi ta' stima uniformi tal-VAT, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ġunju 1988 dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet infushom.

It-tqassim tal-kontribuzzjonijiet fost il-Partijiet Kontraenti tal-parti waħda u l-Istati li jikkoperaw mill-oħra, għandhom jiġu ddeterminati a bażi tas-sehem ta' kull Parti Kontraenti u Stat li jikkopera fil-PGD aggregat tal-Partijiet Kontraenti kollha u l-Istati li jikkoperaw tas-sena preċedenti. It-tqassim tal-kontribuzzjonijiet fost il-Partjiet Kontraenti għandu jiġi ddeterminat kull sena, tenut kont tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati li jikkoperaw, a bażi tas-sehem ta' kull Parti Kontraenti tar-riżorsi tagħha stess, fir-riżorsi tal-VAT tal-Komunitajiet Ewropej, kif stabbilit bl-aħħar emenda għall-budget tal-Komunità tas-sena finanzjarja preċedenti.

Il-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw għal kull budget, għandhom jiġu kkkalkolati u mniżżla fi franki Franċiżi mill-Parti Kontraenti Franċiża.

2. Ħlas ta' kontribuzzjonijiet

Kull Parti Kontraenti u Stat li jikkopera għandu jittrasferixxi l-kontribuzzjonijiet tiegħu fil-kont segwenti:

Compte Trésor Public

Banque de France

Nru 9000-3

(agence centrale comptable du trésor)

Kull pagament għandu jiddaħħal f'fond ta' appoġġ miftuħ taħt il-budget tar-Repubblika Franċiża (fonds de concours No 09. 1.4.782) bil-Ministru ta' l-Intern bħala benefiċjarju.

3. Adeżjoni ta' Stati ġodda

Jekk taderixxi Parti Kontraenti ġdida, is-segwenti għandu japplika, sa mid-data ta' l-adeżjoni:

- il-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti u ta' l-Istati li jikkoperaw, għandhom jiġu aġġustati skond it-Titolu I.1 ta' dan ir-Regolament Finanzjarju;

- il-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw, għandhom jiġu aġġustati bil-għan li jiffissaw il-kontribuzzjoni tal-Parti Kontraenti l-ġdida għall-ispejjeż ta' t-tħaddim tas-C.SIS, sa mis-sena ta' adeżjoni;

- il-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw, għandhom jiġu aġġustati bil-għan li jallokaw lill-Parti Kontraenti l-ġdida, proporzjon ta' l-ispejjeż li jkunu tħallsu qabel, għall-istallazzjoni tas-C.SIS. Dan l-ammont għandu jiġi kkalkolat skond is-sehem tar-riżorsi tal-VAT tal-Parti Kontraenti l-ġdida, fir-riżorsi tal-VAT tal-Komunitajiet Ewropej, għas-snin li fihom ikunu saru l-ispejjeż għall-istallazzjoni tas-C.SIS, qabel l-adeżjoni tal-Parti Kontraenti l-ġdida. Dan l-ammont għandu jitħallas lura lill-Istati l-oħra fi proporzjon tal-kontribuzzjoni tagħhom, ikkalkolat skond ir-Titolu I.1 ta' dan ir-Regolament.

TITOLU II

BUDGET TA' INSTALLAZZJONI

Ir-Repubblika Franċiża għandha tkopri l-ispejjeż kollha bl-avvanz ta' l-istallazzjoni tas-C.SIS, skond ir-regoli tal-liġi li jirregolaw il-finanzi pubbliċi Franċiżi. L-ammonti ffissati bħala kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru u Stat li jikkopera, għandhom jiġu kkalkolati u mniżżla fi franki Franċiżi, mill-Parti Kontraenti Franċiża, skond it-Titolu I.1 ta' dan ir-Regolament Finanzjarju.

1. Nefqa prevista

Matul is-sena qabel il-budget ikun ser jiġi implimentat, il-Parti Kontraenti Franċiża għandha tagħmel abbozz ta' budget għall-ispiża ta' istallazzjoni tas-C.SIS, u kemm jista' jkun possibbli tieħu in konsiderazzjoni t-tabella provviżorja multiannwali għall-istallazzjoni u t-tħaddim tas-SIS. Dan l-abbozz ta' budget għandu jiġi sottomess lill-Grupp Ċentrali għall-opinjoni tiegħu u l-Kumitat Eżekuttiv għall-adozzjoni ta' lanqas sitt xhur qabel il-bidu tas-sena finanzjarja.

Jekk l-abbozz tal-budget ma jintlaqax, il-Parti Kontraenti Franċiża, għandha tipprepara abbozz ġdid fi żmien xahar li, jsegwi l-opinjoni tal-Grupp Ċentrali, għandu jiġi sottomess immedjatament lill-Kumitat Eżekuttiv għall-adozzjoni.

Mat-tmiem ta' kull kwart tas-sena finanzjarja, il-Grupp Ċentrali għandu, wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija SIS, jawtorizza l-ispiża għall-istallazzjoni tas-C.SIS, kif ukoll kwalunkwe spiża li ma tkunx ġiet prevista, li għandha tkun iġġustifikata b'dokumentazzjoni in sostenn.

Fis-sitt xhur ta' wara l-għeluq tas-sena finanzjarja, il-Parti Kontraenti Franċiża, għandha tagħmel tabella multiannwali għall-ispiża ta' l-istallazzjoni tas-C.SIS, li hija awtorizzata mill-Grupp Ċentrali sa tmiem is-sena finanzjarja.

Din it-tabella għandha tiġi sottomessa lill-Kumitat Eżekuttiv għall-approvazzjoni fl-istess ħin ta' l-abbozz tal-budget annwali għall-ispiża ta' l-istallazzjoni tas-C.SIS.

Il-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati rispettivi, għandhom isiru dovuti għall-ħlas meta l-Kumitat Eżekuttiv japprova l-ispiża u jridu jitħallsu skond il-proċedura preskritta fit-Titolu II.2.

Il-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw, jobbligaw ruħhom li jkopru l-ispejjeż kollha ta' l-istallazzjoni sa l-ammont approvat mill-Kumitat Eżekuttiv.

Il-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw jistgħu jagħżlu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-istallazzjoni tas-C.SIS, fil-forma ta' pagament bil-quddiem li jkopri parti jew il-kontribuzzjoni kollha prevista.

2. Metodu ta' ħlas

Bħala regola, il-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw għandhom ikunu dovuti fil-data li fiha l-Parti Kontraenti Franċiża tagħmel il-ħlasijiet.

Madanakollu, u sabiex jiġi ristrett in-numru ta' talbiet għall-ħlas, il-Parti Kontraenti Franċiża għandha tibgħat is-sejħiet għall-ħlas lill-Istati darbtejn fis-sena, fit-30 ta' April u fil-31 ta' Ottubru, biex tieħu in konsiderazzjoni l-iskadenzi ta' l-Istati biex joperaw l-impenji ta' l-infiq.

Il-Parti Kontraenti Franċiża, għandha tibgħat ittra li jkun fiha sejħa għall-ħlas lill-Istati permezz ta' l-awtoritajiet amministrattivi nnominati, li d-dettalji tagħha jkunu ngħatawlha.

L-ittra għandha tgħid:

- il-bażijiet legali għas-sejħa tal-ħlas,

- l-ammont tal-budget approvat għall-istallazzjoni tas-C.SIS,

- l-ammont li jrid jitħallas għall-perjodu in kwistjoni,

- l-informazzjoni neċessarja għall-ħlas tal-kontribuzzjoni, kif stipulat taħt it-Titolu I. 2 ta' dan ir-Regolament Finanzjarju.

Is-segwenti dokumenti għandhom jiġu annessi ma' din l-ittra:

- tabella li turi l-ishma ta' l-Istati li jikkoperaw, ikkalkolati a bażi tal-PGD, u tabella li turi s-sehem ta' kull wieħed mill-Istati għall-budget ta' t-tħaddim tas-C.SIS matul il-perjodu rispettiv, ikkalkolat a bażi tas-sehem tiegħu ta' VAT fis-SIS;

- kopji tad-dokumenti li jiggarantixxu l-ammont li jrid jiġi ttrasferit.

Li tassigura b'faċilità t-trasferiment ta' ħlasijiet, kull Stat għandu jannetti mat-trasferiment tiegħu nota li jkun fiha s-segwenti informazzjoni:

OBJET : versement de la quote-part 199… de l'Etat… au budget d'installation du système informatique Schengen

MONTANT : … francs

BENEFICIAIRE : Ministère de l'Intérieur, Direction des transmissions et de l'informatique

(SUĠĠETT : pagament ta' l-199… kontribuzzjoni minn … (Stat) għall-budget għall-istallazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen

AMMONT : … franki

BENEFIĊJARJU : Ministeru ta' l-Intern, Dipartiment tat-trasmissjoni ta' data u informatika)

3. Iffinanzjar minn Stat minbarra r-Repubblika Franċiża

Jekk, bi ftehim mal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn u l-Istati li jikkoperaw, Parti Kontraenti jew Stat li jikkopera, ikopri direttament parti mill-ispejjeż ta' l-istallazzjoni tas-C.SIS, din l-ispiża għandha tiġi mqassma lill-Istati Kontraenti, skond l-iskeda ta' distribuzzjoni ddeterminata mill-Parti Kontraenti Franċiża għas-sena finanzjarja li fiha ssir l-ispiża.

Il-Parti Kontraenti jew Stat li jikkopera, li jkun direttament ħareġ din l-ispiża, għandu jinforma lill-Parti Kontraenti Franċiża, li għandha ssejjaħ lill-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw biex joħorġu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, ikkalkolata skond dan ir-Regolament Finanzjarju.

Il-Parti Kontraenti Franċiża, għandha tirrifondi l-pagament magħmul malli l-kontribuzzjonijiet dovuti jkunu riċevuti mill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn u l-Istati li jikkooperaw.

TITOLU III

BUDGET TA' TĦADDIM

Ir-Repubblika Franċiża għandha tkopri l-ispejjeż ta' t-tħaddim tas-C.SIS li jkunu tħallsu bil-quddiem skond ir-regoli tal-liġi li tmexxi l-finanzi pubbliċi Franċiżi. L-ammonti ffissati bħala l-kontribuzzjoni ta' kull Parti Kontraenti u Stat li jikkopera, għandhom jiġu kkalkolati u mniżżla fi franki Franċiżi mill-Parti Kontraenti Franċiża skond it-Titolu I.1 ta' dan ir-Regolament Finanzjarju.

1. Abbozz ta' budget għat-tħaddim

Matul is-sena qabel ma jiġi implimentat il-budget, il-Parti Kontraenti Franċiża għandha tipprepara abbozz ta' budget għall-ispiża ta' t-tħaddim tas-C.SIS. L-abbozz tal-budget għandu jiġi sottomess lill-Grupp Ċentrali għall-opinjoni tiegħu u lill-Kumitat Eżekuttiv għall-adozzjoni, ta' lanqas sitt xhur qabel il-bidu tas-sena finanzjarja.

Dan l-abbozz tal-budget għandu jikkonsidra kemm jista' jkun possibbli t-tabella multiannwali dwar l-istallazzjoni u t-tħaddim tas-SIS.

Għandhom jiġu annessi ma' l-abbozz tal-budget id-dokumenti dwar l-ispiża prevista.

Il-budget għandu jiġi adottat unanimament mill-Partijiet Kontraenti.

Jekk l-abbozz tal-budget jiġi riġettat, il-Parti Kontraenti Franċiża għandha tipprepara abbozz ġdid fi żmien xahar li, wara l-opinjoni tal-Grupp Ċentrali, għandu jiġi immedjatament sottomess lill-Kumitat Eżekuttiv għall-adozzjoni.

Matul il-perjodu bejn iż-żewġ konsultazzjonijiet jew fin-nuqqas ta' l-adozzjoni ta' l-abbozz tal-budget, il-Parti Kontraenti Franċiża tista' ssejjaħ lill-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw biex jagħtu l-kontribuzzjonijiet u tibda l-implimentazzjoni tal-budget bi tnaxijiet provviżorji sa dak iż-żmien li l-budget għas-sena finanzjarja korrenti jiġi adottat.

Il-Parti Kontraenti Franċiża tista' tissottometti abbozz tal-budget emendat lill-Kumitat Eżekuttiv. Dan għandu jiġi sottomess lil dan ta' l-aħħar għall-adozzjoni wara l-opinjoni tal-Grupp Ċentrali.

Kwalunkwe defiċit jew surplus matul is-sena finanzjarja, għandu jiġi ċċarat is-sena ta' wara fil-kors ta' l-implimentazzjoni tal-budget.

2. Metodu ta' ħlas

Id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv li tadotta l-budget għandha tiġi debitament innotifikata lill-Partijiet Kontraenti kollha u l-Istati li jikkoperaw mill-President tal-ġurnata; il-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw għandhom isiru dovuti immedjatament wara.

Għal dan il-għan, il-Parti Kontraenti Franċiża għandha tibgħat lill-kull Parti Kontraenti u Stat li jikkopera, sejħa għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet dovuti u għandha tgħaddi kopja ta' din lill-President.

Il-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha sat-30 ta'April tas-sena finanzjarja korrenti.

Jekk Parti Kontraenti ma tonorax l-obbligi finanzjarji tagħha sa dik id-data, ir-regolamenti tal-Komunità li jkunu fis-seħħ li jirregolaw l-imgħax dovut fin-nuqqas ta' adempjenza tal-ħlas ta' kontribuzzjonijiet tal-budget tal-Komunità għandhom japplikaw Dawn ir-regolamenti japplikaw mutatis mutandis fil-każijiet li Stat li jikkopera ma jonorax l-obbligi finanzjarji tiegħu fil-ħin.

Il-Parti Kontraenti Franċiża għandha tibgħat ittra li jkunu fiha seħja għall-ħlas lill-Istati permezz ta' l-awtoritajiet amministrattivi nnominati, li d-dettalji tagħhom ikunu ngħatawlha, mill-bidu tas-sena finanzjarja li fiha l-budget għat-tħaddim ikun ser jiġi implimentat.

L-ittra għandha tgħid:

- il-bażijiet legali għas-sejħa għall-ħlas,

- l-ammont tal-budget għat-tħaddim adottat mill-Kumitat Eżekuttiv għas-sena in kwistjoni.

Tabella li turi l-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati li jikkoperaw, ikkalkolata a bażi tal-PGD, u tabella li turi l-kontribuzzjoni ta' kull Parti Kontraenti għall-budget għat-tħaddim tas-C.SIS, ikkalkolat a bażi tas-sehem tiegħu ta' VAT fis-SIS, għandu jiġi anness ma' din l-ittra. Tabella li turi l-kalkolu tas-sehem tal-PGD u s-sehem tal-VAT fis-SIS, għas-sena li fiha tkun se ssir l-ispiża, għandha wkoll tiġi annessa.

Biex jassigura t-trasferiment bla xkiel ta' pagamenti, kull Stat għandu jannetti mat-traferiment tiegħu nota li jkun fiha s-segwenti informazzjoni:

OBJET : versement de la quote-part 199… de l'Etat… au budget de fonctionnement du système informatique Schengen

MONTANT : … francs

BENEFICIAIRE : Ministère de l'Intérieur, Direction des transmissions et de l'informatique

(SUĠĠETT : pagament ta' l-199… kontribuzzjoni minn… (Stat) għall-budget għalt-tħaddim tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen

AMMONT : … franki

BENEFIĊJARJU : Ministeru ta' l-Intern, Dipartiment tat-trasmissjoni ta' data u informatika)

Il-Partijiet Kontraenti u l-Istati li jikkoperaw jistgħu jagħżlu li javvanzaw ammont biex ikopru l-kontribuzzjonijiet previsti tagħhom għal numru ta' snin finanzjarji.

TITOLU IV

APPROVAZZJONI TA' KONTIJIET

Mal-bidu ta' kull sena finanzjarja, il-Parti Kontraenti Franċiża, għandha tibgħat lill-Istati dokument, imfassal a bażi tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament Finanzjarju, meħtieġ mill-Kumitat Eżekuttiv biex jagħti l-iskarigu finali għas-sena finanzjarja preċedenti, wara l-opinjoni tal-Grupp Ċentrali.

Dan id-dokument għandu jkollu fih:

1. Għall-budget ta' installazzjoni

- prospett ta' spiża magħmula mill-Parti Kontraenti Franċiża u, fejn xieraq, mill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn, jew l-Istati li jikkoperaw, skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu II.3 ta' dan ir-Regolament Finanzjarju;

- l-ammont u tqassim tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-fond ta' appoġġ (fonds de concours) minn kull Stat u, fejn xieraq, kwalunke ammonti li għadhom ma tħallsux jridu jiġu rkuprati.

2. Għall-budget għat-tħaddim

- prospett ta' l-ispiża magħmula matul is-sena finanzjarja preċedenti. Din it-tabella għandha tindika d-defiċit jew surplus kif ipparagunat mal-budget adottat skond it-Titolu III.1 ta' dan ir-Regolament Finanzjarju, sabiex l-Istati jkunu jistgħu jintalbu l-ħlas jew l-ammonti xierqa;

- l-ammont u tqassim tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-fond ta' appoġġ u, fejn xieraq, kwalunkwe ammonti dovuti mill-Istati.

Id-dokument għandu jiġi ċċertifikat minn kontrollur finanzjarju tal-Ministeru ta' l-Intern Franċiż u mibgħut lill-Partijiet Kontraenti kollha mill-President tal-ġurnata.

L-approvazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta' l-imsemmi dokument għandha tikkostitwixxi l-iskarigu finali tal-kontijiet ippreżentati mir-Repubblika Franċiżaa għas-sena finanzjarja in kwistjoni. L-approvazzjoni għandha tingħata matul l-ewwel kwart tas-sena, wara s-sena tal-budget in kwistjoni.

Tabella li turi l-kontribuzzjonijiet ta' kull Stat għas-sena finanzjarja ta' wara, kkalkolata skond it-Titolu I.1 ta' dan ir-Regolament Finanzjarju, għandha tiġi annessa mad-dokument.

Jekk Stat jiddeċiedi li jħallas il-kontribuzzjonijiet tiegħu parzjalment jew kollha fil-forma ta' pagament bil-quddiem, id-dokument għandu jindika l-bilanċ li jkun jonqos wara t-tnaqqis ta' l-ammonti dovuti għas-sena tal-budget in kwistjoni.

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti kollha għall-Konvenzjoni ta' Schengen ikunu taw notifika li l-proċeduri kollha meħtieġa mis-sistemi legali tagħhom sabiex dawn id-deċiżjonijiet ikunu jorbtu fit-territorju tagħhom ikunu kompluti.

--------------------------------------------------