23.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/805

tad-19 ta' Mejju 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li tingħata dik l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata minn dan ir-Regolament li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12 (6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li tkun għadha ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12 (6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perijodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur-Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Strument elettroniku (hekk imsejjaħ “ġirometru”) b'piż ta' 35 g, magħmul minn tliet sensuri tal-veloċità angulari jew anqas, f'qafas b'qisien ta' 24 × 24 × 28 mm. Il-qafas fih ukoll sensur tat-temperatura u diversi oġġetti elettroniċi u hu mgħammar b'kejbil.

L-istrument iħoss il-veloċità angolari f'firxa ta' bejn wieħed u ieħor 50-1 200 °/s (grad kull sekonda) u jipproduċi, permezz tal-komponenti elettroniċi tiegħu, sinjal tal-output elettriku proporzjonat għall-valuri misjubin. Is-sinjal ma jidhirx fuq l-istrument, iżda jiġi trażmess lil tagħmir ieħor imqabbad b'kejbil.

Is-sensur tat-temperatura jipprovdi informazzjoni biex jiġu kkompensati varjazzjonijiet eventwali fis-sinjal tal-output dovuti għall-bidla fit-temperatura.

L-istrument huwa magħmul biex jintuża biex jingħataw struzzjonijiet dwar il-pożizzjoni adatta biex ikun jista' jiġi operat tagħmir bħat-turbini tar-riħ, il-magni jew il-magni industrijali.

9031 80 38

Il-klassifikazzjoni tiġi stabbilita bir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-nota 3 tal-Kapitolu 90, kif ukoll bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 9031 , 9031 80 u 9031 80 38 .

Minħabba li l-istrument fih kemm sensuri tal-veloċità angulari kif ukoll sensur tat-temperatura, dan huwa magna komposta mwaħħla flimkien biex tifforma xi ħaġa waħda skont it-tifsira tan-nota 3 tal-Kapitolu 90 (in-nota 3 tat-Taqsima XVI). Peress li s-sensur tat-temperatura jintuża prinċipalment biex jagħti tagħrif biex jitwieżen is-sinjal tal-ouput, il-funzjoni prinċipali tal-istrument titwettaq mis-sensuri tal-veloċità angulari.

Peress li l-istrument ma jintużax għan-navigazzjoni, il-klassifikazzjoni tiegħu taħt l-intestatura 9014 bħala strumenti navigazzjonali jew bħala partijiet u aċċessorji tagħhom hija eskluża.

Minkejja li l-istrument jimmarka n-numru ta' gradi kull sekonda, dan mhuwiex simili għall-indikaturi tal-veloċità li jaqgħu taħt l-intestatura 9029 peress li l-valuri misjuba mhumiex indikati fuq l-istrument iżda jiġu trażmessi, fil-forma ta' sinjal elettriku, lil tagħmir apparat ieħor.

Għalhekk l-oġġett għandu jiġi kklassifikat skont il-kodiċi NM 9031 80 38 bħala strumenti, apparati u magni elettroniċi li jkejlu jew jiċċekkjaw iżda li mhumiex speċifikati mkien ieħor fil-Kapitolu 90.