KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-22 ta’ Novembru 2012 ( 1 )
Kawża C-258/11
Peter Sweetman
L-Irlanda
Attorney General
Minister for the Environment, Heritage and Local Government
vs
An Bord Pleanala
[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]
“Ambjent — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq sit protett — Effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”
Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Habitat ( 2 ). Il-kwistjoni partikolari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-interpretazzjoni korretta tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li jirrigwarda pjanijiet jew proġetti li ma humiex direttament konnessi ma’ jew neċessarji għall-imaniġġar ta’ sit innominat bħala ħabitat naturali. Din id-dispożizzjoni tapplika meta pjan jew proġett “x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti” fuq is-sit. Jekk dan ikun il-każ, għandha ssir evalwazzjoni xierqa tal-konsegwenzi fir-rigward tas-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jaqblu ma dan il-proġett jew pjan biss meta huma jkunu żguraw, permezz ta’ din l-evalwazzjoni, li dan “ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit”. Il-qorti nazzjonali qiegħda titlob li tiġi ggwidata dwar it-tifsira ta’ din il-frażi tal-aħħar. |
Il-Kuntest Ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (“Unjoni Ewropea”)
|
2. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
[…]
[...] (1) ‘żona speċjali ta’ konservazzjoni’ tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew att kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitat naturali u/jew tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat.” |
|
3. |
L-Artikolu 2 jipprovdi: “(1) L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat. (2) Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità. (3) Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali”. |
|
4. |
Skont l-Artikolu 3(1): “Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom. […]” |
|
5. |
L-Artikolu 4 jistabilixxi l-proċedura li permezz tagħha jiġu nnominati s-siti li jikkostitwixxu habitat naturali skont id-Direttiva. Dan essenzjalment jinvolvi t-tħejjija ta’ lista ta’ siti xierqa minn kull Stat Membru, li sussegwentement tintbagħat lill-Kummissjoni (Artikolu 4(1)). Il-Kummissjoni mbagħad, abbażi tal-informazzjoni pprovduta lilha u bi qbil ma’ kull Stat Membru, tħejji lista preliminari ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità (“SIK”), li l-għan tagħha huwa li tidentifika dawk l-Istati Membri li jospitaw xi tip ta’ habitat jew habitats naturali ta’ priorità jew xi speċi ta’ priorità. Il-lista ta’ siti nnominati għandha mbagħad tiġi formalment adottata mill-Kummissjoni (Artikolu 4(2)). Ladarba sit ikun ġie adottat bħala SIK skont il-poroċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu, fi żmien perjodu li ma jeċċedix sitt snin, jinnominah bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni (“ŻSK”) (Artikolu 4(4)). Madankollu, hekk kif is-sit jiddaħħal fil-lista ta’ siti adotatti mill-Kummissjoni bħala ŻSK, dan isir suġġett għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(2), (3) u (4) (Artikolu 4(5)). |
|
6. |
L-Artikolu 6 jipprovdi: “1. Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġijiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet [għanijiet] ta’ din id-Direttiva. 3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali. 4. Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji [imperattivi] oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati. Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji [imperattivi] oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.” |
|
7. |
Fl-Anness 1 tad-Direttiva hemm imniżżel dan:
|
Id-dritt nazzjonali
|
8. |
L-iżvilupp tat-toroq ġewwa l-Irlanda huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Roads Act 1993 (kif emendat). Is-sezzjonijiet 50 u 51 ta’ dan l-Att, flimkien mal-European Communities (Environmental Impact Assessment) (Amendment) Regulations 1999, jeżiġu proċedura għall-iżvilupp ta’ proġetti bħal dawn. Din il-proċedura teżiġi t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali għall-iskopijiet tad-Direttiva 85/337 ( 3 ). |
|
9. |
Barra minn hekk, jekk l-iżvilupp ta’ triq x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv fuq ċertu siti ta’ importanza ekoloġika, dan għandu jkun suġġett għall-European Communities (Natural Habitats) Regulations 1997 (kif emendati) (iktar ’il quddiem, ir-“regolamenti”), li jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali. |
|
10. |
Ir-Regolament 2 tar-Regolamenti jiddefinixxi “sit Ewropew” b’tali mod li jinkludi wkoll dawk is-siti li l-Irlanda qed tipproponi li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni biex jiġu adottati bħala ŻSK. Ir-Regolament 4 jistabbilixxi proċedura għan-notifikazzjoni ta’ dawn is-siti ġewwa l-Irlanda. Dawn is-siti jiġu sussegwentement inkorporati fil-lista mibgħuta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva. |
|
11. |
Ir-Regolament 30 tar-Regolamenti (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament 30”) jipprovdi:
[…]
[…]
|
|
12. |
Skont il-qorti nazzjonali, l-effett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali huwa li livell ta’ ħarsien ekwivalenti għal dak stabbilit fl-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva għandu jibda jgħodd, fir-rigward ta’ sit, mid-data li fiha l-proprjetarji u l-okkupanti affettwati jiġu avżati dwar il-proposta biex dak is-sit jiġi inkluż f’lista li tkun ser tintbagħat lill-Kummissjoni. Din il-protezzjoni għalhekk tibda tapplika qabel ma s-sit jiġi inkluż fil-lista adottata mill-Kummissjoni bħala ŻSK skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva. |
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
|
13. |
Permezz tad-Deċiżjoni 2004/813 ( 4 ), il-Kummissjoni adottat lista preliminari taż-ŻSK skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva. Din il-lista tinkludi sit li jinkludi l-Lough Corrib u ż-żoni ta’ madwarha, li jinsabu f’County Galway, l-Irlanda. L-erja totali ta’ dan is-sit hija ta’ bejn wieħed u ieħor 20582 ettaru. |
|
14. |
Permezz tad-Deċiżjoni 2008/23 ( 5 ), il-Kummissjoni ħassret id-Deċiżjoni 2004/813 u adottat l-ewwel lista aġġornata ta’ ŻSK. Din il-lista kienet tinkludi s-sit ta’ Lough Corrib, li l-kejl tiegħu baqa’ l-istess. |
|
15. |
F’Diċembru 2006, il-ministru kompetenti ħareġ avviż, ġewwa l-Irlanda, li skontu s-sit ta’ Lough Corrib kien ġie estiż u li kien jikkonsisti f’25 253 ettaru. Il-parti estiża kienet tammonta għal bejn wieħed u ieħor 4760 ettaru. Fil-parti estiża ta’ dan is-sit jinsabu 270 ettaru ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir, li huwa tip ta’ habitat naturali ta’ priorità elenkat fl-Anness I tad-Direttiva. |
|
16. |
F’Diċembru 2007, is-sit estiż ġie inkluż f’lista ta’ siti li ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Irlanda skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva. |
|
17. |
Permezz tad-Deċiżjoni 2009/96 ( 6 ), il-Kummissjoni ħassret id-Deċiżjoni 2008/23 u adottat it-tieni lista aġġornata ta’ ŻSK. Dik il-lista kienet tinkludi s-sit estiż ta’ Lough Corrib. |
|
18. |
Sadanittant, fl-20 ta’ Novembru 2008, l-An Bord Pleanala (il-Bord Irlandiż tal-Ippjanar) (iktar ’il quddiem, il-“Bord”), li huwa l-awtorità nazzjonali kompetenti fl-Irlanda għall-iskopijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva, fl-20 ta’ Novembru 2008 adotta deċiżjoni (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni inkwisjtoni”) li permezz tagħha ngħata permess għall-bini ta’ triq li kellha tgħaddi minn parti mis-sit ta’ Lough Corrib. It-triq proposta hija magħrufa bħala l-“N6 Galway City Outer Bypass road scheme”. Il-parti tas-sit li minnha kien ippjanat li tgħaddi t-triq tinsab fl-estensjoni ta’ 4760 ettaru msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq. |
|
19. |
Jekk l-iżvilupp tat-triq iseħħ, jintilfu għal dejjem 1.47 ettaru ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir ( 7 ). Dawn ikunu qed jintilfu minn dik il-parti estiża tas-sit, li fiha jinsabu 85 ettaru mit-total tas-270 ettaru ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir li jinsab fis-sit intier ta’ Lough Corrib. |
|
20. |
Qabel ma ġiet adotatta d-deċiżjoni inkwistjoni, il-Bord ħatar spettur espert biex jagħmel evalwazzjoni tal-konsegwenzi ambjentali (inter alia) li l-iżvilupp tat-triq seta’ jkollu fuq dan is-sit. Bħala parti mid-doveri tiegħu, huwa spezzjona s-sit fuq perjodu ta’ disa’ xhur u laqqa’ seduta, li damet għaddejja 21 ġurnata u li fiha l-partijiet interessati ġew irrappreżentati oralment u/jew bil-miktub. L-ispettur, abbażi tal-ispezzjoni, tal-informazzjoni u tal-argumenti ppreżentati waqt is-seduta, ħejja rapport u rakkomandazzjonijiet li huwa ssottometta lill-Bord. F’dan ir-rapport, huwa esprima l-fehma tiegħu li t-telf “ta’ bejn wieħed u ieħor 1.5 ettaru” ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir kellu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-85 ettaru ta’ paviment li kienu jinsabu fil-parti estiża tas-sit oriġinali ta’ Lough Corrib – meta wieħed iqis l-estensjoni bħala ‘sottożona distinta’ tas-sit kollu – u mhux fil-kuntest ta’ 270 ettaru ta’ paviment li jinsabu fis-sit meta wieħed iqisu fl-intier tiegħu. Huwa nnota wkoll li bit-teħid ta’ miżuri biex inaqqsu mit-telf ta’ paviment, il-parti tal-paviment bil-ħaġar tal-ġir li kien ser ikollha titneħħa biex tinbena t-triq kienet ċkienet b’ammont li deherlu li kien “ammont sinjifikattiv” (minn 3.8 ettaru għal 1.5 ettaru). F’dak li jikkonċerna t-telf innifsu, l-ispettur ikkonkluda li “f’dak li jirrigwarda l-kwantità, dan it-telf relattivament żgħir ma jkunx jammonta għal effett ħażin fuq l-integrità taż-żona”. F’dak li jikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-frammentazzjoni u d-disturb, huwa sab li “l-iżvilupp propost ma kienx ser jafettwa b’mod serju l-ilħuq tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit u ma kienx ser jaffettwa b’mod serju l-integrità tas-sit”. |
|
21. |
L-ispettur ikkonkluda wkoll li “l-fatt li ġie stmat effetti ta’ livell negattiv ħafna, li jagħti lok għal miżuri xierqa biex itaffu dan l-effetti” kien raġonevoli. Mid-diġriet tar-rinviju jirriżulta ċar li meta uża l-frażi “effetti ta’ livell negattiv ħafna” fir-rapport tiegħu, l-ispettur kien qed jimxi skont il-linji gwida stabbiliti mill-Irish National Roads Authority (L-Awtorità Nazzjonali tat-Toroq). L-effett ta’ dawk il-linji gwida kien li jeżiġu li kwlunkwe effetti permanenti fuq sit bħalma huwa l-Lough Corrib jitqiesu bħala “negattivi ħafna”. Għalhekk l-użu ta’ din l-espressjoni għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-permanenza tal-effetti. |
|
22. |
Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Bord qabel mal-evalwazzjoni li l-ispettur għamel tal-effetti ambjentali tal-proġett. Il-Bord ikkonkluda li l-iżvilupp “filwaqt li għandu effetti lokalizzati qawwija fuq [is-sit] ta’ Lough Corrib, ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan [is-sit]. Għalhekk l-iżvilupp [...] ma għandux ikollu effetti mhux aċċettabbli fuq l-ambjent u għandu jkun konformi mal-ippjanar xieraq u l-iżvilupp sostenibbli ta’ din iż-żona”. |
|
23. |
P. Sweetman ikkontesta d-deċiżjoni inkwistjoni quddiem il-High Court (Irlanda), billi qal, b’mod partikolari, li l-Bord ma kellux raġun li jikkonkludi li l-proġett tal-bini tat-triq ma kienx ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ta’ Lough Corrib. Peress li tilef dan ir-rikors fl-ewwel istanza, P. Sweetman appella quddiem is-Supreme Court, li għamlet id-domandi preliminari segwenti:
|
|
24. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn P. Sweetman, mill-Bord, minn Galway County Council u Galway City Council (ikkunsidrati flimkien, iktar ’il quddiem, l-“Awtoritajiet Lokali”), mill-Irlanda, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012, P. Sweetman, il-Bord, l-Awtoritajiet Lokali, l-Irlanda, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Greċja, u l-Kummissjoni ġew irrappreżentati u għamlu sottomissjonijiet orali lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
Analiżi
Ammissibbiltà
|
25. |
Fi żmien it-teħid tad-deċiżjoni inkwistjoni, fl-Irlanda kien ħareġ l-avviż, skont ir-Regolament 4 tar-Regolamenti, dwar l-estensjoni tas-sit ta’ Lough Corrib, iżda din l-estensjoni kienet għadha ma ġietx inkluża bħala ŻSK fil-lista ta’ siti adottata mill-Kummissjoni. Għalhekk kienet tikkwalifika għall-ħarsien stipulat fir-Regolament 30 iżda mhux għal dak stipulat fl-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva ( 8 ). Ninsab ċert li s-Supreme Court kienet konxja sew ta’ dan il-punt meta għamlet ir-rinviju. Madankollu, l-Awtoritajiet Lokali jikkontendu li għalhekk id-domandi magħmula jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u għaldaqstant ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex taċċetta li tirrispondihom. |
|
26. |
Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni daqshekk ristretta tal-Artikolu 267 TFUE ma hijiex ġustifikata. |
|
27. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher ċar li din il-Qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari f’każijiet li jirrigwardaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun saret bil-għan li timplementa d-dritt tal-Unjoni Ewropea, anki meta s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx, strettament, irregolata mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. |
|
28. |
Dan ikun il-każ meta l-għan tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jkun li jiġu adottati l-istess soluzzjonijiet adottati permezz tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli, skont id-dritt nazzjonali, b’mod dirett u assolut. Il-leġiżlazzjoni għandha tinkludi indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed biex minnhom ikun jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatura nazzjonali kellha l-għan li tirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE abbażi tal-fatt li, sabiex jiġu antiċipati u evitati differenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw ( 9 ). |
|
29. |
Dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taċċetta l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi f’kull każ li jinvolvi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk fis-sentenza Kleinwort Benson ( 10 ), hija ppreċiżat li r-rinviju ma kienx ammissibbli minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kellhiex “renvoi diretta u assoluta” fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew b’tali mod li tkun tista’ tinkorporahom fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, iżda minnflok użat dawk id-dispożizzjonijiet biss bħala mudell. Barra minn hekk, filwaqt li ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ttieħdu mil-leġiżlazzjoni korrispondenti Ewropea kważi kelma b’kelma, xi oħrajn tbiegħedu minnha u saru provvedimenti espliċiti għall-awtoritajiet tal-Istat Membru inkwistjoni biex jadottaw modifiki “maħsuba biex joħolqu diverġenza” minn dik il-leġiżlazzjoni korrispondenti. |
|
30. |
Filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 30 huwa limitat għall-proposti għall-iżvilupp tat-toroq, u għalhekk huwa iżjed ristrett minn dak tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva, jidher xorta waħda ċar li l-għan tiegħu huwa li f’dan il-kuntest jiġu adottati l-istess soluzzjonijiet bħal dawk previsti mid-Direttiva. L-applikazzjoni tar-Regolament 30 huwa kemm dirett kif ukoll assolut. Barra dan, it-titlu tar-Regolamenti jagħmilha ċara li dawn ir-regolamenti saru bl-iskop li l-leġiżlazzjoni Ewropea tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali ( 11 ). |
|
31. |
F’dan l-isfond, jien tal-fehma li l-bżonn li jiġu antiċipati u evitati differenzi futuri ta’ interpretazzjoni, bħal fil-każ tar-Regolament 30 tar-Regolamenti u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, huwa tal-ikbar importanza. Ladarba sit ikun ġie inkluż fil-lista ta’ ŻSK tal-Kummissjoni, ma hemmx dubju li r-Regolament 30, meta jkun qed jiġi applikat fir-rigward ta’ dan is-sit, għandu jiġi interpretat skont l-Artikolu 6(3). Bl-istess mod, ir-Regolament 30 għandu jiġi interpretat u applikat b’mod konsistenti taħt id-dritt nazzjonali, indipendentement minn jekk is-sit inkwistjoni jkun (għadu) ġie inkluż fil-lista. Għalhekk, il-qrati Irlandiżi għandhom jiżguraw li, meta jkunu qed jinterpretaw ir-Regolament 30 f’każ fejn l-Artikolu 6(3) ikun (għadu) ma japplikax, ma jkollhomx għalfejn ibiddlu dik l-interpretazzjoni f’każ fejn dan l-Artikolu jsir japplika ( 12 ). |
|
32. |
L-Awtoritajiet Lokali jikkontendu li l-element Ewropew neċessarju huwa nieqes: peress li fiż-żmien rilevanti s-sit ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3), il-Kummissjoni ma għandhiex ikollha ġurisdizzjoni tagħti opinjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 6(4). Jidhrili li dan il-punt huwa irrilevanti. Dan bl-ebda mod ma jnaqqas il-bżonn li jiġu antiċipati u evitati d-differenzi fl-interpretazzjoni kif imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq. Barra minn dan jidhirli li jekk (abbażi ta’ interpretazzjoni korretta tar-Regolament 30, moqri fid-dawl tad-Direttiva) l-unika mod li l-iżvilupp ikun jista’ jipproċedi jkun bis-saħħa tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, l-Irlanda tkun obbligata jew li tirtira s-sit mil-lista ta’ siti msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq (ma huwiex eżattament ċar kif tkun tista’ tagħmel dan) jew inkella li tistenna sakemm is-sit jiġi nnominat u mbagħad tmur għand il-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(4). Iżda dan huwa sempliċement il-konsegwenza loġika tal-allineazzjoni tad-dritt nazzjonali mar-rekwiżiti tad-Direttiva qabel il-punt li fih ġiet stabbilita n-Natura 2000. |
|
33. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li s-Supreme Court kienet kompletament iġġustifikata li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk ikun xieraq li din il-Qorti tiddeċiedi. |
L-ewwel domanda
|
34. |
B’din id-domanda, il-qorti nazzjonali qed titlob li tiġi ggwidata dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u, b’mod partikolari, dwar il-frażi “effetti negattivi fuq l-integritá tas-sit”. |
|
35. |
Kif ippreċiża l-Bord waqt is-seduta, dan il-każ huwa insolitu peress li l-parti l-kbira tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn ma kienet saret ebda evalwazzjoni xierqa skont dik id-dispożizzjoni u d-domanda hija jekk tali evalwazzjoni hijiex neċessarja ( 13 ). Hawnhekk, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni saret u ma hemm ebda implikazzjoni li din ma kinitx twettqet kif suppost – fil-fatt, l-indikazzjonijiet huma li din saret b’reqqa kbira ( 14 ). Il-kwistjoni pjuttost tirrigwarda l-konklużjoni li ntlaħqet b’dik l-evalwazzjoni, u li abbażi tagħha l-Bord adotta d-deċiżjoni inkwistjoni. |
|
36. |
Waqt li d-domanda tirrigwarda espressjoni waħda użata fl-Artikolu 6(3), din l-espressjoni għandha tiġi interpretata billi wieħed iżomm f’moħħu l-kuntest li fih qed tiġi użata. Għalhekk, qabel ma ndur għall-obbligi stipulati fl-Artikolu 6 fl-intier tiegħu, ser nikkunsidra l-għanijiet li d-Direttiva tipprova tikseb. |
L-għanijiet tad-Direttiva
|
37. |
L-Artikolu 2(1) jipprovdi li l-għan tad-Direttiva huwa li tikkontribwixxi biex tiġi ggarantita l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-flora u l-fawna selvaġġa fl-Istati Membri kollha. L-Artikolu 2(2) jkompli jistipula li l-miżuri meħuda abbażi tad-direttiva għandhom ikunu intiżi biex jżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma “ta’ interess għall-Komunità”. |
|
38. |
L-Artikolu 1(a) jiddefinixxi l-kelma “konservazzjoni” bħala “għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantenuti jew ripristinati l-habitat naturali [...] fi stat favorevoli”. Skont l-Artikolu 1(e), l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali għandu jitqies bħala “favorevoli” meta, inter alia, il-firxa naturali u ż-żoni li jkopri f’dik il-firxa jkunu stabbli jew qed jiżdiedu u l-istruttura u l-funzjonijiet speċifiċi li huma neċessarji għall-manteniment tiegħu fuq żmien twil jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli. |
|
39. |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1) jeżiġi li tiġi stabbilita, taħt in-“Natura 2000”, sistema ekoloġika Ewropea koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Din is-sistema hija maħsuba biex tippermetti, inter alia, li t-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I jiġu mantnuti, jew fejn xieraq irrippristinati, fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni fil-firxa naturali tagħhom. |
|
40. |
Huwa għalhekk għan essenzjali tad-Direttiva li l-habitats naturali jiġu mantnuti, u fejn xieraq irrippristinati, fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni. Tali għan huwa neċessarju fil-kuntest – espress fir-raba’ premessa tal-Preambolu tad-Direttiva – tad-deterjorament kontinwu ta’ dawn il-habitats u tal-bżonn li jittieħdu miżuri biex jiġu kkonservati. Dan huwa a fortiori l-każ f’dak li jirrigwarda tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità. L-Artikolu 1(d) jiddefinixxihom bħala “tipi ta’ habitat naturali li qegħdin fil-periklu li jgħibu għal kollox”, u jgħid li l-Komunità għandha “responsabbiltà partikolari” li tikkonservahom. |
L-Artikolu 6
|
41. |
L-Artikolu 6 għandu jiġi interpretat f’dan l-isfond. F’dak li jirrigwarda l-habitats naturali, dan jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni fir-rigward tas-SIK (Artikolu 6(1)) u li għandhom jittieħdu passi biex jiġi evitat id-deterjorament ta’ dawn il-habitats (Artikolu 6(2)), minn naħa, u jistabbilixxi għadd ta’ proċeduri li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta’ pjanijiet jew proġetti li ma humiex direttament konnessi ma’ jew neċessarji għall-imaniġġar tas-sit (Artikolu 6(3) u (4)), min-naħa l-oħra. Mingħajr dawn id-dispożizzjonijiet, ikun hemm ir-riskju li l-kunċetti ta’ manteniment u ripristinar li fuqhom hija bbażata d-Direttiva ma jkollhom ebda effett prattiku. |
|
42. |
Mill-miżuri previsti fl-Artikolu 6, dawk stipulati fl-ewwel paragrafu, li jirrigwardaw il-ħolqien ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, ma humiex direttament rilevanti għad-domanda. Dawn essenzjalment qegħdin hemm biex jiġi żgurat li jittieħdu passi pożittivi, fuq bażi bejn wieħed u ieħor regolari, sabiex jiġi żgurat li l-istatus ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jibqa’ mantnut u/jew jiġi rrippristinat. |
|
43. |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) għandhom skop differenti. L-Artikolu 6(2) jimponi obbligu komprensiv li jiġu evitati d-deterjorament jew id-disturb. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4) imbagħad jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fir-rigward ta’ pjan jew proġett li ma huwiex direttament konness ma’ jew neċessarju għall-imaniġġar tas-sit (u għalhekk ma huwiex kopert mill-Artikolu 6(1)) iżda li x’akatrx ikollu effett sinjifikattiv fuqu. Għalhekk flimkien, l-iskop ta’ dawn it-tliet paragrafi huwa li jipprevjenu li ssir ħsara lis-sit jew (f’każijiet eċċezzjonali fejn il-ħsara, għal raġunijiet imperattivi, ikollha tiġi ttollerata) li din il-ħsara tkun minima. Għaldaqstant għandhom jiġu interpretati flimkien. |
|
44. |
L-Artikolu 6(2) jimponi fuq l-Istati Membri r-rekwiżit ġenerali li jżommu l-istatus quo ( 15 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet dan ir-rekwiżit bħala wieħed “li jippermetti li jintlaħaq l-għan essenzjali tal-preservazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa u jistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni ġenerali, li jikkonsisti li jiġu evitati deterjorazzjonijiet u tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan ta’ din id-direttiva” ( 16 ). L-obbligu li jistabbilixxi l-Artikolu 6(2) ma huwiex wieħed assolut fis-sens li jimponi d-dover li jiġi żgurat li ma jsiru tibdiliet ta’ ebda tip, u f’ebda żmien, fis-sit inkwistjoni. Pjuttost wieħed għandu jqisu billi jieħu kont tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ( 17 ), minħabba li s-sit ikun ġie nnominat għal din ir-raġuni. Għalhekk ir-rekwiżit huwa li jittieħdu l-passi xierqa kollha biex jiġi evitat li dawk l-għanijiet jiġu ppreġudikati. B’hekk tkun qed tiġi ppreżervata l-awtentiċità tas-sit bħala habitat naturali, b’dak kollu li dan jimplika għall-bijodiversità tal-ambjent. It-traskuraġni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent ma hijiex possibbli. |
|
45. |
B’kuntrast ma dan, l-Artikolu 6(3) ma huwiex ikkonċernat bl-amministrazzjoni ta’ kuljum tas-sit. Dan l-artikolu japplika biss fejn ikun hemm pjan jew proġett li ma huwiex direttament konness ma’ jew meħtieġ għall-immaniġġar tas-sit. L-istess artikolu jistabbilixxi test b’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-pjan jew il-proġett inkwistjoni “x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti [fuq is-sit]”. |
|
46. |
Hawnhekk nixtieq nieqaf ftit biex nosserva li, għalkemm il-kliem “likely to have [an] effect” użat fil-verżjoni Ingliża tat-test ( 18 ) jista’ mill-ewwel jagħti lil wieħed x’jifhem li hemm għalfejn jiġi stabbilit element ta’ probabbiltà – jiġifieri li jista’ jidher li qed jeżiġi determinazzjoni immedjata, u possibbilment iddettaljata, tal-effetti li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni jista’ jkollu fuq is-sit – l-espressjoni użata f’verżjonijiet lingwistiċi oħra hija iżjed dgħajfa. Għalhekk, pereżempju, fil-verżjoni Franċiża l-espressjoni hija “susceptible d’affecter”, il-verżjoni Ġermaniża tuża “beeinträchtigen könnte”, l-Olandiża tirreferi għal pjan jew proġett li “gevolgen kan heben”, filwaqt li dik Spanjola tuża “pueda afectar”. Kull waħda minn dawn il-verżjonijiet tissuġġerixxi li l-livell tat-test huwa iżjed baxx u li l-mistoqsija hija sempliċement jekk il-pjan jew il-proġett inkwistjoni jistax ikollu xi effett. Huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem il-frażi Ingliża “likely to” ( 19 ). |
|
47. |
Minn dan isegwi li l-possibbiltà li jkun hemm effett sinjifikattiv fuq is-sit toħloq il-bżonn ta’ evalwazzjoni xierqa għall-iskopijiet tal-Artikolu 6(3) ( 20 ). Ir-rekwiżit, f’dan l-istadju, li l-pjan jew il-proġett x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv, huwa għalhekk l-element li jiġġenera l-obbligu li ssir evalwazzjoni xierqa. Ma hemm ebda bżonn li jiġi stabbilit dan l-effett; kif tosserva l-Irlanda, huwa sempliċement neċessarju li jiġi ddeterminat li jista’ jkun hemm dan l-effett. |
|
48. |
Ir-rekwiżit li l-effett inkwistjoni jkun “sinifikanti” qiegħed hemm biex jiġi stabbilit livell de minimis. Dawk il-pjanijiet jew dawk il-proġetti li ma għandhom ebda effett li jista’ jiġi evalwat fuq is-sit huma għalhekk esklużi. Li kieku l-pjanijiet jew il-proġetti kollha li jista’ jkollhom kwalunkwe effett fuq is-sit kellhom jaqgħu taħt l-Artikolu 6(3), ikun hemm ir-riskju li kull attività fuq jew viċin is-sit issir impossibbli minħabba dan l-eċċess leġiżlattiv. |
|
49. |
Il-livell tal-ewwel stadju tal-Artikolu 6(3) huwa għalhekk wieħed baxx ħafna. Dan iservi biss ta’ attivatur, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir evalwazzjoni xierqa tal-konsegwenzi li l-pjan jew il-proġett jista’ jkollu fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. L-iskop ta’ din l-evalwazzjoni huwa li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni jiġi kkunsidrat bir-reqqa, abbażi ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja sejħet “l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam” ( 21 ). Il-membri tal-pubbliku jistgħu wkoll jiġu mistiedna jagħtu l-opinjoniet tagħhom. Dawn l-opinjonijiet jistgħu ta’ spiss jipprovdu għerf prattiku ta’ valur ibbażat fuq il-konoxxenza tagħhom, bħala nies tal-lokal, tas-sit inkwistjoni u fuq informazzjoni rilevanti oħra li altrimenti tista’ ma tkunx disponibbli għal dawk li jkunu qed jagħmlu l-evalwazzjoni. |
|
50. |
Dak li l-evalwazzjoni esperta għandha tiddetermina huwa jekk il-pjan jew il-proġett inkwistjoni għandux “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”, minħabba li huwa fuq dan li jridu jibbażaw ruħhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jaslu għad-deċiżjoni tagħhom. Huwa ċar li l-livell ta’ dan (it-tieni) stadju huwa ogħla minn dak stabbilit fl-ewwel stadju. Dan huwa minħabba li l-mistoqsija ma hijiex (biex nuża terminolġijia iżjed sempliċi) “għandna nindenjaw ruħna nivverifikaw?” (li hija l-mistoqsija tal-ewwel stadju) iżda pjuttost “x’ser jiġri lis-sit jekk dan il-pjan jew proġett jipproċedi?; u dan ikun konsistenti ‘mal-manteniment jew ir-ripristinar tal-istat favorevoli ta’ konservazzjoni’ tal-habitat jew tal-ispeċi kkonċernat?”. Fil-kawża preżenti huwa paċifiku li jekk il-bini tat-triq iseħħ parti mill-habitat tintilef għal dejjem. Il-kwistjoni hawn hija sempliċement jekk il-bini tat-triq jistax jiġi awtorizzat mingħajr ma jinqabeż dak il-livell u mingħajr ma jkollhom jiġu invokati l-bqija tal-elementi tal-Artikolu 6(3) [u jekk meħtieġ, tal-Artikolu 6(4)]. |
|
51. |
Madankollu, huwa ċar, li l-livell stabbilit f’dan l-istadju tal-Artikolu 6(3) ma jistax jiġi ffissat wisq fl-għoli, minħabba li l-evalwazzjoni għandha ssir billi tingħata attenzjoni rigoruża għall-prinċipju ta’ prekawzjoni. Dan il-prinċipju japplika meta jkun hemm l-inċertezza fir-rigward tal-eżistenza jew tal-livell tar-riskji ( 22 ). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw pjan jew proġett biss jekk ikunu konvinti li dan ma huwiex ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat. Jekk ma jkunux ċerti li mhux ser ikun hemm effetti ħżiena, għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ( 23 ). |
|
52. |
Kif għandu jiġi interpretat ir-riferiment, f’din l-espressjoni, għall-“integrità” tas-sit? |
|
53. |
Għal darba oħra, hawnhekk, ta’ min wieħed jieqaf ftit biex josserva d-differenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6(3). Il-verżjoni Ingliża tuża kelma astratta (integrity) – l-istess sistema adottata, pereżempju, fil-verżjoni Franċiża (intégrité) u dik Taljana (integrità). Xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra huma iżjed konkreti. Għaldaqstant, il-verżjoni Ġermaniża tirreferi għas-sit “als solches” (fis-sens strett tal-kelma). Il-verżjoni Olandiża titkellem dwar il-“natuurlijke kennmerken” (karatteristiċi naturali) tas-sit. |
|
54. |
Minkejja dawn id-differenzi lingwistiċi, jidhirli li kollha qed jittrattaw l-istess punt. Hija l-unità essenzjali tas-sit li hija rilevanti. Fi kliem ieħor, il-kunċett ta’ “integrità” għandu jinftiehem bħala li qed jirreferi għat-totalità u l-kundizzjoni tajba kontinwi tal-karatteristiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat. |
|
55. |
L-integrità li għandha tiġi ppreservata għandha tkun dik “tas-sit”. Fil-kuntest ta’ sit li jikkonsisti f’habitat naturali, dan ifisser sit li ġie nnominat wara li jkun ġie kkunsidrat il-bżonn li l-habitat inkwistjoni jiġi mantenut (jew ripristinat) fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Dan ikun ta’ importanza partikolari meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża preżenti, is-sit inkwistjoni jkun habitat naturali ta’ prijorità ( 24 ). |
|
56. |
Minn dan isegwi li l-karatteristiċi kostituttivi tas-sit li għandhom ikunu rilevanti huma dawk li fir-rigward tagħhom ġie nnominat is-sit u l-għanijiet ta’ konservazzjoni assoċjati magħhom. Għalhekk, meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk l-integrità tas-sit hijiex ser tiġi affettwata, il-mistoqsija li għandu jistaqsi min ikun qed jieħu d-deċiżjoni hija “għaliex ġie nnominat dan is-sit partikolari u x’inhuma l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu?”. Fil-kawża preżenti, in-nominazzjoni saret, għall-inqas sa ċertu punt, minħabba l-preżenza ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir f’dan is-sit – riżorsa naturali fil-periklu li tgħib, li ladarba tinqered, ma tistax tiġi ssostitwita u li għalhekk huwa essenzjali li tiġi kkonservata. |
|
57. |
Fl-aħħar nett, l-effett fuq l-integrità tas-sit għandu jkun “ħażin”. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni xierqa tat-tieni stadju skont l-Artikolu 6(3) tista’ tiddetermina li l-effett tal-pjan jew tal-proġett fuq is-sit ser ikun newtrali, jew saħansitra ta’ benefiċċju. Iżda jekk l-effett ikun negattiv, dan il-pjan jew proġett ma jistax jipproċedi – għall-inqas skont din id-dispożizzjoni. |
|
58. |
Allura x’jikkostitwixxi effett negattiv jew “ħażin”? Hawnhekk jista’ jkun ta’ għajnuna li niddistingwu bejn tliet sitwazzjonijiet. |
|
59. |
Pjan jew proġett jista’ jinvolvi xi telf strettament temporanju ta’ karatteristika li kapaċi tiġi rkuprata – fi kliem ieħor, is-sit jista’ jiġi ripristinat fl-istat xieraq ta’ konservazzjoni tiegħu fi żmien qasir. Eżempju ta’ dan jista’ jkun it-tħaffir ta’ xi trinka sabiex tkun tista’ tingħadda kanna sotterranea minn naħa għal oħra ta’ xi parti ta’ sit. Sakemm ikun possibbli li kwalunkwe disturb fis-sit jiġi rripristinat, ma jkunx hemm (kif nifhimha jien) effett ħażin fuq l-integrità tas-sit. |
|
60. |
Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dan, miżuri li jinvolvu l-qerda permanenti ta’ parti mill-habitat li minħabba l-eżistenza tagħha jkun ġie nnominat is-sit, għandhom fil-fehma tiegħi, jiġu kkategorizzati bħala ħżiena. L-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit huma, minħabba din il-qirda, suġġetti li jiġu fundamentalment – u b’mod irreversibbli – imdgħajfa. Il-fatti li fuqhom huwa bbażat ir-rinviju preżenti jaqgħu f’din il-kategorija. |
|
61. |
It-tielet sitwazzjoni tikkonsisti fi pjanijiet jew proġetti li l-effett tagħhom fuq is-sit ikun jaqa’ bejn dawn iż-żewġ estremi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma semgħetx argumenti ddettaljati dwar jekk dawn il-proġetti jew pjanijiet għandhomx (jew ma għandhomx) jiġu meqjusa li joħolqu “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”. Jidhirli li jkun prudenti li nħallu dan il-punt miftuħ sabiex jiġi deċiż f’xi kawża sussegwenti. |
|
62. |
Ejja nassumu li pjan jew proġett jaqbeż il-limitu stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3). F’dan il-każ ikun meħtieġ li wieħed jikkunsidra jekk jistax jipproċedi skont l-Artikolu 6(4). Din id-dispożizzjoni tiġi attivata meta jkun hemm “evalwazzjoni negattiva tal-implikazzjonijiet għas-sit”. Sabiex l-Artikolu 6 jkun jagħmel sens bħala ħaġa sħiħa u koerenti, dan il-kliem għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikou 6(4) jkompli eżatt minn fejn ikun spiċċa l-Artikolu 6(3), jiġifieri hekk kif jinsab li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni ma jistax jipproċedi skont l-Artikolu 6(3). |
|
63. |
L-Artikolu 6(4), bħall-Artikolu 6(3), huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tapplika għal kull pjan jew proġett li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3). It-tieni parti tapplika biss meta s-sit inkwistjoni jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità. |
|
64. |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel sett – ġenerali – ta’ rekwiżiti, il-pjan jew il-proġett jista’ jipproċedi biss jekk ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħdu l-preċedenza u jekk ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alternattiva ( 25 ). Barra minn dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha neċessarji biex jiżgura li l-koerenza ġenerali tan-Natura 2000 tiġi mħarsa. Filwaqt li l-Kummissjoni għandha tiġi informata dwar il-miżuri kumpensatorji adottati, din, strettament, ma tipparteċipax fil-proċedura. Fi kliem ieħor il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi li jistgħu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li fejn il-ħsara lil jew il-qirda ta’ habitat naturali protett jistgħu jkunu neċessarji, iżda meta tippermetti li dan id-dannu jew il-qirda jitwettqu, tinsisti li jkun hemm kumpens sħiħ fir-rigward tal-konsegwenzi ambjentali ( 26 ). B’hekk l-istatus quo, jew l-iżjed li wieħed jista’ joqrob lejn l-istatus quo fiċ-ċirkustanzi kollha, jinżamm. |
|
65. |
It-tieni parti hija iżjed ristretta. Ir-raġunijiet li għalihom il-pjan jew il-proġett jista’ jipproċedi huma iżjed limitati u jista’ jkun neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru kkonċernat jiksbu opinjoni mill-Kummissjoni qabel ma jipproċedu ( 27 ). |
|
66. |
Filwaqt li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 6(4) huma intenzjonalment rigorużi, huwa importanti li wieħed josserva li dawn ma jikkostitwixxux ostakoli għall-awtorizzazzjoni li ma jistgħux jingħelbu. Waqt is-seduta l-Kummissjoni indikat li mill-15 sa 20 talba li saru taħt din id-dispożizzjoni sa issa għal opinjoni, waħda biss irċiviet riposta negattiva. |
|
67. |
Jidhirli li, f’dan il-kuntest ġenerali, kull interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) li tipprovdi livell ta’ ħarsien iktar baxx minn dak ikkontemplat fl-Artikolu 6(4) ma tistax tkun korretta. Il-fatt li l-Istati Membri jkunu obbligati jieħdu “l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa” meta jkunu qed iwettqu pjan jew proġett skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, sabiex tiġi ppreżervata l-koerenza ġenerali tan-Natura 2000, filwaqt li fl-istess ħin jingħataw permess li jawtorizzaw proġetti żgħar oħra skont id-dispożizzjoni ta’ qabel anki jekk dan jinvolvi xi ħsara jew qirda permanenti jew dewwiema, ikun inkompatibbli mas-sistema ġenerali prevista fl-Artikolu 6. Interpretazzjoni bħal din tkun ukoll tonqos milli tipprevjeni dak li l-Kummissjoni ssejjaħ il-fenomenu ta’ “death by a thousand cuts”, jiġifieri, it-telf kumulattiv ta’ habitat minħabba bosta, jew għallinqas numru ta’, proġetti żgħar li jitħallew jitwettqu fl-istess sit ( 28 ). |
|
68. |
L-analiżi preċedenti hija essenzjalment insostenn tar-raġunament espost minn P. Sweetman, mill-Irlanda u mill-Kummissjoni. Il-Bord, l-Awtoritajiet Lokali u r-Renju Unit jadottaw loġika differenti, ibbażata mill-qrib fuq il-kliem letterali tal-Artikolu 6(3). B’mod partikolari dawn jenfasizzaw il-proċess ta’ żewġ stadji li timponi din id-dispożizzjoni. Huma jikkontendu li kull stadju huwa separat u għalhekk għandu jiġi mifhum li kull wieħed għandu tifsira u skop differenti. |
|
69. |
Dan ir-raġunar alternattiv nista’ niġbru fil-qosor skont kif ġej. |
|
70. |
Matul interpretazzjoni tal-Artikolu 6, għandha ssir distinzjoni bejn l-Artikolu 6(1) u (2), minn naħa, u l-Artikolu 6(3) u (4), min-naħa l-oħra. L-ewwel tnejn qegħdin hemm biex jirregolaw l-immaniġġar ta’ kuljum tas-sit. It-tnejn tal-aħħar, min-naħa tagħhom, jittrattaw pjanijiet u proġetti li ma humiex relatati mal-immaniġġar. Dawn għalhekk jistgħu jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu eċċezzjonijiet għall-Artikolu 6(1) u (2). Matul kunsiderazzjoni ta’ pjan jew proġett bħal dan, għandu l-ewwel nett jiġi kkunsidrat jekk dan x’aktarx għandux ikollu effett sinjifikattiv fuq is-sit. F’dan il-kuntest il-kelma “x’aktarx” għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkonsisti f’test ta’ probabbiltà (minkejja l-fatt li huwa bbażat fuq prinċipju ta’ prekawzjoni – ma jidhirlix li dan qiegħed b’xi mod jiġi kkontestat). Pjan jew proġett li ma huwiex meqjus li x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv jista’ jipproċedi, mingħajr ebda bżonn ta’ evalwazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu. |
|
71. |
Għall-kuntrarju ta’ dan, meta jkun ġie previst dan l-effett, ikun meħtieġ li ssir evalwazzjoni. Meta jkun qed isir dan l-eżerċizzju, jiġifieri meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk il-pjan jew il-proġett “jaffettwawx ħażin l-integrità tas-sit”, wieħed għandu jżomm f’moħħu li din l-espressjoni għandha tfisser iżjed minn “jaffettwa ħażin is-sit”. Bl-istess mod l-espressjoni “effett ħażin” għandha tfisser li għandha sinjifikat iktar qawwi mill-frażi “jaffettwa b’mod sinjifikattiv” użata fl-ewwel stadju tal-Artikolu 6(3). Li kieku dan ma kienx hekk, ma jkun hemm ebda distinzjoni bejn l-attivatur sabiex jiġi deċiż jekk hijiex meħtieġa stima (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3)) u l-kriterju għad-determinazzjoni ta’ jekk għandiex tinċaħad l-awtorizzazjoni għat-tkomplija tal-pjan jew tal-proġett (it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3)). |
|
72. |
Abbażi ta’ dan, Il-Bord jikkontendi li d-deċiżjoni li tiġi awtorizzata l-iskema tal-bini tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata b’mod korrett. |
|
73. |
Is-sottomissjonijiet tal-partijiet li qed jappoġġaw l-interpretazzjoni li għadni kif iddeskrivejt huma strutturati tajjeb. Ċertament ma għandhomx jiġu mwarrba mingħajr ma wieħed jaħseb ftit dwarhom. |
|
74. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma hijiex korretta. Din tiffoka b’mod partikolari fuq il-kliem tal-Artikolu 6(3) moqri waħdu u tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest iżjed wiesa’ li fih għandha tiġi interpretata din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din tinvolvi tensjoni inerenti li ma tistax tiġi solvuta bejn l-għoti ta’ permess għal ċerti proġetti skont l-Artikolu 6(3), u sitwazzjoni fejn il-proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 6(4) jingħataw permess biss jekk jiġu adottati l-miżuri kumpensatorji kollha. Din ukoll tonqos milli ssolvi l-kwistjoni tad-“death by a thousand cuts”. |
|
75. |
Barra minn dan, dawn l-argumenti ma humiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita f’Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging ( 29 ) . Meta l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 35, li l-Artikolu 6(3) jagħmel l-applikazzjoni konkomitanti tar-regola dwar il-protezzjoni ġenerali stipulata fl-Artikolu 6(2) superfluwa, hija ma kinitx qed tipprova tenfasizza d-differenzri bejn dawn id-dispożizzjonijiet. Pjuttost, hija għażlet li tenfasizza s-similarità ta’ bejniethom. Kien b’dan l-argument f’moħħha li kompliet tosserva, fil-punt 36, li “l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett, mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) [tad-Direttiva] neċessarjament tippresupponi li ġie meqjus bħala li mhuwiex ta’ natura li jeffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat u, konsegwentement, li lanqas ma huwa ta’ natura li jwassal għad-deterjorament tal-habitats jew għat-tfixkil sinjifikattiv tal-ispeċi skont l-Artikolu 6(2)”. Kien għal din l-istess raġuni li fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva huwa “intiż sabiex jiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni” ( 30 ). |
|
76. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk pjan jew proġett li għalih japplika l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva għandux effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan il-pjan jew proġett hux ser ikollu effett negattiv fuq l-elementi kostituttivi tas-sit inkwistjoni, billi wieħed iqis ir-raġunijiet li għalihom dan is-sit ġie nnominat u l-għanijiet ta’ konservazzjoni relatati magħhom. Effett li huwa permanenti jew dewwiemi għandu jiġi kkunsidrat bħala effett ħażin. Biex jiġi ddeterminat dan, għandu japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni. |
It-tieni domanda
|
77. |
B’din id-domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni jirrikjedix li l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew proġett għandhiex tiġi miċħuda jekk din tkun tirriżulta fit-telf permanenti mhux rinnovabbli tal-ħabitat naturali inkwistjoni kollu jew ta’ parti minnu. Fid-domanda qed jiġi implikat li l-prinċipju inkwistjoni jista’ jkollu rwol separat fl-evalwazzjoni li li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħmlu skont l-Artikolu 6(3). Jiġifieri qiegħda tippreżupponi li, jekk dan il-prinċipju ma jiġix invokat, jista’ jinkiseb riżultat differenti minn dak li kien jinkiseb kieku ġie invokat. |
|
78. |
Fil-punt 51 iktar ’il fuq jien spjegajt kif jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Kif josservaw l-Awtoritajiet Lokali, dan huwa prinċipju ta’ proċedura, minħabba li jirrigwarda l-loġika li għandha tiġi adottata minn min ikun qed jieħu d-deċiżjoni u ma jirrikjedix riżultat partikolari. |
|
79. |
Fis-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(3) jinkludi fih il-prinċipju ta’ prekawzjoni ( 31 ). Għalhekk, bħalma josserva r-Renju Unit, jirriżulta li dan l-artikolu ma huwiex maħsub li joħloq diverġenza ta’ interpretazzjoni li trid tiġi rrimedjata permezz tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Jirriżulta wkoll li l-fatt li l-prinċipju huwa rilevanti biex jiġi stabbilit jekk awtorità kompetenti tistax teskludi xi effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit, ma jirrigwardax id-domanda preċedenti dwar xi jfisser dan it-test. |
|
80. |
Għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
It-tielet domanda
|
81. |
B’din id-domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi x’inhi r-relazzjoni bejn l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(4). |
|
82. |
Jien esponejt l-analiżi tiegħi ta’ din ir-relazzjoni iktar ’il fuq ( 32 ) u ma għandi xejn iżjed x’inżid ma’ dan. |
Konklużjoni
|
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali tkun kif ġej: Sabiex jiġi stabbilit jekk pjan jew proġett li għalih japplika l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandux effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan il-pjan jew dan il-proġett għandux ikollu effett negattiv fuq l-elementi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li għalihom dan is-sit ġie nnominat u l-għanijiet ta’ konservazzjoni relatati magħhom. Effett li huwa permanenti jew dewwiemi għandu jiġi kkunsidrat bħala effett ħażin. Biex jiġi ddeterminat dan għandu japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”).
( 3 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).
( 4 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, il-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU L 269M, p. 150)
( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE, tat-12 ta’ Novembru 2007, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU L 12, p. 1).
( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/96/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2008, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU L 43, p. 466).
( 7 ) Il-Kummissjoni ssostni li din il-figura ma hijiex eżatta u ma tistmax kemm suppost dik iż-żona ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir li għandha tiġi ssagrifikata. Madankollu, dan il-punt ma tqajjimx fid-digriet tar-rinviju - la espliċitament u lanqas impliċitament. Sa fejn dan il-punt jikkonċerna kwistjoni ta’ fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tittrattah. Sa fejn l-argumenti tal-Kummissjoni dwar dan il-punt iqajmu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni – u għalhekk ta’ dritt – dawn il-kwistjonijiet ma jaqgħux fi ħdan il-qafas tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, u lanqas ma hemm bżonn li jingħataw tweġiba sabiex jiġu ttratati dawn id-domandi. Għalhekk ma iniex ser inkompli nikkunsidrahom.
( 8 ) Id-deċiżjoni inkwistjoni kienet tal-20 ta’ Novembru 2008. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-estensjoni tas-sit fil-lista aġġornata taż-ŻSK ġiet adottata fit-12 ta’ Diċembru 2008, jiġifieri xi tliet ġimgħat wara d-data tad-deċiżjoni inkwistjoni.
( 9 ) F’dan ir-rigward, ara b’mod ġenerali s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C-482/10, Ġabra p. I-14139, punti 17 sa 19).
( 10 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995 (C-346/93, Ġabra p. I-615, punt 16).
( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C-48/07, Ġabra I-10627, punt 22).
( 12 ) Kif fil-fatt issa japplika għas-sit estiż ta’ Lough Corrib.
( 13 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Taljana (C-179/06, Ġabra p. I-8131); is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Franċiża (C-241/08, Ġabra p. I-1697); is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C-226/08, Ġabra p. I-131); u s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012Solvay et (C-182/10).
( 14 ) Ara l-punti 20 sa 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 15 ) F’dan ir-rigward ara, inter alia, is-sentenzi, tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C-127/02, Ġabra p. I-7405, punt 32); tal-14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-535/07, Ġabra p. I-9483, punt 58), u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-404/09, Ġabra p. I-11853, punt 127).
( 16 ) Ara s-sentenza Stadt Papenburg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punt 46.
( 18 ) Meta d-Direttiva ġiet adottata, f’Mejju tal-1992, il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kienu d-Daniż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż, it-Taljan, l-Olandiż, u l-Portugiż. It-test tad-Direttiva huwa għalhekk awtentiku f’kull waħda minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi.
( 19 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Borgmann (C-1/02 Ġabra p. I-3219) f’dak li jirrigwarda l-bżonn, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ regola tal-Unjoni Ewropea, li dispożizzjoni tiġi interpretata billi wieħed iqis l-iskop u l-istruttura ġenerali tar-regoli li din tifforma parti minnhom (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dak li jirrigwarda d-diffikultajiet li jistgħu joħolqu d-differenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi, il-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C-173/07, Ġabra p. I-5237).
( 20 ) Eżempju tat-tip ta’ konfużjoni li tista’ twassal għaliha din il-leġiżlazzjoni abbozzata b’mod xejn metikoluż, wieħed jista’ jarah fis-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq. Fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li jekk teżisti “sempliċi probabbiltà” li jista’ jkun hemm effetti sinjifikattivi, ikun meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa. Fil-punt 43 hija tagħmel riferiment għal fatt li jkun hemm “probabbiltà jew riskju”. Fil-punt 44, hija tuża l-frażi “f’każ ta’ dubju”. Jidhirli li hija din il-frażi tal-aħħar li tesprimi l-pożizzjoni bl-aħjar mod.
( 21 ) Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punt 54.
( 22 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et (C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 63).
( 23 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punti 56 sa 59.
( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 40 iktar ’il fuq.
( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Solvay et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq, punti 71 et seq.
( 26 ) Għal eżempju ta’ passi li ma jikkostitwixxux miżuri kumpensatorji adegwati, ara l-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Taljana (C-388/05, Ġabra p. I-7555), “Valloni e steppe pedegarganiche”. Jien ma iniex ser nittratta d-domanda ġenerali dwar kif wieħed għandu jidentifika x’jikkostitwixxi miżuri kumpensatorji adegwati fi kwalunkwe każ.
( 27 ) Il-leġiżlazzjoni tindika li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jiġu ppreżentati bħala opinjoni iktar milli bħala deċiżjoni. Għalhekk dawn ma jkunux direttament vinkolanti fuq il-partijiet ikkonċernati. Iżda l-Kummissjoni xorta waħda għandha l-possibbiltà li tieħu l-passi kontra Stat Membru li jikser, jew jippermetti lil min jikser, l-opinjoni tagħha. Alternattivament, terza persuna leża tista’ tiftaħ kawża quddiem qorti nazzjonali biex tikseb deċiżjoni b’effett xieraq.
( 28 ) Waqt is-seduta ġie diskuss ukoll jekk dan il-fenomenu kellux sehem fid-determinazzjoni ta’ jekk ġiex sodisfatt it-test tal-“effett ħażin fuq l-integrità tas-sit” skont l-Artikolu 6(3). Fil-fehma tiegħi, ma għandu ebda sehem f’dan il-kuntest. Il-kriterji rilevanti f’dan il-każ huma dawk imsemmija fil-punti 50 sa 60 iktar ’il fuq. Ma hemmx bżonn li wieħed imur oltre.
( 29 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq. Meta sussegwentement isir evidenti li pjan jew proġett x’aktarx ser iwassal għal deterjorament jew disturb, anki meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħu jinżammu responsabbli għal ebda żball, għandu japplika l-Artikolu 6(2) biex jiġi żgurat li l-integrità ta’ dak is-sit tiġi ripristinata (ara, f’dan is-sens, il-punt 37 tas-sentenza).
( 30 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 142.
( 31 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punt 58.
( 32 ) Ara l-punti 62 et seq.