|
1.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 27/15 |
DEĊIŻJONI (UE) 2020/140 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-22 ta’ Jannar 2020
li tistabbilixxi l-mizuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-pretensjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2020/6)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) issottometta n-notifika tiegħu dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data wara d-data msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 tal-Kunsill Ewropew (1). Mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Bank of England (BoE) ma jibqax ikun bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru u membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/3) (2) tipprovdi għall-aġġustament tal-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE (iktar ’il quddiem l-“iskema tal-kapital”) skont l-Artikolu 29.3 u l-Artikolu 29.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tistabbilixxi, b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, il-ponderazzjonijiet il-ġodda allokati lill-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema tal-kapital aġġustata (iktar ’il quddiem il-“ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital”). |
|
(2) |
L-aġġustamenti tal-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital u l-bidliet li jirriżultaw fl-ishma tal-BĊNi fil-kapital sottoskritt tal-BĊE jeħtieġu l-aġġustamenti tal-pretensjonijiet li l-BĊE kkredita taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi taż-żona tal-euro”) u li huma ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet mill-BĊNi taż-żona tal-euro ta’ assi ta’ riżerva barranija lill-BĊE (iktar ’il quddiem il-“pretensjonijiet”). Dawk il-BĊNi taż-żona tal-euro li l-pretensjonijiet tagħhom jiżdiedu mill-1 ta’ Frar 2020 għandhom għalhekk jagħmlu trasferiment kumpensatorju lill-BĊE, filwaqt li l-BĊE għandu jagħmel trasferiment kumpensatorju lil dawk il-BĊNi taż-żona tal-euro li l-pretensjonijiet tagħhom jonqsu. |
|
(3) |
Skont il-prinċipji ġenerali tal-ġustizzja, tat-trattament indaqs u tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi sottostanti għall-Istatut tas-SEBĊ, dawk il-BĊNi taż-żona tal-euro li s-sehem relattiv tagħhom fil-valur akkumulat tal-ekwità tal-BĊE jiżdied minħabba l-aġġustamenti msemmija hawn fuq għandhom ukoll jagħmlu trasferiment kumpensatorju lil dawk il-BĊNi taż-żona tal-euro li l-ishma relattivi tagħhom jonqsu. |
|
(4) |
Il-ponderazzjonijiet rispettivi tal-iskema tal-kapital ta’ kull BĊN taż-żona tal-euro sal-31 ta’ Jannar 2020 u b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 għandhom ikunu espressi bħala perċentwal tal-kapital totali tal-BĊE kif sottoskritt mill-BĊNi kollha taż-żona tal-euro għall-fini tal-kalkolu tal-aġġustament tal-valur ta’ kull sehem tal-BĊN taż-żona tal-euro fil-valur akkumulat tal-ekwità tal-BĊE. |
|
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ġdida tal-BĊE li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/46 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/30) (3), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
|
(a) |
“valur akkumulat tal-ekwità” tfisser it-total tar-riżervi, kontijiet ta’ rivalutazzjoni u provvedimenti tal-BĊE ekwivalenti għal riżervi kif ikkalkulat mill-BĊE fil-31 ta’ Jannar 2020 flimkien mal-profitt nett akkumulat tal-BĊE jew nieqes it-telf nett akkumulat tal-BĊE, skont il-każ, mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020. Ir-riżervi tal-BĊE u dawk il-provvedimenti ekwivalenti għal riżervi għandhom jinkludu, mingħajr limitazzjoni għall-ġeneralità tal-valur akkumulat tal-ekwità, il-fond ta’ riżerva ġenerali u l-provvista għar-riskji finanzjarji; |
|
(b) |
“data tat-trasferiment” tfisser it-28 ta’ Frar 2020; |
|
(c) |
id-“dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f’ċirkolazzjoni” għandu jkollha l-istess tifsira bħall-frażi “dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f’ċirkolazzjoni” kif stabbilita fl-Artikolu 1(ċ) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/57) (4); |
|
(d) |
id-“dħul tal-BĊE minn titoli” għandu jkollha l-istess tifsira bħall-frażi “Id-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli” kif stabbilita fl-Artikolu 1(d) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/298 (BĊE/2014/57). |
Artikolu 2
Kontribut għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE
1. Jekk is-sehem ta’ BĊN taż-żona tal-euro fil-valur akkumulat tal-ekwità jiżdied b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, dak il-BĊN taż-żona tal-euro għandu jittrasferixxi l-ammont iddeterminat skont il-paragrafu 3 lill-BĊE fid-data tat-trasferiment.
2. Jekk is-sehem ta’ xi BĊN taż-żona tal-euro fil-valur akkumulat tal-ekwità jonqos b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, dak il-BĊN taż-żona tal-euro għandu jirċievi l-ammont iddeterminat skont il-paragrafu 3 mingħand il-BĊE fid-data tat-trasferiment.
3. Sa mhux aktar tard minn jum ta’ negozju qabel id-data tat-trasferiment, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lil kull BĊN taż-żona tal-euro jew l-ammont li għandu jiġi ttrasferit minn dak il-BĊN taż-żona tal-euro lill-BĊE fejn japplika l-paragrafu 1, jew l-ammont li dak il-BĊN taż-żona tal-euro għandu jirċievi mill-BĊE fejn japplika l-paragrafu 2. Soġġett għal tqarrib, kull ammont li jrid jiġi ttrasferit jew riċevut jiġi kkalkolat permezz tal-multiplikazzjoni tal-valur akkumulat tal-ekwità bid-differenza assoluta bejn il-ponderazzjoni fl-iskema tal-kapital ta’ kull BĊN taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2020 u l-ponderazzjoni tiegħu fl-iskema tal-kapital b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 bid-diviżjoni tar-riżultat b’100.
4. Kull ammont deskritt fil-paragrafu 3 għandu jkun dovut f’euro fl-1 ta’ Frar 2020 iżda għandu jiġi ttrasferit b’mod effettiv fid-data tat-trasferiment.
5. Fid-data tat-trasferiment, BĊN taż-żona tal-euro jew il-BĊE li jkollu jittrasferixxi ammont skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2 għandu jittrasferixxi wkoll b’mod separat kull imgħax li jiddekorri matul il-perjodu mill-1 ta’ Frar 2020 sad-data tat-trasferiment fuq kull wieħed mill-ammonti rispettivi dovuti minn dak il-BĊN taż-żona tal-euro u mill-BĊE. Dawk li jittrasferixxu u dawk li jirċievu dan l-imgħax għandhom ikunu l-istess bħal dawk li jittrasferixxu u dawk li jirċievu l-ammonti li fuqhom jiddekorri l-imgħax.
6. Jekk il-valur akkumulat tal-ekwità jkun ta’ anqas minn żero, għandu jsir saldu tal-ammonti li jkollhom jiġu ttrasferiti jew riċevuti skont il-paragrafu 3 u l-paragrafu 5 fid-direzzjonijiet opposti għal dawk speċifikati fil-paragrafu 3 u l-paragrafu 5.
Artikolu 3
Aġġustament tal-pretensjonijiet ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti
1. Il-pretensjonijiet tal-BĊN taż-żona tal-euro għandhom jiġu aġġustati b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 skont il-ponderazzjonijiet aġġustati tagħhom fl-iskema tal-kapital. Il-valur aġġustat tal-pretensjonijiet tal-BĊNi taż-żona tal-euro qed jintwera fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.
2. Kull BĊN taż-żona tal-euro, bis-saħħa ta’ din id-dispozizzjoni u mingħajr il-ħtieġa ta’ xi formalità jew att ieħor, jitqies li fl-1 ta’ Frar 2020 ikun ittrasferixxa jew irċieva il-valur assolut tal-pretensjoni f’euro imniżżel ħdejn ismu fir-raba’ kolonna tat-tabella fl-Anness I għal din id-Deċizjoni, fejn “-” għandha tirreferi għal pretensjoni li l-BĊN taż-żona tal-euro għandu jittrasferixxi lill-BĊE u “+” għal pretensjoni li l-BĊE għandu jittrasferixxi lill-BĊN taż-żona tal-euro.
3. Fl-ewwel jum tal-operat tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) wara l-1 ta’ Frar 2020, kull BĊN taż-żona tal-euro għandu jew jittrasferixxi jew jirċievi l-valur assolut tal-ammont f’euro mniżżel ħdejn ismu fir-raba’ kolonna tat-tabella fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni, fejn “+” jirreferi għal ammont li l-BĊN taż-żona tal-euro għandu jittrasferixxi lill-BĊE u “-” għal ammont li l-BĊE għandu jittrasferixxi lill-BĊN taż-żona tal-euro.
4. Fl-ewwel jum tal-operat tat-TARGET2 wara l-1 ta’ Frar 2020, BĊN taż-żona tal-euro jew il-BĊE li huma meħtieġa jittrasferixxu ammont taħt il-paragrafu 3 għandu jittrasferixxi wkoll, b’mod separat, kull imgħax li jiddekorri fuq l-ammont rispettiv dovut minn dak il-BĊN taż-żona tal-euro jew mill-BĊE matul il-perjodu mill-1 ta’ Frar 2020 sad-data ta’ dak it-trasferiment. Dawk li jittrasferixxu u dawk li jirċievu dan l-imgħax għandhom ikunu l-istess bħal dawk li jittrasferixxu u dawk li jirċievu l-ammonti li fuqhom jiddekorri l-imgħax.
Artikolu 4
Kwistjonijiet finanzjarji relatati
1. B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/36) (5), il-bilanċi intra-Eurosistema ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandhom, għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Frar 2020 u s-27 ta’ Frar 2020, jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-iskema tal-kapital applikabbli mill-1 ta’ Frar 2020 applikata għall-bilanċi fuq it-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni fil-31 ta’ Jannar 2020. Għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammonti kumpensatorji u l-elementi tal-kontabilità biex jibbilanċaw dawk l-ammonti, kif deskritt fl-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 (BĊE/2016/36), għandhom jiġu rreġistrati fil-kotba ta’ kull bank ċentrali nazzjonali b’data tal-valur tal-1 ta’ Frar 2020.
2. B’rabta mal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020, id-dħul monetarju tal-BĊNi taż-żona tal-euro għandu jiġi allokat u distribwit skont il-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital applikabbli fil-31 ta’ Jannar 2020.
3. Il-profitt jew it-telf nett tal-BĊE, skont il-każ, għas-sena finanzjarja 2020 għandu jiġi allokat fuq il-bażi tal-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital applikabbli fl-1 ta’ Frar 2020.
4. Kwalunkwe distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE fuq il-karti tal-flus tal-euro u/jew id-dħul tal-BĊE minn titoli għas-sena 2020 għandha tiġi allokata fuq il-bażi tal-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital applikabbli fl-1 ta’ Frar 2020.
5. F’każ li l-BĊE jagħmel telf fis-sena finanzjarja 2020, il-BĊE għandu jpaċi t-telf kontra dan li ġej:
|
(a) |
fondi rilaxxati mill-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE; |
|
(b) |
soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv taħt l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, id-dħul monetarju tal-BĊNi mill-1 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020; |
|
(c) |
soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv taħt l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, id-dħul monetarju tal-BĊNi mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020. |
6. Jekk id-dħul monetarju tal-BĊNi mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020 jeħtieġ li jiġi ttrasferit lill-BĊE biex ikopri t-telf għas-sena finanzjarja 2020 għandhom isiru pagamenti kumpensatorji minbarra l-pagamenti deskritti fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3. Kull BĊN taż-żona tal-euro li l-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital tiegħu tiżdied fl-1 ta’ Frar 2020 għandu jagħmel tali pagament lill-BĊE, u l-BĊE għandu jagħmel tali pagament lil kull BĊN taż-żona tal-euro li l-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital tiegħu tonqos fl-1 ta’ Frar 2020. L-ammont tal-pagamenti kumpensatorji għandu jiġi kkalkulat kif ġej: id-dħul monetarju totali għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020 ittrasferit lill-BĊE biex ikopri t-telf tiegħu għandu jiġi mmultiplikat bid-differenza assoluta bejn il-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital tal-BĊN taż-żona tal-euro rilevanti fil-31 ta’ Jannar 2020 u l-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital tiegħu fl-1 ta’ Frar 2020 u r-riżultat għandu jiġi diviż b’100. L-imgħax fuq il-pagamenti kumpensatorji relatati mad-dħul monetarju tal-BĊN għandu jakkumula mill-1 ta’ Jannar 2021 sad-data li fiha jsiru dawn il-pagamenti.
7. Il-pagamenti kumpensatorji addizzjonali relatati mad-dħul monetarju tal-BĊNi, kif deskritt fil-paragrafu 6, kif ukoll l-imgħax akkumulat fuqu, għandhom jitħallsu fit-tieni jum ta’ negozju wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2020.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. L-imgħax li jakkumula skont l-Artikolu 2(5), l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(6) għandu jiġi kkalkulat ta’ kuljum, billi jintuża l-metodu ta’ kalkolu attwali fuq 360 jum, b’rata ekwivalenti għall-aħħar rata ta’ imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fis-sejħiet għall-offerti tagħha għal operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin.
2. Kull trasferiment skont l-Artikolu 2(1), (2) u (5), l-Artikolu 3(3) u (4), u l-Artikolu 4(6) u (7) għandu jseħħ separatament permezz ta’ TARGET2.
3. Il-BĊE u l-BĊN taż-żona tal-euro li huma obbligati jwettqu xi wieħed mit-trasferimenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom, fiż-żmien dovut, jagħtu l-istruzzjonijiet meħtieġa sabiex dawn it-trasferimenti jitwettqu debitament fil-ħin.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u revoka
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.
2. Id-Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2018/30) hija rrevokata b’effett mill-1 ta’ Frar 2020.
3. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2018/30) għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Jannar 2020.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278 l, 30.10.2019, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/43 (BĊE/2020/3) (ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Deċiżjoni (UE) 2019/46 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2018 li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-pretensjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ittrasferiti u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/26 (BĊE/2018/30) (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 190).
(4) Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2014 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/57) (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 24).
(5) Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2016/36) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 26).
ANNESS I
PRETENSJONIJIET EKWIVALENTI GĦALL-ASSI TA’ RIZERVA BARRANIJA TTRASFERITI LILL-BĊE
|
EUR |
|||
|
BĊN taż-żona tal-euro |
Pretensjoni ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE, fil-31 ta’ Jannar 2020 |
Pretensjoni ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE, b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 |
Ammont tat-trasferiment |
|
Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique |
1 465 002 366,44 |
1 469 828 529,30 |
+4 826 162,86 |
|
Deutsche Bundesbank |
10 643 868 063,45 |
10 635 248 657,12 |
–8 619 406,33 |
|
Eesti Pank |
114 047 652,58 |
113 647 558,58 |
–400 094,00 |
|
Central Bank of Ireland |
681 156 559,14 |
683 175 109,87 |
+2 018 550,73 |
|
Bank of Greece |
1 002 089 435,15 |
997 925 768,61 |
–4 163 666,54 |
|
Banco de España |
4 832 595 424,83 |
4 810 848 484,64 |
–21 746 940,19 |
|
Banque de France |
8 232 583 116,25 |
8 239 968 860,78 |
+7 385 744,53 |
|
Banca d’Italia |
6 839 555 945,19 |
6 853 825 810,01 |
+14 269 864,82 |
|
Central Bank of Cyprus |
87 100 417,59 |
86 810 662,38 |
–289 755,21 |
|
Latvijas Banka |
158 264 298,37 |
157 201 708,04 |
–1 062 590,33 |
|
Lietuvos bankas |
235 223 283,44 |
233 495 878,75 |
–1 727 404,69 |
|
Banque centrale du Lussemburgu |
131 548 867,56 |
132 894 722,58 |
+1 345 855,02 |
|
Bank Ċentrali ta’ Malta |
42 420 163,46 |
42 313 997,15 |
–106 166,31 |
|
De Nederlandsche Bank |
2 357 274 575,15 |
2 364 325 594,45 |
+7 051 019,30 |
|
Oesterreichische Nationalbank |
1 177 854 948,49 |
1 180 823 432,72 |
+2 968 484,23 |
|
Banco de Portugal |
948 484 720,39 |
944 251 976,21 |
–4 232 744,18 |
|
Banka Slovenije |
194 773 455,44 |
194 257 459,36 |
–515 996,08 |
|
Národná banka Slovenska |
463 840 147,98 |
462 031 148,22 |
–1 808 999,76 |
|
Suomen Pankki |
736 441 854,14 |
741 065 420,16 |
+4 623 566,02 |
|
Total (1) |
40 344 125 295,04 |
40 343 940 778,93 |
–184 516,11 |
(1) Minħabba xi tqarrib, it-totali jistgħu ma jaqblux mas-somma tal-figuri kollha murija.
ANNESS II
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
|
Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2018/30) |
Din id-Deċiżjoni |
|
Artikolu 1 Artikolu 2 Artikolu 3 — Artikolu 4 Artikolu 5 |
Artikolu 1 Artikolu 2 Artikolu 3 Artikolu 4 Artikolu 5 Artikolu 6 |