26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IT-TIELET PARTI

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI

TITOLU IV

MOVIMENT LIBERU TAL-PERSUNI, SERVIZZI U KAPITAL

KAPITOLU 1

IL-ĦADDIEMA

Artikolu 46

(ex Artikolu 40 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom joħorġu direttivi jew jagħmlu regolamenti li jistipulaw l-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex iġibu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, kif definit fl-Artikolu 45, b’mod partikolari:

a)

billi tiġi assigurata kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tax-xogħol,

b)

billi jiġu aboliti l-proċeduri u l-prattiċi amministrattivi kollha u t-termini għat-teħid ta' impjiegi disponibbli skond leġislazzjoni interna jew skond ftehim milħuqa qabel bejn Stati Membri, li jekk jibqgħu eżistenti ikunu ta' xkiel għal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema,

c)

billi jiġu mneħħija t-termini u r-restrizzjonijiet l-oħra kollha kontemplati sew fil-leġislazzjoni interna sew taħt ftehim milħuqa qabel bejn Stati Membri, li għall-għażla ħielsa ta' mpjieg, jimponu fuq ħaddiema ta' Stati Membri oħra kondizzjonijiet differenti minn dawk imposti fuq ħaddiema nazzjonali,

d)

billi jinħolqu mekkaniżmi adatti sabiex iġibu flimkien l-offerti tax-xogħol u t-talbiet għax-xogħol, u sabiex dawn jiġu bilanċjati b’tali mod li jiġi evitat theddid serju għal-livell ta’ għajxien u ta' l-impjiegi fid-diversi reġjuni u industriji.