|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/192 |
12.1.2026 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2026/192)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Κασέρι/Kasseri”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-GR-0440-AM01 — 13.10.2025
1. Isem il-prodott
“Κασέρι/Kasseri”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☑ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Il-Greċja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel, id-Direttorat għall-Iskemi ta’ Kwalità u l-Biedja Organika
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-emendi kollha introdotti fil-komunikazzjoni jikkostitwixxu emenda standard tal-ispeċifikazzjoni tal-“Κασέρι/Kasseri”, peress li ma jistgħux jitqiesu bħala emenda tal-Unjoni, billi ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143. Jiġifieri, ma jinvolvux: modifika tal-isem jew tal-użu tal-isem jew ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta maż-żona ġeografika jew ma jinvolvux restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Deskrizzjoni tal-prodott
Deskrizzjoni
It-Taqsima 2, “Deskrizzjoni tal-prodott”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġiet emendata, speċifikament, fil-paragrafu dwar il-karatteristiċi bażiċi tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri”, il-frażi “Forma: a) Ċilindrika/Qisien: dijametru ta’ 25 sa 30 cm; għoli ta’ 7 sa 10 cm” ġiet sostitwita bil-frażi “Forma: a) Ċilindrika/Qisien: dijametru ta’ mhux aktar minn 30 cm, għoli ta’ 7-10 cm”.
Ir-raġuni għal din l-emenda hija li l-proċess tat-tiswir tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri” f’forma ċilindrika f’daqsijiet differenti (ġobnijiet individwali b’dijametru ta’ inqas minn 30 cm) jiffaċilita l-forniment tal-prodott kif ukoll jippermetti l-bejgħ tiegħu lil aktar konsumaturi, li huma interessati li jiġu fornuti bil-ġobon “Κασέρι/Kasseri” fi kwantitajiet iżgħar. Dan jagħmel il-prodott aktar attraenti għall-bejgħ.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Prova tal-oriġini
Deskrizzjoni
It-taqsima 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tistabbilixxi l-proċeduri meħtieġa fir-rigward tal-prova tal-oriġini. B’din l-emenda ma hemm l-ebda bidla materjali fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, iżda din tal-aħħar ġiet aġġornata f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
Żdied fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott li, sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà, l-intrapriżi jkunu f’pożizzjoni li jistipulaw: a) il-fornitur, il-kwantità u l-oriġini tal-lottijiet kollha ta’ materja prima u/jew tal-prodotti rċevuti; b) ir-riċevitur, il-kwantità u d-destinazzjoni tal-prodotti fornuti; c) il-korrelazzjoni bejn kull lott ta’ inputs imsemmi fil-punt a) u kull lott ta’ outputs imsemmi fil-punt b) ta’ dan il-paragrafu.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
EMENDI OĦRAJN GĦALL-FORMULAZZJONI
Deskrizzjoni
Bidliet amministrattivi fiż-żona ġeografika:
L-għan ta’ dan l-aġġornament huwa li jiddeskrivi ż-żona definita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott permezz tad-diviżjonijiet amministrattivi attwalment fis-seħħ (il-Pjan Kallikratis). Dan għaliex saru riformi amministrattivi fil-Greċja minn meta l-isem tal-prodott ġie rreġistrat oriġinarjament. Madankollu, ma hemm l-ebda bidla fiż-żona definita.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
EMENDI OĦRAJN GĦALL-FORMULAZZJONI
Deskrizzjoni
Korpi ta’ spezzjoni
Il-punt partikolari tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie aġġornat, f’konformità mal-qafas istituzzjonali attwali. Żdiedu wkoll l-awtorità ta’ spezzjoni kompetenti, li issa hija ELGO-DIMITRA, u d-dipartimenti lokali kompetenti.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
EMENDI OĦRAJN GĦALL-FORMULAZZJONI
Deskrizzjoni
Informazzjoni statistika
Fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, fit-taqsima “Rabta”, fil-parti dwar il-“Bhejjem” żdiedet informazzjoni aġġornata mill-2016 dwar id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni ta’ nagħaġ u ta’ mogħoż li jipproduċu l-ħalib, skont it-tip ta’ trobbija, fiż-żona tal-produzzjoni definita tal-prodott, li tissostitwixxi d-data fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott oriġinali relatata mas-sena 1991. Barra minn hekk, ġiet inkluża statistika aġġornata mis-sena 2021 dwar id-distribuzzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż fiż-żona definita fejn jiġi prodott il-prodott, li tissostitwixxi d-data tal-ispeċifikazzjoni oriġinali mill-1991. Ir-raġuni għal din l-emenda mitluba hija biex tiġi ppreżentata data statistika aġġornata fl-ispeċifikazzjoni.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Κασέρι/Kasseri”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-GR-0440-AM01 — 13.10.2025
1. Isem/Ismijiet
“Κασέρι/Kasseri”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Il-Greċja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
0406 – Ġobon u baqta
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Il-“Κασέρι/Kasseri” huwa ġobon semiiebes prinċipalment tal-mejda b’togħma u b’aroma pjaċevoli. Tradizzjonalment, jiġi prodott mill-ħalib tan-nagħaġ jew minn taħlita ta’ ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż fi proporzjon fejn dan tal-aħħar ma jkunx aktar minn 20 % b’kollox.
Il-karatteristiċi bażiċi tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri” huma:
Kompożizzjoni kimika
|
— |
Umdità massima: 45 %. |
|
— |
Kontenut minimu ta’ xaħam fil-materja niexfa: 40 %. |
L-użu ta’ kuluranti u antibijotiċi ma huwiex permess.
Tip ta’ ġobon:
Konsistenza: semiiebsa sa iebsa b’massa kompatta.
Forma:
|
(a) |
Ċilindrika Qisien: Dijametru ta’ mhux aktar minn 30 cm, għoli ta’ 7-10 cm. |
|
(b) |
Parallelepipeda |
Piż: ivarja
Qoxra:
|
— |
Konsistenza: semiiebsa, koeżiva, normalment miksi jew bix-xama’ tal-paraffina jew b’materjali oħra permessi għall-ikel. |
|
— |
Dehra: irqiqa. |
Kulur: abjad safrani.
Massa tal-ġobon:
|
— |
Sawra: semiiebsa, koeżiva. |
|
— |
Kulur: abjad safrani. |
|
— |
Toqob: ftit jew xejn (normalment mingħajr toqob) |
Distribuzzjoni: fil-massa kollha.
Karatteristiċi prinċipali oħrajn; Huwa prinċipalment ġobon tal-mejda b’togħma pjaċevoli u aroma rikka. Jieħu mill-inqas 3 xhur biex jimmatura.
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)
Il-ħalib li jintuża għall-produzzjoni tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri” jrid jiġi esklużivament miż-żona definita.
|
1. |
Il-ħalib li jintuża għall-produzzjoni tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri” jrid jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin
|
|
2. |
Il-produzzjoni tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri” b’tip ta’ ħalib differenti minn dak stabbilit hawn fuq ma hijiex permessa. Il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri” ma għandux ikun ikkonċentrat jew ikun fih trab tal-ħalib, proteini tal-ħalib, kaseinati, kuluranti, preservattivi jew antibijotiċi miżjuda. |
|
3. |
Jistgħu jiżdiedu t-tames tradizzjonali jew enzimi oħra b’effett simili mal-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri”. Meta l-ħalib jiġi ppasturizzat, jiżdiedu kulturi ta’ batterji aċidużi li ma jagħmlux ħsara u l-klorur tal-kalċju, f’ammonti ta’ mhux aktar minn 20 g/100 kg ta’ ħalib. |
It-tagħlif tal-annimali huwa bbażat prinċipalment fuq mergħat b’kapaċità tal-użu għar-ragħha ġeneralment baxxa iżda li huma partikolarment rikki fil-flora, unikament minħabba l-għadd ta’ speċijiet ta’ veġetazzjoni endemiċi. In-nagħaġ u l-mogħoż jitrabbew primarjament f’żoni muntanjużi u semimuntanjużi. Jingħalfu primarjament bir-ragħa. Il-merħliet jitmexxew matul il-perjodu sħun lejn il-mergħat f’żoni muntanjużi.
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-produzzjoni, il-maturazzjoni u l-imballaġġ inizjali tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri” jsiru kollha f’faċilitajiet li jinsabu fiż-żona ġeografika definita.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
-
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott finali, id-dettalji ta’ identifikazzjoni li ġejjin iridu jiġu stampati fuq l-imballaġġ tal-“Κασέρι/ Kasseri”:
|
1. |
L-ewwel ittri tad-denominazzjoni ta’ oriġini: ΚΑ |
|
2. |
In-numru tas-serje tal-imballaġġ; |
|
3. |
Id-data tal-produzzjoni. Eżempju (ΚΑ -1650-20.12.94). |
Jekk il-ġobon “Κασέρι/Kasseri” jiġi mballat mill-ġdid, id-dettalji mill-imballaġġ oriġinali jidhru fuq l-imballaġġ il-ġdid. Min jerġa’ jimballah jista’ jissostitwixxi n-numru tas-serje bin-numru tas-serje tal-imballaġġ il-ġdid. Barra minn hekk, id-data tal-imballaġġ mill-ġdid u d-dettalji tal-kumpanija responsabbli jidhru fuq l-imballaġġ il-ġdid.
Id-dettalji li jridu jidhru fuq l-imballaġġ iridu jiġu vverifikati mill-awtorità ta’ spezzjoni kompetenti.
4.7. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika li fiha jiġi prodott il-ġobon “Κασέρι/Kasseri” tinkludi:
|
— |
fir-reġjun ta’ Thessaly: l-unitajiet reġjonali ta’ Karditsa, Larissa, Trikala u Magnesia; |
|
— |
ir-reġjun kollu tal-Maċedonja Ċentrali; |
|
— |
ir-reġjun kollu tal-Maċedonja tal-Punent; |
|
— |
fir-reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant, it-Traċja: l-unitajiet reġjonali ta’ Drama, Kavala u Xanthi u |
|
— |
fir-reġjun tal-Eġew tat-Tramuntana, l-unità reġjonali ta’ Lesvos. |
5. Rabta maż-żona ġeografika
Sommarju tar-rabta
Ir-rabta tal-prodott maż-żona definita hija bbażata primarjament fuq il-kwalità tal-materja prima użata għall-produzzjoni tiegħu: ħalib tan-nagħaġ pur jew taħlita ta’ ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Hemm ukoll rabta mat-teknoloġija tal-manifattura applikata.
Madwar żewġ terzi tal-wiċċ tal-pajjiż huwa muntanjuż (elevazzjoni ’l fuq minn 200 m) u terz biss huwa ċatt jew semimuntanjuż (għoljiet għoljin sa 200 m). Il-mergħat jammontaw għal aktar minn nofs l-erja tas-superfiċje tal-pajjiż. B’mod ġenerali, il-Greċja għandha klima tat-tip Mediterranju. Din turi l-karatteristiċi ta’ klima moderata matul ix-xitwa, u l-karatteristiċi taż-żoni subtropikali ta’ pressjoni għolja matul is-sajf. Fi kliem ieħor għandha xtiewi bix-xita u sjuf nexfin, ammont annwali baxx ta’ xita, xtiewi moderati, sjuf sħan u perjodi twal ta’ xemx matul is-sena, speċjalment matul il-perjodu s-sħun tas-sena. F’termini tax-xita, il-parti tal-pajjiż li fiha jiġi prodott il-“Κασέρι/Kasseri” għandha kemm perjodu niexef kif ukoll perjodu mxarrab. It-tul tagħhom ivarja skont il-latitudni u l-elevazzjoni. Il-perjodu niexef jibda fl-aħħar tar-rebbiegħa u jdum sal-ħarifa. Dan kultant jiġi mfixkel mix-xita fil-forma ta’ maltempati. Il-perjodu mxarrab jibda mill-ħarifa sal-aħħar tar-rebbiegħa. Fil-Greċja, il-jiem b’temp imsaħħab, u l-jiem mingħajr xemx b’mod partikolari, huma ftit. L-għadd medju annwali ta’ jiem b’temp imsaħħab ivarja bejn 30 u 90 jum. L-ammont ta’ xemx fil-Greċja ġeneralment huwa għoli. Għalhekk, il-medja annwali tvarja bejn 2 300 u 3 100 siegħa.
Il-flora naturali tal-Greċja hija magħmula minn madwar 6 000 speċi li 15 % minnhom, jew anki 20 %, huma endemiċi. Meta jitqies id-daqs tal-pajjiż, dan in-numru huwa eċċezzjonalment kbir. Fl-Ewropa, il-Greċja tokkupa l-ewwel post fost l-istati kollha, u t-tieni post wara l-peniżola Iberika. Iċ-ċifra ta’ 6 000 speċi fil-Greċja hija notevoli meta mqabbla mal-20 000 speċi fiż-żona tal-Mediterran kollha: min-Nofsinhar tal-Ewropa sal-Afrika ta’ Fuq b’parti mill-Punent tal-Asja. L-endemiżmu tal-flora fil-pajjiż irnexxa prinċipalment f’ħabitats iżolati bħall-peniżola ta’ Athos, f’Olympos u f’żoni tal-Eġew.
Għan-nagħaġ u għall-mogħoż, il-legumi u l-ħaxix huma l-ispeċijiet ideali biex jirgħu fuqhom.
In-nagħaġ li jitrabbew fil-Greċja fil-biċċa l-kbira għandhom sfond ġenetiku komuni. Madankollu, il-karatteristiċi tagħhom ivarjaw skont il-kundizzjonijiet partikolari taż-żona li jitrabbew fiha. Huma annimali ta’ daqs żgħir, adattati għall-kundizzjonijiet ġeofiżiċi u klimatiċi diffiċli tal-pajjiż, li jipproduċu livelli baxxi ta’ ħalib, bejn 80 u 120 kilogramma fis-sena, iżda ħalib ta’ kwalità fina. Dan primarjament huwa dovut għall-mod kif jitrabbew l-annimali u għad-diversità tal-flora tar-reġjun. Il-maġġoranza tan-nagħaġ fiż-żoni fejn jiġi prodott il-ġobon “Κασέρι/Kasseri” jappartjenu għar-razza (Oνis Aries L.). Minbarra r-razez tan-nagħaġ indiġeni, jitkabbru wkoll razez barranin u razez inkroċjati ta’ dawn ir-razez man-nagħaġ indiġeni. Madankollu, il-ħalib tagħhom huwa inqas rikk fil-kompożizzjoni u jintuża primarjament għall-konsum domestiku jew għall-produzzjoni tal-jogurt.
Fir-rigward tal-mogħoż, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni (madwar 80 %) hija magħmula minn razez lokali. Madwar 14 % huma r-riżultat ta’ nkroċjar ma’ diversi razez barranin, filwaqt li l-madwar 6 % li jifdal huma tar-razza Saanen. Il-mogħoż indiġeni jippreżentaw varjazzjoni fir-rigward tal-kulur u tal-karatteristiċi tagħhom tar-razez indiġeni, bħal daqs żgħir, prolifiċità limitata, produzzjoni baxxa tal-ħalib u kostituzzjoni b’saħħitha. Il-produzzjoni annwali tal-ħalib tvarja bejn 50-100 kg ta’ ħalib għall-annimali minn żoni muntanjużi, u 120-150 għall-annimali minn żoni baxxi. Fiż-żoni muntanjużi u semimuntanjużi, il-mogħoż lokali jitrabbew esklużivament bir-ragħa liberu. F’żoni baxxi, fejn jitrabbew razez inkroċjati jew barranin, tipprevali t-trobbija domestika jew semidomestika. It-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż hija bbażata prinċipalment fuq il-veġetazzjoni tal-mergħat b’kapaċità pjuttost baxxa ta’ ragħa iżda bi flora partikolarment rikka, u fuq il-moviment tal-merħliet lejn il-mergħat muntanjużi matul il-perjodu sħun.
Il-karatteristiċi ewlenin tat-trobbija tan-nagħaġ u l-mogħoż f’din iż-żona huma: l-għadd kbir ta; azjendi tat-trobbija tal-bhejjem u l-għadd żgħir ta’ annimali f’kull azjenda; ir-razez indiġeni tan-nagħaġ u l-mogħoż, li huma adattati tajjeb għall-kundizzjonijiet ġeofiżiċi u klimatiċi diffiċli prevalenti, iżda li jagħtu ftit ħalib; u l-prevalenza tas-sistema ta’ trobbija estensiva tan-nagħaġ u l-mogħoż prinċipalment f’żoni muntanjużi u semimuntanjużi.
F’termini tal-kwalità tal-materja prima, il-ħalib tan-nagħaġ u l-ħalib tal-mogħoż ivarjaw b’mod sinifikanti mill-ħalib tal-baqra, kemm fil-kompożizzjoni kimika kif ukoll fil-proprjetajiet tal-produzzjoni tal-ġobon. Din id-differenzjazzjoni hija saħansitra aktar evidenti fil-każ tar-razez lokali, indiġeni u li jagħtu ftit ħalib li huma prevalenti fil-Greċja. Minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi speċjali preżenti u n-natura ġeofiżika tal-flora, dawn ir-razez huma kkaratterizzati minn produzzjoni ta’ ħalib b’kontenut solidu partikolarment għoli u b’aroma rikka ħafna.
B’mod ġenerali, il-ħalib tan-nagħaġ u l-ħalib tal-mogħoż huma kkaratterizzati minn kontenut għoli ta’ proteini, xaħam u materja niexfa meta mqabbel mal-ħalib tal-baqar. Dan jinfluwenza r-rendiment u l-karatteristiċi tal-ġobon. Iżda minbarra d-differenzi kwantitattivi, hemm ukoll differenzi kwalitattivi bejn it-tipi ta’ ħalib li jaffettwaw ir-rendiment ta’ ġobon, kif ukoll il-proprjetajiet mekkaniċi, u l-proprjetajiet fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri”. Id-differenzi l-aktar notevoli huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
Fil-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż ma hemmx karoteni. Minħabba dan, il-baqta prodotta minn dawn il-ħlejjeb għandha kulur abjad naturali, għall-kuntrarju tal-baqra prodotta mill-ħalib tal-baqra li għandha kulur safrani. |
|
(b) |
Hemm ukoll differenzi kwantitattivi u kwalitattivi fil-frazzjonijiet tal-kaseina, bir-riżultat li l-prodotti tal-idroliżi jvarjaw. Dawn il-prodotti, flimkien mal-aċidi grassi ħielsa, huma fil-biċċa l-kbira responsabbli għall-karatteristiċi tat-togħma tal-ġobon. |
|
(c) |
Il-mobilità elettroforetika tal-alfas1-kaseina fit-tliet tipi ta’ ħalib hija partikolarment ta’ interess. Hija proprjetà li tagħmilha possibbli li tiġi identifikata kwalunkwe adulterazzjoni bit-tipi l-oħra ta’ ħalib. |
Dawn id-differenzi fil-kompożizzjoni kimika tal-ħalib għandhom effett fuq il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tal-ġobon “Κασέρι/Kasseri”.
Illum, bħal fil-passat, jintuża l-ħalib tan-nagħaġ, jew taħlita ta’ ħalib tan-nagħaġ ma’ ftit ħalib tal-mogħoż, biex jiġi prodott il-ġobon “Κασέρι/Kasseri” ta’ kwalità tajba. Dan il-ħalib jiġi minn annimali ġeneralment imrobbija fil-muntanji ta’ Pindos u Olympos. F’dawn il-meded tal-muntanji, in-network tat-toroq kien bażiku jew saħansitra ineżistenti. B’konsegwenza ta’ dan, il-ġbir u t-trasport tal-ħalib kienu diffiċli. Is-sitwazzjoni ġiet iffaċilitata bil-koagulazzjoni tal-ħalib fuq il-post, u t-trasport tal-prodott koagulat fil-btieti, f’intervalli regolari. Dan kien ifisser li l-volum tal-prodott ittrasportat tnaqqas, filwaqt li l-baqta maħluqa kienet tintuża għall-produzzjoni ta’ prodott ta’ kwalità tajba. F’dawn il-kundizzjonijiet, ġie żviluppat ġobon tat-tip “pasta filata”. It-teknoloġija tal-manifattura tiegħu żviluppat bil-mod iżda b’mod sod fil-forma attwali tagħha. Madankollu, minn dejjem kien hemm rispett għall-aspetti tat-teknoloġija tradizzjonali li jiggarantixxu l-karatteristiċi organolettiċi aċċettabbli tal-ġobon.
Il-“Κασέρι/Kasseri” huwa ġobon semiiebes prinċipalment tal-mejda b’togħma u b’aroma pjaċevoli. Il-karatteristiċi tal-kwalità huma prinċipalment dovuti għall-kwalità tal-materja prima użata biex isir il-prodott, u għat-teknoloġija użata. Il-kwalità tal-ħalib, flimkien mal-esperjenza tal-produtturi tal-ġobon, tirriżulta f’sensiela ta’ ġobnijiet fini, li fiha l-“Κασέρι/Kasseri” jokkupa post distint.
L-aktar fatturi importanti fil-produzzjoni tal-ġobon tradizzjonali “Κασέρι/Kasseri” huma: l-użu tal-ħalib tan-nagħaġ mhux ipproċessat jew ta’ taħlitiet ta’ ħalib tan-nagħaġ ma’ kwantità żgħira ta’ ħalib tal-mogħoż, li ma taqbiżx l-20 % skont il-piż; u l-aċidifikazzjoni bijoloġika tal-baqta sal-grad mixtieq.
Sa mill-eqdem żminijiet, it-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż ipprovdiet lill-Greċja bil-forma prinċipali, jekk mhux esklużiva, tal-bhejjem li jipproduċu l-ħalib. L-iżvilupp tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż fil-Greċja inġenerali huwa attribwit għal kundizzjonijiet ġeofiżiċi u klimatiċi li jagħmluha diffiċli li jitrabbew il-baqar. Iż-żona kbira okkupata mill-muntanji u l-kundizzjonijiet klimatiċi sħan u niexfin huma favorevoli għall-veġetazzjoni naturali biss waqt ċerti perjodi tas-sena li huma relattivament qosra. Dawn kienu l-fatturi prinċipali u deċiżivi. Ir-riżultat kien l-iżvilupp ta’ razez tan-nagħaġ u tal-mogħoż b’kostituzzjoni u adattabbiltà qawwija għal dawn il-kundizzjonijiet diffiċli. Dawn ir-razez huma adattati għall-kundizzjonijiet naturali, u jibbenefikaw minn mergħat b’varjetà kbira ta’ flora unika minħabba l-għadd ta’ speċijiet ta’ veġetazzjoni endemiċi. In-nagħaġ u l-mogħoż huma kkaratterizzati mill-produzzjoni baxxa tagħhom tal-ħalib iżda wkoll mill-ħalib ta’ kompożizzjoni kimika partikolarment rikka u bi proprjetajiet organolettiċi eċċellenti.
Karatteristika importanti tal-flora muntanjuża u semimuntanjuża fil-Greċja hija n-nuqqas ta’ pestiċidi, ta’ erbiċidi, ta’ prodotti li jeqirdu l-ħaxix ħażin, ta’ insettiċidi eċċ. Fl-istess ħin, il-konċentrazzjoni taċ-ċomb u ta’ sustanzi niġġiesa oħra hija partikolarment baxxa minħabba n-nuqqas ta’ toroq ewlenin f’dawn iż-żoni. Sustanzi bħal dawn huma assenti mill-ambjent u l-flora, li fuqhom jagħlfu esklużivament in-nagħaġ u l-mogħoż taż-żoni muntanjużi u semimuntanjużi tal-pajjiż. Konsegwentement il-ħalib u l-ġobon prodotti hemmhekk ftit li xejn għandhom kontaminazzjoni, b’kuntrast ma’ x’jiġri bil-ħalib tal-annimali mitmugħa għalf tal-annimali kkultivat.
Il-kwalità tal-materja prima, il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni biex jiġu kkonvertiti f’ġobon, u l-ħila u l-esperjenza twila tal-produtturi tal-ġobon jiżguraw il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni ta’ prodott uniku. Bil-kwalità għolja tiegħu, kien u għadu sal-lum apprezzat b’mod partikolari mill-konsumaturi fil-Greċja. Il-prodott beda wkoll jiżviluppa fama barra mill-pajjiż.
Il-ġobon “Κασέρι/Kasseri” huwa wieħed mill-aktar ġobnijiet popolari tal-pajjiż. L-istorja u t-tradizzjonijiet tiegħu jkopru għexieren ta’ snin fil-Greċja. Il-prodott jiġi kkunsmat b’mod mifrux, u l-konsum per capita huwa għoli. Ilu jsir f’diversi partijiet tal-pajjiż għal aktar minn 100 sena, b’teknoloġija li tevolvi l-ħin kollu biex tadatta għall-kundizzjonijiet prevalenti. Madankollu, minn dejjem kien hemm rispett għall-aspetti bażiċi tat-teknoloġija tradizzjonali.
Hemm ħafna referenzi li jaffermaw l-importanza tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż minn żmien il-qedem. Għall-Griegi tal-Qedem, il-ħalib kien meqjus ikel sagru minħabba li Zeus kien jintema’ l-ħalib tal-mogħża ta’ Amaltea. Erme, wieħed mit-12-il alla tal-panteon Grieg, huwa meqjus bħala alla pastorali. Kien jissejjaħ “Krioforos”, “Milosos” (protettur tan-nagħaġ) u “Tyreftir” (dak li jagħti l-ġobon, il-produttur tal-ġobon). Skont il-mitoloġija Griega, l-arti tal-produzzjoni tal-ġobon kienet tingħata bħala rigal prezzjuż lin-nies mortali mill-allat ta’ Olympus. Fl-Odissea (IX, 218–250), Ħomer jirreferi għall-produzzjoni tal-ġobon mill-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż miċ-Ċiklopu Polifemu.
Referenza elettronika (url) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.minagric.gr/images/stories/docs/agrotis/POP-PGE/2021/prodiagrafes_kaseri190225.pdf
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/192/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)