|
3.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 406/12 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1817
tas-17 ta’ Lulju 2020
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut minimu tal-ispjegazzjoni dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, approvat mill-Unjoni fil-5 ta’ Ottubru 2016 (2) (“il-Ftehim ta’ Pariġi”), għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost mezzi oħra billi l-flussi ta’ investiment isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima. |
|
(2) |
Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (3). Il-Patt Ekoloġiku Ewropea jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tirrikjedi li l-investituri jiġu offruti sinjali ċari u fit-tul biex jevitaw l-assi mhux rekuperabbli u biex iżidu l-finanzi sostenibbli. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jispjegaw għal kull parametru referenzjarju fornut u ppubblikat, l-elementi ewlenin tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju, il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (“ESG” - environmental, social and governance). |
|
(4) |
Modi differenti ta’ spjegazzjoni għal kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji kif l-elementi ewlenin tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju jirriflettu l-fatturi ESG, iwasslu għal nuqqas ta’ komparabbiltà bejn il-parametri referenzjarji u nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-ambitu u l-objettivi tal-fatturi ESG. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit il-kontenut minimu ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet kif ukoll mudell li għandu jintuża. |
|
(5) |
Sabiex l-informazzjoni għall-investituri tiġi adattata aħjar, ir-rekwiżit li jiġi spjegat kif l-elementi ewlenin tal-metodoloġija jirriflettu l-fatturi ESG għal kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti u ppubblikati għandhom iqisu l-assi sottostanti li fuqhom huma bbażati l-parametri referenzjarji. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għall-parametri referenzjarji li ma għandhomx assi sottostanti li għandhom impatt fuq it-tibdil fil-klima bħall-parametri referenzjarji tar-rata tal-imgħax u l-parametri referenzjarji tal-kambju. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1011, dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-parametri referenzjarji tal-komoditajiet. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-ispjegazzjoni dwar kif l-elementi ewlenin tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju jirriflettu l-fatturi ESG isiru b’valur medju ponderat aggregat, u jenħtieġ li ma jiġux żvelati għal kull kostitwent tal-parametri referenzjarji. Fejn rilevanti u xieraq, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni ESG addizzjonali. |
|
(7) |
Sabiex l-utenti tal-parametri referenzjarji jingħataw informazzjoni preċiża u aġġornata, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jaġġornaw l-informazzjoni pprovduta fil-mudell biex tirrifletti kwalunkwe bidla li ssir fil-metodoloġija, u jenħtieġ li jindikaw ir-raġuni u d-dati li fihom l-informazzjoni ġiet aġġornata. |
|
(8) |
Sabiex l-investituri jiġu pprovduti bi trasparenza massima, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jiddikjaraw b’mod ċar jekk isegwux objettivi ESG jew le, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Spjegazzjoni dwar kif il-fatturi ESG huma riflessi fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju
1. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jispjegaw, billi jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, liema mill-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) imsemmijin fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 (4) qiesu meta fasslu l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tagħhom. Għandhom jispjegaw ukoll kif dawk il-fatturi huma riflessi fl-elementi ewlenin ta’ dik il-metodoloġija, inkluż għall-għażla tal-assi sottostanti, il-fatturi ta’ ponderazzjoni, il-metriċi u l-prokuri.
Ir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-parametri referenzjarji tal-komoditajiet.
2. Għall-parametri referenzjarji individwali, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu, minflok ma jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, jissostitwixxu dik l-informazzjoni b’iperlink fl-ispjegazzjoni fornuta, għal sit web li jkun fih dik l-informazzjoni kollha.
3. Fil-każijiet fejn il-parametri referenzjarji jamalgamaw tipi differenti ta’ assi sottostanti, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jispjegaw kif il-fatturi ESG huma riflessi għal kull wieħed mill-assi sottostanti rilevanti.
4. Fl-ispjegazzjoni, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu jinkludu fatturi ESG addizzjonali u informazzjoni relatata.
5. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiddikjaraw b’mod ċar, fl-ispjegazzjoni mogħtija jekk isegwux objettivi ESG jew le.
6. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jinkludu fl-ispjegazzjoni pprovduta referenza għas-sorsi tad-data u l-istandards użati għal kull fattur ESG divulgat.
Artikolu 2
Aġġornament tal-ispjegazzjoni provduta
L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jaġġornaw l-ispjegazzjoni pprovduta kull meta l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tinbidel, u fi kwalunkwe każ fuq bażi annwali. Huma għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-aġġornament.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).
(3) COM(2019) 640 final.
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispjegazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi f’kull parametru referenzjarju pprovdut u ppubblikat (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
ANNESS
MUDELL BIEX JIĠI SPJEGAT KIF L-ELEMENTI EWLENIN TAL-METODOLOĠIJA TAL-PARAMETRU REFERENZJARJU JIRRIFLETTU FATTURI AMBJENTALI, SOĊJALI U GOVERNATTIVI (ESG)
|
SPJEGAZZJONI TA’ KIF IL-FATTURI ESG HUMA RIFLESSI FL-ELEMENTI EWLENIN TAL-METODOLOĠIJA TAL-PARAMETRU REFERENZJARJU |
|||||||
|
Entrata 1. Isem l-amministratur tal-parametru referenzjarju. |
|
||||||
|
Entrata 2. Tip ta’ parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji. Agħżel l-assi sottostanti rilevanti mil-lista pprovduta fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 |
|
||||||
|
Entrata 3. Isem il-parametru referenzjarju jew tal-familja ta’ parametri referenzjarji. |
|
||||||
|
Entrata 4. Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju għall-parametru referenzjarju jew għall-familja ta’ parametri referenzjarji tqis il-fatturi ESG? |
☐ Iva ☐ Le |
||||||
|
Entrata 5. Jekk it-tweġiba għall-Entrata 4 hija iva, jekk jogħġbok niżżel hawn taħt, għal kull familja ta’ parametri referenzjarji, dawk il-fatturi ESG li huma meqjusa fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju, bil-kunsiderazzjoni tal-fatturi ESG elenkati fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1816. Jekk jogħġbok spjega kif dawk il-fatturi ESG jintużaw għall-għażla, il-ponderazzjoni jew l-esklużjoni tal-assi sottostanti. Il-fatturi ESG għandhom jiġu divulgati f’valur medju ponderat aggregat fil-livell tal-familja ta’ parametri referenzjarji. |
|||||||
|
Għażla, ponderazzjoni jew esklużjoni: |
||||||
|
Għażla, ponderazzjoni jew esklużjoni: |
||||||
|
Għażla, ponderazzjoni jew esklużjoni: |
||||||
|
Entrata 6. Jekk it-tweġiba għall-Entrata 4 hija iva, jekk jogħġbok niżżel hawn taħt, għal kull parametru referenzjarju, dawk il-fatturi ESG li huma meqjusa fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju, bil-kunsiderazzjoni tal-fatturi ESG elenkati fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1816 skont l-assi sottostanti rilevanti konċernat. Jekk jogħġbok spjega kif dawk il-fatturi ESG jintużaw għall-għażla, il-ponderazzjoni jew l-esklużjoni tal-assi sottostanti. Il-fatturi ESG ma għandhomx jiġu divulgati għal kull kostitwent tal-parametru referenzjarju, iżda għandhom jiġu divulgati f’valur medju ponderat aggregat tal-parametru referenzjarju. Alternattivament, din l-informazzjoni kollha tista’ tingħata fil-forma ta’ iperlink għal sit web tal-amministratur tal-parametru referenzjarju inkluż f’din l-ispjegazzjoni. L-informazzjoni fuq is-sit web għandha tkun faċilment disponibbli u aċċessibbli. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit web tagħhom tibqa’ disponibbli għal ħames snin. |
|||||||
|
Għażla, ponderazzjoni jew esklużjoni: |
||||||
|
Għażla, ponderazzjoni jew esklużjoni: |
||||||
|
Għażla, ponderazzjoni jew esklużjoni: |
||||||
|
Iperlink għall-informazzjoni dwar il-fatturi ESG għal kull parametru referenzjarju: |
|
||||||
|
Entrata 7. Data u standards użati |
|||||||
|
|
||||||
Iddeskrivi kif tiġi vverifikata d-data u kif tiġi żgurata l-kwalità ta’ dik id-data. |
|
||||||
Iddeskrivi l-istandards internazzjonali użati fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju. |
|
||||||
|
Id-data dwar liema informazzjoni ġiet aġġornata l-aħħar u r-raġuni għall-aġġornament: |
|
||||||