|
10.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 133/6 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/709
tas-6 ta’ Mejju 2022
li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa fuq l-ikel u li jirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel huma pprojbiti sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament u sakemm ma jkunux inklużi f’lista ta’ indikazzjonijiet permessi. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jiġu ppreżentati mill-operaturi tan-negozju tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali mbagħad tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). |
|
(3) |
Meta tirċievi applikazzjoni, l-Awtorità tinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan, u tagħti l-opinjoni tagħha rigward l-indikazzjoni dwar is-saħħa kkonċernata. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tikkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità. |
|
(5) |
Wara applikazzjoni mingħand H.J. Heinz Supply Chain Europe BV, ippreżentata skont il-punt (b) tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta ma’ Nutrimune u d-difiża immunitarja kontra patoġeni fil-passaġġi gastrointestinali u respiratorji ta’ fuq (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2018-00727). L-indikazzjoni proposta mill-applikant tgħid dan li ġej: “Nutrimune jappoġġa s-sistema immunitarja bid-difiża kontra patoġeni fil-passaġġi gastrointestinali u respiratorji ta’ fuq tat-tfal żgħar”. |
|
(6) |
Fil-15 ta’ April 2019, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità (2) li kkonkludiet li, abbażi tad-data ppreżentata, l-evidenza xjentifika mhix biżżejjed biex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-konsum ta’ Nutrimune, ħalib tal-baqra xkumat, pasturizzat u ffermentat bil-Lactobacillus paracasei CBA L74, u d-difiża immunitarja kontra patoġeni fil-passaġġ gastrointestinali u respiratorji ta’ fuq tat-tfal żgħar. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, jenħtieġ li din ma tiġix awtorizzata. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-indikazzjoni dwar is-saħħa elenkata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet permessi kif previst fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) EFSA Journal 2019;17(4):5656.
ANNESS
Indikazzjoni dwar is-saħħa rifjutata
|
Applikazzjoni – Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 |
Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel |
Indikazzjoni |
Referenza tal-opinjoni tal-EFSA |
|
Indikazzjoni dwar is-saħħa tal-Artikolu 14(1)(b) li tirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal |
Nutrimune (ħalib tal-baqra xkumat, pasturizzat u ffermentat bil-Lactobacillus paracasei CBA L74) |
Nutrimune jappoġġa s-sistema immunitarja bid-difiża kontra patoġeni fil-passaġġi gastrointestinali u respiratorji ta’ fuq tat-tfal żgħar |
Q-2018-00727 |