DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
16 ta’ Frar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Trasport ferrovjarju – Drittijiet u obbligi tal-vjaġġaturi – Regolament (KE) Nru 1371/2007 – Artikolu 3(8) – Kuntratt ta’ trasport – Kunċett – Vjaġġatur mingħajr biljett fil-mument li jirkeb abbord ferrovija – Protezzjoni tal-konsumaturi”
Fil-Kawża C‑530/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja‑Śródmieścia, sedenti f’Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura
Dunaj‑Finanse sp. z o.o.
vs
KG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. Von Danwitz (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2007, L 315, p. 14), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u (2) tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Dunaj‑Finanse sp. z o.o. u KG dwar ħlasijiet addizzjonali mitluba mingħand din tal-aħħar minħabba vvjaġġar bil-ferrovija mingħajr biljett tat-trasport. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 1 sa 3 tar-Regolament Nru 1371/2007 jistabbilixxu:
|
|
4 |
L-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward ta’ dan li ġej:
|
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament jipprovdi: “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]” |
|
6 |
Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1371/2007, intitolat “Kuntratt ta’ Trasport, Informazzjoni u Biljetti”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 10 tiegħu. L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-kuntratt ta’ trasport”, jipprovdi: “Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-konklużjoni u l-prestazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni u biljetti għandhom ikunu rregolati mid-Dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta’ l-Anness I.” |
|
7 |
L-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, intitolat “Estratt mir-regoli uniformi dwar il-kuntratt għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u bagalji bil-ferrovija (CIV)”, huwa kkostitwit mit-Titoli II sa VII tal-Appendiċi A tal-Konvenzjoni dwar Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-protokoll ta’ Vilnius tat‑3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”). F’dan l-Anness I jinsab għalhekk it-Titolu II ta’ dan l-appendiċi, intitolat “Konklużjoni u Prestazzjoni tal-Kuntratt ta’ Trasport”, li jinkludi l-Artikoli 6 sa 11 tal-imsemmi appendiċi. |
|
8 |
L-Artikolu 6, intitolat “Kuntratt ta’ trasport”, tal-Appendiċi A tal-COTIF jipprovdi: “1. Bil-kuntratt ta’ trasport, it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr il-passiġġier kif ukoll, fejn xieraq, il-bagalji u vetturi għall-post tad-destinazzjoni u li jikkunsinna l-bagalji u l-vetturi fil-post tad-destinazzjoni. 2. Il-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonfermat b’biljett jew aktar maħruġ lill-passiġġier. Madankollu, soġġett għall-Artikolu 9, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta’ biljett m’għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt li għandha tibqa’ soġġetta għal dawn ir-Regoli Uniformi. 3. Il-biljett għandu jkun evidenza prima facie tal-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport.” |
|
9 |
L-Artikolu 9 ta’ dan l-Appendiċi A, intitolat “Id-dritt li tinġarr. Esklużjoni mit-trasport”, jipprovdi fil-paragrafu 1: “Il-passiġġier għandu, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, ikollu fil-pussess tiegħu biljett validu u jippreżentah fl-ispezzjoni tal-biljetti. Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport jistgħu jipprovdu:
|
Id‑dritt Pollakk
Il-Kodiċi Ċivili
|
10 |
L-Artikolu 117 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 21 tiegħu: “§ 2. Fi tmiem it-terminu ta’ preskrizzjoni, id-debitur jista’ jevita l-obbligu tiegħu fir-rigward ta’ pretensjoni, ħlief jekk jirrinunzja d-dritt tiegħu li jinvoka l-preskrizzjoni. […] § 21. Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ma huwiex iktar possibbli li tiġi invokata pretensjoni kontra konsumatur.” |
Il-Liġi dwar it-Trasport
|
11 |
Skont l-Artikolu 16(1) tal-ustawa Prawo przewozowe (il-Liġi dwar it-Trasport), tal‑15 ta’ Novembru 1984(Dz. U. tal‑1984, Nru 53, intestatura 272), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Trasport”): “Il-kuntratt ta’ trasport jiġi konkluż bix-xiri ta’ biljett qabel il-bidu tal-vjaġġ jew bl-osservanza ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ aċċess għall-mezz ta’ trasport previsti mit-trasportatur jew mill-organizzatur tat-trasport pubbliku jew, fin-nuqqas ta’ dan, sempliċement bl-imbark fuq il-mezz tat-trasport.” |
|
12 |
L-Artikolu 33a (3) tal-Liġi dwar it-Trasport jipprovdi: “Meta jiġi kkonstatat li l-vjaġġatur ma għandux biljett tat-trasport validu, it-trasportatur jew l-organizzatur tat-trasport pubbliku, jew persuna awtorizzata minnu, għandu jiġbor il-prezz tal-vjaġġ kif ukoll is-suppliment jew għandu joħroġ talba għall-ħlas.” |
|
13 |
L-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 77(3)(4) ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-paragrafu 2 u għall-Artikolu 78, it-talbiet ibbażati fuq din il-liġi jew fuq id-dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tagħha għandhom jiġu preskritti fi żmien sena. […] 3. It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri: […]
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
14 |
Fl‑10 ta’ Settembru 2016, KG wettaq vjaġġ f’ferrovija tal-kumpannija Koleje Mazowieckie – KM sp. z o.o., trasportatur ferrovjarju, mingħajr ma kellu biljett tat-trasport validu. B’applikazzjoni tat-tariffa tat-trasportatur ferrovjarju, huwa ntalab iħallas is-somma ta’ PLN 191.82 (madwar EUR 40.50), li tikkorrispondi għall-prezz tal-biljett ta’ ammont ta’ PLN 6.82 (madwar EUR 1.50) flimkien ma’ suppliment ta’ PLN 185 (madwar EUR 39). |
|
15 |
Permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment tat‑2 ta’ Jannar 2019, Dunaj‑Finanse kisbet il-pretensjoni tat-trasportatur kontra KG. |
|
16 |
Permezz ta’ rikors tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Dunaj-Finanse ppreżentat rikors quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja‑Śródmieście, sedenti f’Varsavja, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, intiż sabiex KG jiġi kkundannat għall-ħlas tal-imsemmija somma, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata legali sad-data tal-ħlas, skont l-Artikolu 33a(3) tal-Liġi dwar it-Trasport. Din il-kumpannija sostniet li, skont l-Artikolu 16(1) ta’ din il-liġi, ebda kuntratt ta’ trasport ma kien ġie konkluż bejn it-trasportatur ferrovjarju u KG, b’tali mod li dan tal-aħħar ma setax jitqies bħala parti f’kuntratt ta’ trasport u lanqas, għaldaqstant, bħala konsumatur. Hija żiedet li d-dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-qorti għandha tqajjem ex officio l-preskrizzjoni ta’ pretensjoni invokata kontra konsumatur għalhekk ma kinitx applikabbli fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li mill-Artikolu 77 tal-imsemmija liġi jirriżulta li d-dejn mitlub ġie preskritt fid-data tal-preżentata tar-rikors fis‑16 ta’ Ġunju 2021 iżda li, skont l-Artikolu 117(21) tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kaważa prinċipali, hija tista’ tikkonstata din il-preskrizzjoni ex officio, u għalhekk tiċħad ir-rikors biss jekk KG jista’ jitqies bħala konsumatur, li jippresupponi li dan tal-aħħar ikun ikkonkluda kuntratt ta’ trasport mat-trasportatur ferrovjarju. Min-naħa l-oħra, jekk għandu jiġi deċiż li ebda kuntratt ma ġie konkluż u li, għaldaqstant, KG ma jistax jitqies bħala konsumatur, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-preskrizzjoni tad-dejn biss jekk KG jinvokah, li ma saritx minnu, b’tali mod li jkun hemm lok li jintlaqa’ r-rikors. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, għalkemm kuntratt ta’ trasport jista’ jiġi konkluż taċitament skont ir-regoli ġenerali tad-dritt nazzjonali, l-Artikolu 16(1) tal-Liġi dwar it-Trasport, kif interpretat b’mod partikolari mis-Sąd Okręgowy w Kielcach (il-Qorti Reġjonali ta’ Kielce, il-Polonja) f’sentenza tal‑1 ta’ Settembru 2019, ma jippermettix li jiġi konkluż li jeżisti tali kuntratt f’sitwazzjoni fejn il-passiġġier ikun rikeb ferrovija mingħajr ma xtara biljett, filwaqt li l-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport inkwistjoni kienu jipprovdu li l-kundizzjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratt hija x-xiri ta’ biljett u l-legalizzazzjoni jew attivazzjoni tiegħu. |
|
19 |
Għalhekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mar-Regolament Nru 1371/2007, b’mod partikolari mal-Artikolu 3(8) ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et (C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936). |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li hemm lok li jitqies li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jipprekludu din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li tali soluzzjoni hija, b’mod partikolari, sostnuta mill-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, din il-qorti tirrileva li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1371/2007 huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà għall-passiġġieri li huma l-parti dgħajfa tal-kuntratti ta’ trasport. Dan l-għan ikun parzjalment null jekk tal-inqas parti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma tkunx applikabbli għal kategorija partikolari ta’ passiġġieri. Barra minn hekk, il-passiġġier li jivvjaġġa mingħajr biljett tat-trasport ma jistax jitqies bħala “konsumatur” skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), b’tali mod li l-pożizzjoni legali ta’ dan il-passiġġier tkun iktar dgħajfa. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy‑Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja‑Śródmieścia, sedenti f’Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3(8) tar-Regolament [Nru 1371/2007], l-Artikolu 6(1) u (2) tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, l-Artikolu 169(1) [TFUE], l-Artikoli 20 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività, ta’ ugwaljanza fid-dritt u ta’ koerenza tas-sistema legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha ebda kuntratt ta’ trasport ma jiġi konkluż bejn trasportatur u passiġġier li jirkeb abbord ferrovija mingħajr l-intenzjoni li jixtri biljett?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
22 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
|
23 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
|
24 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju rreferiet għar-Regolament Nru 1371/2007 kif ukoll għall-Artikolu 169(1) TFUE, għall-Artikoli 20 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-prinċipji ta’ effettività, ta’ ugwaljanza fid-dritt u ta’ koerenza tas-sistema legali. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-unika kwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża hija l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens ta’ dan ir-regolament. |
|
25 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 29 u tat‑18 ta’ Novembru 2021, A. S.A., C‑212/20, EU:C:2021:934, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Nru 1371/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) u (2) tal-Appendiċi A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li ebda kuntratt ta’ trasport ma jiġi konkluż bejn trasportatur u passiġġier li jirkeb abbord ferrovija mingħajr l-intenzjoni li jixtri biljett. |
|
27 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament Nru 1371/2007, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-terminu “kuntratt”, ġeneralment jirreferi għal ftehim b’kunsens intiż li jipproduċi effetti ġuridiċi. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-qasam irregolat minn dan ir-regolament u fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dan l-effett jikkonsisti prinċipalment fl-obbligu għall-impriża ferrovjarja li tipprovdi lill-passiġġier servizz jew servizzi ta’ trasport u bl-obbligu tal-passiġġier li jħallas il-prezz, sakemm is-servizz ta’ trasport ma jkunx ipprovdut mingħajr ħlas (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 36). |
|
29 |
Għaldaqstant, mill-konstatazzjonijiet tal-punt preċedenti jirriżulta li, minn naħa, billi tawtorizza l-aċċess liberu għall-ferrovija tagħha, u, min-naħa l-oħra, billi jirkeb abbbord tali ferrovija bl-intenzjoni li jivvjaġġa, kemm l-impriża ferrovjarja kif ukoll il-passiġġier juru l-ftehim tagħhom li jidħlu f’relazzjoni kuntrattwali, b’mod li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport ikunu, fil-prinċipju, issodisfatti. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament Nru 1371/2007 madankollu ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-pussess ta’ biljett mill-passiġġier huwiex element indispensabbli sabiex ikun jista’ jitqies li jeżisti “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 37). |
|
30 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 3(8), minn tali artikolu jirriżulta b’mod ċar li l-biljett, li hemm riferiment għalih ukoll fl-Appendiċi A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, bil-kliem “biljett tat-trasport”, huwa biss l-istrument li jinkorpora l-kuntratt ta’ trasport, fis-sens tal-imsemmi regolament (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 48). |
|
31 |
F’dan ir-rigward, it-termini “kuntratt ta’ trasport” jidhru f’diversi dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tiegħu li jipprovdi li, “[b]la ħsara għad-Dispożizzjonijiet [tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1371/2007], il-konklużjoni u l-prestazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni u biljetti għandhom ikunu rregolati mid-Dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta’ l-Anness I” ta’ dan ir-regolament. It-Titolu II tal-Appendiċi A tal-COTIF, dwar il-konklużjoni u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ trasport, huwa fost l-oħrajn, irriprodott f’dan l-Anness I, li l-Artikolu 6 tiegħu jindika, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[b]il-kuntratt ta’ trasport, it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr il-passiġġier […] fil-post tad-destinazzjoni” u jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonfermat minn biljett tat-trasport wieħed jew iktar, u li, bla ħsara għall-Artikolu 9, la għandu jaffettwa l-eżistenza u lanqas il-validità tal-kuntratt, li jibqa’ suġġett għar-regoli uniformi stabbiliti mill-COTIF (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punti 38, 40 u 41). |
|
32 |
Fir-rigward tal-Artikolu 9 ta’ dan l-Appendiċi A, minkejja li dan jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu li, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, il-passiġġier għandu jkollu biljett ta’ trasport validu, dan l-Artikolu 9 jipprovdi, fit-tieni sentenza tiegħu tal-paragrafu 1 tiegħu, taħt (a) u (b), li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport jistgħu jipprovdu li passiġġier li ma jipproduċix biljett tat-trasport validu għandu jħallas, minbarra l-prezz tat-trasport, ħlas addizzjonali u li passiġġier li jirrifjuta li jħallas immedjatament il-prezz tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista’ jintalab itemm il-vjaġġ tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 45). |
|
33 |
Sa fejn passiġġier li ma jippreżentax biljett validu jew jirrifjuta l-ħlas immedjat tal-biljett, skont l-Artikolu 9, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport jistgħu jiġu invokati fil-konfront tiegħu, sa fejn dawn, skont l-Artikolu 3(16) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tiegħu, jiffurmaw, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, parti integrali mill-kuntratt ta’ trasport bejn l-impriża ferrovjarja u l-passiġġier bil-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar, minn dan isegwi li tali impriża li tawtorizza aċċess liberu għall-ferroviji tagħha u passiġġier li jirkeb abbord tali ferrovija għall-finijiet ta’ vvjaġġar għandhom jitqiesu li huma partijiet f’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tal-istess regolament, mill-mument fejn dan il-passiġġier ikun jinsab abbord il-ferrovija. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, dawn il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport ma jkunux jistgħu jiġu invokati kontra dan il-passiġġier abbażi tar-Regolament Nru 1371/2007 (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 47). |
|
34 |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament Nru 1371/2007 u l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jwasslu, konsegwentement, sabiex jitqies li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, jinftiehem fis-sens li huwa indipendenti mill-pussess ta’ biljett mill-passiġġier u fis-sens li jinkludi sitwazzjoni li fiha passiġġier jirkeb abbord ferrovija liberament aċċessibbli għall-finijiet ta’ vvjaġġar mingħajr ma jkun kiseb biljett (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 49). |
|
35 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1371/2007. Minn naħa, skont it-termini tal-Artikolu 1(a) tiegħu, dan ir-regolament għandu b’mod partikolari l-għan li jistabbilixxi regoli fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasport. Min-naħa l-oħra, il-premessa 1 tal-imsemmi regolament tenfasizza b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġieri bil-ferrovija. Barra minn hekk, mill-premessa 2 tal-istess regolament jirriżulta li għandu jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tat-trasport u, skont il-premessa 3 ta’ dan, peress li l-passiġġier bil-ferrovija huwa l-parti dgħajfa tal-kuntratt ta’ trasport, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet tiegħu f’dan ir-rigward (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 50). |
|
36 |
Huwa kuntrarju għal dawn l-għanijiet li jitqies li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tar-Regolament Nru 1371/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix sitwazzjoni fejn passiġġier jirkeb abbord ferrovija liberament aċċessibbli għall-finijiet ta’ vvjaġġar mingħajr ma jkun kiseb biljett. Fil-fatt, kieku kien permess li jiġi kkunsidrat li tali passiġġier jista’, sempliċement minħabba li ma jkollux biljett meta jirkeb abbord ferrovija, jitqies bħala li ma huwiex parti minn relazzjoni kuntrattwali mal-impriża ferrovjarja li tagħti aċċess liberu għall-ferroviji tagħha, dan il-passiġġier jista’, għal raġunijiet li ma huwiex responsabbli għalihom, jiġi mċaħħad mid-drittijiet li dan ir-regolament jorbot mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport, li jmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-passiġġieri ferrovjarji li għandu l-imsemmi regolament u li huwa mfakkar fil-premessi 1 sa 3 tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 51). |
|
37 |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament Nru 1371/2007, li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha, jinkludi sitwazzjoni li fiha vjaġġatur jirkeb abbord ferrovija liberament aċċessibbli għall-finijiet ta’ vvjaġġar mingħajr ma jkun kiseb biljett, irrispettivament minn jekk dan il-vjaġġatur kellux jew le l-intenzjoni li jixtri tali biljett (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 53). |
|
38 |
Konsegwentement, Stat Membru ma jistax jipprevedi li sitwazzjoni li fiha passiġġier jirkeb abbord ferrovija liberament aċċessibbli għall-finijiet ta’ vvjaġġar mingħajr ma jkun kiseb biljett u mingħajr l-intenzjoni li jixtri wieħed hija eskluża minn dan il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”. |
|
39 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-intepretazzjoni li hemm riferiment għaliha fil-punt 37 ta’ dan id-digriet, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 1371/2007, hija bla ħsara għall-validità ta’ dan il-kuntratt jew tal-konsegwenzi li jistgħu jkunu marbuta man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, minn waħda mill-partijiet, tal-obbligi kuntrattwali tagħha, liema obbligi, fl-assenza ta’ dispożizzjoni f’dan ir-rigward f’dan ir-regolament, jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 52). |
|
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Nru 1371/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) u (2) tal-Appendiċi A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li ebda kuntratt ta’ trasport ma jiġi konkluż bejn trasportatur u passiġġier li jirkeb abbord ferrovija liberament aċċessibbli mingħajr ma jkollu l-intenzjoni li jixtri biljett. |
Fuq l‑ispejjeż
|
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(8) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) u (2) tal-Appendiċi A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li ebda kuntratt ta’ trasport ma jiġi konkluż bejn trasportatur u passiġġier li jirkeb abbord ferrovija liberament aċċessibbli mingħajr ma jkollu l-intenzjoni li jixtri biljett. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.