|
15.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 239/65 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1516
tal-10 ta' Ġunju 2015
li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rata fissa għal operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fis-settur tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b'mod partikolari it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 61(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, id-dħul iġġenerat mill-operazzjonijiet irid jitqies meta tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni pubblika. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jipprovdi għall-applikazzjoni ta' perċentwali ta' dħul b'rata fissa għal operazzjonijiet fis-settur tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni mingħajr ma jiġi kkalkulat id-dħul nett skontat. |
|
(3) |
Abbażi ta' dejta storika ir-rata fissa għal dħul nett iġġenerat fis-settur tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandha tkun stabbilita għal 20 % sabiex jiġi evitat il-finanzjament eċċessiv u d-distorsjoni tas-suq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rata fissa applikabbli għal operazzjonijiet fis-settur tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni sabiex jiġi ddeterminat id-dħul nett potenzjali ta' dawn l-operazzjonijiet minn qabel u biex jippermetti l-istabbiliment tan-nefqa eliġibbli tal-operazzjonijiet skont l-Artikolu 61(2) tar- Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta' applikazzjoni tal-perċentwali ta' dħul nett imsemmija fl-Artikolu 61(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, hi stabbilita rata fissa ta' 20 % għall-operazzjonijiet fis-settur tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER