IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.8.2023
COM(2023) 498 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika obbligatorja ta' annimali bovini fl-Unjoni kollha
Werrej
Introduzzjoni
Sfond
Ir-regoli kurrenti tal-UE
Stħarriġ dwar l-eID għall-bovini
Analiżi tar-riżultati
Il-possibbiltà għall-użu tal-eID għall-bovini
Użu kurrenti tal-eID għall-bovini
Mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni awtorizzati
Sodisfazzjon bir-regoli kurrenti
Konklużjonijiet
Introduzzjoni
L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni kurrenti rigward l-użu tal-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini fl-UE u li jippreżenta l-analiżijiet tal-Kummissjoni dwar il-fattibbiltà li din issir obbligatorja madwar l-Unjoni kollha.
Fl-Unjoni Ewropea ġew introdotti sistemi elettroniċi għall-identifikazzjoni tal-annimali, permezz ta’ leġiżlazzjoni li diġà ilha fis-seħħ għal aktar minn 20 sena. Dawn jinkludu sistemi obbligatorji għall-identifikazzjoni elettronika tal-annimali ovini u kaprini, skont ir-Regolament (KE) Nru 21/2004, kif ukoll sistemi volontarji għall-annimali bovini introdotti bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000
, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 653/2014.
L-Artikolu 23a tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport sat-18 ta’ Lulju 2023 dwar il-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika obbligatorja ta’ annimali bovini fl-Unjoni kollha u li dak ir-rapport għandu, jekk ikun meħtieġ, ikun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi xierqa. Din id-dispożizzjoni ġiet introdotta mir-Regolament (UE) Nru 653/2014, li jippresupponi li l-użu ta’ sistemi elettroniċi ta’ identifikazzjoni (“eID”) għandu l-potenzjal li jissimplifika l-proċessi tat-traċċabbiltà billi jawtomizza l-qari u r-reġistrazzjoni fir-reġistru miżmum mill-operaturi li jżommu l-annimali bovini. Barra minn hekk, dan jista’ jippermetti r-rappurtar awtomatizzat tal-movimenti tal-annimali bovini fil-bażi tad-data kompjuterizzata, u b’hekk ikun hemm titjib fil-veloċità, fl-affidabilità u fl-akkuratezza tas-sistema ta’ traċċabilità. L-użu ta’ sistemi ta’ eID jista’ jkollu wkoll il-potenzjal li jtejjeb il-ġestjoni ta’ ċerti pagamenti diretti lill-bdiewa.
Sfond
Identifikazzjoni elettronika tfisser b’mod ġenerali identifikazzjoni bl-użu tal-frekwenza tar-radju. Hemm żewġ elementi ta’ tali identifikazzjoni elettronika: l-identifikatur u l-qarrej. L-identifikatur ikollu transponder passiv (mikroċippa li fiha ma jkunx hemm sors ta’ enerġija) li jittrażmetti tagħrif memorizzat (kodiċi ta’ identifikazzjoni) meta l-qarrej (trażmettitur-riċevitur) jattivah f’ċertu frekwenza. L-identifikazzjoni elettronika tista’ tikkontribwixxi biex ittejjeb is-sistemi eżistenti għall-identifikazzjoni tal-annimali bovini. Pereżempju, l-identifikaturi elettroniċi jippermettu qari aktar mgħaġġel u aktar akkuratezza fil-qari milli ċ-ċombiet tal-widna klassiċi. Il-qari dinamiku u d-dħul dirett tad-data fil-bażijiet tad-data wkoll huma possibbli (b’hekk jitneħħew żbalji potenzjali kkawżati minn dħul manwali fil-bażi tad-data li jkun mhux akkurat). B’mod speċjali, dan jista’ jħaffef il-proċedura biex il-movimenti tal-annimali jkunu rrappurtati fil-bażi tad-data. Madankollu, il-kontribut tal-identifikazzjoni elettronika biex jitjiebu l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-annimali ma għandux jiġi sopravalutat minħabba n-natura tad-diffikultajiet fl-applikazzjoni tas-sistemi eżistenti. It-twaħħil komplet tat-tikketti fuq l-annimali kollha u l-ġestjoni effiċjenti tad-data huma prekundizzjonijiet għal kull sistema ta’ identifikazzjoni, irrispettivament minn jekk jintużawx identifikaturi elettroniċi jew inkella ċ-ċombiet tal-widna klassiċi.
Fid-dawl tal-iżvilupp teknoloġiku ta’ tipi ġodda ta’ identifikaturi elettroniċi, ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 653/2014 sabiex jiġi pprovdut ambitu għal regoli futuri tal-UE li jippermettu l-użu ta’ identifikaturi elettroniċi bħala mezz uffiċjali ta’ identifikazzjoni. Il-Premessa 16 ta’ dak ir-Regolament tindika li “ir-rekwiżit li l-eID [għall-bovini] issir obbligatorja madwar l-Unjoni kollha jista’ jħalli effetti ekonomikament ħżiena fuq ċerti operaturi”. Għalhekk kien xieraq li l-użu tagħha mill-indokraturi jkun volontarju. L-Istati Membri għandhom sistemi tat-trobbija, prattiki tal-biedja u organizzazzjonijiet tas-settur differenti ħafna. Għalhekk, l-Istati Membri tħallew jagħmlu l-eID obbligatorja fit-territorju tagħhom.
Intużaw diversi rapporti fit-tħejjija tar-Regolament (UE) Nru 653/2014. Fl-1998, il-Kummissjoni nediet proġett ta’ riċerka fuq skala kbira dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-bhejjem imsejjaħ il-proġett IDEA (IDentification Electronic des Animaux). Il-ħidma twettqet miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC). Ir-rapport finali ġie ppreżentat f’April tal-2002 u l-kjarifiki meħtieġa saru f’Lulju tal-2002. Dan il-proġett wera li fil-prinċipju, l-użu ta’ identifikaturi elettroniċi jista’ jwassal għal titjib sostanzjali fis-sistemi tal-identifikazzjoni tal-annimali, sakemm jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-miżuri ta’ akkumpanjament.
Fl-2005, il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-possibbiltà li tiddaħħal sistema ta’ identifikazzjoni elettronika għall-annimali bovini. L-għan ta’ dak ir-rapport kien li jiġbor fil-qosor l-esperjenza li nkisbet abbażi tal-proġett IDEA u li jislet konklużjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-introduzzjoni tal-arranġamenti tal-identifikazzjoni elettronika għall-annimali bovini fl-Unjoni Ewropea. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien intwera li l-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju kienet ġiet żviluppata sal-punt li diġà setgħet tiġi applikata fil-prattika. Dak ir-rapport ikkonkluda wkoll li huwa mixtieq ħafna li s-sistema tinqaleb għall-eID tal-annimali bovini fl-Unjoni peress li, fost benefiċċji oħra, dan jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv.
Fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat “Study on the introduction of electronic identification (eID) as official method to identify bovine animals within the European Union”, li inkluda analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini. Dan l-istudju kkonkluda li “l-eID hija assoċjata ma’ kostijiet ogħla għall-identifikaturi u għat-tagħmir tal-qari meta mqabbla mal-identifikazzjoni konvenzjonali”, u li “Il-kostijiet u l-benefiċċji diretti ma humiex ibbilanċjati tul il-katina kollha tal-produzzjoni”. L-istudju kkonkluda li l-introduzzjoni volontarja tal-eID fis-settur tal-bovini abbażi ta’ standards armonizzati tkun l-opzjoni ppreferuta. Madankollu, l-Istati Membri individwali għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu reġim obbligatorju fil-livell nazzjonali.
Ir-regoli kurrenti tal-UE
L-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini kienu, sal-21 ta’ April 2021, regolati fir-Regolament iddedikat (KE) Nru 1760/2000.
Mill-21 ta’ April 2021, ir-regoli għall-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-annimali bovini huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali - AHL), issupplimentat bir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520. Skont l-Artikolu 112(a) tal-AHL, l-annimali bovini jridu jiġu identifikati individwalment b’mezz fiżiku ta’ identifikazzjoni. L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jistabbilixxi li l-mezzi ta’ identifikazzjoni jridu jkunu ċomba tal-widna konvenzjonali f’kull widna. L-Artikolu 41(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jagħti l-opportunità lill-Istati Membri li jawtorizzaw li waħda miċ-ċombiet tal-widna konvenzjonali tista’ tiġi sostitwita b’identifikatur elettroniku. Jekk Stat Membru jawtorizza tali sostituzzjoni, l-operaturi jistgħu japplikaw l-eID volontarja għall-bovini.
F’konformità mal-Artikolu 269 tal-AHL, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali minbarra dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà għall-annimali bovini miżmuma jew miżuri aktar stretti minnhom. Dan jipprovdi opportunità għall-Istati Membri biex jagħmlu l-użu tal-eID obbligatorja għall-bovini. Din l-opportunità biex l-użu tal-eID isir obbligatorju fil-livell nazzjonali ġiet prevista wkoll fir-regoli għat-traċċabbiltà tal-annimali bovini li kienu fis-seħħ qabel l-applikazzjoni tal-AHL.
Saru diskussjonijiet u riflessjonijiet intensivi dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, inklużi l-annimali bovini, fil-qafas tal-laqgħat tal-grupp ta’ esperti matul l-2018 u l-2019, bi tħejjija għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. L-approċċ għall-eID, inkluż l-aspetti ekonomiċi, ġie diskuss bir-reqqa u l-eżitu ta’ dawk id-diskussjonijiet inżamm fit-test finali tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Tqies xieraq li l-użu tagħha mill-indokraturi jkompli jkun volontarju, sakemm ma jsirx obbligatorju mir-regoli nazzjonali. Taħt tali reġim volontarju, l-eID tintgħażel minn indokraturi li x’aktarx jibbenefikaw ekonomikament minnha, jew li jsibu inċentivi oħra għall-użu ta’ dan il-metodu (eż. l-ottimizzazzjoni tal-ġbir tad-data, eċċ.) filwaqt li jkun possibbli għal indokraturi oħra li jkomplu jidentifikaw l-annimali tagħhom b’żewġ ċombiet tal-widna konvenzjonali.
Stħarriġ dwar l-eID għall-bovini
F’Jannar 2023, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jwieġbu għal stħarriġ qasir, u staqsiet dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-eID għall-bovini. Is-27 Stat Membru kollha, kif ukoll l-Iżvizzera u n-Norveġja, ipparteċipaw fl-istħarriġ u taw it-tweġibiet tagħhom. It-tweġibiet se jinġabru fil-qosor fit-tkomplija ta’ dan ir-rapport.
L-istħarriġ kien jikkonsisti mill-mistoqsijiet li ġejjin (gruppi ta’ mistoqsijiet) li l-Istati Membri ġew mistiedna jagħtu l-kontribut tagħhom għalihom:
1.L-eID għall-bovini hija obbligatorja fl-Istat Membru tiegħek?
2.Tippermetti l-eID volontarja għall-bovini fl-Istat Membru tiegħek?
3.Kemm-il operatur (%) japplika l-eID volontarja għall-bovini fl-Istat Membru tiegħek?
4.Jekk l-eID għall-bovini hija obbligatorja jew volontarja fl-Istat Membru tiegħek, liema metodu/i huwa/huma awtorizzat(i)?
5.Issib li r-regoli kurrenti dwar l-eID għall-bovini huma sodisfaċenti?
Analiżi tar-riżultati
Il-possibbiltà għall-użu tal-eID għall-bovini
Fil-Mistoqsijiet 1 u 2, l-Istati Membri ġew mistoqsija x’inhi s-sitwazzjoni kurrenti rigward il-possibbiltà li l-operaturi jużaw l-eID għall-bovini. Il-mistoqsijiet kienu: “L-eID għall-bovini hija obbligatorja fl-Istat Membru tiegħek? Iva jew Le” u “Tippermetti l-eID volontarja għall-bovini fl-Istat Membru tiegħek? Iva jew Le”.
L-Illustrazzjoni 1 turi li 3 biss minn dawk li wieġbu (żewġ Stati Membri u l-Iżvizzera) ma jippermettux is-sostituzzjoni ta’ waħda miċ-ċombiet tal-widna konvenzjonali b’mezz elettroniku ta’ identifikazzjoni. F’21 pajjiż (20 Stat Membru), l-użu tal-eID għall-bovini huwa fakultattiv. F’5 Stati Membri, l-użu tal-eID għall-bovini huwa obbligatorju. Barra minn hekk, l-eID hija obbligatorja f’parti mit-territorju ta’ 2 Stati Membri, u 3 Stati Membri oħra indikaw li ġie deċiż jew qiegħed jiġi kkunsidrat li l-eID għall-bovini ssir obbligatorja fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu.
L-Illustrazzjoni 1: Is-sitwazzjoni kurrenti fl-Istati Membri
Użu kurrenti tal-eID għall-bovini
L-użu tal-eID għall-bovini fl-Istati Membri fejn din hija fakultattiva jvarja minn 0 sa 100 % tal-popolazzjonijiet tal-bovini. F’nofs dawk l-Istati Membri, inqas minn 1 % tal-operaturi li jżommu l-annimali bovini jużaw l-eID biex jidentifikaw l-annimali tagħhom. Il-kopertura għolja ħafna f’xi pajjiżi hija prinċipalment xprunata mill-industrija, jew b’sussidji jew b’talba għal annimali identifikati elettronikament minn atturi bħall-industrija tal-laħam jew tal-ħalib. Ir-riżultati huma ppreżentati fl-Illustrazzjoni 2.
L-Illustrazzjoni 2: L-użu tal-eID għall-bovini f’pajjiżi fejn dan huwa fakultattiv
Mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni awtorizzati
Iċ-ċombiet tal-widna elettroniċi huma l-mezz ippreferut ta’ identifikazzjoni fl-Istati Membri li jippermetti l-użu tal-eID għall-annimali bovini. Dan il-metodu huwa awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi kollha fejn l-eID għall-bovini hija obbligatorja jew fakultattiva. Ir-riżultati huma ppreżentati fl-Illustrazzjoni 3.
L-Illustrazzjoni 3: Liema mezz elettroniku ta’ identifikazzjoni huwa awtorizzat
Sodisfazzjon bir-regoli kurrenti
Ir-regoli kurrenti għall-identifikazzjoni tal-annimali bovini jinstabu li huma sodisfaċenti jew sodisfaċenti ħafna minn maġġoranza kbira tal-Istati Membri, u jitqiesu biss bħala mhux sodisfaċenti minn Stat Membru wieħed. Ir-riżultati huma ppreżentati fl-Illustrazzjoni 4.
L-Illustrazzjoni 4: Sodisfazzjon bir-regoli kurrenti
Konklużjonijiet
L-istħarriġ dwar l-eID għall-bovini juri li l-Istati Membri għadhom qed isibu r-regoli kurrenti sodisfaċenti. L-istħarriġ juri wkoll li l-eID obbligatorja għall-bovini tiġi applikata jew se tiġi applikata minn 37 % tal-Istati Membri fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu skont ir-regoli kurrenti. Barra minn hekk, l-eID tiġi applikata għas-sehem kollu jew għal sehem konsiderevoli tal-popolazzjoni bovina f’xi pajjiżi fejn l-użu huwa fakultattiv.
Skont ir-regoli kurrenti dwar l-identifikazzjoni tal-bovini, l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru tista’ tawtorizza l-użu tal-eID għall-bovini fuq bażi volontarja jew tistabbilixxi regoli nazzjonali dwar l-użu obbligatorju tal-eID għall-bovini fit-territorji tagħhom. Dawk ir-regoli ilhom jiġu applikati b’suċċess mill-2014, u reġgħu ġew diskussi u miftiehma mal-Istati Membri meta r-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ġie żviluppat fl-2019, fil-kuntest tal-qafas legali l-ġdid għas-saħħa tal-annimali. Ġie meqjus bħala xieraq li tinżamm il-flessibbiltà għall-operaturi u għall-Istati Membri. Dawn ir-regoli mġedda ilhom applikabbli mill-21 ta’ April 2021.
Skont l-Artikolu 282 tal-AHL, il-Kummissjoni għandha tevalwa dak ir-Regolament flimkien mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 264 tiegħu u għandha tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni f’rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mit-22 ta’ April 2026. Bħala parti minn din l-evalwazzjoni, l-esperjenza bl-implimentazzjoni tar-regoli għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini tista’ terġa’ tiġi vvalutata, fejn il-valutazzjoni se tkopri perjodu itwal ta’ implimentazzjoni tar-regoli.
Abbażi tal-konklużjonijiet tal-istħarriġ imsemmi hawn fuq, l-eżitu tad-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ esperti u mal-Istati Membri matul l-iżvilupp tar-regoli kurrenti u l-evalwazzjoni prevista ta’ dawk ir-regoli, il-Kummissjoni mhux se tipproponi proposti leġiżlattivi f’dan l-istadju.