13.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/567

tat-12 ta' April 2018

li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni taz-zalzett u tal-laħam tal-majjal li joriġinaw mill-Iżlanda

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 759/2007 (2) jipprovdi għall-ftuħ mill-Unjoni Ewropea ta' kwota tariffarja annwali ta' 100 tunnellata ta' zalzett li joriġina mill-Iżlanda kif stabbilit fil-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/138/KE (3).

(2)

Fit-23 ta' Marzu 2017, l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda ffirmaw Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim il-ġdid”) dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli. Il-firma tal-Ftehim il-ġdid f'isem l-Unjoni Ewropea ġiet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2087 (4) u l-konklużjoni tiegħu bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1913 (5).

(3)

Skont l-Anness V tal-Ftehim il-ġdid l-Unjoni Ewropea trid tiftaħ kwota annwali ġdida ħielsa mid-dazju għall-importazzjoni ta' 500 tunnellata ta' laħam tal-majjal li joriġina fl-Iżlanda.

(4)

Peress li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 759/2007 jenħtieġ li jiġu aġġornati, huwa xieraq li dak ir-Regolament jinbidel b'wieħed ġdid li jenħtieġ li jipprovdi wkoll għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwota l-ġdida ta' 500 tunnellata ta' laħam tal-majjal.

(5)

Skont iż-żewġ Ftehimiet, il-kwoti tariffarji jridu jinfetħu kull sena u għalhekk l-importazzjonijiet jenħtieġ li jiġu amministrati abbażi ta' sena kalendarja.

(6)

Il-kwoti tariffarji jenħtieġ li jiġu amministrati mill-Kummissjoni abbażi tal-ordni kronoloġika tad-dati tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera skont ir-regoli tal-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (6).

(7)

Il-Ftehim il-ġdid jistabbilixxi li l-prodotti li jibbenefikaw mill-kwota tariffarja jridu jikkonformaw mutatis mutandis mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kumitat Konġunt KE-Iżlanda (7).

(8)

Il-Ftehim il-ġdid jipprovdi għad-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2018. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-istess data.

(9)

Għall-2018, il-kwota l-ġdida għal-laħam tal-majjal, li trid issir disponibbli skont il-Ftehim il-ġdid, jenħtieġ li tiġi kkalkulata fuq bażi prorata filwaqt li titqies id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwoti tariffarji tal-Unjoni hawn jinfetħu għal-laħam tal-majjal li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM 0203 u z-zalzett li jaqa' taħt il-kodiċi ta' NM 1601 li joriġinaw mill-Iżlanda (minn hawn 'il quddiem “il-kwoti tariffarji”), kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Il-kwoti tariffarji għandhom jinfetħu għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru.

Artikolu 2

Il-kwoti tariffarji stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu amministrati skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 3

Il-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kumitat Konġunt tal-KE-Iżlanda dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, għandu japplika mutatis mutandis fuq il-prodotti elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Ir-Regolament (KE) Nru 759/2007 jitħassar.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 759/2007 tad-29 ta' Ġunju 2007 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja fuq l-importazzjoni taz-zalzetti li joriġinaw mill-Iżlanda (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 48).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/138/KE tat-22 ta' Frar 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali għal prodotti agrikoli abbażi tal-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU L 61, 28.2.2007, p. 28).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2087 tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jikkonċerna preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli (ĠU L 324, 30.11.2016, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1913 tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jikkonċerna preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli (ĠU L 274, 24.10.2017, p. 57).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(7)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kumitat Konġunt tal-KE-Iżlanda tat-22 ta' Diċembru 2005 li temenda l-Protokoll 3 għall-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva (ĠU L 131, 18.5.2006, p. 1).


ANNESS

Numru tal-ordni:

Kodiċijiet tan-NM

Deskrizzjoni

Kwantità annwali

(f'tunnellati ta' piż nett)

Rata ta' dazju tal-kwota

09.0832

ex 1601 00 10

1601 00 91

ex 1601 00 99

Zalzett

100

0

09.0831

0203

Laħam tal-majjal, frisk, imkessaħ jew iffriżat

Mill-1.5.2018 sal-31.12.2018:

167

Għal kull sena kalendarja mill-1.1.2019:

500

0